EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61971CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Diċembru 1971.
Aktien-Zuckerfabrik Schöppenstedt vs il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.
Kawża 5-71.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:1971:116

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

2 ta' Diċembru 1971 (*)


Fil-kawża C-5/71,

Aktien-Zuckerfabrik Schöppenstedt, irrappreżentati minn A. Deringer, Rechtsanwalt, C. Tessin, Rechtsanwalt, H. Herrmann, u J. Sedemund, Rechtsanwalt,

vs

Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentat minn E. Wohlfarth, bħala aġent u minn H. Lambers, bħala aġent,

li għandha bħala għan il-ħlas ta' danni skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat KEE, bħala kumpens għad-danni kkawżati mir-Regolament Nru 796/68 tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiġi ekwiparata d-differenza bejn il-prezzijiet nazzjonali taz-zokkor u l-prezzijiet validi mill-1 ta’ Lulju 1968,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn R. Lecourt, President, J. Mertens de Wilmars u H. Kutscher, Presidenti ta' Awla, A. M. Donner, A. Trabucchi, R. Monaco (Relatur) u P. Pescatore, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: K. Roemer,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru fit-13 ta’ Frar 1971, l-impriża "Aktien-zuckerfabrik Schoeppenstedt" talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat KEE tordna lill-Kunsill jagħmel tajjeb għad-danni li kkawża lir-rikorrenti bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 769/68 tat-18 ta’ Ġunju 1968 (ĠU 1968 l 143) li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiġi ekwiparata d-differenza bejn il-prezzijiet nazzjonali taz-zokkor u l-prezzijiet validi mill-1 ta’ Lulju 1968.

It-talba prinċipali hija għall-ħlas mill-Kunsill ta' 38 852.78 U.A., jiġifieri, DM 155 411.13, li jirrappreżentaw it-telf ta' dħul li hi sofriet b’relazzjoni mal-prezz Ġermaniż preċedenti ta’ zokkor mhux maħdum. Sussidjarjament hi titlob ukoll li tiġi kkumpensata b'mod ieħor għad-danni subiti minnha.

  Fuq l-ammissibbiltà

2        Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors billi jsostni, fl-ewwel lok, li dan fil-fatt m'għandux bħala għan il-kisba ta' kumpens għal danni dovuti għal xi ħtija tiegħu, iżda t-tħassir ta’ l-effetti legali li jitnisslu mill-miżura kkontestata. Fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat bħala ammissibbli, tkun qed tiġi mfixkla s-sistema kontenzjuża pprovduta fit-Trattat, partikolarment fit-tieni paragrafu ta’ Artikolu 173, li permezz tiegħu individwi mhumiex intitolati jippreżentaw rikors għall-annullament ta’ regolamenti.

3        L-azzjoni għal danni prevista mill-Artikolu 178 u t-tieni paragrafu ta' l-Artkolu 215 tat-Trattat kienet ġiet istiwita bħala azzjoni awtonoma, li għandha skop partikolari fi ħdan is-sistema ta’ rimedji u suġġetta għal kundizzjonijiet fir-rigward ta' l-eżerċizzju tagħha ddettati mill-għan speċifiku tagħha. Din hija differenti mir-rikors għal annullament billi l-għan tagħha mhuwiex it-tħassir ta’ miżura partikolari, iżda l-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni fit-twettiq tad-doveri tagħha.

4        Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li t-talbiet prinċipali huma inammissibbli inkwantu jinvolvu s-sostituzzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni b’leġiżlazzjoni ġdida, li tkun konformi mal-kriterji indikati mir-rikorrenti, sostituzzjoni li l-Qorti m’għandhiex is-setgħa li tordna.

5        It-talbiet prinċipali jfittxu biss l-assenjazzjoni ta’ danni u, għalhekk, benefiċċju intiż biex jipproduċi effetti biss fil-konfront tar-rikorrenti. Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

6        Il-konvenut isostni wkoll li jekk it-talba għal danni tiġi milqugħa, il-Qorti jkollha, sabiex tiddetermina l-ammont tad-danni in kwistjoni, tistabbilixxi l-kriterji dwar kif kellha tiġi stabbilita l-ekwiparazzjoni f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet, u b'hekk tkun qed tindaħal fid-diskrezzjoni li jgawdi l-Kunsill fl-adozzjoni tal-miżuri leġiżlattivi.

7        Id-determinazzjoni tal-kriterji applikabbli għall-kalkolu ta' l-ekwiparazzjoni in kwistjoni ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tal-kawża, iżda l-mertu tagħha.

8        Il-konvenut jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba sussidjarja peress li s-suġġett tagħha mhuwiex preċiż u hija kompletament nieqsa minn indikazzjoni tar-raġunijiet in sostenn tagħha.

9        Talba li tfittex li jinkiseb kumpens kwalunkwe mhijiex, effettivament, preċiża biżżejjed u għandha għalhekk tkun meqjusa bħala inammissibbli.

10      Għalhekk it-talbiet prinċipali biss huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

11      F'din il-kawża, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tippreżupponi għall-inqas li l-miżura li allegatament ikkawżat id-danni tkun illeċita. Fir-rigward ta' miżura leġiżlattiva li tinvolvi għażliet ta’ politika ekonomika, ma jistax jingħata lok għal din ir-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni subiti minn individwi bħala konsegwenza ta’ dik il-miżura, skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 215 tat-Trattat, sakemm ma jkunx seħħ ksur gravi biżżejjed ta' regola tad-dritt superjuri li tipproteġi l-individwi. Għal din ir-raġuni, il-Qorti, f'din il-kawża, għandha l-ewwel nett tikkunsidra jekk ksur bħal dan seħħx.

12      Ir-Regolament Nru 769/68 ġie adottat skond l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1009/67, li jinkariga lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri meħtieġa biex tiġi ekwiparata d-differenza bejn il-prezzijiet nazzjonali u l-prezzijiet validi mill-1 ta’ Lulju 1968, u jawtorizza lill-Istati Membri li fihom il-prezz taz-zokkor abjad ikun għola mill-prezz indikattiv, jagħtu ekwiparazzjoni għal dawk il-kwantitajiet ta’ zokkor abjad u ta' zokkor mhux maħdum li kienu f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tagħhom f’nofs il-lejl (0:00) ta' l-1 ta’ Lulju 1968.

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li, għal dak li jirrigwarda Stati Membri bi prezz baxx, dan ir-Regolament jipprovdi għall-ħlas ta' drittijiet fuq ħażniet taz-zokkor biss jekk il-prezzijiet preċedenti kienu anqas mill-prezz ta’ intervent validu mill-1 ta’ Lulju 1968, biex turi li bl-adozzjoni ta’ kriterji differenti għad-dritt għal ekwiparazzjoni tal-produtturi taz-zokkor stabbiliti fi Stat Membru bi prezzijiet għolja, ir-Regolament jikser l-aħħar sub paragrafu ta’ l-Artikolu 40(3) tat-Trattat li jistipula li l-politika komuni tal-prezzijiet għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni u metodi uniformi ta’ kalkolu.

13      Id-differenza msemmija ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni għar-raġuni li hija r-riżultat ta’ sistema ġdida ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li ma tirrikonoxxix prezz wieħed stabbilit, iżda, billi tistabbilixxi prezz massimu u prezz minimu, toħloq qafas ta’ prezzijiet li fih, il-livell tal-prezzijiet effettivi jiddependi mill-iżvilupp tas-suq. Għalhekk, ma tistax tiġi kkontestata l-ġustifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni tranżitorja li timponi l-ħlas ta' drittijiet biss fil-każijiet fejn il-prezzijiet preċedenti kienu għadhom baxxi wisq biex jidħlu fil-qafas ġdid ta’ prezzijiet u li tawtorizza ekwiparazzjoni biss fil-każijiet fejn il-prezzijiet preċedenti kienu għolja wisq biex jidħlu fl-imsemmi qafas, billi hija bbażata fuq l-idea li fil-każijiet fejn il-prezzijiet preċedenti kienu diġà jidħlu fil-qafas stabbilit, huma kellhom ikunu rregolati bil-forzi tas-suq.

14      Barra minn hekk, fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-sistema stabbilita b’effett mill-1 ta’ Lulju 1968, il-Kunsill, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 769/68, issodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 37 tar-Regolament nru 1009/67.

15      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 769/68 kiser id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 40 tat-Trattat minħabba li l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens u drittijiet ekwiparattivi għall-ħażniet ta’ zokkor mhux maħdum kien ġie dedott minn dak adottat għaz-zokkor abjad, ħaġa li setgħet, skond ir-rikorrenti, tikkaġuna inugwaljanzi fir-rigward tal-produtturi ta’ zokkor mhux maħdum, ukoll għandha titwarrab. Għalkemm ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq każijiet ipotetiċi, li l-metodi ta’ kalkolu magħżula ma kinux neċessarjament iwasslu għal riżultati uniformi f’dak li jirrigwrda l-produtturi ta’ zokkor mhux maħdum, hija ma pprovatx li dan seta' kien il-każ fl-1 ta’ Lulju 1968.

16      Għaldaqstant, l-azzjoni għal danni tar-rikorrenti ma tissodisfax l-ewwel kundizzjoni msemmija hawn fuq u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

17      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Ir-rikorrenti tilfet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

filwaqt li tiċħad kull talba oħra, iktar wiesgħa jew kuntrarja, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza.

Lecourt

Mertens de Wilmars

Kutscher

Donner

Trabucchi      Monaco

 

      Pescatore

 

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Lulju 1971

A.Van Houtte

 

      R. Lecourt

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top