EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE3684

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/03684

ĠU C 275, 18.7.2022, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 275/02)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Relatur:

Cristian PÎRVULESCU

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/7/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-mod kif il-COVID-19 qed tħalli impatt fuq il-ħajja, is-sikurezza, il-benesseri u d-dinjità tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE. Huwa wkoll imħasseb ħafna dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-individwi u l-komunitajiet madwar id-dinja, speċjalment fil-pajjiżi li m’għandhomx l-infrastruttura tas-saħħa, soċjali u edukattiva adegwata biex jindirizzaw il-pandemija.

1.2.

Ir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri jrid jindirizza l-vulnerabbiltajiet sistemiċi tal-infrastruttura tas-saħħa tal-Ewropa fid-dawl taż-żieda fil-mobbiltà u l-probabbiltà akbar ta’ mard żoonotiku perikoluż. Barra minn hekk, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-pandemija għandhom jimxu id f’id mat-twaqqif ta’ sistema ta’ appoġġ soċjali u ekonomiku adegwata biex jittaffew l-effetti ta’ tfixkil tagħha.

1.3.

Kif diġà qal il-KESE qabel, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri komuni Ewropej li m’għandhom qatt ikunu negozjabbli: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt (1). Dawn il-valuri ma jistgħux jintesew anke meta l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffaċċjaw emerġenza u l-konsegwenzi tagħha f’termini ta’ sfidi ekonomiċi, soċjali u edukattivi. Filwaqt li r-rispons għall-kriżi attwali jeħtieġ li jkun rapidu u jiġġustifika ċerti miżuri ta’ eċċezzjoni u għal żmien limitat, dawn ma jistgħux imorru kontra l-istat tad-dritt u ma jistgħux jipperikolaw id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali tal-abitanti Ewropej (2).

1.4.

L-UE għandha tallinja l-politiki, l-istrateġiji u l-programmi tagħha biex issegwi rkupru ġust u komprensiv mill-kriżi, bil-ħsieb li tikseb konverġenza ’l fuq fl-istandards mediċi, soċjali, ekonomiċi u demokratiċi. Fil-kuntest tal-isforzi li saru permezz tal-istrument NextGenerationEU biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus, il-KESE jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li joħloq għodda ġdida li tippermetti t-teħid ta’ miżuri korrettivi ekonomiċi fil-konfront tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 (3). Barra minn hekk, neħtieġu kunċett usa’ tal-istat tad-dritt li jiġbor fih il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-demokrazija pluralista. L-istat tad-dritt qiegħed f’relazzjoni triangolari, inseparabbli u interdipendenti mad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.

1.5.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jużaw l-istituzzjonijiet eżistenti tad-djalogu soċjali u ċivili biex jinvolvu bis-sħiħ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali fil-ħolqien ta’ spazju demokratiku pluralistiku li fih huma milqugħa viżjonijiet u kritiki differenti, b’salvagwardji biex tiġi limitata l-proliferazzjoni tal-aħbarijiet foloz kif ukoll ta’ diskors estremist mhux ġustifikat u mhux ġustifikabbli kontra d-drittijiet tal-bniedem, ibbażat fuq teoriji ta’ komplotti.

1.6.

Il-gvernijiet għandhom jidentifikaw b’mod ċar il-bażi ġuridika għall-miżuri tagħhom. Kwalunkwe riforma tal-liġijiet eżistenti dwar l-emerġenza tas-saħħa u regoli relatati jew l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda, inkluż fit-tħejjija għal pandemiji futuri, għandha tistabbilixxi limiti u kundizzjonijiet espliċiti u tipprevedi b’mod espliċitu l-iskrutinju parlamentari u r-rieżami ġudizzjarju tal-proporzjonalità tal-miżuri u l-konformità tagħhom mal-istandards domestiċi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

1.7.

Ir-regoli u l-politiki relatati mal-COVID-19 għandhom ikunu ċari, koerenti u konsistenti sa fejn ikun possibbli, bil-provvediment ta’ informazzjoni dwarhom mogħtija fil-ħin; l-involviment u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati regoli u politiki; u l-inklużjoni ta’ raġunament ibbażat fuq l-evidenza. Dan il-prinċipju ta’ ċarezza għandu jiggwida wkoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmi prevedibbli — li jinvolvu s-salvagwardji sostantivi u proċedurali demokratiċi kollha meħtieġa — sabiex ikunu lesti li jirrispondu b’mod ordnat għal pandemiji, kriżijiet tas-saħħa jew diżastri naturali potenzjali futuri. Ir-regoli, il-politiki u kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata magħhom għandhom ikunu aċċessibbli għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà, inklużi l-gruppi ta’ lingwa minoritarja. Fejn ikun meħtieġ li jsir tibdil fil-politika, dawn il-bidliet għandhom jitħabbru biżżejjed minn qabel permezz ta’ varjetà ta’ mezzi uffiċjali u pubbliċi, biex in-nies jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju u jadattaw l-imġiba tagħhom b’mod adegwat.

1.8.

Għandu jkun meħtieġ rappurtar regolari lill-Parlament mill-Ministri tal-gvern inkarigati bl-introduzzjoni ta’ miżuri relatati mal-pandemija. Il-parlamenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kumitati, kummissjonijiet jew gruppi biex jiskrutinizzaw il-miżuri tal-COVID-19 u jipprovdu rapporti regolari lill-parlamenti u lill-assemblej rappreżentattivi lokali u reġjonali. Id-dibattitu parlamentari dwar dawn ir-rapporti u t-tweġibiet mill-gvern ukoll għandhom ikunu rekwiżit biex tiġi żgurata s-sorveljanza tal-azzjoni tal-gvern. L-Istati għandhom jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja billi jiggarantixxu ġudikatura indipendenti u jippermettu x-xogħol online u mill-bogħod għall-qrati flimkien mal-għoti ta’ appoġġ għal dawk vulnerabbli fost il-partijiet fil-kawża, ix-xhieda jew dawk soġġetti għal proċedimenti kriminali jew ċivili.

1.9.

Id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-demokrazija huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-impenji tad-dritt internazzjonali li saru fuq bażi sovrana mill-Istati Membri kollha tal-UE. Skont id-dritt internazzjonali, kull Stat għandu l-obbligu li jirrispetta, jipproteġi u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-valuri huma l-pedament, huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin reċiprokament. Dawn huma kwistjonijiet ta’ obbligi internazzjonali, mhux ta’ ideoloġija. Għalhekk, filwaqt li d-dibattiti dwar il-proċeduri għall-aħjar implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma eżerċizzju razzjonali, il-prinċipju tar-rispett tagħhom ma għandux ikun is-suġġett ta’ dibattitu politiku. Bl-istess mod, ir-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika huwa obbligu għall-awtoritajiet. L-awtoritajiet iridu jiżguraw li t-tweġibiet li joffru jkunu soġġetti għal dibattitu demokratiku adatt, għal konsultazzjoni pubblika u sorveljanza parlamentari, li tinkludi wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-aħbarijiet foloz, inkluż fejn dan jirriżulta mill-intenzjoni li jiddgħajjef għadu politiku, li jista’ jservi biex idgħajjef ir-rispons effettiv għall-emerġenza tal-pandemija.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li minkejja l-aħjar intenzjonijiet wara l-istrument NextGenerationEU u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, u minkejja li l-Kummissjoni Ewropea hija miftuħa għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet ikkonċernati, il-livell ta’ parteċipazzjoni reali għadu fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti u l-proċessi ma ppermettewx li l-fehmiet tal-OSĊ ikollhom biżżejjed impatt (4). Ir-riskju huwa li, anki jekk jiġi implimentat b’suċċess, il-pjan se javvanza t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u b’hekk jagħti spinta lit-tkabbir fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, iżda mhux se jtejjeb is-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha n-nies illum, li qed jiffaċċjaw il-qgħad, telf ta’ introjtu, u kundizzjonijiet tas-saħħa, tal-għajxien u tax-xogħol li qed jiddeterjoraw, u inugwaljanza li qed tiżdied. Il-Pjani għar-Reżiljenza għandhom jiġu soġġetti minnufih għal valutazzjonijiet tal-impatt distribuzzjonali u r-riżultati għandhom jiġu diskussi mal-OSĊ, mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali u tal-UE.

1.11.

Il-KESE jenfasizza r-rabta bejn il-ħarsien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kif diġà ntqal qabel, il-benesseri u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandhom jiġu żviluppati fuq mudell soċjali komuni u konsistenti, li jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali differenti, f’konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat, u mal-Pilastru u l-kunsens imġedded, u li jħares ’il quddiem, tiegħu (5). Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jqis l-effetti ta’ tfixkil estensivi tal-pandemija.

1.12.

Il-pandemija hija kriżi globali li ċertament se jkollha konsegwenzi dejjiema iżda inugwali fuq diversi persuni fil-marġini tal-popolazzjoni. L-appoġġ għall-popolazzjonijiet vulnerabbli għandu jkun prijorità, f’konformità mal-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema vulnerabbli u l-issodisfar tal-prinċipju 14 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-introjtu minimu. L-appoġġ għan-negozji affettwati mill-pandemija għandu jissaħħaħ ukoll, speċjalment għal dawk li kienu affettwati b’mod sproporzjonat u dawk li qed isibu diffikultajiet biex jibqgħu joperaw, pereżempju l-SMEs. Jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll l-effetti fuq l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, milquta b’mod sever mill-kriżi (6).

1.13.

Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandu jinkludi inizjattiva fuq skala kbira biex titrawwem l-edukazzjoni dwar id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li hija strumentali biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva. L-inizjattiva għandha tkun inklużiva u tiġi indirizzata liċ-ċittadini kollha, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

2.   L-istat tad-dritt

2.1.

Hemm kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ kwalunkwe azzjoni mill-Istat mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u huwa essenzjali li dawn il-prinċipji jiġu rispettati fi żminijiet ordinarji, u iktar u iktar waqt emerġenzi. Dawn il-kriterji huma l-legalità, iċ-ċertezza legali, il-projbizzjoni tal-użu arbitrarju tas-setgħat eżekuttivi, u l-obbligu ta’ rendikont tal-gvernijiet lejn il-liġi li huwa ggarantit mill-kontroll ġudizzjarju u parlamentari (7). L-użu tas-setgħat ta’ emerġenza jrid ikun meħtieġ, proporzjonat u temporanju, u dejjem irid ikun soġġett mhux biss għal-limiti tal-liġi kostituzzjonali tal-pajjiż, iżda wkoll għall-istandards stabbiliti mid-dritt Ewropew u internazzjonali.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 ippreżentat sfidi kumplessi għas-sistemi legali, politiċi, soċjali, tas-saħħa u edukattivi tal-Istati Membri kollha. F’ambjent tant diffiċli, forsi tidher li hija impossibbli li tinkiseb iż-żamma ta’ grad għoli ta’ konformità mal-istat tad-dritt. Madankollu, l-evidenza li qed titfaċċa fl-Ewropa u lil hinn minnha tindika li dawk l-istati li żammew proċess ta’ politika u leġiżlattiv li jirrispetta l-istat tad-dritt ikkorrelataw ma’ ġestjoni aktar pożittiva tal-emerġenza tas-saħħa b’rati aktar baxxi ta’ mortalità u ta’ infezzjoni, iżda wkoll b’livelli għoljin ta’ fiduċja pubblika fil-gvern, li huma essenzjali biex ikun hemm ir-rispons l-aktar effettiv għall-kriżi (8). Il-prinċipji tal-istat tad-dritt jenħtieġ li jiggwidaw lil kwalunkwe gvern demokratiku biex jirreaġixxi b’mod leġittimu u effettiv għall-kriżi tas-saħħa attwali u possibbilment għal oħrajn simili fil-futur.

2.3.

Fir-rigward tar-reazzjonijiet għall-pandemija mill-Istati Membri, immaterjalizza tħassib fir-rigward ta’ tliet prinċipji ewlenin fil-qalba tal-istat tad-dritt: (1) il-prinċipju tal-legalità; (2) il-prinċipju taċ-ċertezza legali; u (3) il-prinċipju tal-obbligu ta’ rendikont quddiem il-liġi (9).

2.4.

F’termini tal-legalità, ġew identifikati għadd ta’ problemi bir-reazzjonijiet governattivi, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, inklużi: azzjoni mwettqa mingħajr bażi ġuridika jew awtorizzazzjoni leġiżlattiva; l-istabbiliment u/jew l-estensjoni ta’ “stat ta’ emerġenza” bi ksur apparenti tal-oqfsa kostituzzjonali nazzjonali; l-użu ta’ bażijiet ġuridiċi mill-eżekuttiv b’mod li ma kinux maħsuba li jintużaw; u restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali adottati bi ksur apparenti tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali jew internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

2.5.

F’termini taċ-ċertezza legali, il-miżuri nazzjonali li huma problematiċi f’dan ir-rigward jinkludu l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi b’interpretazzjoni mhux ċara; kontradizzjonijiet bejn il-politika tal-gvern u l-miżuri legali sottostanti; u bidliet tant frekwenti fil-liġi li jagħmluha eċċezzjonalment diffiċli għaċ-ċittadini ordinarji li jifhmu x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu. F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, ir-riskju u l-inċertezza jiżdiedu, u l-pubbliku jdur lejn il-gvern — u l-awtoritajiet pubbliċi b’mod aktar ġenerali — għal gwida ċara dwar x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu legalment.

2.6.

Fir-rigward tal-obbligu ta’ rendikont lejn il-liġi, il-problemi bis-sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja tal-azzjoni tal-gvern relatata mal-COVID-19 jistgħu jitqiesu fl-emarġinazzjoni tal-parlamenti. Qabel Frar 2021, inqas minn nofs l-Istati Membri tal-UE kienu stabbilixxew kumitati parlamentari speċjalizzati, ippubblikaw rapporti jew skedaw dibattiti regolari dwar miżuri relatati mal-COVID-19, u l-miżuri tal-gvern ġew skrutinizzati (eż. permezz ta’ dibattitu jew votazzjoni fil-Parlament) jew emendati mill-parlamenti f’inqas minn terz tal-każijiet (10). Ir-rieżami ġudizzjarju huwa l-proċess li bih il-qrati jiżguraw li l-gvernijiet jaġixxu b’mod legali, u huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta’ kriżi, meta d-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti b’mod sever. Tqajjem ammont ta’ tħassib madwar l-UE dwar l-effettività tar-rieżami ġudizzjarju u l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-miżuri tal-COVID-19 (11). L-għeluq tal-qrati, jew ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-qrati għal ċerti tipi ta’ proċedimenti biss affettwaw b’mod negattiv il-kapaċità taċ-ċittadini li jsolvu t-tilwim tagħhom, u dgħajjef l-aċċess għall-ġustizzja b’mod partikolari fejn l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà ġew affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri introdotti b’reazzjoni għall-pandemija. Is-sistemi ġudizzjarji fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kinux ippreparati tajjeb għall-kriżi minħabba l-livell baxx ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom u minħabba li xi partijiet tas-soċjetà, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli, ma kellhomx biżżejjed informazzjoni dwar kif taħdem il-ġudikatura, u b’hekk ma kellhomx aċċess għaliha.

2.7.

Fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiġi konkluż li l-istat tad-dritt jista’ jiggwida l-aktar azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika (12), u huwa valur essenzjali, mhux biss fi żminijiet ordinarji, iżda wkoll, u forsi saħansitra aktar, fi żminijiet ta’ kriżi. Fil-kuntest tal-isforzi li saru permezz tal-istrument NextGenerationEU biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus, il-KESE jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li joħloq għodda ġdida li tippermetti t-teħid ta’ miżuri korrettivi ekonomiċi fil-konfront tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 (13).

3.   Id-drittijiet fundamentali

3.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet pressjoni kbira fuq l-istituzzjonijiet u l-infrastrutturi kollha li jappoġġjaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali fl-UE. Is-servizzi mediċi li qed jiddeterjoraw malajr u l-kriżi soċjoekonomika fuq skala kbira heddu l-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-maġġoranza tan-nies fil-kontinent, u żiedu r-riskji tal-faqar. Dan laqat b’mod speċjali gruppi speċifiċi affettwati minn tfixkil konkret u kontinwu tas-servizzi soċjali li rriżulta min-nuqqas ta’ finanzjament fit-tul tagħhom u n-nuqqas ta’ tħejjija tas-sistema biex tiffaċċja l-kriżijiet. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal qafas Ewropew vinkolanti għal introjtu minimu deċenti fl-Ewropa (14).

3.2.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipparteċipaw f’riflessjoni profonda tas-soċjetà dwar l-oriġini tal-kriżi u r-raġunijiet għaliex il-biċċa l-kbira tas-sistemi tas-saħħa Ewropej ġew imbuttati kważi lejn kollass totali minħabba l-pandemija. Snin ta’ politiki ta’ awsterità wasslu għal xejra ġenerali ta’ diżinvestiment fis-settur tas-saħħa u servizzi soċjali ewlenin oħra (għajnuna għall-persuni dipendenti u vulnerabbli, id-djar tal-kura, eċċ.), u ħolqu bużżieqa li kienet biss kwistjoni ta’ meta se tinfaqa’, li ġrat quddiem din l-isfida kbira għas-saħħa. Hekk kif tinsab għaddejja l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kull min huwa involut għandu jiġi mħeġġeġ jislet tagħlimiet minn din il-kriżi sabiex tiġi mwittija t-triq għall-bini mill-ġdid tal-istat soċjali. Ir-reżiljenza hija kelma fiergħa jekk ma jsirux l-isforzi kollha biex jinbena mudell soċjetali Ewropew riġenerat li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru. L-UE għandha tkun ippreparata għal kriżijiet futuri f’termini ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, proċeduri trasparenti, politiki u riżorsi finanzjarji.

3.3.

Il-protezzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet mhedda mill-iżvilupp tal-kriżi u mir-reazzjonijiet ta’ politika, speċjalment dawk relatati mal-għoti tal-kura tas-saħħa, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sigurtà soċjali u assistenza soċjali. Sfortunatament, fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nisa ma kinux irrappreżentati biżżejjed fl-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ad hoc stabbiliti biex jindirizzaw il-COVID-19 u f’ħafna valutazzjonijiet tal-impatt kien hemm nuqqas ta’ perspettiva speċifika fuq il-ġeneru. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu l-impatt sproporzjonat tal-pandemija u tal-miżuri relatati f’termini tal-ġeneru.

3.4.

Id-drittijiet tat-tfal, speċjalment dawk relatati mal-aċċess għall-edukazzjoni u l-appoġġ soċjali, huma ta’ tħassib kbir għall-Kumitat. Kif diġà ġie propost mill-KESE, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet, il-benesseri u l-iżvilupp intellettwali u emozzjonali tat-tfal (15).

3.5.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Istrateġija l-Ġdida għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-Kummissjoni għandha tiffoka r-rapport tal-2022 fuq l-effetti tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment dawk relatati mal-benesseri soċjoekonomiku (16).

3.6.

L-UE għandha responsabbiltà kbira li tippromovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-KESE jemmen ukoll li l-UE tista’ tagħmel aktar biex tgħin lid-dinja tindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-isforzi tal-UE fir-rispons ta’ emerġenza għall-ħtiġijiet umanitarji, it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija.

3.7.

Fuq medda qasira ta’ żmien, għandhom jiġu allokati aktar riżorsi biex jiġi żgurat aċċess mifrux u ġust għall-vaċċini. Il-100 miljun vaċċin imwiegħda mill-UE bl-ebda mod ma huma biżżejjed għall-ħtiġijiet urġenti fil-biċċa l-kbira tad-dinja (17). Bħala l-esportatriċi ewlenija tal-vaċċini fid-dinja, l-UE trid tkun lesta li tibdel l-approċċ tagħha. Il-vaċċini jridu jiġu prodotti fuq skala akbar u f’numri ogħla bil-għan li l-pajjiżi mhux tal-UE jkunu jistgħu jiksbu livelli ta’ tilqim sikuri. Bħala parti mill-ħtieġa msemmija hawn fuq li jinbena mudell ekonomiku u soċjali Ewropew ġdid, l-atturi Ewropej kollha għandhom jipparteċipaw f’riflessjoni profonda dwar l-objettivi aħħarin tas-suq uniku u l-politiki relatati. Din ir-riflessjoni għandha tiffoka fuq il-bniedem u għandha tikkunsidra l-kunċetti ta’ beni pubbliċi, saħħa kollettiva, u modi alternattivi ta’ kejl tal-ġid, inkluż abbażi tal-proposti magħmula mill-imsieħba soċjali (18).

3.8.

Għandu jsir aktar biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet soċjali fundamentali, bħala mod dirett u effettiv biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi pandemija fuq is-saħħa, is-soċjetà, l-ekonomija u l-edukazzjoni. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jitqies bħala żvilupp naturali tal-politika tal-protezzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali.

3.9.

Jeħtieġ li l-mandat tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapporti tal-KE dwar l-Istat tad-Dritt jiġu estiżi biex ikopru bis-sħiħ u jippermettu l-monitoraġġ adegwat tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet soċjali fundamentali.

3.10.

Il-KESE jenfasizza r-rabta bejn il-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kif diġà ntqal qabel, il-benesseri u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandhom jiġu żviluppati fuq mudell soċjali komuni u konsistenti, u li jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali differenti, f’konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat, u mal-Pilastru u l-kunsens imġedded, u li jħares ’il quddiem, tiegħu (19). Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jqis l-effetti ta’ tfixkil estensivi tal-pandemija.

4.   Il-futur tad-demokrazija

4.1.

Il-pandemija hija fenomenu globali u l-istess huma l-konsegwenzi politiċi u demokratiċi tagħha. Skont studju reċenti, l-impatti fuq l-istat tad-demokrazija huma serji ħafna u jinkludu: l-għadd ta’ pajjiżi li mixjin f’dimensjoni awtoritarja qed isir ogħla minn dak ta’ pajjiżi li mexjin f’direzzjoni demokratika; rigress demokratiku li qed iseħħ f’xi wħud mill-akbar pajjiżi; l-integrità elettorali qed tiġi ddubitata f’diversi pajjiżi; rigress demokratiku li spiss qed igawdi minn appoġġ popolari; awtoritarjaniżmu li qed isir iktar profond f’reġimi mhux demokratiċi; u l-kriżi tas-saħħa fit-tul għandha t-tendenza li tinnormalizza r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet bażiċi (20). L-UE għandha tqis dawn ix-xejriet globali li jħallu impatt fuq il-politiki globali u reġjonali tagħha stess u li jagħtu eżempju demokratiku madwar id-dinja.

4.2.

Il-futur tad-demokrazija u l-futur tal-UE huma marbutin ma’ xulxin. L-UE nbniet bħala strument ta’ paċi u kooperazzjoni u b’mod importanti ħafna, bħala strument tad-demokrazija, fl-istadji kollha tagħha. Irridu niżguraw li l-isfidi u t-tensjonijiet kollha li jirriżultaw mill-pandemija ma jaffettwawx il-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi demokratiċi tagħna, u, daqstant importanti, l-impenn li nibnu Unjoni integrata, demokratika, soċjali u prospera. Dan jimplika, fost affarijiet oħra, li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’konformità mat-Trattati.

4.3.

Sa mill-bidu tal-2020, meta l-COVID-19 wasal fl-Ewropa b’konsegwenzi devastanti, intużaw firxa ta’ strumenti ta’ politika biex tiġi miġġielda l-pandemija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-miżuri mediċi, ta’ emerġenza u amministrattivi ġew implimentati taħt diversi reġimi ta’ emerġenza, li jvarjaw fil-kontenut u fit-tul.

4.4.

F’diversi pajjiżi tal-UE, tqajjem tħassib serju dwar il-motivi u l-effetti ta’ dawn ir-reġimi ta’ emerġenza. Dawn kienu jinvolvu t-twarrib tal-assemblej parlamentari u lokali/reġjonali, nuqqas ta’ sorveljanza fuq l-azzjoni eżekuttiva, limiti fuq l-informazzjoni pubblika, nuqqas ta’ trasparenza, djalogu soċjali u parteċipazzjoni, infiq bla kontroll u appoġġ inadegwat għall-persuni l-aktar affettwati, inkluż il-persunal mediku. Fil-pajjiżi li diġà kellhom vulnerabbiltajiet demokratiċi sinifikanti, ir-reġimi ta’ emerġenza aġixxew biex jaċċelleraw ix-xejriet preċedenti (21). Fil-pajjiżi b’sistemi demokratiċi stabbli, dawn qajmu mistoqsijiet dwar l-adattabilità għal ċirkostanzi ġodda u l-effettività tal-miżuri meħuda.

4.5.

Ir-risponsi ta’ politika wasslu wkoll għal livell bla preċedent ta’ miżinformazzjoni u oppożizzjoni għall-miżuri tas-saħħa, minn lockdown għal trattamenti u vaċċini. Filwaqt li l-UE ġeneralment irnexxiet fl-isforzi tagħha biex tappoġġja r-riċerka dwar il-vaċċini u l-akkwist u d-distribuzzjoni tagħhom, in-nuqqas tagħha li tikkomunika dan b’mod ċar lill-popolazzjoni Ewropea kollha għen biex jinxterdu aħbarijiet foloz, b’mod partikolari minn gruppi kontra l-vaċċini. In-narrattivi saru tant b’saħħithom fil-midja soċjali li affettwaw il-fiduċja pubblika fis-sistema tas-saħħa u fil-professjonisti tagħha u kebbsu l-iskuntentizza kontra r-riċerkaturi, il-politiċi, l-akkademiċi u l-mexxejja tas-soċjetà ċivili li kienu favur l-istrateġija ta’ rispons issanzjonata mid-WHO. Tipikament dawn kienu taħlita ta’ twemmin f’teoriji ta’ komplott u nuqqas qawwi ta’ fiduċja fix-xjenza u t-teknoloġija medika, speċjalment fil-vaċċini. B’mod ġenerali, l-OECD sabet li l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat xejra ġenerali ta’ tnaqqis fil-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet, li qed twassal għal diżinformazzjoni, polarizzazzjoni u nuqqas ta’ rieda ta’ konformità mal-politiki pubbliċi.

4.6.

F’diversi pajjiżi, dawn l-attitudnijiet għenu lill-partiti u lill-organizzazzjonijiet tal-lemin radikali u tal-Ewroxettiċi jkomplu jibnu l-kostitwenzi politiċi tagħhom. Hekk kif il-kriżijiet mediċi u soċjoekonomiċi jkomplu, il-mobilizzazzjoni u l-influwenza tagħhom se jkomplu jiżdiedu (22).

4.7.

Fil-pajjiżi kollha, it-tensjonijiet ikkawżati mill-kriżi tas-saħħa u dik ekonomika għandhom potenzjal sinifikanti li jikkawżaw qasma bejn diversi gruppi u kategoriji soċjali. Skont studju reċenti, il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha affettwaw b’mod differenti: liż-żgħażagħ u lill-anzjani; lil persuni li jirrapportaw li kienu affettwati ekonomikament u ’l dawk li jaraw il-COVID-19 prinċipalment bħala kriżi tas-saħħa pubblika; lil dawk li jaraw l-istat bħala protettur u ’l dawk li jarawh bħala oppressur (23).

4.8.

L-UE u l-Istati Membri għandhom isiru konxji tar-riskji li se tiġġenera kriżi mtawla. L-isfida ewlenija li qed jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri hija li jkunu jistgħu jsaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali matul il-pandemija, fil-konfront ta’ dubji u kritika. L-għan ta’ strateġija demokratika mhuwiex il-leġittimità tal-eliti politiċi u governattivi, iżda ż-żamma tal-effettività tar-risponsi filwaqt li jiġu promossi l-pluraliżmu demokratiku, il-kontrolli u l-bilanċi adatti, u l-kritiki razzjonali, kostruttivi u ċiviċi.

4.9.

F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jużaw l-istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali u ċiviku eżistenti biex jinvolvu bis-sħiħ u b’mod trasparenti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-imsieħba soċjali, u lill-partijiet ikkonċernati fil-ħolqien ta’ spazju demokratiku pluralistiku li fih huma milqugħa viżjonijiet u kritiki differenti. Il-KESE jenfasizza li minkejja l-aħjar intenzjonijiet wara l-istrument NextGenerationEU u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, u r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati, il-livell ta’ parteċipazzjoni reali għadu fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti u l-proċessi fis-seħħ ma ppermettewx li l-fehmiet tagħhom ikollhom biżżejjed impatt.

4.10.

Kif kien irrakkomandat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, minbarra l-oqsma diġà inklużi, il-promozzjoni tad-demokrazija Ewropea għandha tinvolvi t-trawwim tal-parteċipazzjoni demokratika fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; għandha tinvolvi lis-soċjetà ċivili u tkopri d-demokrazija fl-aspetti u fl-oqsma kollha tagħha, inkluża d-demokrazija fil-qasam tax-xogħol, fost l-oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li jinħtieġ li ssir enfasi akbar fuq id-djalogu ċivili, li huwa prerekwiżit ewlieni għat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-sjieda tal-ogħla kwalità fi kwalunkwe demokrazija, f’konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE (24).

4.11.

Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandu jinkludi inizjattiva fuq skala kbira biex titrawwem l-edukazzjoni dwar id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li hija strumentali biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva. L-inizjattiva għandha tkun inklużiva u tiġi indirizzata liċ-ċittadini kollha, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; Dikjarazzjoni minn Luca Jahier, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u José Antonio Moreno Díaz, il-President tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, 15 ta’ April 2020.

(2)  Dikjarazzjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal solidarjetà bla preċedent fost l-Istati Membri, 6 ta’ April 2020.

(3)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173.

(4)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx?, 25.2.2021 (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(5)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.

(6)  Social Economy Europe, The Impact of COVID-19 on Social Economy Enterprises, Ġunju 2020 (L-Impatt tal-COVID-19 fuq l-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali, Ġunju 2020 — mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Il-Kunsill tal-Ewropa, Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Il-Kummissjoni ta’ Venezja), Respect for Democracy, Human Rights and the Rule of Law during States of Emergency: Reflections,(Ir-Rispett għad-Demokrazija, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt waqt Stati ta’ Emerġenza), Strasburgu, 19 ta’ Ġunju 2020, CDL-AD(2020)014 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Ara, pereżempju, l-istudji komparattivi u l-bażijiet tad-data globali: CompCoRe b’sunt f’Jasanoff, Sheila, Hilgartner, Stephen, “A Stress Test for Politics: Insights from the Comparative Covid Response Project (Test tal-Istress għall-Politika: Għarfien mill-Proġett ta’ Rispons Komparattiv għall-COVID-19)(CompCoRe) 2020” Verfassungsblog, 11 ta’ Mejju 2021 (mhux disponibbli bil-Malti), u “Power and the COVID-19 Pandemic”, (Is-Setgħa u l-Pandemija tal-COVID-19)Verfassungsblog Symposium, b’sunt f’J. Grogan (mhux disponibbli bil-Malti), “Power, Law and the COVID-19 Pandemic: Part I” u “Part II” (Is-Setgħa, il-Liġi u l-Pandemija tal-COVID-19, Parti I u II — mhux disponibbli bil-Malti) li jikkonkludu Power and the COVID-19 Pandemic (Is-Setgħa u l-Pandemija tal-COVID-19) Verfassungsblog Symposium (2021) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  J. Grogan u N. Weinberg, Principles to Uphold the Rule of Law and Good Governance in Public Health Emergencies (Prinċipji għaż-Żamma tal-Istat tad-Dritt u l-Governanza Tajba fl-Emerġenzi tas-Saħħa Pubblika) (RECONNECT Policy Brief, Awwissu 2020 — mhux disponibbli bil-Malti)): https://reconnect-europe.eu/wp-content/uploads/2020/08/RECONNECTPB_082020B.pdf.

(13)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173.

(14)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1. Din l-Opinjoni tal-KESE rċeviet kontropinjoni li ġiet irrifjutata iżda rċeviet mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa.

(15)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(16)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(17)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19, 25 ta’ Mejju 2021.

(18)  Supplementing GDP as a welfare measure: proposed joint list by the European social partners (Is-supplimentar tal-PDG bħala miżura ta’ protezzjoni soċjali: lista konġunta proposta mill-imsieħba soċjali Ewropej), 3 ta’ Marzu 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.

(20)  International Institute for Democracy and Electoral Assistance (International IDEA), The Global State of Democracy Report 2021 (Rapport dwar l-Istat Globali tad-Demokrazija 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Ara Petra Guasti, The Impact of the COVID-19 Pandemic in Central and Eastern Europe. The Rise of Autocracy and Democratic Resilience, (L-Impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Iż-Żieda fl-Awtokrazija u r-Reżiljenza Demokratika) Democratic Theory, Volum 7, Ħarġa 2, Xitwa 2020: p. 47 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ara, pereżempju, José Javier Olivas Osuna u José Rama, COVID-19: A Political Virus? VOX’s Populist Discourse in Times of Crisis, Frontiers in Political Science, 18 ta’ Ġunju 2021.

(23)  Ivan Krastev u Mark Leonard, Europe’s Invisible Divides: How COVID-19 is Polarizing European Politics, (Il-Qasmiet Inviżibbli tal-Ewropa: Kif il-COVID-19 qed Tippolarizza l-Politika Ewropea) ECFR Policy Brief, Settembru 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56.


Top