EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0104

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja (2021/2060(INI))

ĠU C 434, 15.11.2022, p. 11–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/11


P9_TA(2022)0104

Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja (2021/2060(INI))

(2022/C 434/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’), b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 24 (2019) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar id-drittijiet tat-tfal fis-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri (1) (ir-Regolament Brussell IIa),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment (2) (ir-Regolament dwar il-Manteniment),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja (4)

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (5),

wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Novembru 2010 dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2079 tal-Kunsill tal-Ewropa tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar l-ugwaljanza u l-kustodja konġunta: ir-rwol tal-missirijiet,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-490/20 (6),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (8),

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar l-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0033/2022),

Ġustizzja adattata għat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja

A.

billi għadd dejjem jikber ta' tfal u adolexxenti qed jiġu f'kuntatt mas-sistema ġudizzjarja fi proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja, prinċipalment minħabba ż-żieda fid-divorzju, is-separazzjoni u l-adozzjoni; billi fi proċedimenti bħal dawn it-tfal kollha għandhom ikunu garantiti aċċess mhux diskriminatorju għall-ġustizzja inkluż, b'mod partikolari, aċċess għall-qrati u għal metodi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim;

B.

billi l-UE hija impenjata li tiżgura li d-drittijiet ta' kull tifel u tifla jiġu rispettati, protetti u eżerċitati bil-ħsieb li tinbena soċjetà aktar b'saħħitha, aktar reżiljenti, aktar ekwa u aktar ġusta għal kulħadd;

C.

billi t-tfal għandhom id-dritt li jipparteċipaw, li jinstemgħu u li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod konformi mal-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tagħhom, fi kwalunkwe proċediment li jikkonċerna l-benesseri tagħhom u l-arranġamenti futuri għall-ħajja tagħhom; billi l-fehmiet tat-tfal għandhom jingħataw l-importanza dovuta, irrispettivament minn jekk il-proċedimenti jsirux minn qorti jew minn kwalunkwe awtorità rilevanti oħra;

D.

billi l-parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi għandha sseħħ f'ambjent komdu u adattat għat-tfal sabiex ma jiġux ikkawżati trawma jew stress addizzjonali għat-tfal u biex jiġi minimizzat l-impatt psikoloġiku u emozzjonali ta' tali ċirkostanzi, b'mod partikolari għat-tfal l-aktar vulnerabbli bħat-tfal b'diżabilità jew dawk li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni;

E.

billi l-parteċipazzjoni tat-tfal f'tali proċedimenti għandha tiġi appoġġjata permezz ta' approċċ multidixxiplinari mill-awtoritajiet rilevanti;

F.

billi l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu salvagwardji, garanziji u regoli proċedurali li jirregolaw is-seduti ta' smigħ tat-tfal; billi madankollu dawn id-dispożizzjonijiet ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri;

G.

billi fid-dar u f'ambjent tal-familja, fejn ikun jeżisti kunflitt bejn il-ġenituri, it-tfal jistgħu jsibu lilhom infushom vittmi ta' “vjolenza mixhuda” billi jesperjenzaw varjetà ta' forom ta' trattament ħażin permezz ta' atti ta' vjolenza fiżika, verbali, psikoloġika, sesswali u ekonomika kontra figuri ta' referenza jew figuri oħra ta' sinifikanza fl-unità domestika; billi vjolenza ta' dan it-tip għandha konsegwenzi serji ħafna għall-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali tat-tfal; billi huwa għalhekk essenzjali li tingħata attenzjoni xierqa lil tali vjolenza meta s-smigħ tat-tfal isir fi proċedimenti tad-dritt tal-familja sabiex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu l-kunsiderazzjoni primarja;

H.

billi t-tfal għandhom id-dritt li jiġu infurmati kif xieraq b'mod proporzjonat mal-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tagħhom u b'mod li jkunu jistgħu jifhmu f'kull pass tal-proċedimenti tal-qorti u amministrattivi li jikkonċernawhom;

I.

billi fi proċedimenti ċivili, amministrattivi u tad-dritt tal-familja, b'mod partikolari f'każijiet transfruntiera, it-tfal għandhom possibbiltajiet limitati biex ikunu rappreżentati minn professjonist jew konsulent legali;

J.

billi f'ċerti każijiet l-esperjenza wriet (10) il-benefiċċji li jkun hemm persuna ddedikata u indipendenti ta' fiduċja biex tappoġġja u takkumpanja lit-tfal matul il-proċedimenti legali, inkluż f'każijiet ta' medjazzjoni;

K.

billi l-qrati, il-korpi amministrattivi u l-istituzzjonijiet tal-assistenza soċjali għandhom iqisu l-ewwel u qabel kollox l-aħjar interessi tat-tfal meta jieħdu kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna t-tfal; billi dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq bażi individwali, b'kont meħud tal-età, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-tfal u ta' familthom;

L.

billi l-aħjar interessi tat-tfal u l-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal kollha ma jistgħux jiġu żgurati jekk il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja u l-użu ta' servizzi ta' appoġġ li jakkumpanjawhom jiddependu mir-riżorsi finanzjarji tal-ġenituri tagħhom, anke minħabba li l-ispejjeż ta' tali proċedimenti u servizzi jistgħu jkunu għoljin ħafna;

M.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma obbligati jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, inkluż permezz ta' ġustizzja adattata għat-tfal, fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fl-ambitu tal-Programm dwar il-Ġustizzja;

Qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'tilwim transfruntier ċivili

N.

billi ż-żieda fil-mobilità tfisser li l-għadd ta' tfal imwielda f'familji b'element transfruntier x'aktarx li jiżdied ukoll;

O.

billi għalkemm id-dritt ċivili u tal-familja sostantiv jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri, ir-regoli armonizzati dwar id-dritt transfruntier ċivili u tal-familja jista' jiġi stabbilit fil-livell tal-UE;

P.

billi, bħala partijiet għall-Konvenzjonidwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu l-aħjar interessi tat-tfal kunsiderazzjoni primarja fl-azzjoni pubblika kollha, inkluż meta jittrattaw tilwim transfruntier tal-familja; billi f'tilwim tal-familja b'implikazzjonijiet transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti f'xi Stati Membri spiss jinterpretaw il-protezzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal bħala li jkollhom jibqgħu fit-territorju tal-istat, anke f'każijiet fejn l-abbuż u l-vjolenza domestika jkunu ġew irrapportati kontra l-ġenitur li jirrisjedi f'dak l-istat;

Q.

billi l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, li huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka, jobbliga lill-Istati Membri jagħtu effett lil sentenza jew deċiżjoni li toriġina fi Stat Membru ieħor;

R.

billi l-proċedimenti transfruntiera huma aktar kumplessi minn perspettiva legali u għalhekk normalment jieħdu aktar ħin u jiswew aktar flus;

S.

billi n-nuqqas ta' proċeduri effettivi għall-infurzar ta' sentenzi dwar ir-responsabilità tal-ġenituri, id-drittijiet ta' aċċess, il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri jew l-obbligi ta' manteniment f'każijiet transfruntiera huwa ta' detriment għall-aħjar interessi tat-tfal;

T.

billi t-tfal involuti f'tilwim transfruntier dwar id-dritt ċivili u tal-familja għandhom igawdu l-istess drittijiet, l-istess livell ta' protezzjoni, garanziji proċedurali u standards minimi fl-Istati Membri kollha, irrispettivament miċ-ċittadinanza tal-ġenituri tagħhom;

U.

billi kull tifel u tifla għandhom id-dritt li jkunu jafu l-ġenituri tagħhom u li dawn jieħdu ħsiebhom; billi f'każ ta' separazzjoni, kull tifel u tifla għandhom id-dritt li jkollhom relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari jew, jekk il-ġenituri tagħhom ma jkunux disponibbli, mal-membri tal-familja tal-ġenituri tagħhom, u jekk dan lanqas ma jkun possibbli, ma' persuna tal-għażla tagħhom; billi r-relazzjonijiet personali u l-kuntatti diretti tat-tfal mal-ġenituri tagħhom jistgħu jiġu ristretti mill-awtorità kompetenti biss biex jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal;

V.

billi l-Konvenzjoni The Hague tal-1980 tintroduċi sistema ta' kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pajjiżi biex issolvi minnufih każijiet ta' ħtif internazzjonali ta' minorenni; billi sal-lum il-konvenzjoni ġiet ratifikata minn 101 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE;

W.

billi minkejja l-isforzi li saru s'issa, l-UE m'għandhiex biżżejjed data dwar il-proċedimenti ġudizzjarji li jinvolvu t-tfal, u lanqas il-qrati speċjalizzati li jittrattaw magħhom ma għandhom;

X.

billi n-nuqqas ta' regoli komuni tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' sentenzi dwar il-ġenituri, b'mod partikolari f'każijiet li jinvolvu ġenituri tal-istess ġeneru, jista' jirriżulta f'telf tad-drittijiet tal-ġenituri, jista' jikser id-dritt tat-tfal li jitrabbew miż-żewġ ġenituri u li u jżommu relazzjoni magħhom, u kwalunkwe dritt li jirriżulta minn paternità (bħal manteniment jew suċċessjoni), u jista' wkoll jinkoraġġixxi għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta' tilwim transfruntier fil-familja; billi l-proposta leġiżlattiva futura f'dan il-qasam għandha tgħin biex jitnaqqas l-għadd ta' proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji;

Y.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement stabbiliet is-sentenza li ġejja fil-Kawża C-490/20: fil-każ ta' wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u li ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu nħareġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti u li jindika lill-ġenituri ta' dan il-wild bħala żewġ persuni tal-istess sess, l-Istat Membru li tiegħu dan il-wild għandu n-nazzjonalità huwa obbligat, (i) li joħroġ lil dak il-wild karta tal-identità jew passaport mingħajr ma jkun meħtieġ li jinħareġ minn qabel ċertifikat tat-twelid mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu u (ii) li jirrikonoxxi, bħal kull Stat Membru ieħor, id-dokument mill-Istat Membru ospitanti li jippermetti lil dak il-wild jeżerċita, ma' kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni, id-dritt tal-wild li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

Medjazzjoni f'każijiet li jikkonċernaw it-tfal

Z.

billi f'ħafna każijiet, il-medjazzjoni tal-familja wriet li hija aktar rapida, orħos u aktar adattata għat-tfal biex jissolva t-tilwim mill-proċedimenti tal-qorti u għalhekk tista' tgħin biex jiġu evitati l-ħtif futur tat-tfal mill-ġenituri;

AA.

billi l-użu ta' riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim għandu jitħeġġeġ, sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, b'mod partikolari fil-każ ta' vjolenza domestika u abbuż sesswali;

AB.

billi l-għadd ta' proċedimenti ta' medjazzjoni domestika u transfruntiera tal-familja għadu baxx;

AC.

billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma hemm l-ebda għajnuna legali disponibbli għall-medjazzjoni għall-ġenituri li għandhom mezzi finanzjarji limitati iżda li fl-istess ħin jistgħu jkunu eliġibbli biex jirċievu għajnuna legali għal proċedimenti legali;

AD.

billi l-ġenituri jistgħu jsibuha diffiċli li jiksbu informazzjoni xierqa u verifikata dwar il-possibilità li jidħlu f'medjazzjoni fl-istadju ta' qabel il-qorti;

AE.

billi l-medjazzjoni kummerċjali hija sostanzjalment differenti mill-medjazzjoni tal-familja;

AF.

billi l-medjazzjoni transfruntiera tal-familja għandha l-potenzjal li tiffaċilita ftehimiet bejn il-ġenituri li jirrispettaw l-aħjar interessi tat-tfal, u dan inaqqa il--piż emozzjonali u finanzjarju u l-kumplessità legali inerenti għall-proċedimenti ġudizzjarji;

AG.

billi l-medjazzjoni transfruntiera tal-familja hija aktar kumplessa mill-medjazzjoni f'tilwim domestiku tal-familja minn perspettiva legali u loġistika u teħtieġ għarfien u ħiliet lingwistiċi addizzjonali mill-medjatur;

AH.

billi kemm l-imħallfin kif ukoll l-avukati għandhom jiġu mħarrġa biex ikollhom aktar għarfien dwar il-medjazzjoni transfruntiera tal-familja;

Ġustizzja adattata għat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja

1.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fil-proċedimenti kollha li jikkonċernaw il-benesseri tat-tfal u l-arranġamenti għall-ħajja futura tagħhom, id-drittijiet tat-tfal jiġu rispettati, garantiti u implimentati bis-sħiħ, u li l-aħjar interessi tat-tfal jingħataw l-ogħla prijorità u jiġu inkorporati kif xieraq u applikati b'mod konsistenti f'kull azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet pubbliċi, speċjalment fi proċedimenti ġudizzjarji, li għandha impatt dirett jew indirett fuq it-tfal, f'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta;

2.

Ifakkar li l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt li wieħed jinstema' huma drittijiet fundamentali u li kull tifel u tifla, irrispettivament mill-kuntest soċjali, ekonomiku jew etniku tagħhom, jenħtiġilhom ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ dawk id-drittijiet f'kapaċità personali, indipendentement mill-ġenituri jew il-kustodji legali tagħhom;

3.

Jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat sfidi addizzjonali f'termini ta' aċċess għall-ġustizzja, inkluż dewmien fil-proċedimenti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jipprevedu miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja matul il-pandemiji, speċjalment jekk ikunu involuti tfal fi proċedimenti ċivili, amministrattivi jew tal-liġi tal-familja;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien żejjed, sett ta' linji gwida komuni jew għodda mhux leġiżlattiva simili, li għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki biex l-Istati Membri jsegwuhom sabiex jiżguraw li s-smigħ tat-tfal isir minn imħallef jew minn espert imħarreġ u li ma tiġi applikata l-ebda pressjoni, inkluż mill-ġenituri; jisħaq li tali seduti ta' smigħ, partikolarment fil-proċedimenti tad-dritt tal-familja, għandhom isiru f'ambjent adattat għat-tfal u jkunu xierqa għall-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tat-tfal f'termini ta' lingwa u kontenut, filwaqt li jipprovdu l-garanziji kollha li jiżguraw li l-integrità emozzjonali u l-aħjar interessi tat-tfal jiġu rispettati, jiġi evitat l-istress żejjed u jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tqis kif xieraq il-fehmiet tat-tfal skont l-età u l-maturità tagħhom; jisħaq, barra minn hekk, li s-smigħ tat-tfal fi proċedimenti tal-familja fejn ikun hemm suspett ta' vjolenza domestika jew fil-familja jew “vjolenza mixhuda” għandu dejjem isir fil-preżenza ta' psikologi, tobba jew professjonisti kwalifikati, inklużi professjonisti kwalifikati fin-newropsikjatrija tat-tfal, sabiex it-trawma tagħhom ma tiġix aggravata u ma jiġux vittimizzati aktar;

5.

Jissottolinja li tali linji gwida jew għodda mhux leġiżlattiva simili għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li t-tfal involuti fi proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattivi jew tal-familja għandhom jiġu infurmati f'kull stadju tal-proċedura b'mod li jkunu jistgħu jifhmuh bis-sħiħ u, b'mod partikolari, li d-deċiżjoni mogħtija mill-awtorità għandha tiġi spjegata lit-tfal minn professjonist imħarreġ apposta b'mod adatt għall-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tagħhom;

6.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta r-rabta mill-qrib bejn il-proċedimenti kriminali, il-proċedimenti ċivili u proċedimenti legali oħra sabiex issir koordinazzjoni tar-risponsi ġudizzjarji u risponsi legali oħra għall-vjolenza fuq it-tfal u dik minn sieħeb intimu; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jadottaw miżuri biex jorbtu l-kawżi kriminali u dawk ċivili li jinvolvu familja individwali u t-tfal sabiex jipprevjenu b'mod effettiv kwalunkwe diskrepanza bejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u deċiżjonijiet legali oħra li tkun ta' ħsara għat-tfal;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw u jipprovdu informazzjoni adattata għat-tfal, li tkun faċilment aċċessibbli, komprensibbli u eżawrjenti, dwar id-drittijiet tat-tfal fil-proċedimenti ta' dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja u dwar il-proċedimenti nfushom, inklużi dawk ta' natura transfruntiera;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jippermettu l-aċċess għal rappreżentanza legali mingħajr ħlas, iffinanzjata pubblikament u ta' kwalità għolja għat-tfal involuti f'tilwim ċivili, amministrattiv u tal-familja, inkluż it-tilwim ta' natura transfruntiera, f'każijiet meta l-ġenituri ma jeżerċitawx responsabbiltà tal-ġenituri sħiħa jew meta jkun hemm suspett li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f'kunflitt mal-aħjar interessi tat-tfal;

9.

Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jadottaw approċċ multidixxiplinari u jistabbilixxu servizzi ta' konsulenza u appoġġ għat-tfal li jkunu aċċessibbli faċilment, ta' kwalità għolja, personalizzati, mingħajr ħlas u ffinanzjati pubblikament – kemm fil-qorti kif ukoll barra mill-qorti – biex jipprovdu, fejn ikun meħtieġ, l-appoġġ ta' professjonisti mħarrġa, bħal tobba, psikologi, professjonisti kwalifikati tan-newropsikjatrija tat-tfal, ħaddiema soċjali u speċjalisti tal-kura tat-tfal sabiex jappoġġjaw lit-tfal bl-aħjar mod possibbli fl-istadji kollha tal-proċedimenti; jisħaq li għandu jittieħed approċċ individwalizzat għal kull tifel u tifla involuti fi proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal li ta' spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew ikunu f'sitwazzjoni vulnerabbli, inklużi t-tfal b'diżabilità, it-tfal li jkunu ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u t-tfal li jgħixu fil-faqar jew li jkunu soċjalment esklużi;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu korsijiet obbligatorji ta' taħriġ dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal għall-imħallfin u professjonisti legali oħra, l-awtoritajiet tal-infurzar, l-assistenti soċjali, l-għalliema, il-kindergartens u l-partijiet rilevanti l-oħra kollha involuti fil-proċedimenti tal-qorti u amministrattivi li jikkonċernaw it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għal tali azzjonijiet, pereżempju permezz tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, u l-Programm dwar il-Ġustizzja;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi n-networks u l-pjattaformi eżistenti tal-professjonisti legali jiskambjaw il-prattiki tajba dwar is-smigħ tat-tfal, id-dritt tat-tfal għall-informazzjoni u d-dritt għall-privatezza madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tqis li tistabbilixxi punt uniku ta' servizz ta' esperti minn madwar l-UE biex iservi ta' pjattaforma għall-iskambju ta' informazzjoni; iħeġġeġ lin-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju jipprevedi forum bħal dan għall-imħallfin involuti f'tilwim transfruntier tal-familja;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi biex jiżguraw li l-proċedimenti tad-dritt ċivili, amministrattiv u tal-familja li jinvolvu t-tfal jiġu ttrattati bl-akbar konformità mal-istandards tal-ġustizzja adattata għat-tfal, bir-rispett xieraq għall-integrità emozzjonali u fiżika tat-tfal, u mingħajr dewmien żejjed; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati tat-tfal u tal-familja jiffunzjonaw bħala servizz essenzjali, filwaqt li jkomplu jorganizzaw seduti ta' smigħ ta' emerġenza u jeżegwixxu d-digrieti tal-qorti għall-kura u l-protezzjoni tat-tfal li jkunu f'riskju immedjat ta' negliġenza jew abbuż;

13.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-Programm dwar il-Ġustizzja biex jiffinanzjaw azzjonijiet u organizzazzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-ġustizzja għat-tfal kollha u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu mat-tfal u għalihom permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi u proċeduri xierqa għall-ilmenti, ir-rikorsi jew ir-rimedji sabiex jiġi żgurat bis-sħiħ li d-drittijiet tat-tfal ikunu integrati b'mod xieraq fil-proċedimenti ġudizzjarji li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq it-tfal;

Qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'tilwim transfruntier ċivili

14.

Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal fil-proċedimenti transfruntiera tal-familja, inkluż billi jiżguraw li l-liġijiet u l-proċeduri ma jiddiskriminawx bejn il-ġenituri abbażi tan-nazzjonalità tagħhom, il-pajjiż ta' residenza tagħhom jew b'xi mod ieħor, u billi jirrifjutaw is-suppożizzjoni li l-aħjar interess tat-tfal huwa dejjem li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru partikolari;

15.

Jissottolinja li waħda mir-raġunijiet li l-każijiet transfruntiera jistgħu jkunu ta' sfida mil-lat legali hija t-terminoloġija nazzjonali differenti, bħal pereżempju d-differenzi fir-rekwiżiti tal-età minima madwar l-Istati Membri, għax dan jista' jwassal biex it-tfal jiġu ttrattati b'mod differenti skont il-kriterji diverġenti ta' età, jew ir-rwoli differenti tal-konsulenza legali tal-minuri fil-proċedimenti li jinvolvu t-tfal;

16.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw id-dritt ta' kull tifel u tifla li jżommu kuntatt personali u dirett ma' kull ġenitur, dment li dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, irrispettivament mill-kompożizzjoni tal-familja jew il-parentela bijoloġika tagħhom; jissottolinja li dawk id-drittijiet għandhom jiġu rispettati minkejja l-miżuri restrittivi marbuta mal-COVID-19;

17.

Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw b'mod effettiv is-sentenzi f'tilwim transfruntier tal-familja li jikkonċerna t-tfal f'konformità mad-dritt applikabbli tal-UE u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċjalment f'każijiet relatati ma' ħtif transfruntier ta' minuri mill-ġenituri iżda wkoll f'każijiet ta' separazzjoni, divorzju, kustodja, adozzjoni u foster care u deċiżjonijiet relatati mar-rikonoxximent tal-paternità, inklużi koppji tal-istess sess, filwaqt li dejjem iqisu l-aħjar interessi tat-tfal f'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq ir-regoli u l-obbligi l-ġodda skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri (11). jissottolinja l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni bejn il-qrati nazzjonali fil-każijiet transfruntiera u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri għal dak il-għan, tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni korretta tar-regolament, u tirrispondi fil-pront għal kwalunkwe nuqqas fir-rigward;

19.

Ifakkar li r-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell IIa kellha l-għan li tipproteġi d-drittijiet tat-tfal billi tiċċara r-regoli, tqassar il-proċedimenti transfruntiera li jikkonċernaw it-tfal permezz ta' skadenzi stabbiliti u l-abolizzjoni tal-exequaturs, u trawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-iskambju ta' informazzjoni f'każijiet transfruntiera; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jipprovdu riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ xieraq dwar ir-regoli l-ġodda għall-awtoritajiet ċentrali, l-imħallfin u professjonisti legali oħra involuti f'tilwim transfruntier, inkluż dwar is-smigħ tat-tfal u l-użu possibbli tal-medjazzjoni f'każijiet bħal dawn; jenfasizza li tali taħriġ għandu jipprevedi livell suffiċjenti ta' għarfien u għarfien espert dwar il-proċedimenti transfruntiera tal-familja;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida għal prattika tajba dwar ir-Regolament Brussell IIa riformulat;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tal-UE tarmonizza l-garanziji proċedurali għat-tfal fi proċedimenti transfruntiera tad-dritt tal-familja;

23.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispejjeż finanzjarji tal-proċedimenti u l-ispejjeż addizzjonali inerenti f'każijiet transfruntiera ma jkunux ostaklu għall-aċċess għall-ġustizzja f'kawżi transfruntiera ċivili, amministrattivi u tal-familja li jinvolvu t-tfal; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli u aċċessibbli l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali possibbli f'każijiet bħal dawn;

24.

Jinnota li r-Renju Unit m'għadux jipparteċipa fil-kooperazzjoni fl-ambitu tar-Regolament Brussell IIa u r-Regolament dwar il-Manteniment; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod urġenti l-aktar mezz xieraq, inkluża għodda bilaterali, biex tiġi indirizzata l-inċertezza legali eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-proċedimenti ċivili, amministrattivi u tal-familja li jikkonċernaw it-tfal;

25.

Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva biex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-paternità bejn l-Istati Membri;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tqis kif xieraq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet, inkluż l-anness tagħha li jipprevedi regolament dwar ir-rikonoxximent transfruntier tad-digrieti ta' adozzjoni, sabiex jinħoloq qafas legali ċar u biex il-familji jingħataw iċ-ċertezza legali meħtieġa biex id-digrieti ta' adozzjoni li jinħarġu legalment fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinfurmaw u jinkludu kif xieraq lill-Parlament fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida jew riveduta fil-qasam tad-dritt transfruntier ċivili u tal-familja, peress li tali regoli jinfluwenzaw direttament il-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE u fuq kollox tat-tfal;

28.

Iqis li l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1980 hija strument vitali għas-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal f'każijiet ta' ħtif internazzjonali ta' minuri u jemmen li l-UE għandha tilqa' l-adeżjoni ta' pajjiżi ġodda għal din il-konvenzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq progress rapidu fil-valutazzjoni tagħha tal-adeżjoni ta' pajjiżi ġodda u jistieden lill-Istati Membri jaċċettawhom mingħajr ebda eżitazzjoni;

29.

Itenni t-talba tiegħu għal aktar kooperazzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Ġappun, sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni internazzjonali kollha dwar il-protezzjoni tat-tfal bil-għan li t-tfal jiġu protetti mill-effetti dannużi tal-ħtif ta' minuri mill-ġenituri;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tespandi r-riċerka u l-ġbir tad-data dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal u l-aħjar prattiki fil-qasam fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data dwar it-tilwim ċivili transfruntier li jinvolvi t-tfal bħall-każijiet ta' kustodja, aċċess u ħtif ta' minuri mill-ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi din id-data fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE;

Medjazzjoni f'każijiet li jirrigwardaw it-tfal

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida għal regolament dwar il-medjazzjoni transfruntiera, akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, li għandu jistabbilixxi standards komuni għall-proċedura transfruntiera, regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' ftehimiet medjati, rekwiżiti għall-istabbiliment ta' ċertifikat Ewropew għall-medjaturi biex tiġi żgurata l-kwalità tal-għarfien espert f'każijiet transfruntiera, u standards komuni għall-kuntratti transfruntiera ta' medjazzjoni; iqis li tali standards komuni għandhom jiżguraw ir-rispett għar-regoli ta' kunfidenzjalità ta' kull Stat Membru u jipprovdu lill-partijiet biżżejjed informazzjoni legali dwar il-kunċett, il-limiti u l-konsegwenzi tal-medjazzjoni;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw in-networks eżistenti ta' medjaturi fit-tilwim tal-familja transfruntier;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu uffiċċji ta' premedjazzjoni sabiex jipprovdu lill-ġenituri u lit-tfal ikkonċernati l-informazzjoni kollha li jeħtieġu dwar it-twettiq tal-medjazzjoni u l-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli tagħha, b'mod partikolari għat-tfal infushom u d-drittijiet u l-benesseri tagħhom; jenfasizza li xi Stati Membri diġà stabbilew tali uffiċċji jew qed jippruvaw jagħmlu dan;

34.

Jissottolinja li l-medjazzjoni tista' tkun għodda effettiva biex tipproteġi l-aħjar interessi tat-tfal f'każijiet ta' ħtif transfruntier ta' minuri mill-ġenituri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-prattiki tajba u l-“mediators in court model” (mudell ta' medjazzjoni fil-qorti) użati minn xi Stati Membri biex isolvu tilwim tal-familja transfruntier b'mod amikevoli u barra mill-qorti;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal ikollhom il-possibbiltà li matul il-proċess ta' medjazzjoni jitkellmu ma' individwu kwalifikat u indipendenti li jista' jipprovdilhom informazzjoni u appoġġ adattati għat-tfal;

36.

Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-għajnuna legali għall-medjazzjoni f'każijiet ta' tilwim tal-familja transfruntier għall-ġenituri b'mezzi finanzjarji limitati;

37.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi esplorat l-użu ta' għodod online, inklużi l-vidjokonferenzi, fil-medjazzjoni fil-każ ta' tilwim fuq distanza twila jew tilwim affettwat minn ċirkostanzi straordinarji, bħall-pandemija tal-COVID-19;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv il-medjazzjoni volontarja fi kwistjonijiet tal-familja li jikkonċernaw lit-tfal, inkluż permezz ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni;

39.

Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu regoli sempliċi, rapidi u affordabbli biex il-ftehimiet medjati bejn il-ġenituri jsiru legalment vinkolanti u infurzabbli;

o

o o

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.

(4)  ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21.

(5)  ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1.

(6)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Diċembru 2021, V.M.A.Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”, C-490/20, ECLI:EU:C:2021:1008.

(7)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 14.

(8)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 146.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2021)0406.

(10)  Bħal Kindbehartiger fin-Netherlands jew “Youth At Risk” fi Flanders.

(11)  ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1.


Top