EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0381

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-politika ambjentali u b’hekk jemenda d-Direttivi 86/278/KEE, 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE, ir-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010, u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005

COM/2018/381 final - 2018/0205 (COD)

Brussell, 31.5.2018

COM(2018) 381 final

2018/0205(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-politika ambjentali u b’hekk jemenda d-Direttivi 86/278/KEE, 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE, ir-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010, u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija komprensiva ta’ evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-politika ambjentali tal-UE 1 (“l-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità”) u fasslet pjan ta’ azzjoni. L-Azzjoni 1 osservat li r-razzjonalizzazzjoni tar-rapportar tista’ tinkiseb l-aħjar billi jiġu emendati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti. Biex tiġi implimentata din l-azzjoni, jistgħu jitħejjew emendi leġiżlattivi b’mod individwali jew jinġabru flimkien fi proposta waħda li temenda diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ambjentali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ rapportar tagħhom biss (“il-proposta ta’ allinjament”). Din il-proposta ta’ allinjament tħejjiet fuq il-bażi tal-evidenza fl-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità u evalwazzjonijiet oħrajn li twettqu reċentement fuq biċċiet individwali ta’ leġiżlazzjoni. L-għanijiet tal-proposta ta’ allinjament huma li titjieb il-bażi ta’ evidenza għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, tiżdied it-trasparenza għall-pubbliku u jiġi simplifikat ir-rapportar bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-proposta tifforma parti mill-attivitajiet dwar regolamentazzjoni aħjar fil-qasam tal-politika ambjentali. L-approċċi konsistenti dwar ir-rapportar u l-monitoraġġ ambjentali kienu parti mill-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità.

Il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-għan prijoritarju 4, il-paragrafu 65, tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 2 , li jesiġi li l-pubbliku jkollu aċċess għal tagħrif ambjentali ċar fil-livell nazzjonali. Dan se jiżgura wkoll li l-pubbliku jkollu ħarsa ġenerali dwar dak li qed jiġri fil-qasam ambjentali fl-Ewropa kollha kemm hi u jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jittrattaw kwistjonijiet transfruntiera. Għal dan il-għan, il-proposta tagħmel xi kontroreferenzi u tiggarantixxi konsistenza mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali 3 u tad-Direttiva 2007/2/KE dwar l-informazzjoni ġeografika 4 .

Twettqet analiżi komprensiva u trasversali tal-obbligi ta’ rapportar tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti kollha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità 5 . Din ħarset ukoll lejn il-koerenza tal-obbligi eżistenti. B’riżultat ta’ dan, bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ġew identifikati 6 meta l-obbligi ta’ rapportar setgħu jiġu emendati biex jiġu rrazzjonalizzati. Il-proposta ġiet imħejjija biex ikun żgurat approċċ konsistenti fost id-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, kif xieraq:

·billi tiżdied it-trasparenza;

·billi tiġi pprovduta bażi ta’ evidenza għal evalwazzjonijiet futuri;

·bis-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

Hija konsistenti wkoll mal-proposta riċenti tal-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 7 , li qieset ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-koerenza ma’ politiki oħrajn tal-UE ġiet analizzata bħala parti mill-Kontroll tal-Idoneità tar-Rappurtar Ambjentali u Monitoraġġ 8 . Billi timmodernizza l-ġestjoni tal-informazzjoni, il-proposta hija f’konformità mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u ssegwi politika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, pereżempju billi tnaqqas il-piż amministrattiv.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

F’konformità oriġinali mal-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li qed jiġu emendati, il-bażi ġuridika għal din il-proposta huma l-Artikoli 114, 192(1), u 207.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri biex tirregola l-ambjent. Dan ifisser li l-UE tista’ tilleġiżla biss sa fejn jippermettu t-Trattati, u trid tosserva l-prinċipji tan-neċessità, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-għan tal-proposta huwa li jiġu ottimizzati l-obbligi eżistenti tal-implimentazzjoni tal-monitoraġġ, tar-rapportar u tat-trasparenza fil-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex, fost l-oħrajn, jitnaqqas il-piż għall-Istati Membri. Minħabba n-natura tal-azzjoni stipulata fil-proposta ta’ allinjament, dan jista’ jinkiseb biss fil-livell tal-UE u mhux fil-livell nazzjonali. Dan l-approċċ isaħħaħ is-sussidjarjetà u jġib l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni eqreb taċ-ċittadini.

Proporzjonalità

Il-proposta ta’ allinjament issegwi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet reċenti u tibdilhom f’emendi leġiżlattivi biex tiżgura li l-Kummissjoni Ewropea tkun qed tikseb l-informazzjoni t-tajba fil-forma t-tajba u fil-ħin propizju. Kif ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità, l-istatus attwali tar-rapportar huwa fil-biċċa l-kbira effiċjenti u l-piż amministrattiv huwa moderat, ġustifikat u proporzjonat (bi spejjeż stmati ta’ EUR 22 miljun fis-sena). Il-benefiċċji, bħalma huma l-implimentazzjoni mtejba u informazzjoni aħjar għall-pubbliku, huma ferm superjuri għall-ispejjeż. Jistgħu jinkisbu gwadanji fl-effiċjenza permezz ta’ aktar razzjonalizzazzjoni tal-proċess b’mod iktar strateġiku u trasversali li jissimplifika u jnaqqas il-piżijiet. Il-proposta hija proporzjonata peress li tissimplifika r-rapportar fejn dan hu sinifikanti, issaħħaħ it-trasparenza u l-informazzjoni għall-pubbliku fejn qabel dan ma kienx il-każ u/jew iżżid il-bażi ta’ evidenza fejn dan intwera li ma kienx biżżejjed għal evalwazzjoni f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Għażla tal-istrument

L-istrument legali magħżul huwa Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-politika ambjentali tal-UE 9 . Din l-evalwazzjoni kopriet 181 obbligu ta’ rapportar fi 58 att ta’ leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Huma jeħtieġu informazzjoni numerika u ġeospazjali, iżda bosta minnhom huma f’format ta’ test — l-aktar format diffiċli biex jiġi rrappurtat, strutturat u analizzat. Il-frekwenza tar-rapportar tvarja. Madwar nofs huma meħtieġa kull sentejn jew iktar, u madwar nofs jaslu għal rapport tal-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Il-proċessi jvarjaw ukoll iżda jidhru li jaħdmu l-aħjar meta l-Aġenzija Ambjentali Ewropea tipproċessa d-data. Instab li hemm lok għal titjib dwar xi kwistjonijiet trasversali (bħar-razzjonalizzazzjoni favur proċess aktar simili fl-Istati Membri kollha) u għal partijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet individwali pprovdew aktar evidenza dettaljata fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar f’dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni:

·Id-Direttiva 2002/49/KE (id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali) 10 ;

·Id-Direttiva 2004/35/KE (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali — ELD) 11 ;

·Id-Direttiva 2007/2/KE (id-Direttiva INSPIRE) — Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika 12 ;

·Id-Direttivi 2009/147/KE u 92/43/KEE (jiġifieri d-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats) 13 ;

·Id-Direttiva 2010/63/KE (Id-Direttiva dwar l-Ittestjar fuq l-Annimali) 14 ;

·Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 (Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (E-PRTR)) 15 .

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità inkludiet firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni, bħal konsultazzjoni pubblika 16 fejn il-membri tal-pubbliku, l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-UE ppreżentaw ir-reazzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri kienu attivi ħafna matul il-proċess kollu, u appoġġaw l-għanijiet tar-razzjonalizzazzjoni u tas-simplifikazzjoni tar-rapportar. Kien hemm ukoll inizjattiva speċifika mmexxija mill-Istati Membri li tat kontribut kruċjali; il-proġett Make It Work 17 . Fis-7 ta’ April 2016, il-Kumitat tar-Reġjuni ħejja u adotta Opinjoni, li stiednet lill-Kummissjoni biex tesplora l-kisbiet fl-effiċjenza u tindirizza l-piż amministrattiv żejjed fil-monitoraġġ u fir-rapportar ambjentali, b’mod partikolari permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ għodod ta’ rapportar u tal-analiżi tas-sinerġiji fost l-obbligi ta’ rapportar minn strumenti differenti 18 . Il-Kummissjoni organizzat ukoll għadd ta’ avvenimenti biex tiddiskuti r-rapportar ambjentali ma’ partijiet ikkonċernati inklużi l-NGOs, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi f’Novembru 2015, f’April 2016, f’Settembru 2016 u f’Diċembru 2016. Dawn il-konsultazzjonijiet urew li, f’termini tal-prinċipji u tal-għanijiet ta’ rapportar, dawk li wieġbu ħassew li l-aktar prinċipju importanti huwa li r-rapportar għandu jiġbor l-informazzjoni darba, u jaqsamha, fejn possibbli, għal bosta skopijiet. Dwar il-mistoqsija ta’ jekk “l-obbligi tar-rappurtar għandhomx jitniżżlu fil-leġiżlazzjoni individwali”, il-maġġoranza tal-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-NGOs (56 %), l-awtoritajiet pubbliċi (75 %), il-membri tal-pubbliku (85 %), in-negozji (75 %), esprimew appoġġ. L-UE titqies bħala l-aktar livell xieraq ta’ governanza għall-armonizzazzjoni tal-proċessi tar-rapportar. Dawk li wieġbu ġeneralment kienu tal-fehma li s-sistemi tal-IT għandhom potenzjal sinifikanti biex jappoġġjaw ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi ta’ rapportar u jnaqqsu l-piż amministrattiv 19 . Saret konsultazzjoni ma’ esperti mill-Istati Membri f’diversi gruppi tematiċi li jittrattaw it-twettiq tal-obbligi speċifiċi tar-rappurtaġġ. B’mod ġenerali, dawn l-esperti appoġġjaw b’mod wiesa’ l-intenzjonijiet speċifiċi fil-qasam tematiku tagħhom. Xi oqsma tematiċi diġà ħadu inizjattivi proattivi biex ir-rapportar jiġi rrazzjonalizzat lil hinn mill-emendar tal-leġiżlazzjoni (pereżempju l-iżvilupp ta’ reġistru ta’ installazzjonijiet industrijali li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li jkun ta’ benefiċċju għal ħafna oqsma oħra ta’ rapportar).

Dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni koprew il-kwistjonijiet rilevanti kollha li jiġġustifikaw li ma kien hemm l-ebda konsultazzjonijiet pubbliċi oħra online li trattaw dettalji mill-proposta attwali. Madankollu, qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta, saru konsultazzjonijiet immirati li involvew l-esperti li kienu qed jittrattaw id-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt minħabba li l-evidenza nġabret prinċipalment permezz tal-evalwazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Billi din il-proposta għal reviżjoni ta’ bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti taqa’ taħt il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni, REFIT ), il-Kummissjoni xtarret l-opportunitajiet biex tissimplifika u tnaqqas il-piżijiet. L-analiżi turi li huwa possibbli li jsir titjib tal-proċessi fir-rigward tar-rapportar f’dan il-qasam. Dan it-titjib se jnaqqas l-ispejjeż jew iżid il-benefiċċji, b’mod partikolari billi japplika b’mod usa’ l-aktar proċessi effiċjenti u billi jżid l-użu ta’ għodod u mudelli elettroniċi. Dan jista’ jeħtieġ investiment inizjali, li, madankollu, għandu jagħti riżultati tajbin fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul. Minħabba n-nuqqas ta’ data, kif ġie spjegat fl-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità ta’ rapportar 20 , id-dettalji tal-ispejjeż u tal-benefiċċji li rriżultaw mill-miżuri ta’ simplifikazzjoni proposti ma ġewx ikkwantifikati. Madankollu, l-Anness 9 tar-rapport tal-proġett finali “Appoġġ tal-Kontroll tal-Idoneità tal-obbligazzjonijiet ta’ monitoraġġ u rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ambjentali 21 ” ħares lejn il-benefiċċji tar-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar ambjentali tal-UE b’rabta ma’ għadd ta’ inizjattivi riċenti jew inizjattivi ta’ razzjonalizzazzjoni li għaddejjin bħalissa matul il-perjodu 2012-2020. Huwa mistenni li dan se jwassal għal piż imnaqqas fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar skont il-liġi ambjentali tal-UE. Ma kienx possibbli li jiġu kkwantifikati l-benefiċċji kollha ta’ tnaqqis tal-piż f’termini finanzjarji. Madankollu, abbażi taċ-ċifri disponibbli, il-proġett 22 jistma li dawn il-bidliet flimkien inaqqsu l-piżijiet amministrattivi annwali għall-Istati Membri b’mill-inqas bejn EUR 1.4 miljun u EUR 2.0 miljun kull sena fl-UE28 kollha. Għalhekk, it-tnaqqis tal-piż bħala riżultat ta’ din il-proposta x’aktarx li jkun fl-istess ordni ta’ kobor.

Il-kwistjonijiet indirizzati f’din il-proposta:

·ir-rilevanza u l-ħtieġa għal ċerti obbligi ta’ rapportar ma għadhomx ċari;

·l-iskedar u l-frekwenza għar-rapportar tal-obbligi ma jissodisfawx il-ħtiġijiet taċ-ċiklu ta’ politika ewlenin;

·l-estensjoni tal-aċċess għal informazzjoni u l-qsim ta’ din mal-pubbliku;

·ir-rwoli tal-Kummissjoni u tal-aġenziji Ewropej mhumiex dejjem ċari u espliċiti;

·l-allinjament tal-kontenut, taż-żmien u tal-proċeduri maċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni skont l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Il-proposta għalhekk hija mfassla għall-iskop tal-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorja.

Drittijiet fundamentali

Sistemi ta’ informazzjoni li jappoġġaw rapportar aħjar jistgħu jqajmu għadd ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet tal-Karta, bħad-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effikaċi (l-Artikoli 41 u 47). Xejn f'din il-proposta ma għandu jiġi interpretat jew implimentat b'mod li jkun inkonsistenti mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Tħejja pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-emendi proposti. Huwa jenfasizza l-problemi ewlenin, l-isfidi u liema huma l-azzjonijiet speċifiċi ppjanati biex dawn jiġu indirizzati.

Ma hemm l-ebda monitoraġġ speċifiku ppjanat għal din il-proposta, peress li hija tipproponi għadd ta’ emendi f’diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, u l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda hija mistennija fi ħdan il-qafas tal-atti legali emendati individwali.



Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Tabella 1. Ħarsa ġenerali lejn l-atti u s-suġġetti koperti mill-proposta għal Regolament

Atti legali koperti

It-titjib tat-trasparenza u tas-sussidjarjetà

Is-simplifikazzjoni/l-eliminazzjoni tar-rapportar

L-allinjament taż-żmien tar-rapportar

Is-simplifikazzjoni ta’ ħarsiet ġenerali għall-UE kollha/il-kjarifikazzjoni tar-rwoli tal-Istituzzjonijiet

It-tħejjija għal evalwazzjonijiet futuri

1) Id-Direttiva 86/278/KEE (id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ)

ü

ü

2) Id-Direttiva 2002/49/KE (id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali)

ü

ü

ü

ü

3) Id-Direttiva 2004/35/KE (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali)

ü

ü

4) 2007/2/KE (id-Direttiva INSPIRE)

ü

ü

ü

ü

5) Id-Direttiva 2009/147/KE (id-Direttiva dwar l-Għasafar)

ü

6) Id-Direttiva 2010/63/KE (id-Direttiva dwar l-Ittestjar fuq l-Annimali).

ü

ü

ü

ü

7) Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 (ir-Regolament E-PRTR)

ü

ü

ü

ü

8) Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (EUTR)

ü

ü

ü

ü

9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (CITES)

ü

10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (ir-Regolament FLEGT)

ü

ü

ü

ü

Nru ta’ atti koperti

8

7

3

8

5


·Spjegazzjonijiet dwar it-termini ġenerali użati fit-Tabella 1

It-titjib tat-trasparenza u tas-sussidjarjetà fi tmien atti legali:

Fil-kuntest ta’ din il-proposta, dan ifisser li tittejjeb it-trasparenza u li jsir possibbli li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni ambjentali li jkun aktar faċli għall-utent, f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/UE u tad-Direttiva 2003/4/KEdwar l-aċċess pubbliku u eżenzjonijiet potenzjali bbażati fuq il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data personali (ara b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4/KE). Aktar trasparenza sservi aħjar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-membri tal-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra. Dan għandu wkoll impatt fuq is-sussidjarjetà, minħabba li l-Istati Membri se jingħataw is-setgħa biex jipprovdu informazzjoni direttament lil membri tal-pubbliku dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, mhux biss permezz ta’ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, kif inhu l-każ bħalissa. It-tqabbil ta’ data fil-livell tal-UE hija bbażata fuq informazzjoni ppubblikata mill-Istati Membri u dan għalhekk isaħħaħ is-sussidjarjetà u r-responsabbiltà fil-livell nazzjonali.

Simplifikazzjoni/eliminazzjoni ta’ rapportar f’seba’ atti legali:

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li ssir disponibbli aktar informazzjoni għall-pubbliku, u fuq il-bażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità, ikun ta’ għajnuna li jitnaqqas l-ammont ta’ rapportar testwali sabiex jitnaqqas id-dewmien fl-ipproċessar tal-informazzjoni. F’xi każijiet, ikun utli li l-proċess ta’ rapportar ta’ informazzjoni testwali jiġi ssimplifikat jew eliminat u jingħata fokus fuq it-titjib fl-aċċess pubbliku għall-informazzjoni .

L-allinjament tal-ħin tar-rapportar fi tliet atti legali:

F’xi każijiet, ġew stabbiliti l-mekkaniżmi ta’ rapportar mingħajr ma sar l-allinjament tar-rekwiżiti differenti fl-istess att legali jew bejn atti legali differenti. Jekk id-dati u l-għażla taż-żmien ta’ dawn il-flussi ta’ rapportar differenti jiġu allinjati se jgħinu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv . It-tnaqqis tal-frekwenza jew li l-Istati Membri jingħataw aktar żmien bejn l-istadji differenti ta’ rapportar għandhom inaqqsu wkoll il-piż amministrattiv u/jew itejbu l-effikaċja tal-proċess.

Is-simplifikazzjoni ta’ ħarsiet ġenerali għall-UE kollha/il-kjarifikazzjoni tar-rwoli tal-istituzzjonijiet tal-UE fi tmien atti legali:

Bħalissa hemm għadd ta’ flussi ta’ rapportar taħt l-acquis ambjentali. B’riżultat ta’ dan, ir-rwoli li l-Kummissjoni u, f’xi każijiet, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent diġà għandhom fil-proċessi ta’ rapportar rispettivi, għandhom jiġu ċċarati. Il-proviżjoni ta’ ħarsa ġenerali regolari ta’ informazzjoni fattwali dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istat tal-ambjent fl-UE tista’ tiġi ssimplifikata jekk l-informazzjoni aġġornata tiġi ppubblikata permezz ta’ teknoloġija informatika moderna (eż. permezz ta’ paġni tal-internet) minflok ma’ jitħejjew rapporti fuq dokumenti fiżiċi adottati mill-Kummissjoni. Minflok, ir-rwol formali tal-Kummissjoni għandu jkun ffokat fuq it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet fejn rilevanti (ara hawn taħt). Il-ħidmiet li issa hemm proposti biex jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għall-kompiti mwettqa mill-EEA f’oqsma oħra bħall-politika dwar il-klima. Mhux se jkun hemm allokazzjoni mill-ġdid ta’ riżorsi għall-ħidma mill-EEA f’oqsma oħra bħall-azzjoni klimatika għall-kompiti stipulati fil-proposta. Fir-rigward ta’ biċċiet oħra ta’ leġislazzjoni li attwalment mhumiex koperti, ir-rwol u r-riżorsi tal-EEA f’dak li jirrigwarda l-appoġġ lill-Kummissjoni fir-rapportar ambjentali se jiġu indirizzati wara l-iffinalizzar tal-evalwazzjoni li għaddejja bħalissa.

It-tħejjija għal evalwazzjonijiet futuri f’ħames atti legali:

Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, għandu jkun hemm evalwazzjoni regolari tal-funzjonament tal-acquis f’dan il-qasam. Sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam u t-twettiq tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet u titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għal dawn l-evalwazzjonijiet.

·Spjegazzjonijiet dwar il-ħtieġa għal emenda ta’ leġiżlazzjoni f’din il-proposta

Id-Direttiva 86/278/KEE

Huwa meħtieġ li jiġu emendati l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva 86/278/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikomplu jiġbru u jippubblikaw id-data rilevanti kull sena, l-obbligu ta’ rapportar lill-Kummissjoni għandu jiġi ssimplifikat. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jiżguraw livell ogħla ta’ trasparenza, fejn l-informazzjoni rilevanti issir disponibbli b’mod faċilment aċċessibbli, b’mod elettroniku, b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4/KE u tad-Direttiva 2007/2/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess pubbliku, tal-qsim ta’ informazzjoni u tas-servizzi.

Id-Direttiva 2002/49/KE

Qed jiġu proposti għadd ta’ emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ skont id-Direttiva 2002/49/KE 23 , abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet reċenti 24 , it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni 25 , ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva nnifisha, u l-ħtieġa li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/49/KE mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE 26 .

Matul l-evalwazzjoni, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, ipproponew li jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien bejn ir-rapportar dwar l-immappjar tal-ħsejjes u r-rapportar dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni minn sena għal sentejn. Dan l-aġġustament se jgħin lill-Istati Membri biex iħejju aħjar il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom, li għandhom ikunu bbażati fuq il-mapep tal-ħsejjes — u biex jikkonsultaw b’mod effikaċi mal-pubbliku dwar dawn, kif meħtieġ mid-Direttiva.

Il-kummenti li waslu bħala parti mill-evalwazzjoni ma jissuġġerixxux li l-proċess ta’ rapportar innifsu jikkostitwixxi piż amministrattiv sinifikanti, billi jikkonsisti prinċipalment milli tintbagħat lill-Kummissjoni b’mod elettroniku d-dokumentazzjoni li diġà teżisti (mapep tal-ħsejjes u pjanijiet ta’ azzjoni). Il-mekkaniżmu ta’ rapportar innifsu huwa ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jintuża minn kważi l-Istati Membri kollha biex jippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni. Jekk il-mekkaniżmi ta’ rapportar isiru obbligatorji għall-Istati Membri dan se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent — li jivvalutaw id-data għall-Kummissjoni — sabiex jiksbu ħarsa ġenerali aħjar u aktar rapida dwar l-esponiment għall-ħsejjes tal-persuni fl-UE, u b’hekk jiffrankaw il-ħin u x-xogħol amministrattiv bla bżonn. Dan se jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva. Is-setgħa li jagħmlu speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati dwar il-metodoloġija li għandha tiġi segwita meta jirrapportaw id-data hija ddelegata lill-Kummissjoni, u l-adozzjoni ssir permezz tal-proċedura ta’ komitoloġija.

Id-Direttiva 2007/2/UE se tirrikjedi li d-data ġeospazjali rilevanti għall-ħsejjes bi proprjetà ġeospazjali issir data li tkun tista’ tiġi skoperta u disponibbli permezz ta’ servizzi ta’ metadata u ta’ servizzi tan-netwerk fuq ġeoportals nazzjonali. Fl-istess ħin, id-Direttiva 2002/49/KE tirrikjedi li d-data tkun disponibbli għall-pubbliku. Il-bidliet proposti jiċċaraw l-obbligu tal-pubblikazzjoni tad-data fuq geoportals nazzjonali, biex b’hekk jiġi żgurat l-allinjament taż-żewġ Direttivi.

Id-Direttiva 2004/35/KE

Fl-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 27 nstab li d-disponibbiltà ta’ informazzjoni tista’ tittejjeb aktar, b’mod partikolari għal ċerta data ewlenija li potenzjalment taffettwa l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Din għandha:

·tinfurma lill-pubbliku dwar każijiet ta’ danni ambjentali, b’mod partikolari fejn x’aktarx li persuni jkunu affettwati minn każijiet bħal dawn;

·tippermetti lill-operaturi u lill-awtoritajiet biex jieħdu l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju meħtieġa f’każijiet bħal dawn; kif ukoll

·tipprovdi lill-Kummissjoni l-bażi ta’ evidenza meħtieġa li tippermetti evalwazzjoni xierqa fir-rigward tal-għan u tal-prestazzjoni tad-Direttiva.

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, il-fokus għandu jkun fuq l-iżgurar tad-disponibilità tal-informazzjoni elettronika jew online u fuq l-iżgurar li l-informazzjoni tissodisfa l-istandards relevanti tal-UE u tkun faċli biex tintuża, ta’ kwalità suffiċjenti u komparabbli. B’dan il-mod, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-ambjent aċċessibbli għall-pubbliku tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi u mal-aċċessibbiltà tad-data għall-pubbliku u għall-awtoritajiet.

Id-Direttiva 2007/2/KE

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni INSPIRE għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew u l-evalwazzjoni REFIT tlestew fl-2016 28 . Ir-rapport ta’ implimentazzjoni rrakkomanda li l-Kummissjoni tirreżamina u possibilment tirrevedi r-regoli skont id-Direttiva 2007/2/KE. Sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tad-Direttiva u jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-monitoraġġ mill-Istati Membri, l-obbligu ta’ rapportar kull tliet snin se jitneħħa, u jinżamm biss ir-rekwiżit ta’ monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi ta’ monitoraġġ ikkalkolati direttament mill-metadata ta’ settijiet ta’ data ġeografika u mis-servizzi ta’ data ġeografika li jridu jiġu pprovduti mill-Istati Membri kif stabbilit bid-Direttiva 2007/2/KE. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tkun aktar aġġornata u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod trasparenti. F’termini prattiċi, l-Istati Membri se jkunu mitluba jipprovdu aġġornamenti annwali, jekk meħtieġ, fuq l-informazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kummissjoni tippubblika diġà 29 . Il-Kummissjoni se tipprovdi għodod sempliċi u proċeduri għall-Istati Membri biex jaġġornaw din l-informazzjoni.

Billi prevista ħarsa ġenerali annwali mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ma hemm l-ebda ħtieġa ulterjuri biex jitħejja rapport mill-Kummissjoni għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew, peress li l-informazzjoni rilevanti se tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet u se tiġi aġġornata kull sena. Għalhekk, l-obbligu ta’ rapportar se jitneħħa. Barra minn hekk, qed tiġi proposta evalwazzjoni regolari mill-Kummissjoni li tkun ibbażata fuq l-indikaturi ta’ monitoraġġ, f’konformità mal-Linji Gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar, minflok rapport ta’ implimentazzjoni.

Id-Direttiva 2009/147/KE

Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-Natura, li jkopri d-Direttivi 2009/147/KE 30 u 92/43/KEE 31 , tlesta fl-2016 32 . Dan wasal għall-konklużjoni li filwaqt li skont id-Direttiva dwar l-Għasafar huwa meħtieġ ċiklu ta’ rapportar ta’ tliet snin, ir-rapportar fil-prattika segwa ċiklu ta’ rapportar ta’ sitt snin bħal fil-każ tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, b’attenzjoni primarja simili li tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet. Il-ħtieġa għal implimentazzjoni aktar irrazzjonalizzata taż-żewġ Direttivi tispjega l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata sabiex taqdi aħjar il-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri. Dan se jiffaċilita wkoll it-tħejjija ta’ sitt rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni. Fil-format ta’ rapportar li qed jintuża bħalissa, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu d-data rilevanti fir-rapport meħtieġa għall-valutazzjoni tal-progress tal-implimentazzjoni. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi, it-theddid u l-pressjoni fuqhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda u l-kontribut tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva jridu jiġu rrappurtati.

Id-Direttiva 2010/63/UE

L-obbligi eżistenti dwar it-trasparenza u r-rapportar skont id-Direttiva 2010/63/UE 33 għandhom l-għan li jtejbu l-fehim tar-raġunijiet għall-użu ta’ annimali ħajjin għal skopijiet ta’ riċerka, testjar, u edukattivi u l-valur tal-użu tagħhom, u jippermettu valutazzjoni aktar oġġettiva tal-ħsara reali għall-benesseri tal-annimali. Dawn l-obbligi jinkludu l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, id-data statistika, l-eżenzjonijiet għal metodi ta’ qtil, u b’mod partikolari l-pubblikazzjoni ta’ sommarji mhux tekniċi tal-proġetti dwar dawk il-proġetti awtorizzati li jużaw annimali ħajjin.

L-Istati Membri huma wkoll meħtieġa sabiex iwettqu valutazzjoni retrospettiva ta’ ċerti proġetti biex:

·jidentifikaw jekk l-użu tal-annimali ippermettiex il-kisba tal-għanijiet stabbiliti għall-proġett;

·jevalwaw il-ħsara kkawżata lill-annimali; kif ukoll

·jidentifikaw l-elementi li jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit tas-sostituzzjoni, tat-tnaqqis u tal-irfinar tal-użu tal-annimali.

L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet tal-proġetti retrospettivi.

Madankollu, terz tal-Istati Membri bħalissa ma għadhomx jeħtieġu li s-sommarji mhux tekniċi ta’ proġetti jiġu aġġornati ma’ dawn ir-riżultati. Dan ifixkel b’mod sinifikanti l-aċċess usa’ għall-komunità xjentifika, il-pubbliku ġenerali u dawk li jfasslu l-politika għal informazzjoni essenzjali dwar il-benefiċċji proprji, ir-riżultati tar-riċerka u l-ħsara li tirriżulta minħabba l-użu ta’ annimali ħajjin. In-nuqqas ta’ tixrid sistematiku jista’ wkoll inaqqas l-użu ta’ modi ġodda biex jimplimentaw is-sostituzzjoni, it-tnaqqis u l-irfinar, u b’hekk imur kontra r-raġuni proprja tal-obbligu li titwettaq valutazzjoni retrospettiva.

Dawn il-kwistjonijiet ġew riflessi wkoll fir-rapport tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva, ippubblikat fit-8 ta’ Novembru 2017 34 , li għamel rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-trasparenza u s-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti fl-SWD li jakkumpanja dan ir-rapport 35 b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

41. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti jiġu ppubblikati b’mod f’waqtu.

43. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom jesploraw il-possibbilitajiet għal repożitorju ċentrali (jew jipprovdu aċċess faċli u disponibbli għat-tiftix) għas-sommarji tal-proġetti mhux tekniċi kollha fil-livell tal-UE, b’kont meħud tar-rekwiżiti legali u tal-limitazzjonijiet lingwistiċi.

Hemm obbligu sabiex tiġi ppubblikata l-informazzjoni statistika nazzjonali dwar l-użu ta’ annimali ħajjin fuq bażi annwali u biex id-data tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni. Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni kull ħames snin. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli fil-livell tal-UE b’mod aktar f’waqtu, bl-użu ta’ għodod elettroniċi u bażijiet ta’ data ċentrali, aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix.

L-obbligi tal-Kummissjoni jinkludu li jsir rapport ta’ statistika formali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin u rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin, abbażi tar-rapporti tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri. Dawn l-obbligi jenħtieġ li jinbidlu billi tintbagħat data b’mod elettroniku lil repożitorji ċentrali tad-data. Din l-istatistika tad-data għandha tkun aġġornata kull sena, u tissostitwixxi r-rekwiżit riġidu attwali li tiġi rrapportata data li hija antika sa ħames snin.

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006

L-obbligi ta’ rapportar fir-Regolament (KE) Nru 166/2006 36 għandhom jiġu emendati biex jiġu rrazzjonalizzati u ssimplifikati l-obbligi ta’ rapportar f’dan il-qasam u biex jiġi segwit l-għan ta’ regolamentazzjoni aħjar. 37 Il-bidliet meħtieġa huma dawn li ġejjin:

·L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 7 jeħtieġ li jinbidlu billi titneħħa r-referenza għall-format tar-rapportar fl-Anness III u minflok il-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi dak il-format permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni (komitoloġija) u tirrevoka l-Anness III skont dan. Dan għandu jtejjeb il-koerenza mar-rapportar skont id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali 38 , li tkopri kważi l-istess attivitajiet. Dan se jippermetti approċċ aktar irrazzjonalizzat u interoperabilità ikbar tad-data miġbura taħt id-Direttiva 2010/75/UE u taħt ir-Regolament (KE) Nru 166/2006, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Dan se jippermetti wkoll l-iżvilupp u l-użu aktar effiċjenti u konsistenti ta’ għodod elettroniċi ta’ rapportar, li għandhom jiġu żviluppati u jinżammu bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

·L-obbligi ta’ rapportar għall-Istati Membri fl-Artikolu 16 u l-obbligu ta’ rapportar tal-Kummissjoni korrispondenti fl-Artikolu 17 għandhom jitħassru wkoll, minħabba li l-informazzjoni msemmija hija ta’ valur limitat u/jew ma tissodisfax il-ħtiġijiet tal-politika. Dan jevita piż amministrattiv eċċessiv.

·Il-koerenza mal-obbligi ta’ rapportar dwar faċilitajiet simili taħt biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-UE (eż: id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali u d-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi ) għandha bżonn tittejjeb permezz ta’ emenda tal-Artikolu 11 dwar il-kunfidenzjalità, biex jiġi ċċarat li l-informazzjoni kunfidenzjali trid tiġi rrapportata wkoll lill-Kummissjoni, għalkemm ma tiġix ippubblikata.

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

Sabiex jittejjeb u jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 39 , id-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament għandha ssir disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ ħarsa ġenerali għall-UE kollha ġestita mill-Kummissjoni. Din il-proposta timmodifika l-frekwenza li tiġi pprovduta d-data dwar kif qiegħed jiġi implimentat ir-Regolament sabiex jiġi aġġornat kull sena biex ikopri s-sena kalendarja ta’ qabel, skont ir-Regolament FLEGT. Dan se jagħmel id-data komparabbli ma’ settijiet ta’ data oħra disponibbli, bħal dawk li jipprovdu informazzjoni dwar il-kummerċ tal-injam bejn l-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18 tar-Regolament, se tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format meħtieġ u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli skont ir-Regolament. Il-proposta tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika ħarsiet ġenerali annwali tal-UE kollha dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Ir-rapportar formali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill se jsir mill-inqas darba kull sitt snin, b’rapportar dwar ir-riżultati tar-rieżami regolari tal-funzjonament u tal-effikaċja tar-Regolament.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 jimplimenta fil-liġi tal-UE d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi Pperikolati ta’ fawna u flora selvaġġi (“il-Konvenzjoni CITES”), li l-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE jagħmlu parti minnha. Fl-Artikolu VIII(7), il-Konvenzjoni tas-CITES tipprevedi li l-partijiet għall-Konvenzjoni kull sena għandhom jirrapportaw dwar il-kummerċ tal-ispeċijiet elenkati fis-CITES u kull sentejn dwar għadd ta’ miżuri meħuda biex tiġi implimentata l-Konvenzjoni CITES (“ir-rapporti ta’ implimentazzjoni”). Dawn id-dispożizzjonijiet ġew implimentati fil-liġi tal-UE permezz tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-Kunsill 338/97.

Fl-2016, fis-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni CITES , il-partijiet tas-CITES 40 iddeċiedew li:

·il-frekwenza tar-rapporti ta’ implimentazzjoni għandha tiġi emendata, b’tali mod li dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati mill-partijiet għas-CITES kull sentejn, sena qabel kull Konferenza tal-Partijiet, u mhux kif normalment isir, kull tliet snin;

·sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena għandu jiġi ppreżentat rapport annwali ġdid dwar il-kummerċ illegali mill-partijiet kollha tas-CITES lis-Segretarjat tas-CITES, li jkopri l-azzjonijiet fis-sena preċedenti.

L-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-Kunsill 338/97 għalhekk għandu bżonn jiġi emendat biex jirrifletti dawn id-deċiżjonijiet, billi jibdel il-frekwenza tal-preżentazzjonijiet tar-rapporti ta’ implimentazzjoni u jimplimenta fil-liġi tal-UE r-rekwiżit għal rapport annwali mill-Istati Membri tal-UE dwar il-kummerċ illegali.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005

Sabiex ittejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2173/2005 41 , id-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament għandha tkun disponibbli pubblikament fil-livell nazzonali permezz ta’ ħarsa ġenerali għall-UE kollha ġestita mill-Kummissjoni.

Il-liċenzji FLEGT inħarġu għall-ewwel darba f’Novembru 2016. L-esperjenza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kisbu mill-ewwel sena ta’ liċenzjar FLEGT turi li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-rapportar ma għadhomx jgħoddu. B’mod partikolari, id-deskrizzjoni tal-kontenut tar-rapporti mill-Istati Membri fl-Artikolu 8(1)(a), (b) u (c) hija ambigwa, intrinsikament kontradittorja u suxxettibbli għal interpretazzjonijiet differenti. Anki jekk dawn id-deskrizzjonijiet mhumiex eżawrjenti, dawn jipprovdu bażi mhux kompluta biex ikun monitorjat il-progress tal-iskema ta’ liċenzjar u tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Għalhekk, din il-proposta tħassar dawn il-paragrafi u minflok tintroduċi mekkaniżmu biex iwettaq kontrolli, permezz tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, u tippermetti lill-Kummissjoni teżerċita l-poteri tagħha ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni meħtieġa. Il-proposta tistabbilixxi wkoll rieżami regolari tar-Regolament FLEGT kull sitt snin (allinjat ma’ dak meħtieġ skont ir-Regolament dwar l-Injam), minflok ir-rieżami ta’ darba kif meħtieġ bħalissa fl-Artikolu 9, u tinkludi obbligu ta’ rapportar formali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati.

Id-dispożizzjonijiet legali ewlenin tar-Regolament propost

F’konformità ma’ dawn is-sejbiet, u l-għanijiet ġenerali tal-proposta ta’ razzjonalizzazzjoni u mmodernizzar tar-rapportar, li titħaffef id-disponibbiltà tad-data u jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-emendi proposti huma strettament limitati għall-obbligi ta’ rapportar. Il-bidliet meħtieġa huma dawn li ġejjin:

Artikolu 1

Jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE billi jemenda l-Artikolu 10 u l-Artikolu 17 dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ rapportar.

Artikolu 2

Jemenda l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/49/KE dwar l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni, l-Artikolu 9 biex tiżdied it-trasparenza billi ssir referenza għad-Direttiva 2003/4/KE u għad-Direttiva 2007/2/KE, l-Artikolu 10 dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni b’mod elettroniku fir-repożitorji tad-data, u jaġġorna l-Anness VI biex jiġi stabbilit l-mekkaniżmu biex jipprovdi l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni.

Artikolu 3

Jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2004/35/KE billi:

iħassar l-Artikolu 14(2);

jissostitwixxi l-Artikolu 18 billi jirrikjedi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-bażi ta’ evidenza;

jaġġorna l-Anness VI bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) dwar każijiet ta’ danni ambjentali u każijiet ta’ responsabbilità.

Artikolu 4

Jemenda d-Direttiva 2007/2/KE 42 billi:

jemenda l-Artikolu 21(2) dwar il-monitoraġġ;

iħassir l-Artikolu 21(3) dwar ir-rapportar; kif ukoll

jissostitwixxi l-Artikolu 23 b’dispożizzjonijiet sabiex tinħoloq ħarsa ġenerali regolari għall-UE kollha u titħejja l-evalwazzjoni futura tad-Direttiva.

Artikolu 5

Jemenda l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/147/KE billi jiġi estiż iċ-ċiklu tar-rapportar minn tliet snin għal sitt snin.

Artikolu 6

Iħassar l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2010/63/UE u jemenda d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

l-Artikolu 43(2)-(4) dwar id-dispożizzjonijiet relatati ma’ sommarji ta’ proġetti u l-istabbiliment ta’ bażi ta’ data online;

l-Artikolu 51 dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati; kif ukoll

l-Artikolu 54 dwar informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ u l-preżentazzjoni ta’ data statistika.

Artikolu 7

Jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 166/2006 biex:

iħassar ir-rekwiżiti tar-rapportar kull tliet snin fl-Artikoli 16 u 17;

jemenda l-Artikolu 7 biex jiġi ffaċilitat aktar rapportar integrat skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali;

jirrevoka l-format ta’ rapportar fl-Anness III, u minflok jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format u l-frekwenza tar-rapportar tal-E-PRTR permezz tal-proċedura tal-Kumitat stabbilita fl-Artikolu 19(2); kif ukoll

jiġi emendat l-Artikolu 11 dwar il-kunfidenzjalità, biex jiġi żgurat li d-data rilevanti kollha tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni, filwaqt li jiġi evitat l-iżvelar lill-pubbliku.

Artikolu 8

Jemenda r-Regolament (UE) Nru 995/2010 billi jissostitwixxi l-Artikolu 20(1)-(4) dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, jistabbilixxi frekwenza annwali għall-ħarsiet ġenerali tal-UE kollha, u jaġġorna d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament.

Artikolu 9

Jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 biex jissostitwixxi l-Artikolu 15(4)(b), (c) u (d) b’dispożizzjonijiet li jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta’ ħarsa ġenerali tad-data tal-UE kollha.

Artikolu 10

Jemenda r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 biex jissostitwixxi l-Artikoli 8 u 9 dwar ir-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni, u jintroduċi rekwiżit għal ħarsa ġenerali tal-UE kollha fuq il-bażi tad-data miġbura mill-Istati Membri. Il-proposta taġġorna wkoll id-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament.

Artikolu 11

Jippromulga d-dħul fis-seħħ tal-abbozz ta’ proposta għal Regolament.

2018/0205 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-politika ambjentali u b’hekk jemenda d-Direttivi 86/278/KEE, 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE, ir-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010, u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 114, 192(1) u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 43 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 44 ,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa għall-implimentazzjoni u l-informazzjoni dwar il-konformità, jenħtieġ li jiġu introdotti emendi ta’ diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ambjentali filwaqt li jitqiesu r-riżultati tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar Azzjonijiet għar-Razzjonalizzazzjoni tar-Rapport Ambjentali 45 u l-Kontroll tal-Idoneità relatat 46 .

(2)Jeħtieġ li l-aċċessibbiltà tad-data tiżgura li l-piż amministrattiv fuq l-entitajiet kollha jibqa’ limitat kemm jista’ jkun. Jenħtieġ it-tixrid attiv tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali f’konformità mad-Direttivi 2003/4/KE 47 u 2007/2/KE 48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, biex tiġi żgurata l-infrastruttura xierqa għall-aċċess pubbliku, ir-rapportar u l-kondiviżjoni tad-data fost l-awtoritajiet pubbliċi.

(3)Id-data li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni timmonitorja, tirrieżamina u tivvaluta l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni vis-a-vis l-għanijiet ta’ din tal-aħħar sabiex tinforma kwalunkwe valutazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni, skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 49 . Huwa xieraq li jiżdiedu xi dispożizzjonijiet ma’ diversi atti leġiżlattivi fis-settur ambjentali għall-fini tal-evalwazzjoni futura tagħhom, fuq il-bażi tad-data miġbura matul l-implimentazzjoni, possibbilment flimkien ma’ aktar data analitika u xjentifika. F’dan il-kuntest, teżisti l-ħtieġa għal data rilevanti li tippermetti l-valutazzjoni aħjar tal-effiċjenza, tal-effikaċja, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-UE tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u b’hekk jinħtieġ li jiġu żgurati mekkaniżmi ta’ rapportar adattati li jistgħu jintużaw ukoll bħala indikaturi għal dan il-għan.

(4)Huwa meħtieġ li jiġu emendati l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE. L-obbligu ta’ rapportar lill-Kummissjoni għandu jiġi ssimplifikat u fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jiżguraw livell ogħla ta’ trasparenza, fejn it-tagħrif irid isir disponibbli b’mod faċilment aċċessibbli, b’mod elettroniku, b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4/KE u tad-Direttiva 2007/2/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess pubbliku, tal-qsim ta’ informazzjoni u tas-servizzi.

(5)Skont l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 , hemm il-ħtieġa li jiġu rrazzjonalizzati l-iskadenzi tar-rapportar għall-mapep tal-ħsejjes u l-pjanijiet ta’ azzjoni biex jitħalla biżżejjed żmien għal konsultazzjoni pubblika dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni. Għal dak il-għan, u għal darba waħda biss, l-iskadenza għar-rieżami jew għar-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tiġi posposta b’sena sabiex l-iskadenza tal-fażi li jmiss (ir-raba’ ċiklu) tal-pjanijiet ta’ azzjoni ma tkunx fit-18 ta’ Lulju 2023, iżda fit-18 ta’ Lulju 2024. B’hekk, mir-raba’ ċiklu ’l quddiem, l-Istati Membri se jkollhom madwar sentejn bejn li jagħmlu l-mapep tal-ħsejjes u t-tlestija tar-rieżami jew tar-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni minflok sena kif inhu l-każ bħalissa. Għal dawn is-sessjonijiet ta’ ppjanar ta’ azzjoni, iċ-ċiklu ta’ ħames snin għar-rieżami jew għar-reviżjoni se jissoktaw. Barra minn hekk, sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tad-Direttiva 2002/49/KE u sabiex tiġi pprovduta bażi għall-iżvilupp ta’ miżuri fil-livell tal-Unjoni, ir-rapportar mill-Istati Membri għandu jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi. Huwa wkoll neċessarju li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika billi jiġi rikjest li ċerta informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku filwaqt li dan l-obbligu jiġi allinjat ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2007/2/KE, mingħajr ma jiġu dduplikati r-rekwiżiti prattiċi.

(6)F’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 51 id-disponibbiltà ta’ informazzjoni tista’ titjieb aktar b’mod partikolari dwar ċerta data ewlenija. Disponibilità aħjar isservi biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar każijiet ta’ ħsara ambjentali, b’mod partikolari għal min qiegħed fir-riskju li jiġu affettwat minn każijiet bħal dawn, tippermetti lill-operaturi u lill-awtoritajiet jieħdu l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju meħtieġa f’każijiet bħal dawn, u tipprovdi lill-Kummissjoni bil-bażi ta’ evidenza meħtieġa biex jitwettqu l-evalwazzjonijiet regolari tad-Direttiva. Il-ħtieġa li jiġi żgurat livell ogħla ta’ trasparenza huwa kkorroborat ulterjorament permezz tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4/KE, jiġifieri li issir disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni li tista’ tirriżulta f’theddida imminenti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. L-informazzjoni online għandha tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi u l-aċċessibbiltà tad-data għall-pubbliku u għall-awtoritajiet.

(7)Fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE u tal-evalwazzjoni REFIT 52 , huwa xieraq, bil-ħsieb li tiġi simplifikata l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-monitoraġġ mill-Istati Membri, li ma jibqax jinħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu rapporti kull tliet snin lill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni tippreżenta rapport sommarju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, billi r-rapport tal-Kontroll tal-Idoneità kkonferma li l-utilità ta’ dawn ir-rapporti hija limitata 53 .

(8)Mill-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttivi 2009/147/KE 54 u 92/43/KEE 55 ġie konkluż li ċ-ċiklu ta’ rapportar ta’ tliet snin kif previst bid-Direttiva 2009/147/KE, fil-prattika qed isir permezz taċ-ċiklu ta’ rapportar ta’ sitt snin stabbilit bid-Direttiva 92/43/KEE, bl-istess għan ewlieni li tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet. Il-ħtieġa għal proċess irrazzjonalizzat tal-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi tiġġustifika l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata għall-prattika, billi jiġi żgurat li jkun hemm valutazzjoni tal-istatus kull sitt snin, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri qed iwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ meħtieġa għal xi speċijiet vulnerabbli. Din il-prattika konġunta għandha tiffaċilita wkoll it-tħejjija tas-sitt rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni tal-progress tal-politika, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni, b’mod partikolari, dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi, it-theddid u l-pressjoni fuqhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda u l-kontribut tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għanijiet tad-Direttiva.

(9)Huwa meħtieġ li jiġu emendati l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 43, 54 u 57 tad-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 . Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu, bil-għan li tittejjeb it-trasparenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-istabbiliment ta’ bażi tad-data ċentrali, b’aċċess miftuħ u disponibbli għat-tiftix għal sommarji mhux tekniċi ta’ proġetti u ta’ valutazzjonijiet retrospettivi relatati, l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi format komuni għall-preżentazzjoni ta’ sommarji mhux tekniċi ta’ proġetti u ta’ valutazzjonijiet retrospettivi relatati, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-sostituzzjoni tar-rapportar tal-istatistika ta’ kull tliet snin mill-Kummissjoni bir-rekwiżit tal-istabbiliment ta’ bażi tad-data ċentrali dinamika ospitata mill-Kummissjoni u r-rilaxx ta’ informazzjoni fuq bażi annwali.

(10)F’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni 57 REFIT tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 58 , huwa meħtieġ li jiġu emendati jew aboliti l-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dak ir-Regolament. Sabiex tittejjeb il-koerenza mar-rapportar skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 59 , huwa neċessarju li jingħataw setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li trid issir disponibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006, u biex jiġi abolit il-format tar-rapportar attwalment stabbilit f’dak ir-Regolament. Huwa neċessarju wkoll li jiġi emendat l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-kunfidenzjalità sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar ta’ rapportar lill-Kummissjoni. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni, huwa meħtieġ ukoll li jitneħħew l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006, peress li dawn jipprovdu informazzjoni li tkun ta’ valur limitat jew ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet tal-politika.

(11)Sabiex ittejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 60 , id-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament għandha ssir disponibbli għall-pubbliku min-naħa tal-Kummissjoni permezz ta’ ħarsa ġenerali għall-UE kollha ta’ din id-data; sabiex tiżdied il-konsistenza ta’ informazzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-funzjonament tar-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, u l-frekwenza u l-perjodu tal-għoti ta’ informazzjoni għandhom ikunu allinjati ma’ dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 61 .

(12)Ir-rapportar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 62 jeħtieġ li jiġi rrazzjonalizzat u allinjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li ġiet iffirmata f’Washington D.C., fit-3 ta’ Marzu 1973, li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha jagħmlu parti minnha. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar skont is-CITES ġew emendati waqt is-17-il Konferenza tal-Partijiet tas-CITES li saret fl-2016, sabiex tiġi aġġustata l-frekwenza tar-rapportar għal miżuri dwar l-implimentazzjoni tas-CITES u biex jinħoloq mekkaniżmu ta’ rapportar ġdid dwar il-kummerċ illegali tal-ispeċijiet elenkati fis-CITES. Dawn il-bidliet jeħtieġu li jkunu riflessi fir-Regolament (KE) Nru 338/97.

(13)Sabiex ittejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill(UE) Nru 2173/2005, id-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament għandha ssir disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ ħarsa ġenerali għall-UE kollha ġestita mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-esperjenza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kisbu mill-ewwel sena ta’ Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ ta’ liċenzjar, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament marbuta mar-rapportar jeħtieġu li jiġu aġġornati. Il-Kummissjoni, hija u teżerċita l-poteri tagħha ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format u l-proċedura biex l-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament iridu jiġu aġġornati.

(14)L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) diġà qed twettaq kompiti importanti fil-monitoraġġ u fir-rapportar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, li għandhom ikunu introdotti b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Għal biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni, ir-rwol u r-riżorsi tal-EEA f’dak li jirrigwarda l-appoġġ lill-Kummissjoni fir-rapportar ambjentali se jiġu indirizzati wara l-iffinalizzar tal-evalwazzjoni li għaddejja bħalissa.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta' Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b'mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura

Id-Direttiva 86/278/KEE hija emendata kif ġej:

1.L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords pubbliċi aġġornati, li jirreġistraw:

(a) il-kwantitajiet ta’ ħama li tkun ġiet prodotta u l-kwantitajiet ipprovduti għall-użu fl-agrikoltura;

(b) il-kompożizzjoni u l-propjetajiet tal-ħama f'relazzjoni mal-parametri msemmija fl-Anness II A;

(c) it-tip ta’ trattament li jkun sar, kif stabbilit fl-Artikolu 2(b);

(d) l-ismijiet u l-indirizzi ta’ min qed jirċievi l-ħama u l-post fejn dan ikun se jintuża;

(e) kwalunkwe informazzjoni oħra rigward it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17.

Sabiex jiġu ppreżentati s-settijiet ta’ data ġeografika inklużi fl-informazzjoni rreġistrata f’dawk ir-rekords għandhom jintużaw s-servizzi ta’ data ġeografika kif definiti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* .

2. Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku għal kull sena kalendarja, fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena kalendarja rilevanti, f’format konsolidat kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/741/KE** jew f’format ieħor previst skont l-Artikolu 17.

L-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni s-sit elettroniku tal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku skont il-paragrafu 1.

3. L-informazzjoni dwar il-metodi ta’ trattament u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu rrilaxxati kull meta ssir talba mill-awtoritajiet kompetenti.

*    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

**    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (94/741/KE) tal-24 ta' Ottubru 1994 dwar kwestjonarji għar-rapporti ta' Stati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti Direttivi fis-settur tal-iskart (implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE) (ĠU L 296, 17.11.1994, p. 42).”;

2.L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-format skont liema l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 86/278/KEE kif mitlub mill-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha li tinkludi wkoll mapep fuq il-bażi tad-data li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli skont l-Artikoli 10 u 17.”.

Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali

Id-Direttiva 2002/49/KE hija emendata kif ġej:

1.Fl-Artikolu 3 jiżdied dan il-punt:

“(x) “ir-repożitorju tad-data” tfisser sistema ta’ informazzjoni, ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li jkun fih informazzjoni u data dwar il-ħsejjes ambjentali li jsiru disponibbli permezz tar-rapportar tad-data nazzjonali u permezz tan-nodi ta’ skambju fil-kontroll tal-Istati Membri. “.

2.    L-Artikolu 8(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

Il-pjanijiet tal-azzjoni għandhom jiġu rieżaminati, u mibdula jekk meħtieġ, kull meta jseħħ żvilupp maġġuri li jaffettwa s-sitwazzjoni eżistenti tal-ħsejjes, u mill-anqas darba kull ħames snin wara d-data tal-approvazzjoni tagħhom.

Dawk ir-rieżamijiet u r-reviżjonijiet li skont is-subparagrafu 1 iseħħu fl-2023, se jiġu posposti biex iseħħu sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2024.”

3.L-Artikolu 9(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-mappep strateġiċi tal-ħsejjes li huma jkunu għamlu, u meta xieraq adottaw, u l-pjanijiet ta’azzjoni li huma jkunu fasslu, isiru disponibbli u jitqassmu lill-pubbliku bi qbil mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, u b’konformità mal-Annessi IV u V ta' tad-Direttiva 2002/49/KE, inkluż permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni li jkunu disponibbli.

*    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

**    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).”.

4.L-Artikolu 10(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-informazzjoni minn mapep strateġiċi tal-ħsejjes u s-sommarji tal-pjanijiet tal-azzjoni kif imsemmija fl-Anness VI jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-dati stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 rispettivament. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-informazzjoni b’mod elettroniku biss lir-repożitorju tad-data li għandu jiġi stabbilit skont il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 13(3). Fil-każ li Stat Membru jkun irid jaġġorna l-informazzjoni, għandu jiddeskrivi d-differenzi bejn l-informazzjoni aġġornata u dik oriġinali u r-raġunijiet għall-aġġornament meta jagħmel l-informazzjoni aġġornata disponibbli fir-repożitorju tad-data.”

5.Fl-Anness VI, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni.

“Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tiżviluppa mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni diġitali obbligatorju biex titqassam l-informazzjoni mill-mapep strateġiċi tal-ħsejjes u mis-sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(3).”.

Artikolu 3
Emendi għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali

Id-Direttiva 2004/35/KE hija emendata kif ġej:

1.Jitħassar l-Artikolu 14(2);

2.L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u bażi ta’ evidenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun disponibbli għall-pubbliku informazzjoni adegwata u aġġornata, tal-anqas fuq it-theddid imminenti ta’ danni, f’format ta’ data miftuħa online, skont l-Anness VI ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill *. Għal kull inċident, għandha tiġi pprovduta talanqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness VI ta’ din id-Direttiva.

2. Sabiex jiġu ppreżentati s-settijiet ta’ data ġeografika, bħal-lokalizzazzjoni ġeografika tal-inċidenti, inklużi fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw is-servizzi ta’ data ġeografika kif definiti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**.

3. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha li tinkludi mapep fuq il-bażi tad-data li l-Istati Membri jkunu għamlu disponibbli skont il-paragrafu 1.

4. Il-Kummissjoni għandha, f’intervalli regolari, twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-elementi li ġejjin:

(a)l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b)is-settijiet ta’ data ġeografika mill-Istati Membri stabbiliti skont dan l-Artikolu u l-ħarsiet ġenerali għall-Unjoni kollha relatati taħt il-paragrafu 3.

*    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

**    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).”;

3.L-Anness VI huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS VI

L-INFORMAZZJONI U D-DATA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 18(1)

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) għandha tirreferi għal emissjonijiet, avvenimenti jew inċidenti li jikkawżaw danni ambjentali jew periklu imminenti ta’ danni, bl-informazzjoni u d-data li ġejjin għal kull każ:

1. l-iskala u t-tip ta’ danni ambjentali, id-data ta’ meta seħħew u/jew ta’ meta ġew skoperti d-danni. L-iskala tad-danni ambjentali għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ daqs żgħir, medju, kbir jew kbir ħafna. It-tip ta’ danni ambjentali għandu jiġi kklassifikat bħala dannu għall-ilma, għall-baħar, għall-ħamrija, għan-natura/għall-ekosistemi jew dannu għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mit-tniġġis;

2. l-attività li tkun ikkawżat id-dannu ambjentali, inkluż, fejn jaqa’ d-dannu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; il-klassifikazzjoni tal-attività skont l-Anness III;

3. jekk u meta bdew il-proċedimenti ta’ responsabilità, inkluż skont liema sistema legali (responsabilità amministrattiva, ċivili, jew penali), u b’mod partikolari jekk it-tali proċediment ta’ responsabilità kienx mibdi skont din id-Direttiva;

4. jekk u meta azzjoni preventiva u/jew korrettiva tkun inbdiet, b’mod partikolari, jekk it-tali azzjoni preventiva u/jew korrettiva ġietx mibdija skont din id-Direttiva;

5. ladarba jkunu disponibbli, id-dati ta’ meta l-azzjonijiet ta’ proċedimenti u ta’ prevenzjoni u/jew ta’ azzjonijiet korrettivi taħt il-punti 3 u 4 ingħalqu jew tlestew;

6. ir-riżultat tal-proċess tar-rimedju, b’attenzjoni partikolari għal kwalunkwe rimedju primarju, kumplimentari u/jew rimedju ta’ kumpens skont din id-Direttiva, fejn applikabbli;

7. l-ispejjeż imġarrba b’rabta ma’ dan li ġej:

(a) il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju, li jistgħu jkunu:

(i) imħallsin jew irkuprati mingħand il-parti responsabbli;

(ii) mhux irkuprati mingħand il-parti responsabbli;

(b) il-miżuri ta’ prekawzjoni tal-operaturi għal:

(i) kopertura tas-sigurtà finanzjarja;

(ii) sistemi ta’ ġestjoni ambjentali jew ta’ sikurezza ambjentali;

(iii) l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji maħsuba biex jevitaw jew inaqqsu t-tniġġis;

(c) ir-rekwiżiti amministrattivi ta’:

(i) l-operaturi;

(ii) l-awtoritajiet kompetent.”.

Artikolu 4
Emendi għad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)

Id-Direttiva 2007/2/KE hija emendata kif ġej:

1.L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, is-sentenza introduttorja hija ssostitwita b’din li ġejja:

“2.  Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jippubblikaw ir-rapport sommarju tagħhom. Dan ir-rapport, li għandu jsir pubbliku mis-servizzi tal-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandu jinkludi deskrizzjonijiet qosra dwar:”;

(b) Jitħassar il-paragrafu 3;

2.L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika u taġġorna l-ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha fuq il-bażi tal-metadata u tad-data li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli permezz ta’ servizzi tan-netwerk skont l-Artikolu 21. Il-ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha għandha tinkludi, kif xieraq, indikaturi għall-eżiti, għar-riżultati u għall-impatti ta’ din id-Direttiva, mapep li jagħtu ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha u rapporti li jagħtu ħarsa ġenerali tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha, f’intervalli regolari, twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-elementi li ġejjin:

(a)l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b)l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 21 u l-ħarsiet ġenerali għall-Unjoni kollha miġbura mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

(c)id-data analitika u xjentifika rilevanti;

(d)    informazzjoni oħra li tinkludi data analitika u xjentifika rilevanti li tkun meħtieġa abbażi tal-linji gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar, b’mod partikolari permezz ta’ proċessi ta’ ġestjoni effiċjenti u effikaċi ta’ informazzjoni.”.

Artikolu 5
Emendi għad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/147/KE huwa emendat kif ġej:

1.il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1. Kull sitt snin, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fl-istess żmien tar-rapport imfassal skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE*, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont din id-Direttiva u l-impatti ewlenin ta’ dawn il-miżuri. Dan ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari, informazzjoni dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi protetti b’din id-Direttiva, it-theddid u l-pressjoni fuqhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħudin għalihom u l-kontribut tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.”;

* Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).”

2.fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“2. Kull sitt snin, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tħejji rapport kompost ibbażat fuq l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”.

Artikolu 6
Emendi għad-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi

Id-Direttiva 2010/63/UE hija emendata kif ġej:

1.L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2. Sa mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-sommarju mhux tekniku tal-proġett jispeċifika jekk proġett għandux isirlu valutazzjoni retrospettiva u sa meta. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sommarju mhux tekniku tal-proġett jiġi aġġornat abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni retrospettiva fi żmien sitt xhur mit-tlestija tagħha.

3.    Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw is-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti awtorizzati u kwalunkwe aġġornamenti relatati magħhom. Sa mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw u jippubblikaw is-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti, l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni, u kwalunkwe aġġornament tagħha, permezz ta’ trasferiment elettroniku lill-Kummissjoni.”

(b)għandu jiżdied il-paragrafu 4 l-ġdid li ġej:

“4.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi format komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 56(3). Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu u jżommu bażi tad-data b’aċċess miftuħ u disponibbli għat-tiftix dwar sommarji mhux tekniċi tal-proġetti u kwalunkwe aġġornament tagħhom.”;

2.L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu tal-Artikolu u l-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-għoti ta’ data statistika.

1.    Sat-30 ta’ Novembru 2023, u suċċessivament kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari l-Artikoli 10(1), 26, 28, 34, 38, 39, 43 u 46 tagħha.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw u jippublikaw din id-data, permezz ta’ trasferiment elettroniku f’format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha fuq il-bażi tad-data li tkun saret disponibbli mill-Istati Membri.

2.    Kull sena, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jippubblikaw informazzjoni statistika dwar l-użu ta’ annimali fi proċeduri, inkluża informazzjoni dwar is-severità vera tal-proċeduri u dwar l-oriġini u l-ispeċijiet ta’ primati mhux umani użati fil-proċeduri.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni statistika lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara, permezz ta’ trasferiment elettroniku f’format mhux imqassar stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data b’aċċess miftuħ u disponibbli għat-tiftix li jkun fih din l-informazzjoni statistika. Fuq bażi annwali, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni statistika ppreżentata mill-Istati Membri skont dan il-paragrafu u r-rapport sommarju tiegħu.”

(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi format u kontenuti komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 56(3).”;

3.Jitħassar l-Artikolu 57.

Artikolu 7
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 huwa emendat kif ġej:

1.fl-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-operatur ta' kull faċilità li jieħu f'idejh waħda jew iktar mill-attivitajiet speċifikati fl-Anness I,’il fuq mil-limitu ta' kapaċità applikabbli speċifikat fl-istess Anness għandu jikkomunika permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tiegħu l-informazzjoni li tidentifika l-faċilità skont il-format imsemmi fl-Artikolu 7(2) sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-awtorità kompetenti.”;

2.Fl-Artikolu 7, il-paragrafi (2) u (3) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

2. Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, lill-Kummissjoni permezz ta’ trasferiment elettroniku, rapport li jkun fih id-data kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) f’format u sa data li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2). Id-data tar-rapportar għandha tkun, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ rapportar.

3. Is-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandhom jinkorporaw l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri fil-PRTR Ewropew fi żmien xahrejn mit-tlestija tar-rapportar mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 2.”;

3.L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 11

Kunfidenzjalità

Meta l-informazzjoni titqies kunfidenzjali minn Stat Membru skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill *, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament għas-sena ta’ rapportar ikkonċernata għandu jindika separatament għal kull faċilità liema informazzjoni ma tkunx tista’ ssir pubblika u għaliex. Dik ir-raġuni għandha ssir pubblika. 

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

4.Jitħassru l-Artikoli 16 u 17;

5.L-Anness III jitħassar.

Artikolu 8
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam.

Fl-Artikolu 20, it-titolu u l-paragrafi (1), (2) u (3) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu t-tali informazzjoni disponibbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

2. Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku fuq bażi annwali, ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri. Fit-tħejjija tal-ħarsa ġenerali, il-Kummissjoni għandha tqis il-progress li jkun sar rigward il-konklużjoni u l-operazzjoni tal-VPA FLEGT skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u l-kontribut tagħhom sabiex tkun imminizzata l-preżenza fis-suq intern tal-injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.

3. Sat-3 ta’ Diċembru 2015, u suċċessivament kull sitt snin, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina, fuq il-bażi tar-rapportar u l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. B’mod partikolari għandha tqis il-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kopertura tal-prodott. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-rieżami u takkumpanja rapporti bħal dawn, jekk ikun meħtieġ, bi proposti leġiżlattivi xierqa.”

Artikolu 9
Emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 huwa emendat kif ġej:

1.L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti.

2. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

3. Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku fuq bażi annwali, ħarsa ġenerali għall-Unjoni fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri.

2.L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 “Artikolu 9

Sa Diċembru 2021 u suċċessivament kull sitt snin, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapportar u tal-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, teżamina l-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament. Meta tagħmel dan hija għandha tieħu kont tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija volontarji. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-rieżami u takkumpanja rapporti bħal dawn, jekk ikun xieraq, bi proposti għat-titjib tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT.”

Artikolu 10
Emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

L-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 huwa emendat kif ġej:

1.Il-punti (b), (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b) Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija mill-Istati Membri fil-punt (a), is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw qabel il-31 ta' Ottubru ta’ kull sena ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni, u l-esportazzjoni u r-riesportazzjoni minnha, ta’ kampjuni tal-ispeċijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u għandhom jgħaddu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni informazzjoni dwar l-ispeċijiet li l-Konvenzjoni tapplika għalihom.

(c) Bla ħsara għall-Artikolu 20, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom, sena qabel kull laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam mal-perjodu preċedenti rilevanti li tkun meħtieġa biex jitħejjew ir-rapporti msemmijin fl-Artikolu VIII.7 (b) tal-Konvenzjoni u informazzjoni ekwivalenti dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li huma barra mill-iskop tal-Konvenzjoni. L-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata u l-format tal-preżentazzjoni tagħha għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).

(d) Abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri msemmija fil-punt (c), il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.”;

2.jiżdied il-punt il-ġdid (e) li ġej:

“(e) L-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel il-15 ta' April ta’ kull sena l-informazzjoni kollha dwar is-sena ta’ qabel li tkun mehtieġa għat-tħejjija tar-rapport dwar il-kummerċ illegali msemmi fil-Konferenza tar-Riżoluzzjoni tas-CITES 11.17 (rev. CoP17).”.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika minn XXX.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2017) 230.
(2)    ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171-200.
(3)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26) li timplimenta r-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-informazzjoni taħt il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus).
(4)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(5)    COM(2017) 312 u SWD(2017) 230.
(6)    L-Anness IV tal-SWD(2017) 230.
(7)    COM/2017/0753 final
(8)    Il-proposta ma tikkonċernax ir-rapportar fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Fl-oqsma tal-politika dwar il-klima u l-enerġija, il-Kummissjoni diġà pproponiet simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ ppjanar, ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ: “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija” COM(2016) 759.
(9)    SWD(2017) 230.
(10)    SWD(2016) 454.
(11)    COM(2016) 0121.
(12)    COM(2016) 478 u SWD(2016) 273.
(13)     SWD(2016) 472 final
(14)    COM(2017) 631 u SWD(2017) 353.
(15)    SWD(2017) 0711.
(16)     http://ec.europa.eu/environment/consultations/reporting_en.htm
(17)     http://minisites.ieep.eu/work-areas/environmental-governance/better-regulation/make-it-work/
(18)    http://cor.europa.eu/en/activities/opinions/pages/opinion-factsheet.aspx?OpinionNumber=CDR 5660/2015.
(19)    Ara l-Anness IV tal-SWD (2017) 230.
(20)    Ara b’mod partikolari l-Kapitolu 6.
(21)    Ara http://ec.europa.eu/environment/legal/reporting/fc_overview_en.htm.
(22)    Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.
(23)    Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, ĠU L 189, 18.7.2002.
(24)    SWD(2016) 454 final u SWD(2017) 230
(25)    COM(2017) 151 final.
(26)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1-14.
(27)    SWD(2016) 121.
(28)    COM(2016) 478 u SWD(2016) 273.
(29)    Ara l-iskeda tal-pajjiżi tal-2016 disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE fuq http://inspire.ec.europa.eu/INSPIRE-in-your-Country
(30)    ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7-25.
(31)    ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7-50
(32)    SWD(2016) 472 final.
(33)    Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi.
(34)    COM(2017) 631.
(35)    SWD (2017) 353.
(36)    Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE.
(37)    SWD(2017) 710.
(38)    ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119.
(39)    Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam.
(40)    Fosthom l-UE u t-28 Stat Membru tagħha.
(41)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal- 20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea.
(42)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE).
(43)    ĠU C […], […], p. […].
(44)    ĠU C […], […], p. […].
(45)    COM(2017) 312.
(46)    SWD(2017) 230.
(47)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(48)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(49)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(50)    Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002).
(51)    SWD(2016) 0121.
(52)    COM(2016) 478 u SWD(2016) 273.
(53)    COM(2017) 312.
(54)    Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(55)    SWD(2016) 472 final.
(56)    Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).
(57)    SWD(2017) 710.
(58)    Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta ’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta ’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).
(59)    Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(60)    Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).
(61)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).
(62)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).
Top