EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IR2288

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u r-regolazzjoni tas-swieq sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-agrikoltura Ewropea”

COR 2023/02288

ĠU C, C/2024/1979, 18.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1979/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1979/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1979

18.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u r-regolazzjoni tas-swieq sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-agrikoltura Ewropea”

(C/2024/1979)

Relatur:

Nicola CAPUTO (IT/Renew Europe), Ministru Reġjonali, il-Campania

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Il-kuntest attwali u l-isfidi futuri

1.

josserva li għal madwar 35 sena, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-preżenza ta’ kumpens ex post f’każ ta’ eventi avversi kkontribwixxew biex ixejnu jew itaffu l-effetti ta’ ħafna fatturi ta’ riskju għall-produtturi agrikoli Ewropej u għar-reżiljenza taż-żoni rurali tal-UE. Għaldaqstant, jenfasizza l-ħtieġa għal sistemi ta’ kumpens f’waqthom għad-danni lill-għelejjel u lill-bhejjem, meta jitqies l-impatt ekonomiku sħiħ, inklużi l-effetti sekondarji fuq il-kapaċità produttiva;

2.

jirrakkomandali jiġu żviluppati linji gwida għall-UE kollha għall-kumpens għall-proprjetà u l-kumpens personali. Dan jinvolvi t-trasferiment tar-responsabbiltajiet amministrattivi lill-istituzzjonijiet pubbliċi, jiġi żgurat aċċess ekwu għall-opportunitajiet għal individwi b’livell aktar baxx ta’ ħiliet, li spiss jgħixu f’żoni foqra u iżolati;

3.

iqis li wasal iż-żmien għall-ħolqien ta’ mudell ġdid ta’ finanzjament pubbliku favur is-settur primarju, ankrat fil-produzzjoni ta’ esternalitajiet pożittivi u dejjem aktar assoċjat mad-dimensjoni territorjali tal-finanzjament aktar milli mad-dimensjoni settorjali, peress li dan is-settur naqqas gradwalment il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija lill-bdiewa. Din il-bidla hija imperattiva biex jiġi indirizzat it-tnaqqis gradwali fil-livelli ta’ protezzjoni għall-bdiewa, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-ħtiġijiet uniċi taż-żoni muntanjużi, tar-reġjuni inqas żviluppati, u tat-trobbija estensiva tal-bhejjem li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent; jenfasizza li f’diversi reġjuni tal-UE qed tiġi osservata xejra li qed tiżdied ta’ azjendi agrikoli li qed jagħlqu, bl-abbandun sussegwenti tal-art u tnaqqis tal-erja agrikola użata; dan japplika b’mod partikolari għall-azjendi agrikoli żgħar tal-għelejjel u/jew tal-bhejjem, li huma s-sinsla tal-ħajja ekonomika u soċjali fiż-żoni rurali tal-UE u huma strateġikament importanti għall-protezzjoni tal-art kontra nirien kbar serji, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra l-erożjoni;

4.

jemmen li l-punt ċentrali, li ħafna drabi jkun sottovalutat, huwa li qed jitfaċċaw ħtiġijiet u sfidi ġodda mill-azjendi agrikoli, miż-żoni rurali u remoti u miċ-ċittadini, inklużi, iżda mhux biss, id-depopolazzjoni, l-eżodu ta’ mħuħ, u t-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur tal-biedja, li ċertament se jistimulaw u jiggwidaw proċess ta’ riforma tal-PAK li jmiss, li għandha tqis aktar lill-bdiewa żgħażagħ u mudelli ta’ azjendi agrikoli tal-familja, u tkompli tagħti spinta lill-kompetittività tas-settur agroalimentari. Fost l-isfidi u l-ħtiġijiet ġodda wieħed jista’ jsemmi l-asimmetrija qawwija fir-restrizzjonijiet legali għall-konsumatur f’termini ta’ sikurezza tal-ikel bejn il-bdiewa tal-UE u dawk barra mill-UE. Din is-sitwazzjoni tippenalizza l-bdiewa tal-UE fil-iskambji kummerċjali li, fin-nuqqas ta’ strumenti adegwati biżżejjed ta’ traċċabilità u ta’ informazzjoni, tista’ twassal għal riskju ta’ tfixkil gravi fis-settur tal-ikel, prattiki qarrieqa għall-konsumaturi u t-telf tal-kompetittività għall-bdiewa Ewropej. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw iż-żoni muntanjużi, ir-reġjuni inqas żviluppati, u t-trobbija estensiva tal-annimali tradizzjonali u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent fi ħdan din ir-riforma;

5.

iqis li, fir-rigward tas-settur primarju, fil-każ tas-sajd professjonali, hemm bżonn urġenti li ċerti bastimenti tas-sajd jiġu sostitwiti u żarmati, b’mod partikolari bastimenti tat-tkarkir żgħar tal-injam, peress li ma hemmx professjonisti li jsewwuhom, jew kumpaniji tal-assigurazzjoni li jiggarantixxu r-riskji li għalihom huma soġġetti dawn il-bastimenti tal-injam qodma u żgħar. Il-finanzjament pubbliku mmirat biex jaġġorna u jagħmel il-flotta u l-attivitajiet tas-sajd tan-negozji ż-żgħar aktar sostenibbli se jagħmilha aktar faċli li jiġi ġġenerat introjtu deċenti għas-settur primarju tal-ikel;

6.

ifakkar li l-Parlament Ewropew (Riżoluzzjoni 2022/2829 (RSP) tal-15 ta’ Settembru 2022) (1) reċentement talab intensifikazzjoni tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fuq kollox, il-konsegwenzi tiegħu;

7.

ifakkar li t-tema tal-ġestjoni tar-riskji tfaċċat biss f’dawn l-aħħar deċennji fid-dibattitu Ewropew dwar il-Politika Agrikola Komuni, u saret tagħmel parti mill-qafas leġiżlattiv tal-UE bis-saħħa tal-adozzjoni tal-“Verifika tas-Saħħa” (Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 73/2009 (2)), li offriet, għall-ewwel darba lill-Istati Membri, il-possibilità li jużaw, b’mod ġenerali, parti mir-riżorsi finanzjarji maħsuba għall-pagamenti diretti għall-appoġġ tal-aċċess tal-bdiewa għal żewġ tipi ta’ kopertura: poloz tal-assigurazzjoni u fondi mutwi għal ħsara fil-produzzjoni kkawżata minn eventi klimatiċi avversi, mard tal-pjanti, mard tal-annimali u inċidenti ambjentali;

8.

jemmen li d-deċiżjoni biex ma jibqgħux jiġu mantnuti u ppreservati, fid-diversità kollha tagħhom, il-pajsaġġi agrikoli fl-UE affettwati mill-abbandun tal-agrikoltura fiż-żoni l-aktar f’riskju ta’ nirien u erożjoni twassal biex jiġu abbandunati l-azjendi agrikoli u b’hekk jiġu aggravati dawn ir-riskji u t-telf tal-bijodiversità. Għalhekk, il-protezzjoni u r-rivitalizzazzjoni ta’ dawn il-pajsaġġi agrikoli għandhom valur strateġiku;

9.

jinnota li l-KtR reċentement adotta Opinjoni dwar It-tħejjija għall-kriżijiet u l-indirizzar tagħhom: it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni u tar-reġjuni u l-bliet tagħha (3), li fiha jiġi osservat li l-Ewropa jeħtieġ li tħejji ruħha fil-ħin, tirriforma l-istruttura ta’ intervent u l-leġiżlazzjoni tagħha, biex tlaħħaq ma’ kriżijiet imprevedibbli u estremi minn perspettiva ekonomika, soċjali u politika. Għaldaqstant, fis-swieq internazzjonali attwali tal-ikel u minħabba t-tendenza tagħhom, huwa ta’ valur strateġiku kbir li tinżamm is-sovranità tal-ikel fl-UE u li jiġi evitat li tintilef. Għal dan il-għan, hemm bżonn ta’ miżuri ġodda, fosthom li jiġu trasferiti b’mod konkret ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni lis-setturi, lejn is-swieq, kif ukoll id-domanda u l-offerta ta’ ikel ta’ kwalità tajba u li huwa tajjeb għas-saħħa prodott lokalment;

10.

iqis li x-xejra klimatika attwali issa hija problema strutturali; il-gwerer u l-epidemiji jikkawżaw kriżijiet, inklużi kriżijiet severi, iżda huma ta’ natura okkażjonali u imprevedibbli;

11.

jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, fir-rigward tar-reżiljenza tal-azjendi agrikoli u taż-żoni interni tal-UE, b’paradigma ta’ finanzjament pubbliku speċifiku ħafna;

12.

jitlob li jiġi stabbilit mudell ta’ referenza teoretiku ġdid għal approċċ adatt għall-ġestjoni tar-riskju tal-introjtu fl-agrikoltura u r-reżiljenza taż-żoni rurali tal-UE. Dan jintroduċi l-kunċett ta’ “sett ta’ għodod” li permezz tiegħu jistgħu jeżistu azzjonijiet u għodod privati flimkien mal-politiki pubbliċi.

Proposta għal politika

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwistjoni ewlenija li għandha tiġi indirizzata hija li tiġi żgurata s-sopravivenza ekonomika tal-azjendi agrikoli, u taż-żoni rurali u remoti, billi tiġi żgurata r-reżiljenza ekonomika tal-bdiewa għal eventi tat-temp katastrofiċi u kriżijiet anormali tas-suq li qed ikollhom impatt dejjem akbar u intensiv fuq il-kapaċità produttiva u ekonomika tal-bdiewa tal-UE;

14.

huwa konvint li l-approċċ sostantiv tal-Patt Ekoloġiku u tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” ikun ta’ preġudizzju għal din il-perspettiva;

15.

huwa konvint li l-fatt li llum ma jiġix mfassal mudell ta’ politika ġdid biex jiġi indirizzat b’mod effettiv ex ante u ex post it-tibdil fix-xenarju ġenerali madwar is-sostenibbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli tal-UE jkun ifisser l-abbandun b’mod impliċitu tal-objettivi tal-PAK għall-protezzjoni tal-ambjent, tal-pajsaġġ, tal-bijodiversità u tal-benessri tal-annimali;

16.

iħeġġeġ li jiġi approfondit id-dibattitu dwar azzjonijiet korrettivi possibbli tal-PAK fid-dawl tal-kriżi serja attwali fis-settur, u li l-KtR jitqiegħed fid-dibattitu attwali dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE bħala attur tal-politika agrikola aktar b’saħħtu u aktar awtorevoli;

17.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea toffri kooperazzjoni u flessibbiltà massima, anke fil-qafas tal-politiki agrikoli attwali u l-għodod li diġà huma disponibbli; u ssaħħaħ l-għodod għar-rispons għall-kriżijiet klimatiċi; dawn jinkludu nirien kbar fil-foresti u għargħar eċċezzjonali, li jimminaw il-kapaċità tal-produzzjoni tal-bdiewa, speċjalment dawk iżgħar; huwa favur it-tisħiħ tar-rwol tal-għodod biex jirreaġixxu għall-kriżijiet klimatiċi fil-futur, u jqis li dan ir-rwol għandu jiġi diskuss ukoll fid-dokument li jiddeskrivi d-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-PAK;

18.

minħabba l-kobor tal-ħsara, peress se jkunu meħtieġa fondi sinifikanti biex jipprovdu kumpens għat-telf ta’ pjanti u tal-produzzjoni tal-annimali u għar-restawr tal-infrastruttura meqruda, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkoopera mal-Istati Membri u taħdem fuq miżuri urġenti ta’ assistenza biex jittaffew, sa fejn ikun possibbli, il-konsegwenzi tad-diżastri naturali; u minħabba li r-rikorrenza ta’ fenomeni bħal dawn hija mistennija, diskussjoni fil-fond dwar l-istrumenti rilevanti tal-UE għandha titqies bħala prijorità;

19.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Istati Membri jibdew immedjatament riflessjoni serja u fil-fond fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni ta’ wara l-2027 dwar l-għodod li l-UE għandha tagħmel disponibbli għall-bdiewa biex tappoġġjahom b’mod konkret, b’mod adegwat u f’waqtu, għal ħsarat kkawżati minn eventi katastrofiċi naturali, li sfortunatament iseħħu bi frekwenza dejjem akbar u jipprovokaw diżastri kbar fuq l-ekonomija, in-nisġa soċjali u l-produzzjoni agrikola, li jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-ikel;

20.

jitlob li din il-proposta, billi tintegra l-fehmiet u l-aspettattivi tal-gruppi politiċi kollha tal-KtR, tikkontribwixxi għal bidla radikali fl-għodod li għandhom isiru disponibbli għall-bdiewa Ewropej biex iżidu r-reżiljenza ekonomika tagħhom;

21.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ sinerġija mal-politiki ta’ koeżjoni, wara li tiġi definita demarkazzjoni ċara tal-vulnerabbiltà tat-territorji individwali tal-UE (reġjuni u muniċipalitajiet) għall-okkorrenza ta’ eventi estremi tat-temp u l-konsegwenzi tal-kriżijiet ekonomiċi marbuta magħhom;

22.

jipproponi l-ħolqien ta’ sistema Ewropea biex isir immappjar tar-riskji ta’ eventi estremi tat-temp ta’ natura sistemika (eż. nixfiet u għargħar) kif ukoll ta’ riskji possibbli oħra għall-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli. Dan l-immappjar jista’ jikkompleta l-ħidma attwali li l-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) qed ilesti dwar it-tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet reġjonali u lokali;

23.

jissuġġerixxi li apparti r-riżorsi finanzjarji addizzjonali għal dawk allokati għall-PAK, jitfassal mudell kompletament innovattiv li jista’ jipprovdi rispons aktar effettiv u rapidu għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u ż-żoni rurali tal-UE;

24.

iqis li mudell ġdid għall-użu tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi eżistenti, b’mod aktar effettiv u f’waqtu, tkun ta’ benefiċċju għar-reżiljenza ekonomika tal-bdiewa tal-UE direttament u b’mod esponenzjali, barra milli jipproteġi, u dan huwa l-iżjed importanti, żoni partikolari kif ukoll imsaġar u foresti f’żoni bil-fama li huma marġinali, ġeneralment ikkaratterizzati minn azjendi ekonomiċi żgħar f’riskju kbir li jiġu abbandunati, mingħajr protezzjoni mix-xenarji klimatiċi l-ġodda. F’dawn iż-żoni, il-preżenza ta’ azjendi agrikoli tal-familja hija kruċjali biex tiġi ppreżervata s-saħħa tal-imsaġar, il-foresti u l-bijodiversità;

25.

jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom iż-żoni muntanjużi, ir-reġjuni inqas żviluppati, u t-trobbija estensiva tal-bhejjem tradizzjonali u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u fiż-żamma tal-bilanċ ekoloġiku. Dawn ir-reġjuni jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-wirt kulturali u l-prattiki sostenibbli li huma vitali għar-reżiljenza fit-tul tal-agrikoltura tal-UE. Għalhekk, jappella għal miżuri ta’ politika mmirati u mekkaniżmi ta’ appoġġ biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-bdiewa f’dawn iż-żoni, filwaqt li tiġi żgurata l-preservazzjoni tal-prattiki tal-biedja tradizzjonali li huma ambjentalment sostenibbli;

26.

iqis li l-bdiewa fuq skala żgħira, minkejja li jinvolvu ruħhom fit-trobbija tal-bhejjem b’enfasi fuq it-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat, isibuha diffiċli biex jaċċessaw u jużaw b’mod effettiv il-fondi u l-għotjiet tal-UE. Sfidi bħal proċessi ta’ applikazzjoni kumplessi, burokrazija eċċessiva, u rekwiżiti stretti ta’ dokumentazzjoni jirriżultaw f’rati ta’ parteċipazzjoni aktar baxxi, inqas applikazzjonijiet li jirnexxu, u tnaqqis fl-użu tal-fondi. Is-semplifikazzjoni tal-aċċess għall-appoġġ tal-UE billi jiġu minimizzati l-ostakli amministrattivi u tiġi pprovduta assistenza lokali jistgħu jtejbu ħafna s-sitwazzjoni, u jrawmu użu aħjar tal-fondi fis-settur agrikolu lokali;

27.

ifakkar li sabiex il-familji tal-bdiewa jkollhom inċentiva biex jibqgħu, minbarra li jiġu implimentati miżuri diretti relatati mal-produzzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, huwa essenzjali li l-komunitajiet rurali fejn jgħixu dawn il-familji jkollhom kwalità ta’ ħajja minima, inkluż l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u s-saħħa, l-użu xieraq tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll opportunitajiet għad-divertiment u l-kultura, fost oħrajn. Dawn il-miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja f’żoni b’riskju għoli ta’ depopolazzjoni għandhom jitqiesu wkoll bħala parti minn mudell ġdid neċessarju għall-użu tar-riżorsi;

28.

jemmen li bħalma l-agrikoltura hija kruċjali għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità fl-art, l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jaqdu wkoll rwol importanti fil-preżervazzjoni tal-bijodiversità tal-ibħra u l-oċeani. Għalhekk, qed isir kruċjali li jiġu antiċipati u appoġġjati wkoll strateġiji possibbli għall-adattament tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-istokkijiet tal-ħut; bl-istess mod, fil-każ tal-akkwakultura, jeħtieġ li jiġu vvalutati l-impatti tat-tibdil fil-klima minħabba d-diversifikazzjoni kumplessa tas-sistemi ta’ produzzjoni, it-teknoloġiji użati, l-ispeċijiet, il-pożizzjoni ġeografika u l-karatteristiċi ambjentali ta’ kull żona;

29.

jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti għodod innovattivi għall-ġestjoni tar-riskji, mhux l-inqas għall-istabbilizzazzjoni tal-ġestjoni ekonomika tal-intrapriżi tas-sajd u tal-akkwakultura, minħabba l-inadegwatezza tal-għodod ta’ ġestjoni li s’issa kienu jintużaw biex tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali tas-settur tas-sajd;

30.

iqis li l-prijoritajiet politiċi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

l-indirizzar tal-kriżijiet tal-klima u tal-enerġija u l-impatt soċjali tagħhom fuq il-komunitajiet lokali, ir-reġjuni, il-provinċji u l-muniċipalitajiet;

il-bini ta’ komunitajiet reżiljenti b’interventi ex ante skont il-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji individwali u skont l-indiċi tal-vulnerabbiltà tat-territorji nfushom, anke billi tinħoloq sistema ta’ twissijiet dwar il-kriżijiet klimatiċi, ambjentali, tas-saħħa u tas-suq;

it-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali tal-UE billi tiġi żgurata integrazzjoni effettiva bejn ir-reġjuni periferiċi u dawk l-eqreb taċ-ċentri urbani; kull reġjun għandu jkollu l-awtonomija tiegħu fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet għall-azzjoni, iżda l-UE għandha terfa’ r-responsabbiltà għal sistema finanzjarja li tkun kapaċi tappoġġja fuq livell ċentrali l-istess reġjuni fil-każ ta’ kriżijiet ekonomiċi u soċjali kbar li jirriżultaw minn eventi katastrofiċi klimatiċi u kundizzjonijiet anormali tas-suq;

31.

jipproponili jiġu introdotti strumenti ta’ ġestjoni tar-riskju li għandhom l-għan li jipproteġu u jiġġestixxu l-pajsaġġi agrikoli tal-UE f’riskju ta’ għajbien u milquta minn fenomeni naturali estremi, sabiex tiġi stabbilizzata u ppreservata l-attività agrikola, u b’hekk jiġi pprevenut l-abbandun tal-biedja f’dawn iż-żoni, jiġu rivitalizzati l-komunitajiet tal-biedja reżiljenti f’dawn iż-żoni; u jiġi promoss il-konsum tal-ikel tajjeb għas-saħħa fl-UE;

L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rilevanza strateġika

32.

jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jiffukaw l-attenzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tar-riskji fuq l-għodod tal-assigurazzjoni, li kellhom prestazzjoni fqira f’termini ta’ effettività. Għal din ir-raġuni, itenni l-pożizzjoni fit-tul tal-KtR li l-iskemi tal-assigurazzjoni tal-introjtu huma ta’ benefiċċju għall-fornituri tal-assigurazzjoni aktar milli għall-bdiewa u huma għaljin għall-kontribwenti. Għandu jitwettaq studju u għandha ssir valutazzjoni tal-iskema ta’ assigurazzjoni introdotta fl-Istati Uniti u l-Kanada;

33.

jenfasizza li f’dawn l-aħħar tliet snin għalqu eluf ta’ azjendi agrikoli minħabba li ma hemm l-ebda xibka ta’ sikurezza effettiva u effiċjenti fl-UE li kapaċi tipproteġi b’mod effettiv l-introjtu tal-azjendi agrikoli, u b’hekk mhijiex kapaċi tipproteġi l-permanenza tal-bdiewa u taċ-ċittadini fiż-żoni rurali, fil-konfront tax-xenarji klimatiċi, l-ewwel u qabel kollox, kif ukoll ix-xenarji tas-suq, li huma konsegwenza tagħhom, li qatt ma ġew esperjenzati fid-deċennji preċedenti;

34.

jinnota li l-istudji tal-JRC juru li l-ħsara minn eventi katastrofiċi tammonta għal medja ta’ madwar EUR 8 biljun fis-sena. Dan l-ammont huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin hekk kif l-effetti tat-tibdil fil-klima jmorru għall-agħar. Fil-fatt, it-tibdil fil-klima issa qed joħloq theddida enormi għas-settur primarju u għaż-żoni rurali preċiżament minħabba l-frekwenza u s-severità dejjem akbar tal-eventi katastrofiċi;

35.

jissottolinja li l-għan ta’ din l-Opinjoni għalhekk mhuwiex li tiġi stabbilita sistema ta’ intervent ta’ ġestjoni tar-riskju, li l-PAK introduċiet għall-ewwel darba fl-Artikoli 37-39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mekkaniżmu attwali ta’ riżerva għall-kriżijiet wera, anke reċentement (Ġunju 2023), l-inadegwatezza tiegħu biex jipprovdi reazzjonijiet f’waqthom u adatti lill-bdiewa u t-territorji tal-UE. Il-finanzjament ipprovdut kien jammonta għal inqas minn 5 % tal-ħsara mġarrba mill-bdiewa u t-territorji;

37.

jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar, peress li dan l-approċċ mhuwiex qed ilaħħaq mat-tibdil fil-klima li għaddej; huwa biss ħela ta’ riżorsi finanzjarji, minħabba li t-tfassil tal-finanzjament ma jistax jilħaq l-objettiv tiegħu;

38.

jappella lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ tali taqlib li issa għandu jitqies bħala strutturali, tagħmel użu aktar effiċjenti mill-fondi ta’ riżerva għall-kriżijiet, u jappella għal mekkaniżmu li jingrana r-riżorsi disponibbli biex jipprovdi reazzjonijiet konkreti u effettivi lill-bdiewa u liż-żoni rurali tal-UE, kif ukoll biex jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji addizzjonali għal dawk li jeżistu fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali;

39.

iqis li l-istrumenti disponibbli (inklużi l-fondi mutwi u l-fond kontra l-kriżi) huma f’kunflitt mal-iskarsezza tar-riżorsi u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li tiżdied b’mod fundamentali r-riżerva baġitarja tagħhom u tiġi ddiversifikata l-firxa tal-istrumenti disponibbli;

40.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jikkunsidraw l-approċċ il-ġdid għall-ġestjoni tar-riskji bħala pass importanti għall-futur tal-agrikoltura Ewropea: wasal iż-żmien li jiġu pprovduti reazzjonijiet adegwati u konkreti, li jgħinu lin-negozji jegħlbu d-diffikultajiet li jirriżultaw mit-tibdil fl-ambjent attwali li joperaw fih.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2024.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (2022/2829(RSP) (ĠU C 125, 5.4.2023, p. 135), https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0330_MT.html

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad- 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32009R0073

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-tħejjija għall-kriżijiet u l-indirizzar tagħhom: it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni, tar-reġjuni u tal-bliet tagħha” (ĠU C 257, 21.7.2023, p. 6).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1979/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top