EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0334

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-26 ta' Ġunju 2008.
Matthias Zerche (C-334/06) u Manfred Seuke (C-336/06) vs Landkreis Mittweida u Steffen Schubert (C-335/06) vs Landkreis Mittlerer Erzgebirgskreis.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Chemnitz - il-Ġermanja.
Direttiva 91/439/KEE - Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan - Irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru minħabba konsum ta’ droga u alkoħol - Liċenzja tas-sewqan ġdida maħruġa fi Stat Membru ieħor - Rifjut ta’ l-ewwel Stat Membru li jirrikonoxxi d-dritt ta’ sewqan - Residenza mhux konformi mad-Direttiva 91/439/KEE.
Każijiet Magħquda C-334/06 sa C-336/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:367

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Direttiva 91/439/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru minħabba konsum ta’ droga u alkoħol — Liċenzja tas-sewqan ġdida maħruġa fi Stat Membru ieħor — Rifjut tal-ewwel Stat Membru li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan — Residenza mhux konformi mad-Direttiva 91/439/KEE”

Fil-Kawżi magħquda C-334/06 sa C-336/06,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Chemnitz (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20, tas-17 u tal-31 ta’ Lulju 2006, li wasslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2006, fil-proċeduri

Matthias Zerche (C-334/06),

Manfred Seuke (C-336/06)

vs

Landkreis Mittweida,

u

Steffen Schubert (C-335/06)

vs

Landkreis Mittlerer Erzgebirgskreis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Schubert, minn G. Zimmermann, Rechtsanwalt,

għal M. Seuke, minn Th. Rehm, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. Ribes, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, p. 1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settemrbu 2003 (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/439”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, M. Zerche (Kawża C-334/06) kif ukoll M. Seuke (Kawża C-336/06) u l-Landkreis Mittweida (id-distrett ta’ Mittweida) u bejn S. Schubert (Kawża C-335/06) u l-Landkreis Mittlerer Erzgebirgskreis (id-distrett ta’ Mittlerer Erzgebirgskreis) dwar ir-rifjut, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tirrikonoxxi l-liċenzji tas-sewqan li M. Zerche, M. Seuke u S. Schubert kisbu fir-Repubblika Ċeka wara l-irtirar amministrattiv tal-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tagħhom minħabba konsum ta’ alkoħol.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva 91/439, li ħassret l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE, tal-4 ta’ Diċembru 1980, dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja (ĠU L 375, p. 1), b’effett mill-1 ta’ Lulju 1996:

“[…] għall-għan tal-politika komuni tat-trasport, u bħala kontribuzzjoni sabiex titjieb is-sigurtà tat-traffiku fit-toroq, kif ukoll sabiex jeħfief il-moviment tan-nies li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih ikunu għaddew minn test tas-sewqan, jixraq illi għandu jkun hemm mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan nazzjonali li tkun rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri mingħajr l-ebda obbligu li jiġu mibdula l-liċenzji.”

4

Ir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi li:

“[…] għar-raġunijiet tas-sigurtà fuq it-triq, għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.”

5

Skont l-aħħar premessa tad-Direttiva 91/439:

“[…] għar-raġunijiet konnessi mas-sigurtà fuq it-triq u mat-traffiku, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom meta jirtiraw, jissospendu u jikkanċellaw il-liċenzji tas-sewqan lill-possessuri kollha ta’ liċenzja tas-sewqan wara li jkun kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom.”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/349 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu liċenzja nazzjonali tas-sewqan imsejsa fuq il-mudell Komunitarju deskritt fl-Anness I [jew Ia], skond id-dispożizzjonijiet ta’din id-Direttiva […]

2.   Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament.

3.   Meta l-possessur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan imur joqgħod normalment fi Stat Membru ieħor għajr dak li jkun ħariġlu l-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti jista’ japplika fuq il-possessur tal-liċenzji r-regoli nazzjonali tiegħu fil-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzji, il-kontrolli mediċi u l-arranġamenti dwar it-taxxi u jista’ jdaħħal fil-liċenzja kull tagħrif indispensabbli għall-amministrazzjoni.”

7

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/349, il-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

“a)

li [l-applikanti] jkunu għaddew mit-test tal-ħiliet u l-imġiba u test tat-teorija u li jilħqu l-istandards mediċi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

b)

li [l-applikanti] għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur.”

8

Skont il-punt 14 ta’ l-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “L-istandards minimi tas-saħħa mentali u fiżika sabiex tinsaq vettura li taħdem bil-għajnuna ta’ magna”, il-konsum ta’ l-alkoħol jikkostitwixxi perikolu kbir għas-sigurtà fit-toroq u huwa mandatorju li jkun hemm kontroll estensiv fil-livell mediku, fid-dawl tal-gravità tal-problema. L-ewwel paragrafu tal-punt 14.1 ta’ dan l-Anness jistabilixxi li “[m]a għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li huma dipendenti fuq l-alkoħol jew li mhux kapaċi jieqfu mix-xorb u jsuqu”. Mit-tieni paragrafu ta’ l-imsemmi punt 14.1 jirriżulta li “[w]ara perjodu vverifikat taż-żmien ta’ astinenza u bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari, il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu lill-applikanti jew lis-sewwieqa li fl-imgħoddi kienu dipendenti fuq l-alkoħol”.

9

Mill-punt 5 tal-istess anness jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu, għall-ħruġ jew għal kull tiġdid sussegwenti ta’ liċenzja tas-sewqan, eżami mediku li jirrifletti standards iktar stretti minn dawk imsemmija fl-imsemmi anness.

10

Skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/349:

“L-ebda persuna ma jista’ jkollha liċenzja tas-sewqan minn iktar minn Stat Membru wieħed.”

11

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[…]

2.   Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan.

[…]

4.   Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

[…]”

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jispeċifika li hemm lok li b’residenza “normali” jinftiehem “il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex irbit ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn din il-persuna u l-post fejn tgħix”.

13

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 91/439 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jibdlu bejn xulxin it-tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu rreġistraw.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri oħra

14

L-Artikolu 28(1), (4) u (5) tar-Regolament relattiv għall-aċċess ta’ persuni għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq (regolament dwar il-liċenzji tas-sewqan) [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung], tat-18 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2214, aktar’il quddiem il-“FeV”), jipprovdi:

“(1)   Il-possessuri ta’ liċenzja tas-sewqan valida ta’ l-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-‘ŻEE’)] li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) jew (2) fil-Ġermanja huma awtorizzati — mingħajr ħsara għar-restrizzjoni prevista fil-paragrafi 2 sa 4 — isuqu vetturi f’dan il-pajjiż fil-limitu tad-drittijiet li huma għandhom. Il-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzji tas-sewqan ta’ pajjiżi oħra huma rrispettati wkoll fil-Ġermanja. Għajr dispożizzjonijiet kuntrarji, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw għal dawn il-liċenzji tas-sewqan.

[…]

(4)   L-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-possessuri ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ l-[Unjoni] jew taż-ŻEE,

[…]

3.

li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet suġġetta, fil-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv minn qorti, jew għal miżura ta’ rtirar eżegwibbli b’mod immedjat jew definittiv meħuda minn awtorità amministrattiva, li għalihom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni definittiva jew li għalihom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet irtirata u dan mhux minħabba li jkunu rrinunzjaw għaliha fil-frattemp,

[…]

(5)   Id-dritt ta’ l-użu ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ l-[Unjoni] jew taż-ŻEE fil-Ġermanja jingħata, wara li tkun saret applikazzjoni għalih u wara li tittieħed waħda mid-deċiżjonjiet imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 4, meta r-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw l-irtirar ta’ jew il-projbizzjoni ta’ applikazzjoni għad-dritt tas-sewqan ma jkunux għadhom eżistenti.[…]”

Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan

15

Skont l-Artikolu 69 tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch), il-qorti kriminali tordna l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan jekk mill-fatti tal-kawża jirriżulta li persuna mħarrka hija nieqsa mill-kapaċità għas-sewqan ta’ vetturi. B’mod konformi mal-Artikolu 69a tal-istess kodiċi, dan l-irtirar isir flimkien mal-impożizzjoni ta’ perijodu li fih ma tkunx tista’ ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida (perijodu ta’ projbizzjoni) li jista’ jvarja minn sitt xhur sa ħames snin u jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ikun għall-għomor.

16

Skont l-Artikolu 46 tal-FeV, dispożizzjoni li timplementa l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq (Straßenverkehrsgesetz), l-awtorità maħtura sabiex toħroġ il-liċenzja tas-sewqan għandha tirtira d-dritt tas-sewqan jekk jirriżulta li l-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan m’għandux il-kapaċità għas-sewqan ta’ vetturi. B’mod konformi mal-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 46, id-dritt tas-sewqan jispiċċa mal-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan. Fil-każ fejn din il-liċenzja tkun inħarġet f’pajjiż ieħor, l-irtirar tagħha jġib it-tħassir tad-dritt tas-sewqan ta’ vetturi fit-territorju nazzjonali.

Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-kapaċità għas-sewqan

17

L-Artikolu 11 tal-FeV, bit-titolu “Kapaċità”, jispeċifika:

“(1)   Il-persuni li japplikaw għal liċenzja tas-sewqan għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet fiżiċi u mentali neċessarji għal dan il-għan. Dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati partikolarment fil-każ ta’ mard jew nuqqasijiet previsti fl-Anness 4 jew fl-Anness 5 li jeskludu l-kapaċità [għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur] jew il-kapaċità limitata għal [dan is-sewqan]. […]

(2)   Jekk ikun hemm fatti li joħolqu dubji fir-rigward tal-kapaċitajiet fiżiċi jew mentali tal-applikant għal liċenzja tas-sewqan, l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-liċenzja tas-sewqan jistgħu jeħtieġu li l-parti interessata tressaq rapport mediku għall-finijiet tad-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ jew it-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan, jew dwar l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet. […]

(3)   Għall-finijiet previsti fil-paragrafu 2, jista’ jkun rikjest li jitressaq rapport ta’ ċentru ta’ kontroll tal-kapaċità għas-sewqan uffiċjalment rikonoxxut (rapport mediku-psikoloġiku) sabiex jitneħħew id-dubji fir-rigward tal-kapaċità għas-sewqan [partikolarment]

[…]

4.

fil-każ ta’ infrazzjonijiet serji jew ripetuti tal-kodiċi tas-sewqan jew reati marbuta maċ-ċirkolazzjoni fit-toroq jew mal-kapaċità għas-sewqan […]

jew

5.

meta tingħata mill-ġdid il-liċenzja tas-sewqan,

[…]

b)

meta l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan ikun ibbażat fuq xi waħda mir-raġunijiet previsti fil-punt 4.

[…]

(8)   Jekk il-persuna kkonċernata tirrifjuta li toqgħod għal eżami jew jekk hija ma tipprovdix fil-ħin lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-liċenzji tas-sewqan ir-rapport mediku li jkun ġie rikjest, l-awtorità kompetenti jkollha d-dritt tasal għall-konklużjoni fid-deċiżjoni tagħha li l-persuna kkonċernata m’għandhiex il-kapaċità għas-sewqan[…]”

18

Intitolat “Kapaċità fil-każ ta’ problemi tal-alkoħol”, l-Artikolu 13 tal-FeV jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti jeżiġu, f’ċerti ċirkustanzi, il-preżentazzjoni ta’ rapport mediku-psikoloġiku għall-finijiet ta’ deċiżjonijiet relattivi kemm għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan, kif ukoll għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet jew ta’ kundizzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-dritt tas-sewqan. Dan huwa partikolarment il-każ meta, skont opinjoni medika jew fuq il-bażi ta’ ċerti fatti, ikun hemm indizji ta’ konsum abbużiv tal-alkoħol jew meta infrazzjonijiet fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ikunu twettqu diversi drabi taħt l-influwenza tal-alkoħol.

19

L-Artikolu 20(1) tal-FeV jipprevedi li, fil-każ ta’ ħruġ ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan wara li tkun ġiet irtirata liċenzja tas-sewqan, japplikaw id-dispożizzjonijiet relattivi għall-ewwel ħruġ ta’ liċenzja. Jekk, skont l-Artikolu 20(2) ta’ din il-liġi, l-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja għall-obbligu li jsiru mill-ġdid l-eżamijiet marbuta mal-ħruġ tal-liċenzja meta ma jkun hemm ebda indizju li l-applikant m’għadx għandu l-għarfien u l-kapaċitajiet meħtieġa għal dan il-għan, l-Artikolu 20(3) jipprevedi li tali deċiżjoni ma taffettwax l-obbligu li jiġi ppreżentat rapport mediku-psikoloġiku previst fil-punt 5 tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(3) tal-FeV.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Il-kawża C-334/06

20

M. Zerche kellu liċenzja tas-sewqan tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża valida għal diversi kategoriji ta’ vetturi. Din il-liċenzja ġiet imġedda fil-31 ta’ Awwissu 1999 fil-forma ta’ liċenzja b’karatteristiċi ta’ sigurtà fil-forma ta’ kard bankarja.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2003, li saret definittiva, l-Amtsgericht Hainichen (Qorti distrettwali ta’ Hainichen) ikkundannat lil M. Zerche għal multa talli saq taħt l-effett tal-alkoħol, fatti li seħħew fit-28 ta’ Novembru 2002. Il-permess u l-liċenzja tas-sewqan ta’ M. Zeche ġew irtirati, u ġie pprojbit milli jikseb liċenzja ġdida għal perijodu ta’ tnax-il xahar li ntemm fid-9 ta’ April 2004.

22

Fl-10 ta’ Frar 2004, M. Zerche applika għal liċenzja tas-sewqan ġdida għall-kategorija B. Filwaqt li baqa’ ma pproduċa ebda rapport ta’ espert li juri l-kapaċità għas-sewqan tiegħu, huwa fl-aħħar irtira l-applikazzjoni tiegħu.

23

Fl-4 ta’ Marzu 2005, M. Zerche kiseb liċenzja tas-sewqan ġdida tal-kategorija B f’Ostrov (ir-Repubblika Ċeka). Din il-liċenzja ssemmi, bħala r-residenza tal-possessur tagħha, Mittweida (il-Ġermanja), il-post fejn M. Zerche ilu residenti mit-18 ta’ Jannar 1996.

24

Il-Landkreis Mittweida, li ġiet informata bil-ħruġ ta’ din il-liċenzja, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2005, ordnat lil M. Zerche jippreżenta rapport ta’ espert dwar il-kapaċità tiegħu għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Peress li din l-ordni ma wasslet għal ebda riżultat, il-Landkreis Mittweida, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2005, ċaħdet lil M. Zerche mid-dritt tiegħu li juża l-liċenzja Ċeka tiegħu fil-Ġermanja.

25

Permezz ta’ avviż tal-21 ta’ Lulju 2005, il-Ministru tat-Trasport Ċek indika li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka ta’ M. Zerche kienet valida. Dan tal-aħħar kien qagħad għal eżami mediku fir-Repubblika Ċeka qabel inħarġitlu din il-liċenza. Barra minn hekk, huwa kien, permezz tal-firma tiegħu fuq l-applikazzjoni għal liċenzja, iċċertifika l-kapaċita għas-sewqan tiegħu. Madankollu, ma sar ebda rapport mediku-psikoloġiku.

26

Peress li l-ilment ta’ M. Zerche kontra d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni tad-19 ta’ Lulju 2005 ġie miċħud, huwa ressaq rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Chemnitz (Qorti amministrattiva ta’ Chemnitz), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor meta l-liċenzja tas-sewqan [li l-]persuna kkonċernata [kienet il-possessur tagħha] tkun ġiet preċedentement irtirata fl-[ewwel] Stat Membru jew tkun ġiet imħassra meta l-perijodu ta’ projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida li jkun ġie stipulat fil-kuntest ta’ din il-miżura [ta’ rtirar jew ta’ tħassir] jkun skada qabel ma’ tkun għadha nħarġet il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] fl-Istat Membru l-ieħor u jekk, minħabba kriterji oġġettivi (nuqqas ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] u talba mingħajr suċċess għall-ħruġ mill-ġdid ta’ liċenzja tas-sewqan fl-[ewwel] Stat Membru […]), għandu jiġi kkunsidrat li l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan Ewropea fit-tieni Stat Membru jservi biss sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet stretti meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura […] għall-ħruġ mill-ġdid tal-liċenzja tas-sewqan [fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru], partikolarment [fir-rigward tar-]rapport mediku-psikoloġiku?”

Il-kawża C-335/06

27

S. Schubert kien, mill-1982, possessur ta’ liċenżja tas-sewqan tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża valida għal diversi kategoriji ta’ vetturi li ġiet imġedda fis-7 ta’ Lulju 1992.

28

Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Mejju 2002, li sar definittiv, l-Amtsgericht Marienberg (Qorti distrettwali ta’ Marienberg) ikkundannat lil S. Schubert għal multa talli saq taħt l-effett tal-alkoħol. Il-permess u l-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Schubert ġew irtirati, u ġie pprojbit milli jikseb liċenzja ġdida għal perijodu ta’ 20 xahar li ntemm fit-22 ta’ Jannar 2004.

29

Fil-21 ta’ Ottubru 2003, S. Schubert applika għal liċenzja tas-sewqan ġdida. Filwaqt li baqa’ ma pproduċa ebda rapport ta’ espert li juri l-kapaċità għas-sewqan tiegħu, huwa rtira l-applikazzjoni tiegħu fis-6 ta’ Settembru 2004.

30

Fil-31 ta’ Jannar 2005, S. Schubert kiseb liċenzja tas-sewqan ġdida tal-kategorija B f’Sokolov (ir-Repubblika Ċeka). Din il-liċenzja ssemmi, bħala r-residenza tal-possessur tagħha, Olbernhau (il-Ġermanja), il-post fejn S. Schubert ilu residenti mill-1 ta’ Ottubru 1998.

31

Wara kontroll ġenerali taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq imwettaq f’Olbernhau fis-26 ta’ April 2005, il-Landkreis Mittlerer Erzgebirgskreis, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2005, ordnat lil S. Schubert jippreżenta rapport ta’ espert fuq il-kapaċità tiegħu għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Peress li din l-ordni ma wasslet għal ebda riżultat, il-Landkreis Mittlerer Erzgebirgskreis, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2005, ċaħdet lil Schubert mid-dritt tiegħu li juża l-liċenzja Ċeka tiegħu fil-Ġermanja.

32

Peress li l-ilment ta’ S. Schubert kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, huwa ressaq rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Chemnitz, li ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Jista’ Stat Membru jeżiġi, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva [91/439], minn possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, li jikseb mingħand [l-]awtoritajiet amministrattivi [ta’ dan l-ewwel Stat Membru] ir-rikonoxximent tad-dritt li jagħmel użu minn din il-liċenzja [fit-]territorju [tiegħu] meta [dan] il-possessur […] kellu, preċedentement, liċenzja tas-sewqan [preċedenti] tiegħu rtirata f’dan [l-ewwel] Stat Membru jew meta [din il-liċenzja preċedenti] tkun, għal xi raġuni jew oħra, ġiet imħassra?

2)

Fil-każ li għal din id-domanda tingħata risposta negattiva, [id-]dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva [91/439] għandhom jiġu interpretati b’tali mod li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor meta l-liċenzja tas-sewqan [li l-]persuna kkonċernata [kienet il-possessur tagħha] tkun ġiet preċedentement irtirata fl-[ewwel] Stat Membru jew tkun ġiet imħassra meta l-perijodu ta’ projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida li jkun ġie stipulat fil-kuntest ta’ din il-miżura [ta’ rtirar jew ta’ tħassir] jkun skada qabel ma’ tkun għadha nħarġet il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] fl-Istat Membru l-ieħor u jekk, minħabba kriterji oġġettivi (nuqqas ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] u talba mingħajr suċċess għall-ħruġ mill-ġdid ta’ liċenzja tas-sewqan fl-[ewwel] Stat Membru […]), għandu jiġi kkunsidrat li l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan Ewropea fit-tieni Stat Membru jservi biss sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet stretti meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura […] għall-ħruġ mill-ġdid tal-liċenzja tas-sewqan [fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru], partikolarment [fir-rigward tar-]rapport mediku-psikoloġiku?”

Il-kawża C-336/06

33

M. Seuke kien possessur ta’ liċenzja antika tas-sewqan tal-kategorija 3.

34

Permezz ta’ digriet kriminali eżekuttiv tal-4 ta’ Settembru 2003, l-Amtsgericht Amberg (Qorti amministrattiva ta’ Amberg) ikkundannat lil M. Seuke għal multa talli saq taħt l-effett tal-alkoħol. Il-permess u l-liċenzja tas-sewqan ta’ M. Seuke ġew irtirati, u ġie pprojbit milli jikseb liċenzja ġdida qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur.

35

Peress li M. Seuke applika għal liċenzja ġdida tas-sewqan, l-awtorità kompetenti talbitu, fil-15 ta’ Marzu 2004, biex jipproduċi rapport mediku-psikoloġiku li juri l-kapaċità għas-sewqan tiegħu. Peress li qatt ma kkonforma ruħu ma’ dan ir-rekwiżit, l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2004.

36

Fil-5 ta’ Novembru 2004, peress li l-perijodu ta’ projbizzjoni ordnat mill-Amtsgericht d’Amberg kien skada, M. Seuke, li fir-rigward tiegħu, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li ilu jirresjedi kontinwament fil-Ġermanja mid-19 ta’ Awwissu 1980, ingħata liċenzja tas-sewqan ġdida tal-kategorija B f’Ostrov (ir-Repubblika Ċeka).

37

Il-Landkreis Mittweida, li kienet ġiet informata bil-ħruġ ta’ din il-liċenzja, fit-28 ta’ Novembru 2005, ordnat lil M. Seuke jippreżenta rapport ta’ espert fuq il-kapaċità tiegħu għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Peress li M. Seuke ma kkonformax ruħu ma’ din l-ordni, il-Landkreis Mittweida, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, ċaħditu mid-dritt tiegħu li juża l-liċenzja Ċeka tiegħu fil-Ġermanja.

38

Peress li l-ilment ta’ M. Seuke kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, huwa ressaq rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Chemnitz, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Jista’ Stat Membru jeżiġi, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, minn possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, li jikseb mingħand [l-]awtoritajiet amministrattivi [ta’ dan l-ewwel Stat Membru] ir-rikonoxximent tad-dritt li jagħmel użu minn din il-liċenzja [fit-]territorju [tiegħu] meta [dan] il-possessur […] kellu, preċedentement, liċenzja tas-sewqan [preċedenti] tiegħu rtirata f’dan [l-ewwel] Stat Membru jew meta [din il-liċenzja preċedenti] tkun, għal xi raġuni jew oħra, ġiet imħassra?

2.

Fil-każ li għal din id-domanda tingħata risposta negattiva, [id-] dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor meta l-liċenzja tas-sewqan [li l-]persuna kkonċernata [kienet il-possessur tagħha] tkun ġiet preċedentement irtirata fl-[ewwel] Stat Membru jew tkun ġiet imħassra meta l-perijodu ta’ projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida li jkun ġie stipulat fil-kuntest ta’ din il-miżura [ta’ rtirar jew ta’ tħassir] jkun skada qabel ma’ tkun għadha nħarġet il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] fl-Istat Membru l-ieħor u jekk, minħabba kriterji oġġettivi (nuqqas ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan [il-ġdida] u talba mingħajr suċċess għall-ħruġ mill-ġdid ta’ liċenzja tas-sewqan fl-[ewwel] Stat Membru […]), għandu jiġi kkunsidrat li l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan Ewropea fit-tieni Stat Membru jservi biss sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet stretti meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura […] għall-ħruġ mill-ġdid tal-liċenzja tas-sewqan [fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru], partikolarment [fir-rigward tar-]rapport mediku-psikoloġiku?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39

Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ottubru 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-kawżi C-334/06 sa C-336/06 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

40

Permezz ta’ diversi mistoqsijiet bil-miktub innotifikati fl-1 ta’ Awwissu 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Gvern Ċek, minn naħa, dwar il-liġi tar-Repubblika Ċeka f’dak li jirrigwarda l-verifika tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/439 u dwar il-possibbiltà li tinħareġ liċenzja tas-sewqan li tindika residenza tal-possessur fi Stat Membru ieħor kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-kriterji applikabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna jkollhiex ir-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru u dwar l-eżistenza ta’ mezzi ta’ verifika fir-rigward tal-veraċità ta’ din ir-residenza.

41

Permezz ta’ faks li r-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rċieva fil-31 ta’ Awwissu 2007, il-Gvern Ċek wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet li kien biss b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006 li l-kundizzjoni dwar ir-residenza normali, kif prevista fid-Direttiva 91/439, ġiet introdotta fl-ordinament ġuridiku Ċek. Għall-perijodu qabel din id-data, il-leġiżlazzjoni Ċeka kienet tippermetti l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għas-sewqan lill-persuni li ma kellhomx residenza permanenti jew temporanja fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

Fuq id-domandi preliminari

42

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja istitwita mill-Artikolu 234, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1993, Viessmann, C-280/91, Ġabra p. I-971, punt 17; tal-11 ta’ Diċembru 1997, Immobiliare SIF, C-42/96, Ġabra, p. I-7089, punt 28, u tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra p. I-2089, punti 30 u 31).

43

F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali, kif ukoll tal-kontenut tal-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tad-domandi magħmula għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/439. Sabiex kemm jista’ jkun tingħata risposta utli u kif ukoll sħiħa għad-domandi preliminari, il-portata tagħhom għandha, kemm-il darba l-qorti nazzjonali naqset milli tagħmel dan, titwessa’ b’dan il-mod.

44

Bid-domanda fil-kawża C-334/06 u bit-tieni domanda fil-kawżi C-335/06 u C-336/06, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 7(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru (l-Istat Membru ospitanti) milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu d-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja) għal persuna u, għaldaqstqant, il-validità ta’ din il-liċenzja meta din il-persuna, li preċedentement kienet suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, kisbet din il-liċenzja l-ġdida wara li jkun skada kull perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida, iżda b’nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni tar-residenza jew tal-kundizzjonijiet tal-kapaċità li l-Istat Membru ospitanti jimponi f’dan ir-rigward bil-għan li jiżgura s-sigurtà fit-toroq.

45

Dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien mal-ewwel domanda fil-kawżi C-335/06 u C-336/06, li hija intiża, fis-sustanza, li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru ospitanti jistax jeżiġi mill-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida maħruġa minn Stat Membru ieħor li jitlob, qabel ma jagħmel użu minnha, ir-rikonoxximent tad-dritt li juża din il-liċenzja fl-Istat Membru ospitanti meta l-liċenzja tas-sewqan li huwa kellu qabel kienet ġiet irtirata jew imħassra f’dan l-Istat Membru tal-aħħar.

46

Mill-ewwel premessa tad-Direttiva 91/439 jirriżulta li l-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, ġie stabbilit partikolarment sabiex jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu għaddew minn eżami tas-sewqan (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper, C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 71).

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi Artikolu 1(2) jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi, C-230/97, Ġabra p. I-6781, punti 41 u 43; tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-246/00, Ġabra p. I-7485, punti 60 u 61; Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; digrieti tas-6 ta’ April 2006, Halbritter, C-227/05, punt 25, u tat-28 ta’ Settembru 2006, Kremer, C-340/05, punt 27).

48

Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru ospitanti ma jista’ jimponi ebda formalità għar-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Huwa għalhekk kuntrarju għal dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jiġi obbligat jitlob ir-rikonoxximent ta’ din il-liċenzja fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 et seq).

49

Huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt Komunitarju, partikolarment dawk relattivi għar-residenza u għall-kapaċità għas-sewqan, ikunux issodisfati u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan — jekk ikun il-każ, ta’ liċenzja ġdida — ikunx ġustifikat.

50

Għalhekk, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/439, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jivverifikaw jekk il-kundizzjonjiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati (ara, f’dan is-sens, id-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Halbritter, punt 34, u Kremer, punt 27). Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-prova li l-possessur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa, fil-jum meta nħarġitlu, l-imsemmija kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75; id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2003, Da Silva Carvalho, C-408/02, punt 21, kif ukoll is-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). Il-fatt li, b’mod konformi mal-punt 5 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, Stat Membru jista’ jeżiġi, għal kull ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, eżami mediku iktar iebes minn dawk imsemmija fl-imsemmi anness ma jaffettwax għalhekk l-obbligu, ta’ dan l-Istat Membru, li jirrikonoxxi l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri l-oħra skont l-istess direttiva.

51

Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li Stat Membru ospitanti li jissuġġetta l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għal kundizzjonijiet nazzjonali iktar iebsa, partikolarment wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma jistax jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor għas-sempliċi raġuni li l-possessur ta’ din il-liċenzja ġdida jkun kisibha skont leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix l-istess rekwiżiti bħal dan l-Istat Membru ospitanti.

52

Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jipprekludi li Stat Membru ospitanti jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor għar-raġuni li, skont l-informazzjoni li toriġina fl-Istat Membru ospitanti, il-possessur ta’ din il-liċenzja ma kienx jissodisfa, fid-data tal-ħruġ tagħha, il-kundizzjonijiet rikjesti għall-ksib tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet Da Silva Carvalho, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22, u s-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

53

Fil-fatt, safejn id-Direttiva 91/439 tagħti lill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja kompetenza esklużiva sabiex jiżgura li l-liċenzji tas-sewqan li huwa joħroġ jinħarġu b’mod konformi mal-kundizzjonijiet imposti minn din id-direttiva, huwa biss dan l-Istat Membru li jista’ jieħu l-miżuri xierqa f’dak li jikkonċerna l-liċenzji tas-sewqan li fir-rigward tagħhom jirriżulta iktar tard li l-possessuri ma kinux jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet Da Silva Carvalho, iċċitat iktar ’il fuq, punt 23, u s-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

54

Meta Stat Membru jkollu raġunijiet serji sabiex jiddubita r-regolarità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa l-kompitu tiegħu li jinforma lil dan tal-aħħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni reċiproka u tal-iskambju ta’ informazzjoni stipulati fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 91/439. Fil-każ li l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja ma jiħux il-miżuri xierqa, l-Istat Membru ospitanti jista’ jibda proċeduri skont l-Artikolu 227 KE kontra dan tal-aħħar sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/439 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Da Silva Carvalho, iċċitat iktar ’il fuq, punt 48).

55

Huwa veru li, għal raġunijiet ta’ sigurtà taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq — kif jirriżulta mill-aħħar premessa tad-Direttiva 91/439 — l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri sabiex, f’ċerti ċirkustanzi, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar u t-tħassir tal-liċenzja tas-sewqan fir-rigward ta’ kull possessur ta’ liċenzja li għandu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tagħhom.

56

Madankollu, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li din il-fakultà, inkwantu tirriżulta mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, tista’ tiġi eżerċitata biss fuq il-bażi tal-imġiba tal-persuna involuta wara l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, id-digrieti, iċċitati iktar ’il fuq, Halbritter, punt 38, u Kremer, punt 35).

57

Min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4), li jawtorizza lil Stat Membru jirrifjuta r-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor minn persuna li kienet suġġetta, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew tħassir ta’ liċenzja, jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u, minħabba f’hekk, għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 72, kif ukoll id-digrieti, iċċitati iktar ’il fuq, Halbritter, punt 35, u Kremer, punt 28).

58

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li, anki jekk din id-dispożizzjoni tippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, lil Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax b’daqshekk, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, li l-ewwel Stat Membru jista’ jissuġġetta d-dritt li tintuża liċenzja maħruġa mit-tieni Stat Membru għal awtorizzazzjoni pożittiva minn qabel (ara, f’dan is-sens, id-digriet Kremer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

59

Fil-fatt, peress li l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru għandu jsir skont il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-Direttiva 91/439, fosthom dawk stipulati fil-Anness III tagħha, dwar il-kapaċità għas-sewqan, interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva fis-sens li, b’mod ġenerali, kull persuna li kellha liċenzja tas-sewqan li tkun ġiet irtirata jew imħassra fi Stat Membru tista’ tiġi obbligata tirrikorri għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni li tagħmel użu mid-dritt tas-sewqan li jirriżulta mil-liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard fi Stat Membru ieħor tmur kontra l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku mingħajr formalitajiet.

60

L-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi invokata minn Stat Membru sabiex jirrifjuta li jirrikonoxxi b’mod indefinit, fir-rigward ta’ persuna li f’dan l-Istat Membru tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ rtirar jew tħassir ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn dan l-Istat Membru, il-validità ta’ kull liċenzja li tista’ tinħarġilha iktar tard minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, kif ukoll id-digrieti, iċċitati iktar ’il fuq, Halbritter, punt 27, u Kremer, punt 29). Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ ġustament jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu sabiex jirrifjuta b’mod indefinit ir-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, dan jammonta saħansitra għan-negazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan li huwa ċentrali għas-sistema implementata permezz tad-Direttiva 91/439 (sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll id-digrieti, iċċitati iktar ’il fuq, Halbritter, punt 28, u Kremer, punt 30).

61

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 38 tad-digriet Kremer, iċċitat iktar ’il fuq, li meta persuna tkun ġiet suġġetta, fit-territorju ta’ Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan mingħajr perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida, id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 jipprekludu lil dan l-Istat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard fi Stat Membru ieħor u, għalhekk, il-validità ta’ din il-liċenzja minħabba li l-possessur tagħha ma jkunx issuġġetta ruħu għall-kundizzjonijiet rikjesti f’dan l-ewwel Stat Membru għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida wara dan l-irtirar, li jinkludu l-eżami tal-kapaċità għas-sewqan li jiċċertifika li ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-imsemmi rtirar.

62

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta, fir-rigward ta’ persuna li tkun ġiet suġġetta, fit-territorju tiegħu, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan flimkien ma’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida għal perijodu determinat, li jirrikonoxxi liċenzja ġdida maħruġa minn Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu ta’ projbizzjoni.

63

Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 ma jippermettix lill-Istat Membru ta’ residenza normali jirrifjuta li jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor għas-sempliċi raġuni li preċedentement il-possessur ta’ din il-liċenzja kellu liċenzja preċedenti rtirata fl-Istat Membru ta’ residenza normali, din id-dispożizzjoni, madankollu, tippermetti lil dan l-Istat Membru, kif ġie mfakkar fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, jillimita, jissospendi, jirtira jew iħassar il-liċenzja ġdida kemm-il darba l-imġiba tal-possessur ta’ din il-liċenzja wara l-ħruġ tagħha tiġġustifika dan skont il-liġi nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru ospitanti.

64

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha t-tieni nett tiġi mistħarrġa, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, kif imfakkar iktar ’il fuq, meta jkun stabbilit li l-liċenzja ġdida tas-sewqan tkun inħarġet mingħajr ma tkun ġiet issodisfata l-kundizzjoni ta’ residenza imposta mid-Direttiva 91/439.

65

F’dan ir-rigward, mir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li fost il-kundizzjonijiet stipulati sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq hemm dawk indikati fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, li jissuġġetta l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għal rekwiżiti dwar il-kapaċità għas-sewqan u r-residenza rispettivament.

66

Kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tirrileva fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kundizzjoni tar-residenza tikkontribwixxi, partikolarment, sabiex jiġi miġġieled it-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan. Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kundizzjoni hija indispensabbli għall-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-kapaċità għas-sewqan.

67

Fil-fatt, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439, li jipprovdi li kull persuna tista’ tkun possessur biss ta’ liċenzja tas-sewqan waħda maħruġa minn Stat Membru wieħed, jistabbilixxi l-uniċità tal-liċenzja tas-sewqan. Inkwantu hija kundizzjoni preliminari li tippermetti l-verifika ta’ jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra imposti minn din id-direttiva, il-kundizzjoni tar-residenza, li tiddetermina l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, tassumi, għalhekk, importanza partikolari meta mqabbla mal-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-imsemmija direttiva.

68

Għalhekk, is-sigurtà fit-toroq tista’ tkun ippreġudikata jekk il-kundizzjoni tar-residenza ma tkunx osservata fir-rigward ta’ persuna li tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew tħassir tad-dritt tas-sewqan fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439.

69

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn huwa possibbli li jiġi stabbilit, mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru ospitanti, iżda fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkun hemm fuq il-liċenzja tas-sewqan stess jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza imposta fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 ma kinitx issodisfata meta nħarġet din il-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti, li fit-territorju tiegħu l-possessur tal-imsemmija liċenzja kien ġie suġġett għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti, jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan li jirriżulta mil-liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor wara li jkun skada kull perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal-liċenzja ġdida.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor wara li jkun skada kull perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida impost fuq il-persuna kkonċernata u, għalhekk, il-validità ta’ din il-liċenzja minħabba li l-possessur ta’ din il-liċenzja ma jkunx qagħad għall-kundizzjonijiet rikjesti f’dan l-ewwel Stat Membru għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, li jinkludu l-eżami tal-kapaċità għas-sewqan li jiċċertifika li ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-imsemmi rtirar. Fl-istess ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkun hemm fuq din l-istess liċenzja jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li, meta nħarġet l-istess liċenzja, il-possessur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settemrbu 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor wara li jkun skada kull perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida impost fuq il-persuna kkonċernata u, għalhekk, il-validità ta’ din il-liċenzja sakemm il-possessur ta’ din il-liċenzja ma jkunx qagħad għall-kundizzjonijiet rikjesti f’dan l-ewwel Stat Membru għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, li jinkludu l-eżami tal-kapaċità għas-sewqan li jiċċertifika li m’għadx hemm ir-raġunijiet li kienu ġġustifikaw dan l-irtirar.

 

Fl-istess ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirriżulta fuq din l-istess liċenzja jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li, meta inħarġet din il-liċenzja, il-possessur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, me kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top