EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0483

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti

COM/2018/483 final

Brussell, 12.6.2018

COM(2018) 483 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti


1.Introduzzjoni

1 Fit-2 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Pjan ta’ Azzjoni msawwar fuq regoli eżistenti tal-UE biex ikun hemm adattament għal theddid ġdid u għandu l-għan li jaġġorna l-politiki tal-UE f’konformità ma’ standards internazzjonali. Hija ddiskutiet għadd ta’ kwistjonijiet u soluzzjonijiet f’oqsma differenti marbutin mal-finanzjament tat-terroriżmu.

2 Fil-kuntest tal-azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi estiż l-ambitu tar-Regolament dwar il-kontrolli ta’ flus deħlin jew ħerġin l-Unjoni Ewropea, saret referenza għall-adegwatezza li tiġi analizzata r-rilevanza ta’ limiti massimi potenzjali fejn jidħlu pagamenti ta’ flus. Fil-Pjan ta’ Azzjoni jissemma wkoll li “Diversi Stati Membri għandhom fis-seħħ projbizzjonijiet għal pagamenti fi flus li jaqbżu livell speċifiku”. Madankollu, projbizzjonijiet bħal dawn ma ġewx ikkunsidrati fil-livell tal-UE.

Fil-Konklużjonijiet tiegħu rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (l-"ECOFIN") tat-12 ta’ Frar 2016 talab lill-Kummissjoni “biex tesplora l-ħtieġa għal restrizzjonijiet adatti fuq ħlasijiet fi flus kontanti li jaqbżu ċerti limiti”.

Wara l-Pjan ta’ Azzjoni u l-appoġġ ipprovdut mill-ECOFIN, is-servizzi tal-Kummissjoni bdew kuntatti informali mal-Istati Membri biex jiġbru informazzjoni dwar il-prattiki tagħhom fil-qasam, l-esperjenza nazzjonali tagħhom marbuta ma’ restrizzjonijiet fuq pagamenti fi flus u l-fehmiet tagħhom dwar inizjattiva potenzjali f’dan il-qasam.

3 Fl-ECOFIN tas-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rrappurtat dwar dan l-istħarriġ informali rapidu u ħabbret li għandha ssir valutazzjoni tal-impatt dettaljata, inkluż analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji ta’ azzjoni potenzjali min-naħa tal-UE. Din il-valutazzjoni se tkun tinkludi wkoll konsultazzjoni pubblika.

4 Il-Kummissjoni kkummissjonat studju tal-impatt għal kuntrattur estern u bejn Marzu u Mejju 2017 saret konsultazzjoni pubblika.

Ir-riżultati tal-istudju li sar mill-kuntrattur juru li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti ma jipprevenux b’mod sinifikanti l-finanzjament tat-terroriżmu, iżda indikaw li tali restrizzjonijiet jistgħu jkunu utli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-istudju jsemmi wkoll li l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet diverġenti fuq livell nazzjonali ħalliet impatt negattiv notevoli fuq is-suq intern billi fixklet il-kompetizzjoni u ħolqot livell mhux ekwu fost in-negozji.

L-għan ta’ dan ir-Rapport huwa li jippreżenta r-riżultati tal-istudju u l-konsultazzjoni pubblika. Ir-Rapport jenħtieġ li jinqara flimkien mal-istudju, li jinkludi informazzjoni aktar dettaljata.

2.Kuntest

2.1.Karatteristiċi tal-flus kontanti

Għall-finijiet ta’ dan ir-Rapport, flus kontanti tinftiehem bħala karti tal-flus u muniti maħruġin mill-banek ċentrali.

L-istudju jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-użu ta’ flus bejn il-pajjiżi 5 . Id-Dokument Okkażjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew “The use of cash by households in the euro area” jipprovdi wkoll informazzjoni prezzjuża dwar l-użu ta’ flus kontanti fil-punt tal-bejgħ, abbażi ta’ stħarriġ li sar fl-2106 6 . Skont dan ir-Rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew, il-flus kontanti jibqgħu l-mezz l-aktar komuni ta’ pagament fi-żona tal-euro u għadhom jirrappreżentaw ħażna ta’ valur.

L-enfasi tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha dwar il-possibbiltà ta' limitu fuq il-pagament fi flus kontanti kien jirrigwarda l-pagamenti ta’ valur għoli, li jirrappreżentaw sehem żgħir biss mit-tranżazzjonijiet kollha fi flus 7 . L-għan tal-Kummissjoni qatt ma kien li tindirizza l-użu ta’ flus kontanti inġenerali.

2.2.Qafas legali

2.2.1.Fil-livell tal-UE

Bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni fuq livell tal-UE biex jiġu ristretti l-pagamenti fi flus kontanti 8 . Madankollu, jeżistu żewġ strumenti legali li jimponu obbligi fuq l-użu ta’ flus kontanti.

Ir-Regolament dwar il-Kontrolli fuq Flus Kontanti jipprovdi sistema ta’ kontrolli li tapplika għall-persuni fiżiċi li jidħlu fl-Unjoni jew jitilqu minnha u li jġorru l-flus jew strumenti negozjabbli għall-portatur ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew iżjed. Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet proposta ta’ leġiżlazzjoni ġdida bil-għan li jissaħħu dawn il-kontrolli. Il-proposta bħalissa qed tiġi eżaminata mill-koleġiżlaturi.

Ir-raba’ (4) Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus timponi l-obbligi ta’ diliġenza dovuta fuq il-persuni li jinnegozjaw fi prodotti sal-punt li jagħmlu jew jirċievu pagamenti fi flus kontanti ta’ EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda jew f’diversi operazzjonijiet, li jidhru marbutin ma’ xulxin 9 .

2.2.2.Fil-livell nazzjonali

Il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE għandhom restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti 10 . Dawn ir-restrizzjonijiet ivarjaw mil-livelli limiti ta’ EUR 500 sa EUR 15.000. Dawn il-miżuri huma pjuttost eteroġeni, b’differenzi fit-tip ta’ miżuri, il-livelli limiti u l-kopertura. Irid jiġi osservat li n-numru ta’ Stati Membri tal-UE b’restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti kiber b’mod rapidu fis-snin riċenti, minn erba’ (4) fl-2008 sa 17 f'Settembru 2017.

3.Passi li ttieħdu wara l-ECOFIN tas-17 ta’ Ġunju 2016

Sabiex ir-riżorsi jiġu mmobilizzati b’mod effiċjenti, ġie kkummissjonat studju lil kuntrattur privat, konsorzju ffurmat mill-Ecorys u ċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (Centre for European Policy Studies, CEPS). L-għan ewlieni tal-Istudju kien biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali ta’ restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti f’attivitajiet illeċiti u fis-suq intern 11 .

F’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar, saret konsultazzjoni pubblika bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u l-31 ta’ Mejju 2017. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni huma ppreżentati fit-Taqsima 4 u jindikaw li l-parti l-kbira tar-rispondenti kienu b’mod ċar kontra kull restrizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti.

Fi Frar 2018, il-kuntrattur iffinalizza l-Istudju. Il-konklużjonijiet ewlenin kienu li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti għandhom impatt pożittiv żgħir fuq it-terroriżmu jew il-frodi tat-taxxa. Madankollu, l-Istudju kkonkluda li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti kienu utli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u li l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet diverġenti fuq livell nazzjonali ħalliet impatt negattiv notevoli fuq is-suq intern billi fixklet il-kompetizzjoni u ħolqot livell mhux ekwu fost in-negozji.

4.Konsultazzjoni Pubblika

Saret konsultazzjoni pubblika bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u l-31 ta’ Mejju 2017 permezz ta’ stħarriġ fuq l-internet li tistieden lir-rispondenti biex iwieġbu bosta mistoqsijiet dwar il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti 12 .

Ġew identifikati tliet objettivi differenti għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

L-ewwel nett, ġie rikonoxxut li l-flus kontanti baqgħu l-mezz l-aktar aċċessibbli ta’ pagament u f’xi Stati Membri dan il-fatt kien stabbilit sew fl-immaġni tal-pubbliku tal-libertà personali. Għaldaqstant kull bidla potenzjali ta’ politika tkun kwistjoni sensittiva u taffettwa liċ-ċittadini kollha. F’dan l-isfond, l-ewwel u l-objettiv ewlieni tal-konsultazzjoni kien li jinġabru l-fehmiet tal-pubbliku inġenerali rigward l-introduzzjoni potenzjali ta’ restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti.

It-tieni, minħabba li l-flus kontanti għadhom jintużaw sew, anki pagamenti kbar, b’mod partikolari f’ċerti setturi ekonomiċi u minn ħafna kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, ġie rikonoxxut li dawn is-setturi ekonomiċi u l-atturi jkunu affettwati b’mod sinifikanti minn introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus. Għal din ir-raġuni, it-tieni objettiv tal-konsultazzjoni kien li jinġabru l-fehmiet minn partijiet ikkkonċernati li huma attivi fis-setturi jew l-attivitajiet li jiddependu sew fuq il-flus kontanti, u b’mod partikolari tinkiseb il-valutazzjoni tagħhom tal-impatt li tali restrizzjonijiet ikollhom fuq l-attivitajiet tagħhom.

Fl-aħħar nett, fl-isfond tal-objettiv tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet oħrajn illegali, l-esperti fi kwistjonijiet kriminali u l-infurzar tal-liġi ntalbu biex jagħtu l-pariri tagħhom dwar il-pertinenza tar-restrizzjonijiet fuq pagamenti fi flus kontanti fir-rigward tal-objettiv speċifiku.

Filwaqt li kien hemm tliet kategoriji ta’ rispondenti, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ewwel kategorija ta’ rispondenti - il-pubbliku inġenerali - kkostitwixxiet il-mira ewlenija tal-istħarriġ elettroniku, li sar bl-użu ta’ għodda elettronika li jippermetti l-ġbir ta’ ammont konsiderevoli ta’ tweġibiet. Il-mistoqsijiet ġew imfassla b’tali mod li ġiet ikkunsidrata din il-kategorija. Kategoriji oħrajn, bħal pereżempju s-settur ekonomiku u l-professjonisti tal-infurzar tal-liġi, ma kinux esklużi mill-istħarriġ u ngħataw l-opportunità biex jikkontribwixxu. Madankollu, dawn il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati wkoll permezz ta’ mistoqsijiet aktar kwalitattivi fil-proċess tal-istudju estern. L-istħarriġ pubbliku kien imfassal biex ikopri speċifikament għall-ispeċifiċitajiet ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati.

Il-konsultazzjoni pubblika inkludiet bosta mistoqsijiet. Id-dettalji kollha marbutin ma’ dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet tagħhom ġew ippubblikati 13 .

Il-messaġġ ewlieni mill-istħarriġ kien li maġġoranza sostanzjali (94.94%) rrispondew b’mod negattiv għall-mistoqsija “Taqbel mal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti fil-livell tal-UE?” Din kienet fehma kondiviża bejn ir-rispondenti, irrispettivament jekk ir-restrizzjonijiet kinux fis-seħħ jew le fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

Din ir-reazzjoni negattiva tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-mistoqsija marbuta mal-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ġenerali, tkun tapplika potenzjalment għal kull ċittadin (mhux bħal, pereżempju, projbizzjoni fuq il-produzzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi, li tkun tapplika b’definizzjoni esklużivament għal produtturi industrijali potenzjali). Barra minn hekk, huwa ċar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jirriflettu biss l-opinjoni tar-rispondenti li jivvolontarjaw b’mod volontarju biex iwieġbu l-istħarriġ, għall-kuntrarju ta’ stħarriġ pubbliku fejn ir-rispondenti jiġu kkuntattjati b’mod proattiv u sistematiku.

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi ċċarat li ħafna mir-rispondenti kienu ġejjin minn tliet Stati Membri: l-Awstrija, il-Ġermanja u Franza. Dan kien ir-riżultat tal-pubbliċità li ngħatat lill-konsultazzjoni fil-midja nazzjonali f’dawn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda komunikazzjoni mmirata. Madankollu, ir-riżultati minn pajjiżi oħra ma kinux ivarjaw ħafna mix-xejra ġenerali osservata f’dawn it-tliet pajjiżi.

5.Riżultati tal-istudju

5.1.Riżultati tal-istudju fir-rigward tal-finanzjament tat-terroriżmu

Il-flus kontanti huma fil-biċċa l-kbira użati minn terroristi u kriminali minħabba li jgħinuhom biex inaqqsu kemm jista’ jkun possibbli l-probabbiltà li jinqabdu 14 . Il-flus kontanti joffru l-anonimità u jiffaċilitaw l-abbiltà li jinħbew mhux biss attivitajiet illegali, iżda wkoll tranżazzjonijiet legali anċillari, li altrimenti jistgħu jiġu identifikati minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi. F’ħafna attivitajiet terroristiċi, il-flus kontanti jilagħbu parti sinifikanti.

Madankollu, l-analiżi dettaljata ta’ għażla ta’ attakki terroristiċi riċenti ppreżentati fl-Istudju enfasizzat ukoll li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti ikollu ftit li xejn impatt fuq il-kapaċità biex jitħejjew dawn l-attakki.

L-ewwel nett, hemm xejra osservata tat-tnaqqis ta’ kostijiet ta’ attakki terroristiċi mill-attakki tal-11 ta’ Settembru, li ta’ spiss jinżlu anqas minn EUR 10 000, li huwa frazzjoni tal-baġit stmat tal-attakki tal-11 ta’ Settembru, li jammontaw bejn USD 400,000 u USD 500,000.

It-tieni, f’dan il-baġit limitat, l-ammonti ta’ tranżazzjonijiet individwali huma ta’ spiss anki anqas u għaldaqstant ma jkunux ġew affettwati mir-restrizzjonijiet, li jikkonċernaw biss pagamenti ta’ valur għoli. L-analiżi tal-istudju tal-każ ppreżentata fl-Istudju 15 turi dan b’mod wiesa’.

Fl-aħħar nett, irid jiġi osservat li meta jiġi vvalutat l-impatt ta’ projbizzjoni fuq il-pagament fi flus kontanti fit-terroriżmu u attivitajiet oħrajn kriminali, trid issir distinzjoni bejn l-impatt fuq tranżazzjonijiet illeċiti u leċiti.

Tranżazzjonijiet illeċiti huma tranżazzjonijiet li huma illegali (bħall-akkwist ta’ splussivi) jew tranżazzjonijiet li jidhru leċiti iżda li ż-żewġ partijiet jafu li jservu għal attività illegali. Sal-punt li dawn it-tranżazzjonijiet ikunu diġà illegali u li l-partijiet b’mod volontarju jirriskjaw prosekuzzjoni u miżuri ta’ infurzar tal-liġi, ma tantx jidher il-każ li projbizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti tiġi segwita jew ikollha effett ta' deterrent. Kriminali, li jkunu diġà kisru l-liġi intenzjonalment, x’aktarx mhux se jżommu lura minn projbizzjoni addizzjonali fir-rigward tal-pagament tat-tranżazzjoni. Dan huwa minnu partikolarment meta s-sanzjonijiet assoċjati mal-projbizzjoni addizzjonali ma jkunux sinifikanti meta mqabbla mas-sanzjonijiet assoċjati mal-attività kriminali ewlenija.

Tranżazzjonijiet leċiti huma tranżazzjonijiet anċillari għall-attività kriminali li fihom infushom mhumiex kriminali (bħall-kiri ta’ karozzi), u li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt li l-kontroparti (pereż. il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi) tista’ ma tkunx konxja tal-finijiet kriminali wara t-tranżazzjoni (pereż. it-trasport ta’ splussivi). F’dan il-kuntest, projbizzjoni fuq il-pagament fi flus kontanti tista’ tiġi segwita fuq l-inizjattiva tal-kontroparti onest, li jwassal li t-tranżazzjoni titħallas b’mezzi oħra jew ma ssirx. Sfortunatament, f’dan il-każ wieħed jista’ jissuspetta li, minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet huma leċiti u komuni, il-pagament tagħhom b’mezzi traċċabbli ma jippermettix neċessarjament li tiġi identifikata attività suspettuża. Irid jiġi osservat li ħafna minn dawn it-tranżazzjonijiet komuni kienu effettivament imħallsa permezz ta’ mezzi traċċabbli fit-tħejjija ta’ attakki terroristiċi riċenti, mingħajr ma qajmu każ għal allarm 16 .

Bħala konklużjoni, il-projbizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti a’ valur għoli ma jfixklux direttament b’mod sinifikanti l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi jew attivitajiet kriminali oħra. Il-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet ma jkunux ikkonċernati, jew il-projbizzjoni tiġi injorata, jew tiġi segwita biss fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li huma fihom infushom tant komuni li x’aktarx ma jqajmu l-ebda suspett.

5.2.Riżultati tal-Istudju fir-rigward tal-frodi tat-taxxa

Filwaqt li l-frodi tat-taxxa 17 u l-użu ta’ flus kontanti ta’ spiss huma assoċjati, l-Istudju juri li r-relazzjoni bejn it-tnejn li huma mhijiex dejjem ċara 18 .

L-ewwel nett, filwaqt li hemm ftit hemm korrelazzjoni bejn l-użu tal-flus kontanti f’ekonomija u l-livell ta’ frodi tat-taxxa, jidher li fatturi oħrajn għandhom rwol importanti wkoll, li jispjega l-eżistenza ta’ valuri anomali (bħall-Awstrija li għandha livell baxx ta’ frodi tat-taxxa, iżda użu għoli ta’ flus).

It-tieni, filwaqt li l-flus kontanti jintużaw b’mod wiesa’ għall-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħrajn, forma sinifikanti ta’ frodi tat-taxxa ssir permezz ta’ tranżazzjonijiet mhux fi flus, bil-frodi li jiddependi fuq strutturi legali kumplessi u operazzjonijiet li ta’ spiss ikunu ta’ natura multinazzjonali u li ma jinvolvux użu ta’ flus. F’dawn il-każijiet, projbizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti tkun kompletament mhux effettiva.

Fl-aħħar nett, fil-każijiet fejn il-flus kontanti ikunu tabilħaqq użati għall-finijiet ta’ frodi tat-taxxa, jistgħu jiġu distinti żewġ każijiet. Fiż-żewġ każijiet, ir-restrizzjoni fi flus kontanti ma tkunx tidher li laħqet l-iskop tal-limitazzjoni tal-frodi. L-ewwel każ jinvolvi tranżazzjonijiet fejn iż-żewġ partijiet huma involuti fi frodi tat-taxxa, bħal xogħol mhux iddikjarat. Tranżazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu ta’ valur għoli (bħal pagamenti ta’ salarji), iżda minħabba li ż-żewġ partijiet huma esposti diġà għas-sanzjonijiet assoċjati mal-frodi tat-taxxa, projbizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti ftit li xejn tkun ta' deterrent. It-tieni każ jinvolvi tranżazzjonijiet fejn parti waħda biss tiddependi fuq in-natura ta’ flus kontanti tat-tranżazzjoni biex isir il-frodi tat-taxxa (ġeneralment bejjiegħ), filwaqt il-parti l-oħra tibqa’ mhux involuta u mhux konxja tal-frodi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti jista’ jkollhom impatt f’każijiet bħal dawn. Madankollu, minħabba li l-ammonti involuti f’dawn it-tipi ta’ tranżazzjonijiet huma ta’ spiss baxxi (pereż. kontijiet f’restoranti), inġenerali ma jkunux koperti minn projbizzjoni fuq pagamenti fi flus kontanti ta’ valur għoli 19 .

Bħala konklużjoni, jidher li restrizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti ta’ valur għoli jkollha biss impatt limitat fuq il-frodi fiskali, sakemm il-livell limitu ma jkunx f’livell baxx ħafna.

5.3.Riżultati tal-Istudju dwar il-ħasil tal-flus

Ħafna atti kriminali jsiru bil-għan li jiġu ġġenerati profitti għall-individwu jew il-grupp li jkun wettaq l-att. Il-ħasil tal-flus huwa l-ipproċessar ta’ dan ir-rikavat minn attività kriminali 20 biex tinħeba l-oriġini illegali tiegħu, b’mod li l-flus jidhru legali u jistgħu jintefqu fl-ekonomija reali 21 . Kif indikat fl-Istudju 22 , huwa ċar li t-tranżazzjonijiet fi flus kontanti għandhom rwol importanti fil-ħasil tal-flus, u r-raġuni ewlenija hija li, minkejja t-tkabbir kostanti ta’ metodi ta’ pagamenti mhux fi flus u l-bidla tal-kriminalità (b’żieda ta’ kriminalità ċibernetika, frodi online u postijiet illeċiti fis-suq online), l-attivitajiet kriminali jkomplu jiġġeneraw il-profitti fil-forma ta’ ammonti kbar ta’ flus. Il-flus kontanti huma għalhekk ta’ sikwit il-punt tat-tluq għall-ħasil ta’ flus, li għalhekk jeħtieġ xi tranżazzjonijiet fi flus, ħafna drabi permezz tax-xiri ta’ oġġetti ta’ valur għoli. Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni Sovranazzjonali tar-Riskju tal-Kummissjoni Ewropea 23 , jenfasizza wkoll ir-rwol importanti li għandhom il-flus kontanti fil-ħasil tal-flus (ara b’mod partikolari, il-Kapitoli 2.1.4 u 2.2.1).

Minkejja l-fatt li mhux it-tranżazzjonijiet kollha fi flus kontanti jiġu affettwati minn restrizzjoni fuq il-pagamenti fi flus, it-tranżazzjonijiet marbutin ma’ ħasil tal-flus ta’ spiss ikunu ta’ valur għoli. Projbizzjoni jew obbligu ta’ dikjarazzjoni jneħħu l-anonimità tat-tranżazzjoni u jagħmlu l-ħasil tal-flus permezz ta’ xiri ta’ oġġetti ta’ valur għoli aktar diffiċli. Madankollu, il-valur globali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, u l-impatt ta’ restrizzjoni fuq il-pagamenti fi flus kontanti fil-ħasil tal-flus inġenerali, ma jistax jiġi kkwantifikat b’mod preċiż. F’dan il-kuntest, obbligu ta’ dikjarazzjoni jipprovdi diġà informazzjoni ta’ intelliġenza lill-awtoritajiet ta’ infurzar. Madankollu, l-effettività ta’ obbligu ta’ dikjarazzjoni tkun tiddependi fuq il-livelli ta’ konformità minn negozjanti ta’ valur għoli u l-punt sa fejn ir-rapporti fil-fatt huma analizzati u użati b’mod effettiv bħala data ta’ intelliġenza, informazzjoni jew evidenza f’investigazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus. Il-kostijiet ta’ konformità huma mistennija li jkunu aktar għoljin meta mqabbel mal-kostijiet li jinħolqu minn projbizzjoni espliċita ta’ flus kontanti 24 .

Karatteristika speċifika waħda tal-ħasil tal-flus hija l-aspett internazzjonali u l-fatt li l-kriminali jisfruttaw id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali rigward ir-rapporti ta’ tranżazzjoni ta’ flus kontanti u l-limiti fuq il-pagamenti fi flus 25 . Id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fuq il-limitazzjonijiet tal-flus kontanti mhux biss ifixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara hawn taħt), iżda jipprovdu wkoll opportunitajiet biex jiġu evitati l-kontrolli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom billi jinvestu f’negozji intensivi ta’ flus fi Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr l-ebda jew anqas kontroll tal-infiq tal-flus. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti f’xi Stati Membri, u n-nuqqas tagħhom fi Stati Membri oħra, joħolqu l-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet billi jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor tal-UE.

Bħala konklużjoni, jidher li r-restrizzjonijiet omoġeni fuq il-pagamenti fi flus kontanti ta’ valur għoli, kemm jekk fil-forma ta’ projbizzjoni jew obbligu ta’ dikjarazzjoni, għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, anki jekk dan l-impatt ma jkunx jista’ jiġi kkwantifikat b’mod preċiż. Minħabba li l-ħasil tal-flus huwa tipikament prodott sekondarju ta’ kriminali oħra jew attivitajiet illeċiti, tali impatt pożittiv jiġi estiż b’mod indirett għall-ġlieda ta’ dawn l-attivitajiet, anki jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux jaffettwaw l-attivitajiet infushom.

5.4.Riżultati tal-Istudju fir-rigward tas-suq intern, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti

L-eżistenza ta’ diversi restrizzjonijiet nazzjonali tqajjem il-mistoqsija dwar jekk dawn ir-restrizzjonijiet iwasslux għal ċaqliq ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri. L-Istudju jwieġeb din il-mistoqsija fl-affermattiv.

Suq Intern li jaħdem sew jenħtieġ li jżomm livell ekwu madwar l-Istati Membri tal-UE, li mhuwiex possibbli li jinkiseb meta meta l-leġiżlazzjoni tvarja b’mod sinifikanti fil-livell tal-Istati Membri. Id-distorsjoni fil-funzjonament tas-Suq Intern tista’ taffettwa kemm lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji.

Ir-restrizzjonijiet differenti fuq il-pagamenti fi flus kontanti jistgħu jwasslu biex il-konsumaturi u n-negozji jaqilbu għal metodu alternattiv ta’ pagament, ma jagħmlu l-ebda tranżazzjoni jew jirrilokaw it-tranżazzjoni għal ġuriżdizzjoni fejn ir-restrizzjonijiet ma jkunux jeżistu.

Dan l-aspett ġie eżaminat fl-Istudju 26 , fejn ġiet analizzata l-imġiba transfruntiera tax-xerrejja u l-bejjiegħa u saret valutazzjoni ekonometrika ta’ xi setturi speċifiċi li jiddependu b’mod sinifikanti fuq il-flus kontanti.

B’mod ġenerali, ir-riżultati, partikolarment għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, juru appoġġ għall-assunzjoni li restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti għandhom impatt fuq l-ispostament ta’ fatturat minn pajjiż wieħed għal ieħor f’każ ta’ restrizzjoni diverġenti fuq flus. Dan huwa minnu għal restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-pagamenti fi flus kontanti, kif ukoll għal restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus f’pajjiżi tal-viċinat, b’dawk tal-ewwel ikollhom impatt negattiv u tal-aħħar pożittiv fuq il-fatturat tas-setturi intensivi ta’ flus. F’dan l-isfond, l-Istudju jikkonkludi li r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-pagamenti fi flus kontanti jfixklu s-suq intern 27 .

Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li spostament tal-fatturat jikkonċerna kemm tranżazzjonijiet leġittimi kif ukoll tranżazzjonijiet li saru għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus. Dawn tal-aħħar mhumiex tranżazzjonijiet illegali per se, iżda tranżazzjonijiet regolari mwettqa għall-uniku skop illeġittimu ta’ ħasil tal-flus meta l-parti l-oħra (ġeneralment il-bejjiegħ) ma jkunx kompliċi jew konxju tal-iskop illeġittimu tat-tranżazzjoni. Madankollu, iż-żewġ spostamenti ta’ tranżazzjonijiet għandhom impatt fuq l-integrità tas-suq intern u jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni. Iżda huwa importanti li jiġi kkunsidrat li barra li jaffettwa s-suq intern, l-ispostament transfruntier ta’ tranżazzjonijiet għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus inaqqas ukoll l-effettività tar-restrizzjonijiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Abbażi tal-Istudju, jidher li r-restrizzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri jwasslu għal spostamenti artifiċjali ta’ attivitajiet ta’ negozju bejn il-fruntieri 28 . Dan jaffettwa kemm l-integrità kif ukoll is-suq intern u l-effiċjenza ta’ miżuri nazzjonali fil-kisba ta’ objettivi ta’ politika pubblika.

6.Konklużjonijiet

Abbażi tal-Istudju, jista’ jiġi konkluż li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti ma jindirizzawx b’mod sinifikanti l-problema ta’ finanzjament tat-terroriżmu. In-nuqqas ta’ effettività tal-miżura jirriżulta mill-fatt li t-tranżazzjonijiet immirati taħt dawn l-objettivi huma jew ta’ valur baxx ħafna biex jiġu koperti, inkella huma diġà tranżazzjonijiet illegali fejn projbizzjoni illegali jkollha ftit li xejn impatt, jew it-tnejn li huma.

Madankollu, ir-riżultati preliminari tal-Istudju jindikaw li projbizzjoni fuq il-pagamenti ta’ valur għoli fi flus kontanti jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Minħabba li l-ħasil tal-flus tipikament jikkonċerna l-fondi li jirriżultaw minn attivitajiet kriminali jew frodi tat-taxxa, ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti jistgħu possibilment ikollhom impatt negattiv fuq attivitajiet bħal dawn.

Madankollu, valutazzjoni aktar immirata ta’ din il-kwistjoni tkun tenħtieġ, minħabba li l-enfasi tal-inizjattiva attwali kien immirat lejn il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Konklużjoni oħra importanti hija li d-dispożizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern, li jwassal għal rilokazzjonijiet potenzjali ta’ negozji bejn il-fruntieri, b’mod partikolari għal xi setturi speċifiċi li jiddependu b’mod sinifikanti fuq tranżazzjonijiet fi flus, bħal ġojjelli jew negozjanti tal-karozzi. Dawn ir-restrizzjonijiet diverġenti joħolqu potenzjalment ukoll lakuni li jippermettu l-evitar ta’ limiti ta’ pagamenti nazzjonali fi flus kontanti, u għalhekk inaqqsu l-effiċjenza tagħhom.

Fl-aħħar nett, irid jiġi osservat li r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti huma kwistjoni sensittiva għaċ-ċittadini Ewropej u li ħafna minnhom jaraw il-possibilità li jħallsu fi flus bħala libertà fundamentali, li jenħtieġ li ma tkunx ristretta b’mod mhux proporzjonat.

Meta jiġu kkunsidrati l-aspetti tas-suq intern u s-sinifikat u s-sensittività ta’ miżura potenzjali bħal din, din il-kwistjoni tenħtieġ valutazzjoni addizzjonali. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhux qed tikkunsidra inizjattiva leġiżlattiva dwar din il-kwistjoni.

(1)      COM(2016)50
(2)      Fil-Pjan ta’ Azzjoni ġie ddikjarat li “Pagamenti fi flus huma użati ħafna fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi... F’dan il-kuntest, tista’ tiġi analizzata wkoll ir-rilevanza ta’ limiti massimi potenzjali għall-pagamenti fi flus. Bosta Stati Membri għandhom fis-seħħ projbizzjonijiet għal pagamenti fi flus li jaqbżu livell speċifiku”.
(3)      L-inizjattiva ġiet ivvalidata fl-ippjanar tal-aġenda tal-Kummissjoni f’Diċembru 2016 u fit-23 ta’ Jannar 2017, ġiet ppubblikata Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu, li tistabbilixxi l-każ għal aktar analiżi http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/docs/plan_2016_028_cash_restrictions_en.pdf .
(4)      Link HTML għar-Rapport tal-Ecorys
(5)      Ara l-Istudju, p. 18, -21
(6)       https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpops/ecb.op201.en.pdf  
(7)      Ara d-Dokument Okkażjonali tal-BĊE, paġna 25.
(8)      Irid jiġi osservat li f’dan l-istadju l-aspetti legali ta’ miżura tal-UE potenzjali li tillimita l-limiti ta’ pagament fi flus kontanti ma ġewx ivvalutati.
(9)      Id-Direttiva ġiet aġġornata riċentement mill-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus.
(10)      L-Istudju jipprovdi ħarsa ġenerali tal-forza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-aħħar tal-2017 (p.25-29).
(11)      Għal deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija segwita, ara l-Istudju, p. 31–35
(12)      Ir-riżultati ġenerali huma disponibbli f’din il-ħolqa: https://ec.europa.eu/eusurvey/publication/CashPayments.
(13)      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/statistical_overview.pdf
(14)      L-Istudju, p. 21.
(15)      Ara l-Istudju, p. 38, -54;
(16)      Ara l-istudji tal-każijiet imsemmija fl-Istudju;
(17)      Il-frodi tat-taxxa jrid jiġi differenzjat mill-evitar tat-taxxa, li jikkonsisti fl-użu ta’ mezzi sofistikati iżda legali biex jiġu evitati jew imnaqqsa l-kontijiet tat-taxxa.
(18)      L-Istudju, p. 64-67.
(19)      L-Istudju, p. 133.
(20)      Ir-rikavat minn attività kriminali jinftiehem fis-sens wiesa’ u jinkludi b’mod partikolari profitti minn frodi tat-taxxa.
(21)      Din hija differenza importanti mit-terroriżmu, fejn l-objettiv mhuwiex it-tkabbir tal-individwu jew il-grupp, iżda t-terrur. Fil-każ ta’ terroriżmu, id-dħul mhuwiex objettiv iżda jfisser mezz biex jinkiseb l-objettiv. It-terroristi inġenerali huma anqas ikkonċernati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħasil tal-fondi tagħhom, minħabba li ma jippjanawx biex jonfquhom b’mod legali. Il-pjanijiet riċenti ta’ terroristi ma dehrux li kellhom xi finijiet kriminali għall-profitt. Normalment il-kriminali jiksbu fondi illegalment bil-għan li jdaħħluhom fis-sistema finanzjarja leġittima. It-terroristi jiksbu fondi legalment (salarji, self, bejgħ ta’ merkanzija, eċċ) u jonfquhom f’attività kriminali.
(22)      L-Istudju, p.57-64
(23)      COM(2017) 340
(24)      L-Istudju, p. 10.
(25)      L-Istudju, p.67-70
(26)      L-Istudju, p. 70-77.
(27)      L-Istudju, p. 77.
(28)      L-Istudju, p. 70-77.
Top