EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0183

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

COM/2021/183 final

Brussell, 13.4.2021

COM(2021) 183 final

2021/0098(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Kunsill TRIPS”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar it-talba għal estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għall-Membri tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ

Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”) għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jipprovdi standards u prinċipji adegwati dwar id-disponibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, mezzi effettivi u xierqa għall-infurzar tagħhom u proċeduri effettivi u rapidi għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni multilaterali tat-tilwim bejn il-gvernijiet. Il-Ftehim TRIPS ikopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġejjin: id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, it-trademarks, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, inklużi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini, id-disinji industrijali, il-privattivi, inkluża l-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti, id-disinni ta’ tqassim ta’ ċirkwiti integrati u l-informazzjoni mhux żvelata. Il-ftehim TRIPS daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim tal-TRIPS 1 .

2.2.Il-Kunsill TRIPS

Il-Kunsill TRIPS jissorvelja l-funzjonament tal-Ftehim TRIPS. Fis-sessjonijiet regolari tiegħu, il-Kunsill TRIPS iservi bħala forum għal diskussjoni dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti mill-Ftehim TRIPS. Il-Kunsill TRIPS jopera taħt il-gwida ġenerali tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO. Huwa miftuħ għall-Membri kollha tad-WTO u għall-osservaturi approvati mill-Membri. Il-Kunsill TRIPS jieħu deċiżjonijiet b’kunsens. Skont ir-Regola 33 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill TRIPS 2 , meta deċiżjoni ma tkunx tista’ tintlaħaq b’kunsens fil-Kunsill TRIPS, il-kwistjoni partikolari għandha tiġi riferuta lill-Kunsill Ġenerali għal deċiżjoni. Skont l-Artikolu IX tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim ta’ Marrakesh”) meta l-Unjoni Ewropea teżerċita d-dritt tal-vot tagħha għandha għadd ta’ voti ugwali għal dak tal-Istati Membri li huma Membri tad-WTO.

2.3.L-att previst tal-Kunsill TRIPS

Fit-8-9 ta’ Ġunju 2021, matul is-sessjoni formali tiegħu, il-Kunsill tat-TRIPS għandu jadotta deċiżjoni rigward it-talba għal estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tat-TRIPS għall-Membri mill-Inqas Pajjiżi Żviluppati (LDC) mill-1 ta’ Lulju 2021 (“l-att previst”).

Mid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995 tal-Ftehim ta’ Marrakesh, il-Membri LDC kienu eżentati mill-obbligi tat-TRIPS minbarra l-Artikolu 3, 4 u 5 għal perjodu ta’ għaxar snin skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS. Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ aktar estensjonijiet ta’ dan il-perjodu fuq talba motivata kif xieraq minn membru tal-inqas pajjiżi żviluppati. Fl-2005 u l-2013, wara talbiet speċifiċi mill-Membri LDC, din l-eżenzjoni diġà ġiet estiża darbtejn, it-tieni darba sal-1 ta’ Lulju 2021.

Iċ-Chad, f’isem il-grupp LDC, ippreżenta formalment talba 3 fl-1 ta’ Ottubru 2020 għal estensjoni tal-perijodu transitorju. Il-grupp LDC talab għal estensjoni tal-perjodu tranżitorju sakemm il-Membru jibqa’ fil-kategorija tal-inqas pajjiżi żviluppati u għal perjodu ta’ tnax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li teskludi l-Membru mill-kategorija tal-inqas pajjiżi żviluppati.”

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS, li jipprevedi: “Fid-dawl tal-ħtiġijiet speċjali u r-rekwiżiti tal-Membri tal-inqas pajjiżi żviluppati, ir-restrizzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u amministrattivi tagħhom, u l-ħtieġa tagħhom għal flessibbiltà biex joħolqu bażi teknoloġika vijabbli, tali Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tal-applikazzjoni kif definit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 65. Il-Kunsill għat-TRIPS għandu, fuq talba motivata kif xieraq minn Membru tal-inqas pajjiżi żviluppati, jagħti estensjonijiet ta’ dan il-perjodu”.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Bħala rispons għat-talba tal-Membri LDC, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li ġejja: Il-membri LDC jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, għal perjodu limitat ta’ żmien li ma jaqbiżx l-10 snin, jew sa tali data, li fiha ma jibqgħux LDC, skont liema data tiġi l-ewwel.

Madankollu, estensjoni tal-perjodu tranżitorju mingħajr limitu ta’ żmien, kif propost mil-LDCs, ma tkunx konsistenti mal-objettiv li l-Membri tal-LDC jiġu integrati gradwalment, bħala membri tas-sistema kummerċjali multilaterali, fis-sistema internazzjonali tal-PI abbażi tar-rekwiżiti minimi previsti fil-Ftehim TRIPS.

Jekk il-Membri tad-WTO jappoġġaw l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS mingħajr limitu ta’ żmien, jenħtieġ li l-Unjoni ma tostakolax l-ilħuq ta’ kunsens.

Ċertu livell ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI huwa meħtieġ ukoll fil-Membri LDC, minħabba li d-DPI huma katalist għall-innovazzjoni u għodda importanti għall-iżvilupp sostenibbli. Il-protezzjoni u l-infurzar tad-DPI jikkostitwixxu wkoll inċentiv għad-detenturi tat-teknoloġija biex jippromwovu t-tixrid tal-għarfien u jattiraw investiment intern lill-Membri LDC. Ċertu livell ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI fil-Membri LDC iservi wkoll bħala inċentiv għall-kumpaniji tal-UE biex iġibu t-teknoloġiji l-ġodda tagħhom lill-Membri LDC mingħajr biża’ ta’ serq tal-PI jew abbużi oħra. Estensjoni tal-perjodu tranżitorju mingħajr limitu ta’ żmien ma tkunx inkoraġġanti biżżejjed biex il-Membri LDC jagħmlu sforzi f’dan il-qasam u tista’ tkun kontroproduttiva għall-kompetittività tagħhom fis-sistema kummerċjali dinjija. Madankollu, estensjoni oħra tal-perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS, minbarra l-Artikoli 3, 4 u 5, hija ġġustifikata. Il-membri LDC jirrappreżentaw l-aktar parti vulnerabbli tal-komunità tal-kummerċ internazzjonali, ikkaratterizzata minn restrizzjonijiet bħal introjtu per capita baxx, livell baxx ta’ żvilupp tal-bniedem, u żvantaġġi ekonomiċi u strutturali għat-tkabbir. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet iżżid l-isfidi li jiffaċċjaw il-Membri LDC. Għalhekk, jeħtieġ li l-Membri LDC ikollhom spazju ta’ politika u flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp tagħhom u joħolqu bażi teknoloġika vijabbli.

Huwa importanti wkoll li jsir sforz biex jiġi previst li kwalunkwe bidla fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-prattika tal-Membri LDC li ssir matul il-perjodu tranżitorju addizzjonali ma tistax tirriżulta f’livell inqas ta’ konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS. Dan ir-rekwiżit jinċentiva lill-Membri LDC biex gradwalment jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS u jipprevjenu li jitbaxxa l-livell ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-isforzi tal-Membri LDC biex jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS jiġu kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni dwar il-benefiċjarji tal-kooperazzjoni teknika u finanzjarja prevista skont l-Artikolu 67 tal-Ftehim TRIPS biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS li jiffoka fuq dawk l-oqsma tal-aktar utilità immedjata.

It-tieni parti tat-talba tal-Membri LDC, jiġifieri t-talba għal perjodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ tnax-il sena mid-data li fiha Membru tal-inqas pajjiżi żviluppati jiggradwa mill-kategorija tal-inqas pajjiżi żviluppati tidher li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS, peress li dan l-Artikolu japplika biss għall-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS mill-Membri LDC. It-talba tidher li tammonta għal eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim TRIPS, li ma tistax tiġi deċiża mill-Kunsill TRIPS. Għalhekk, it-talba biex tingħata eżenzjoni lil dawk li mhumiex LDC bħala parti minn deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS ma tistax tiġi appoġġata.

Għandu jiġi nnutat li t-talba għal perijodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ tnax-il sena mid-data ta’ gradwazzjoni ta’ Membru tal-inqas pajjiżi żviluppati mill-kategorija tal-inqas pajjiżi żviluppati hija inkluża wkoll fil-komunikazzjoni 4 dwar transizzjoni bla xkiel favur pajjiżi li jiggradwaw mill-kategorija LDC ippreżentata mill-missjoni taċ-Chad f’isem il-grupp LDC fis-17 ta’ Novembru 2020 lill-Kunsill Ġenerali u li qed tiġi diskussa fil-Kunsill Ġenerali.

L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mal-politiki tal-UE. Ġew adottati deċiżjonijiet simili qabel. L-Unjoni Ewropea appoġġat l-estensjoni tal-perijodu transizzjonali, maqbul mill-Membri tad-WTO fil-11 ta’ Ġunju 2013, għall-Membri LDC biex ma japplikawx il-Ftehim TRIPS, minbarra l-Artikoli 3, 4 u 5, sal-1 ta’ Lulju 2021 5 .

Il-Membri LDC ingħataw ukoll eżenzjoni speċifika rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS dwar il-farmaċewtiċi. Din l-eżenzjoni inizjalment kellha tiskadi fil-1 ta’ Jannar 2016 abbażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata fl-14 ta’ Novembru 2001. Fl-2015, il-Bangladexx, f’isem il-grupp LDC, talab eżenzjoni mill-obbligi tal-Ftehim TRIPS fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi għall-Membri LDC sakemm jibqgħu LDC. L-UE appoġġat din it-talba tal-grupp LDC fid-dawl tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tat-30 ta’ Awwissu 2003 dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha. Eventwalment, ir-rinunzja ġiet estiża sal-1 ta’ Jannar 2033 jew sa tali data li fiha Membru LDC ma jibqax LDC, skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-pożizzjoni tal-UE dwar l-att previst hija konsistenti bis-sħiħ mal-pożizzjoni tal-UE rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS dwar il-farmaċewtiċi.

4.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti ġuridiċi, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 6 .

4.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill TRIPS huwa korp stabbilit mill-Ftehim ta’ Marrakesh u l-Anness 1C tiegħu dwar il-Ftehim TRIPS.

L-att li l-Kunsill TRIPS huwa msejjaħ biex jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti ġuridiċi. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.3.Bażi ġuridika sostantiva

4.3.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.3.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.4.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2021/0098 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll il-Ftehimiet fl-Annessi 1, 2 u 3 ta’ dak il-Ftehim (“il-Ftehim ta’ Marrakesh”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE 7 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”), inkluż fl-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakesh, il-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Kunsill TRIPS”) għandu, fuq talba motivata kif xieraq minn Membru tal-inqas pajjiżi żviluppati (LDC), jagħti estensjonijiet tal-perjodu tranżitorju li matulu l-Membri LDC mhumiex meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, ħlief għall-Artikoli 3, 4 u 5.

(3)Il-perjodu tranżizzjonali eżistenti, kif miftiehem fid-Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS tal-11 ta’ Ġunju 2013 8 għandu jiskadi fl-1 ta’ Lulju 2021.

(4)Fl-1 ta’ Ottubru 2020, iċ-Chad, f’isem il-grupp LDC, ippreżenta formalment talba għal estensjoni tal-perijodu tranżitorju 9 .

(5)Il-Kunsill TRIPS, matul is-sessjoni formali tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2021, għandu jadotta deċiżjoni dwar it-talba għal estensjoni tal-perijodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għall-Membri LDC (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS”).

(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kunsill TRIPS, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(7)Il-membri LDC jirrappreżentaw l-aktar segment vulnerabbli tal-komunità tal-kummerċ internazzjonali, li qed jiffaċċja restrizzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u amministrattivi. Il-membri LDC irid ikollhom spazju ta’ politika u flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp tagħhom u aktar żmien biex jimplimentaw il-Ftehim TRIPS.

(8)Ċertu livell ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) huwa ta’ benefiċċju għall-Membri LDC, minħabba li d-DPI huma katalist għall-innovazzjoni u għodda importanti għall-iżvilupp sostenibbli. Xi Membri LDC diġà ħadu passi lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS u jeħtieġ li jiġu mħeġġa biex ma jnaqqsux il-livell eżistenti ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI.

(9)Estensjoni tal-perjodu tranżitorju mingħajr limitu ta’ żmien, kif propost mill-grupp LDC, tnaqqas ir-ritmu tal-proċess tal-integrazzjoni gradwali tal-Membri LDC, bħala membri tas-sistema kummerċjali multilaterali, fis-sistema internazzjonali tal-PI abbażi tar-rekwiżiti minimi previsti fil-Ftehim TRIPS.

(10)Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS, għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, għall-Membri LDC għal perjodu limitat ta’ żmien li ma jaqbiżx l-għaxar snin.

(11)Jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jappoġġaw l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għal perjodu itwal jew mingħajr limitu ta’ żmien, jenħtieġ li l-Unjoni ma tostakolax l-ilħuq ta’ kunsens.

(12)It-talba tal-LDC għal perjodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ tnax-il sena kkalkulata mid-data li fiha Membru LDC jiggradwa mill-kategorija LDC tidher li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS, peress li dan l-Artikolu japplika biss għall-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS mill-Membri LDC. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba biex tingħata eżenzjoni lil Membri li mhumiex LDC bħala parti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS ma tiġix appoġġata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Kunsill TRIPS”), matul is-sessjoni formali tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2021, għandha tkun kif ġej:

(a)Il-membri LDC jenħtieġ li ma jintalbux japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”) għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, għal perjodu limitat ta’ żmien li ma jaqbiżx l-għaxar snin, jew sa tali data li fiha ma jibqgħux Membru LDC, skont liema data tiġi l-ewwel.

(b)Jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jappoġġaw l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għal perjodu itwal jew mingħajr limitu ta’ żmien, jenħtieġ li l-Unjoni ma tostakolax l-ilħuq ta’ kunsens.

(c)Jenħtieġ li l-membri LDC jiżguraw li kwalunkwe bidla fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-prattika tagħhom li ssir matul il-perjodu tranżitorju addizzjonali ma tirriżultax f’livell inqas ta’ konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS. Madankollu, jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ma jappoġġawx obbligu bħal dan tal-Membri LDC, jenħtieġ li l-Unjoni ma tostakolax l-ilħuq ta’ kunsens.

(d)Jenħtieġ li t-talba tal-Membri LDC għal perijodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ tnax-il sena kkalkulata mid-data li fiha Membru LDC jiggradwa mill-kategorija LDC ma tiġix appoġġata, peress li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).
(2)    Ir-Regoli ta’ proċedura għal-laqgħat tal-Kunsill għal TRIPS (it-28 ta’ Settembru 1995) — IP/C/1.
(3)    Dokument tad-WTO IP/C/W/668.
(4)    WT/GC/W/807.
(5)    Id-dokumenttad-WTO IP/C/64.
(6)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).
(8)    IP/C/64.
(9)    Dokument tad-WTO IP/C/W/668.
Top