EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0476

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji (2018/2856(RSP))

ĠU C 363, 28.10.2020, p. 107–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/107


P8_TA(2018)0476

Ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Welfare taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim fil-familji transfruntieri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji (2018/2856(RSP))

(2020/C 363/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 20 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jissottolinjaw l-obbligu tal-gvernijiet li jipproteġu l-identità tal-minuri, inklużi r-relazzjonijiet tal-familji tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, b'mod partikolari l-Artikolu 37(b) tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Brussell IIa) (1), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 10, 15, 16, 21, 41, 55 u 57 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2011 bit-titolu Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (COM(2011)0060),

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), b'mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħha tat-22 ta' Diċembru 2010 fil-kawża C-497/10 PPU, MercrediChaffe (3), u tat-2 ta' April 2009 fil-każ C-523/07, proċedimenti mressqa minn A (4),

wara li kkunsidra l-immappjar tas-sistemi ta' protezzjoni tal-minuri imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra għadd kbir ta' petizzjonijiet li waslu dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport dwar iż-żjara għal ġbir ta' informazzjoni fil-Ġermanja (23-24 ta' Novembru 2011) biex jiġu investigati l-petizzjonijiet dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (5),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-3 ta' Mejju 2017 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar Kwistjonijiet relatati mal-Benesseri tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, għal aktar minn 10 snin, kien qiegħed jirċievi petizzjonijiet li fihom għadd kbir ħafna ta' ġenituri mhux Ġermaniżi jiddenunzjaw diskriminazzjoni sistematika u miżuri arbitrarji meħuda kontrihom mill-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim familjari b'implikazzjonijiet transfruntiera li jinvolvi l-minuri, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw, inter alia, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tal-minuri;

B.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet joqgħod prinċipalment fuq ir-rapport soġġettiv tal-petizzjonant u ġeneralment ma jkollux aċċess għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu deskrizzjoni sħiħa u oġġettiva tas-sitwazzjoni, li jkun fiha xhieda żewġ ġenituri, tat-tfal u tax-xhieda;

C.

billi l-Jugendamt għandu rwol ċentrali fis-sistema Ġermaniża tal-liġi tal-familja, peress li huwa wieħed mill-partijiet fit-tilwim familjari kollu li jinvolvi l-minuri;

D.

billi f'tilwim familjari li jinvolvi l-minuri, il-Jugendamt jagħti rakkomandazzjoni lill-imħallfin, li n-natura tagħha hija prattikament vinkolanti, u jista' jadotta miżuri temporanji bħal “Beistandschaft” (konsulenza legali), li ma jistgħux jiġu kkontestati;

E.

billi l-Jugendamt huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Ġermaniżi; billi l-interpretazzjoni wiesgħa ta' dawn id-deċiżjonijiet mill-Jugendamt, skont il-petizzjonanti, ħafna drabi kienet ta' detriment għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet ta' ġenituri mhux Ġermaniżi;

F.

billi n-nuqqas ta' rikonoxximent u n-nuqqas ta' infurzar mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi ta' deċiżjonijiet u sentenzi meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra tal-UE f'tilwim familjari li jkollu implikazzjonijiet transfruntiera jistgħu jirrappreżentaw ksur tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, u b'hekk jipperikolaw il-protezzjoni effettiva tal-aħjar interessi tal-minuri;

G.

billi l-petizzjonanti ddenunzjaw il-fatt li f'tilwim familjari li jkollu implikazzjonijiet transfruntiera, il-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri tiġi interpretata b'mod sistematiku mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi bil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-minuri jibqgħu fit-territorju Ġermaniż, anke f'każijiet li fihom ikunu ġew irrapportati abbuż u vjolenza domestika kontra l-ġenitur mhux Ġermaniż;

H.

billi fil-petizzjonijiet tagħhom il-ġenituri mhux Ġermaniżi ddenunzjaw konsulenza u appoġġ legali insuffiċjenti, jew l-assenza tagħhom, mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom f'każijiet li fihom ġew adottati proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi allegatament diskriminatorji jew żvantaġġużi kontrihom mill-awtoritajiet Ġermaniżi, inkluż il-Jugendamt, f'tilwim familjari li jinvolvi l-minuri;

I.

billi skont l-informazzjoni pprovduta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kien hemm 17-il każ ippreżentat quddiem il-Qorti kontra l-Ġermanja minn petizzjonanti mhux Ġermaniżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew il-kustodja tat-tfal f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji, kollha kemm huma vvalutati bħala inammissibbli;

J.

billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jiggarantixxu bis-sħiħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; billi l-aħjar interessi tal-minuri, prinċipju li jseħħ primarjament u bl-aħjar mod fil-familja tal-minuri stess, huwa prinċipju fundamentali li għandu jiġi rrispettat bħala regola li tiggwida d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-kwistjonijiet tal-kura tal-minuri fil-livelli kollha;

K.

billi ż-żieda fil-mobbiltà fi ħdan l-UE wasslet għal għadd dejjem akbar ta' tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tal-minuri; billi l-Kummissjoni jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi fl-Istati Membri kollha, inkluża l-Ġermanja, l-implimentazzjoni konsistenti u konkreta tal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE;

L.

billi l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tar-Regolament Brussell IIa huma bbażati fuq il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri;

M.

billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIa ma għandhom bl-ebda mod jippermettu kwalunkwe abbuż tal-għanijiet sottostanti tiegħu li jiġi żgurat ir-rispett reċiproku u r-rikonoxximent reċiproku, li tiġi evitata d-diskriminazzjoni abbażi ta' ċittadinanza u, l-ewwel u qabel kollox, li jiġu verament protetti l-aħjar interessi tal-minuri b'mod oġġettiv;

N.

billi n-nuqqas ta' verifiki preċiżi u dettaljati dwar in-natura nondiskriminatorja tal-proċeduri u l-prattiki adottati mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi f'tilwim familjari li jkollu implikazzjonijiet transfruntiera li jinvolvi lill-minuri jista' jkollhom effetti detrimentali fuq il-benesseri tal-minuri u jwasslu għal żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-ġenituri mhux Ġermaniżi;

O.

billi l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika fil-każijiet kollha ta' kwistjonijiet sostantivi tal-liġi tal-familja;

P.

billi l-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża ddeċidiet li qorti tista' titlob li tisma' wild li jkun għadu lanqas għalaq tliet snin fiż-żmien tad-deċiżjoni; billi fi Stati Membri oħra tal-UE t-tfal ta' din l-età huma kkunsidrati żgħar wisq u mhux maturi biżżejjed biex jiġu kkonsultati f'tilwim li jinvolvi l-ġenituri tagħhom;

Q.

billi d-dritt tal-minuri għall-ħajja tal-familja ma għandux ikun mhedded mill-eżerċizzju ta' dritt fundamentali bħal-libertà ta' moviment u ta' residenza;

R.

billi l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE tistabbilixxi l-kunċett awtonomu fid-dritt tal-UE tar-“residenza abitwali” tal-minuri u l-pluralità tal-kriterji li għandhom jintużaw mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali biex tiġi determinata r-residenza abitwali;

S.

billi mill-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jirriżulta li, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi tal-minuri, il-minuri għandhom id-dritt li fuq bażi regolari jżommu relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom meta l-ġenituri tagħhom ikunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu;

1.

Jinnota bi tħassib kbir li l-problemi li jikkonċernaw is-sistema tal-liġi tal-familja Ġermaniża, inkluż ir-rwol kontroversjali tal-Jugendamt, iddenunzjati permezz ta' petizzjonijiet minn ġenituri mhux Ġermaniżi, xorta għadhom ma ġewx solvuti; jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kontinwament jirċievi petizzjonijiet minn ġenituri mhux Ġermaniżi li fihom hija rrappurtata diskriminazzjoni serja bħala riżultat tal-proċeduri u l-prattiki adottati b'mod konkret mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi f'tilwim transfruntier tal-familja li jinvolvi l-minuri;

2.

Jinnota bi tħassib il-każijiet kollha ta' diskriminazzjoni allegata kontra ġenituri mhux Ġermaniżi mill-Jugendamt;

3.

Jirrimarka x-xogħol fit-tul tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-trattament tal-petizzjonijiet dwar ir-rwol tal-Jugendamt; jieħu nota tat-tweġibiet dettaljati mogħtija mill-ministeru Ġermaniż kompetenti dwar il-funzjonament tal-liġi tal-familja fil-Ġermanja iżda jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kontinwament jirċievi petizzjonijiet dwar l-allegata diskriminazzjoni fil-konfront tal-ġenitur mhux Ġermaniż;

4.

Jenfasizza l-obbligu, kif previst fir-Regolament Brussell IIa, fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jirrikonoxxu u jinforzaw sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor f'każijiet li jikkonċernaw il-minuri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'tilwim familjari li għandu implikazzjonijiet transfruntiera l-awtoritajiet Ġermaniżi, allegatament, jistgħu sistematikament jirrifjutaw li jirrikonoxxu deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi Stati Membri oħra f'każijiet li fihom it-tfal li jkunu għadhom lanqas għalqu tliet snin ma jkunux instemgħu; jissottolinja li dan l-aspett jimmina l-prinċipju ta' fiduċja reċiproka ma' Stati Membri oħra li s-sistemi ġuridiċi tagħhom jistabbilixxu limiti ta' età differenti għas-smigħ tat-tfal;

5.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li għal snin sħaħ il-Kummissjoni ma implimentatx kontrolli preċiżi tal-proċeduri u l-prattiki użati fis-sistema tal-liġi tal-familja Ġermaniża, inkluż tal-Jugendamt, fil-qafas tat-tilwim familjari b'implikazzjonijiet transfruntiera, u għaldaqstant naqset milli tipproteġi b'mod effettiv l-aħjar interessi tal-minuri u d-drittijiet relatati oħra kollha;

6.

Ifakkar fit-tweġiba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-petizzjonijiet dwar ir-rwol tal-Jugendamt f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji; itenni li l-UE m'għandha l-ebda kompetenza ġenerali biex taġixxi f'materji tal-liġi tal-familja, li l-liġi sostantiva tal-familja tibqa' fir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri u ma tistax tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni; li, f'każ ta' tħassib dwar il-funzjonament tal-Jugendamt, wieħed għandu jfittex rimedju fil-livell nazzjonali, u li jekk il-ġenituri jqisu li xi wieħed mid-drittijiet fundamentali tagħhom ikun inkiser, jistgħu jressqu lment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, ladarba jkunu ġew eżawriti r-rimedji domestiċi;

7.

Jinsisti fuq l-importanza li l-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw il-kustodja tal-minuri u li jinvolvu lill-ġenituri barranin, b'mod partikolari dwar l-eżitu tas-sentenzi, sabiex jippermettu analiżi dettaljata tax-xejriet eżistenti matul iż-żmien u biex jipprovdu punti ta' riferiment;

8.

Jenfasizza, skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, il-kunċett awtonomu fid-dritt tal-UE tar-“residenza abitwali” tal-minuri u l-pluralità tal-kriterji li għandhom jintużaw mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali biex tiġi determinata r-residenza abitwali;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-residenza abitwali tal-minuri tkun ġiet iddeterminata kif xieraq mill-ġurisdizzjonijiet Ġermaniżi fil-każijiet imsemmija fil-petizzjonijiet li jaslu għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

10.

Jikkritika bil-qawwa l-assenza ta' data statistika dwar l-għadd ta' każijiet fil-Ġermanja li fihom id-deċiżjonijiet tal-qorti ma kinux konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Jugendamt u dwar l-eżiti ta' tilwim familjari li jinvolvi l-ulied ta' koppji binazzjonali, minkejja t-talbiet ripetuti tul bosta snin biex din id-data tinġabar u ssir disponibbli għall-pubbliku;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta fil-petizzjonijiet inkwistjoni jekk il-ġurisdizzjonijiet Ġermaniżi rrispettawx kif xieraq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIa meta kienu qed jistabbilixxu l-kompetenzi tagħhom, u jekk kienux qiesu s-sentenzi jew id-deċiżjonijiet maħruġa minn ġurisdizzjonijiet ta' Stati Membri oħra;

12.

Jikkundanna l-fatt li, f'każijiet ta' aċċess tal-ġenituri taħt superviżjoni, in-nuqqas ta' ġenituri mhux Ġermaniżi li jikkonformaw mal-proċedura tal-uffiċjali tal-Jugendamt li jadottaw il-Ġermaniż bħala l-lingwa matul il-konverżazzjonijiet ma' wliedhom wassal għal interruzzjoni tal-konverżazzjonijiet u għal projbizzjoni tal-kuntatt bejn il-ġenituri mhux Ġermaniżi u wliedhom; jemmen li din il-proċedura adottata mill-uffiċjali tal-Jugendamt tikkostitwixxi diskriminazzjoni ċara bbażata fuq l-oriġini u l-lingwa kontra ġenituri mhux Ġermaniżi;

13.

Jenfasizza li l-Jugendamt ġeneralment jippermetti l-użu ta' lingwa materna komuni u, jekk meħtieġ għall-benesseri u s-sikurezza tal-minuri, bħal f'każijiet possibbli ta' ħtif, huma jagħmlu ħilithom biex jipprovdu interpretu sabiex jiżguraw li l-uffiċjali tal-Jugendamt jifhmu l-kontenut tad-diskussjoni;

14.

Huwa konvint b'mod sod li f'każijiet ta' aċċess tal-ġenituri taħt superviżjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi jridu jippermettu l-lingwi kollha tal-ġenituri waqt konverżazzjonijiet bejn il-ġenituri u wliedhom; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiggarantixxu li ġenituri mhux Ġermaniżi u wliedhom ikunu jistgħu jikkomunikaw fil-lingwa komuni tagħhom, peress li l-użu ta' din il-lingwa għandu rwol kruċjali fiż-żamma ta' rabtiet emozzjonali qawwija bejn il-ġenituri u wliedhom u jiżgura l-protezzjoni effettiva tal-wirt kulturali u l-benesseri tal-minuri;

15.

Jemmen bis-sħiħ li jrid jingħata segwitu konsistenti u effettiv lir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tat-3 ta' Mejju 2017 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar Kwistjonijiet relatati mal-Benesseri tat-Tfal, u b'mod partikolari dawk relatati direttament jew indirettament mar-rwol tal-Jugendamt u mas-sistema tal-liġi tal-familja Ġermaniża;

16.

Ifakkar lill-Ġermanja fl-obbligi internazzjonali tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż l-Artikolu 8 tagħha; jemmen li jrid isir titjib kbir mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi kollha biex jissalvagwardjaw b'mod adegwat id-dritt tal-ulied ta' koppji binazzjonali li jippreservaw l-identità tagħhom, inklużi r-relazzjonijiet familjari, kif rikonoxxut mil-liġi mingħajr indħil illegali;

17.

Iqis li, fid-dawl tal-Artikolu 81 tat-TFUE, il-Kummissjoni tista' u jeħtiġilha jkollha rwol attiv biex tiżgura prattiki ġusti u konsistenti fir-rigward tal-ġenituri fit-trattament ta' każijiet transfruntiera ta' kustodja tal-minuri madwar l-Unjoni;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsiru kontrolli preċiżi dwar in-natura mhux diskriminatorja tal-proċeduri u l-prattiki użati fis-sistema tal-liġi tal-familja Ġermaniża, inkluż mill-Jugendamt, fil-qafas ta' tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji;

19.

Itenni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika fi kwistjonijiet tal-liġi sostantiva tal-familja;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid it-taħriġ tal-uffiċjali tas-servizzi soċjali u l-iskambji internazzjonali bejniethom sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-funzjonament tal-kontropartijiet rispettivi tagħhom fi Stati Membri oħra u biex jiġu skambjati prattiki tajbin;

21.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib u ta' komunikazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali differenti involuti fi proċedimenti dwar il-kura tal-minuri, mis-servizzi soċjali għall-awtoritajiet ġurisdizzjonali u ċentrali;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra tal-UE sabiex tiġi żgurata fiduċja reċiproka fi kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u sentenzi adottati mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra tal-UE f'tilwim familjari b'elementi transfruntiera li jinvolvi lill-minuri;

23.

Ifakkar fl-importanza li l-ġenituri mhux Ġermaniżi jingħataw mingħajr dewmien, mill-bidu nett u f'kull stadju ta' proċedimenti relatati mal-minuri, informazzjoni kompluta u ċara dwar il-proċedimenti u dwar il-konsegwenzi possibbli tagħhom, f'lingwa li l-ġenituri inkwistjoni jifhmu kompletament, sabiex jiġu evitati każijiet li fihom il-ġenituri jagħtu l-kunsens tagħhom mingħajr ma jkunu fehmu kompletament l-implikazzjonijiet tal-impenji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri mmirati bil-għan li jtejbu l-appoġġ, l-għajnuna, l-għoti ta'pariri u l-informazzjoni legali għaċ-ċittadini tagħhom f'kawżi li fihom huma jiddenunzjaw proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi diskriminatorji jew żvantaġġużi adottati kontrihiom mill-awtoritajiet Ġermaniżi f'tilwim familjari transfruntier li jinvolvi lill-minuri;

24.

Jenfasizza li l-każijiet denunzjati li fihom ġenituri mhux Ġermaniżi jiġu mxekkla milli jikkomunikaw ma' wliedhom fil-lingwa materna komuni tagħhom waqt iż-żjarat jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa u huma wkoll kontra l-għan li jitrawwem il-multilingwiżmu u d-diversità tal-isfondi kulturali fl-Unjoni u bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon;

25.

Jistieden lill-Ġermanja żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-ġenituri jitħallew jużaw lingwa materna komuni ma' wliedhom matul iż-żjarat issorveljati;

26.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar każijiet imqajma minn petizzjonanti dwar skadenzi qosra stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u dwar dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li ma ġewx provduti fil-lingwa tal-petizzjonant mhux Ġermaniż; jissottolinja d-dritt taċ-ċittadini li jirrifjutaw li jaċċettaw dokumenti li ma jkunux miktuba jew tradotti f'lingwa li huma jifhmu kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz ta' dokumenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-implimentazzjoni fil-Ġermanja tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament sabiex tindirizza kif jixraq il-ksur kollu possibbli;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika r-rispett tar-rekwiżiti lingwistiċi matul il-proċedimenti quddiem il-ġurisdizzjonijiet Ġermaniżi fil-każijiet imsemmija fil-petizzjonijiet preżentati lill-Parlament Ewropew;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri mmirati bil-għan li jtejbu l-appoġġ, l-għajnuna, l-għoti ta' pariri u l-informazzjoni legali għaċ-ċittadini tagħhom f'tilwim familjari transfruntier li jinvolvi l-minuri; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-ministeri Ġermaniżi kompetenti fil-livell federali stabbilew il-Punt ta' Kuntatt Ċentrali Ġermaniż għall-Kunflitti Familjari Transfruntiera sabiex jipprovdi konsulenza u informazzjoni f'tilwim familjari transfruntier li jinvolvi r-responsabbiltà tal-ġenituri;

29.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkofinanzjaw u jippromwovu l-istabbiliment ta' pjattaforma li tipprovdi assistenza lil ċittadini tal-UE li ma għandhomx iċ-ċittadinanza tal-pajjiż inkwistjoni fi proċedimenti relatati mal-familja;

30.

Ifakkar lill-Istati Membri fl-importanza li jimplimentaw b'mod sistematiku d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 u li jiżguraw li l-ambaxxati jew ir-rappreżentanzi konsulari jkunu informati mill-bidu nett dwar il-proċedimenti kollha relatati mal-kura tal-minuri li jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom u li jkollhom aċċess sħiħ għad-dokumenti rilevanti; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni konsulari affidabbli f'dan il-qasam u jissuġġerixxi li l-awtoritajiet konsulari għandhom jitħallew jattendu kull stadju tal-proċedimenti;

31.

Ifakkar lill-Istati Membri fil-ħtieġa li jagħtu lill-minuri kwalunkwe foster care meħtieġa u ġustifikata f'konformità mad-diċitura tal-Artikoli 8 u 20 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u b'mod partikolari li jippermettu kura tal-minuri kontinwa li tqis l-identità etnika, reliġjuża, lingwistika u kulturali tal-minuri;

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010, Barbara MercrediRichard Chaffe, C-497/10 PPU, ECLI:EU:C:2010:829.

(4)  Sentenza tal-Qorti (it-Tielet Awla) tat-2 ta' April 2009, A, C-523/07, ECLI:EU:C:2009:225.

(5)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 2.


Top