EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0236

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-seba' rapport bi-annwali dwar il-funzjonament taż-Żona ta' Schengen 1 ta' Novembru 2014 - 30 ta' April 2015

/* COM/2015/0236 final */

Brussell, 29.5.2015

COM(2015) 236 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-seba' rapport bi-annwali dwar il-funzjonament taż-Żona ta' Schengen
1 ta' Novembru 2014 - 30 ta' April 2015


1.Introduzzjoni

Kif imħabbar mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2011 fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen 1 u bl-appoġġ tal-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni tippreżenta rapporti biennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament taż-Żona Schengen. Dan is-seba' rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2014 sat-30 ta’ April 2015. Dan huwa preżentat eżatt qabel l-anniversarju tal-Ftehim ta’ Schengen li ġie ffirmat fl-14 ta’ Ġunju 1985.

2.Il-qagħda

2.1.Il-flussi tal-migrazzjoni fil-fruntieri esterni ta’ Schengen

Il-perjodu ta’ rapportar kien karatterizzat minn migrazzjoni kontinwa bejn il-Mediterran u l-Ewropa, numru serju ta' traġedji, u b'żieda fit-theddida kkawżata minn persuni radikalizzati, inklużi ġellieda terroristi barranin wara li jirritornaw lejn l-Ewropa, li kienet enfasizzata mill-attakki terroristiċi fi Franza u d-Danimarka u l-attakk li ġie evitat fil-Belġju.

In-numru annwali ta’ detezzjonijiet ta’ qsim irregolari tal-fruntieri żdied b’mod sinifikanti matul l-2014 u kien l-ogħla wieħed minn mindu l-FRAN ( In-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskju tal-FRONTEX) bdiet tiġbor id-dejta fl-2007 2 . Kien hemm kważi 284 000 detezzjoni matul l-aħħar sena, id-doppju tas-sena rekord tal-2011 (in-numru ta’ detezzjonijiet fl-2013 kien ta’ madwar 107 000). Ugwalment importanti, l-għadd ta’ detezzjonijiet għall-ewwel ħames xhur tal-perjodu ta’ rapportar (Novembru 2014 — Marzu 2015, jiġifieri xhur li għalihom kienet disponibbli dejta konsolidata) kien tliet darbiet ogħla minn dak ta' matul l-istess kwart tas-sena ta’ qabel, li laħqu iktar minn 111 000 każ.

L-Italja kompliet tirrapporta l-ogħla għadd ta’ arresti fl-2014, segwita mill-Greċja u l-Ungerija. Bħal fl-2013, in-nazzjonalitajiet ewlenin tal-persuni li ġew skoperti matul l-2014 kienu Sirjani u Eritrej. Ir-rotot ewlenin użati fl-2014 kienu l-Mediterran Ċentrali 3 (kważi żieda ta’ darbiet mill-2013, li jirrappreżentaw 60 % tad-detezzjonijiet kollha), il-Lvant tal-Mediterran (irdoppjat meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2013, għalkemm baqgħet taħt ir-rekord tas-snin tal-2010-2011) u l-Balkani tal-Punent (aktar mid-doppju tal-2013). Għaż-żewġ rotot ċentrali tal-Balkani tal-Punent u tal-Mediterran l-għadd ta’ arresti fl-2014 kien l-ogħla li qatt kien hemm mill-bidu tal-ġbir tad-dejta tal-FRAN fl-2007.

Fir-rigward tal-ewwel ħames xhur tal-perjodu ta’ rapportar, ir-rotta tal-Balkani tal-Punent kienet ir-rotta primarja użata (aktar minn 55 000 detezzjoni), segwita mir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant (rispettivament, aktar minn 26 000 u 21 000 detezzjoni). It-tliet rotot flimkien ammontaw għal kważi 93 % tad-detezzjonijiet kollha.

F’dan il-kuntest, ġiet reġistrata żieda sinifikanti ta’ migranti irregolari mill-Kosovo 4 , li laħqu l-quċċata f’Jannar- Frar 2015 u li ġabu r-rotta tal-Balkani tal-Punent fl-ewwel pożizzjoni fin-numru ta’ qsim irregolari tal-fruntieri għal Novembru 2014 - Frar 2015. Biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-fruntiera Serba - Ungeriża, il-Frontex ipprovdiet appoġġ lill-Ungerija permezz tal-użu ta’ tagħmir u uffiċjali mistiedna fil-kuntest tal-operazzjonijiet konġunti tagħha. Il-Ġermanja bagħtet xi uffiċjali biex jgħinu l-gwardji tal-fruntiera Serbi, u flimkien mal-Awstrija u l-Ungerija, ħadu numru ta’ inizjattivi konġunti, pereżempju, rondi fuq il-ferroviji. Il-Kummissjoni nediet djalogu intensiv bejn is-Serbja u l-Kosovo4, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Migrazzjoni Irregolari bejn is-Serbja u l-Kosovo. Dan fetaħ it-triq għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat u ppermetta li jinkiseb l-impenn tagħhom biex iżidu l-miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari mill-Kosovo4. L-awtoritajiet Serbi impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntiera Serba - Ungeriża u jipproċedu kontra n-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin f’Vojvodina, filwaqt li l-Kosovo4 impenja ruħu biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija mas-Serbja kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni mas-Serbja u n-naħa tal-UE. Id-dejta disponibbli turi li dawn il-miżuri għenu biex ix-xejra titreġġa' lura: l-għadd ta' qbid ta’ migranti irregolari li joriġinaw mill-Kosovo4 fil-fruntieri Serbi - Ungeriżi naqas minn kważi 12 000 fi Frar għal inqas minn 400 matul Marzu. Bl-istess mod, l-għadd ta’ qbid fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent naqas minn kważi 15 000 fi Frar għal aktar minn 5 000 f’Marzu. Madankollu, huma meħtieġa sforzi sostnuti biex jikkonsolidaw din it-tendenza.

Ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali kienet it-tieni l-aktar użata b'mod frekwenti matul Novembru 2014 - Marzu 2015. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-fenomenu ta' "vapuri inviżibbli” (il-każijiet Carolyn Assens, Blue Sky M u The Ezadeen, meta vapur li jkollu abbord migranti irregolari jiġi abbandunat mill-ekwipaġġ 5 u jitħalla jimxi waħdu) għal darb’oħra wera li t-traffikanti malajr jibdlu l-metodi ta’ ħidma tagħhom mingħajr ebda rispett għall-ħajja tal-bniedem. Żvilupp importanti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din ir-rotta kien it-tnedija tal-Operazzjoni Konġunta tal-Frontex “Triton”, fil-Mediterran Ċentrali li bdiet fl-1 ta’ Novembru 2014, meta l-Italja ddeċidiet li b’mod gradwali twaqqaf l-operazzjoni Mare Nostrum li kienet implimentata mill-forzi navali tagħha. Matul l-operazzjoni 6 , kien hemm 392 inċident relatati mal-migrazzjoni irregolari, li minnhom 334 kienu każijiet ta' tiftix u s-salvataġġ (SAR). Kien hemm 49 871 persuni li nstabu 7 , li minnhom 43 057 kienu każijiet ta’ SAR. Mija u tnejn u tletin faċilitatur ġew arrestati. Filwaqt li l-operazzjoni konġunta wriet id-determinazzjoni tal-imsieħba kollha involuti biex iwaqqfu t-traġedja li għadha għaddejja fil-Mediterran, huwa ċar li operazzjoni ta’ sorveljanza tal-fruntieri “Triton” jew operazzjonijiet oħra waħedhom ma jistgħux isolvu s-sitwazzjoni. Dawn huma komplementari għal miżuri li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-acquis ta’ Schengen (il-politika ta’ migrazzjoni tal-UE bħala tali u s-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu) u l-isforzi tal-Istati Membri stess fl-amministrazzjoni tal-fruntieri tagħhom. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, wara t-traġedja tat-18 ta’ April fil-Mediterran 8 , il-Kunsill konġunt tal-Affarijiet Barranin u tal-Affarijiet Interni qabel dwar pjan ta' azzjoni ta’ 10 punti dwar il-migrazzjoni 9 . Miżuri korrispondenti ġew żviluppati aktar fid-dikjarazzjoni maħruġa mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ April 10 , fejn saru impenji għal preżenza msaħħa tal-UE fuq il-baħar bi tliet darbiet aktar riżorsi finanzjarji għal operazzjonijiet konġunti “Triton” u “Poseidon”, metodi ġodda għall-ġlieda kontra t-traffikanti, miżuri li għandhom jittieħdu flimkien mal-pajjiżi terzi kif ukoll tisħiħ ta’ solidarjetà u responsabbiltà intra-UE. Dawn l-orjentazzjonijiet issa qed jiġu implimentati, ibbażati fuq pjan ta' direzzjoni żviluppat għal dan il-għan. Il-Kunsill u l-Kummissjoni se jippreżentaw rapport lill-Kunsill Ewropew f’Ġunju dwar l-implimentazzjoni tagħhom. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Mejju, tiġbor flimkien id-diversi passi biex jindirrizaw l-isfidi.

Żieda sinifikanti ta’ detezzjonijiet fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant ġabitha fl-ewwel pożizzjoni f’termini ta’ rotot l-aktar użati għax-xahar ta’ Marzu ('il l fuq minn 2,5 darbiet aktar detezzjonijiet meta mqabbla ma’ Frar). Dan jista’ jiġi parzjalment attribwit għall-bidliet staġunali iżda dan jirrifletti wkoll il-pressjoni li qed tiżdied fuq din ir-rotta.

Il-Kummissjoni kompliet tissorvelja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri milquta minn flussi sinifikanti fil-fruntieri Ewropej (b’mod partikolari fl-Italja, l-Ungerija, il-Bulgarija) ukoll fir-rigward tat-titjib tas-sistemi tal-ażil rispettivi tagħhom kif ukoll biex jindirizzaw movimenti sekondarji u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-EURODAC b’mod partikolari dwar it-teħid tal-marki tas-swaba’. L-Aġenda dwar il-Migrazzjoni enfasizzat il-bżonn li jiġu rrispettati b’mod sħiħ ir-regoli dwar it-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti fil-fruntiera. L-Istati Membri taħt pressjoni partikolari se jibbenefikaw minn sistema ta' Hotspot għall-forniment ta’ appoġġ operattiv fil-post.

Il-Kummissjoni se tkompli tevalwa, f’kooperazzjoni mal-EASO u l-Istati Membri kkonċernati, il-ħtieġa possibbli li jintuża l-mekkaniżmu ta' twissija bikrija, tħejjija u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet abbażi tal-Artikolu 33 tar-Regolament Dublin III 11 . Il-Kummissjoni kompliet taħdem ukoll ma’ Ċipru sabiex tiżgura li l-kapaċità ta’ riċezzjoni ta’ kontinġenza tkun fis-seħħ sabiex jiġu ġestiti flussi sinifikanti possibbli u biex titjieb is-sistema tal-ażil b’mod ġenerali. Il-Greċja qed timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Ażil u l-Migrazzjoni, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sistemiċi fil-qasam tal-ażil. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni skada f’Diċembru 2014 12 . Ta’ min jinnota li dawn l-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli biex jistabbilizzaw u jtejbu s-sitwazzjoni, iżda huwa meħtieġ aktar progress.

Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) bil-ħsieb li tiffaċilita t-traspożizzjoni ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil li ċċarat u saħħet ir-regoli dwar l-iżgurar ta’ aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil, inkluż dwar applikazzjonijiet magħmula fil-fruntieri esterni. Għadd ta’ taħriġ dwar il-proċedura tal-ażil ġew organizzati mill-EASO u modulu ġdid ta’ taħriġ li jindirizza wkoll lill-gwardji tal-fruntieri qed jiġi żviluppat f’kooperazzjoni mal-Frontex u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, l-EASO kompla jieħu passi biex jippermetti l-ġbir ta’ dejta dettaljata u kedibbli dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera esterna.

Fl-2014, kien hemm madwar 14 000 ċittadin Ukrain li applikaw għall-ażil fiż-Żona Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen 13 . Filwaqt li din hija kważi żieda ta' 14-il darba minn madwar 1 000 applikant għall-ażil għall-2013 kollha kemm hi, in-numru totali għadu relattivament baxx. L-applikanti għall-ażil Ukraini fiż-Żona Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen kienu jirrappreżentaw madwar 2 % tal-applikanti kollha fl-2014. Prattikament l-applikanti Ukraini kollha waslu legalment b'viżi għal perjodu qasir jew viżi għal perjodu twil u kienu ftit l-applikazzjonijiet għall-ażil li tressqu fil-fruntieri. Is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-impatt tagħha fuq il-flussi migratorji u tal-ażil għandha tkompli tkun sorveljata b’mod adegwat sabiex l-UE u ż-Żona Schengen ikunu f’pożizzjoni li jirreaġixxu għal żviluppi ulterjuri bl-aktar mod effiċjenti.

L-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà minn ġellieda terroristi barranin

Fir-rigward ta’ ġellieda terroristi barranin li jirritornaw mis-Sirja lejn l-UE u d-detezzjoni tagħhom fil-fruntieri esterni, punt li ġie indirizzat ukoll fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà adottata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ April 2015 14 , huwa possibbli bil-qafas legali attwali biex jitwettqu kontrolli sistematiċi fuq persuni li jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni kontra d-databases rilevanti li jkunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni kompliet taħdem flimkien mal-Istati Membri fuq naħa waħda biex jiġi żgurat li l-istrumenti eżistenti, b’mod partikolari l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (ara t-Taqsima 4.1 għal aktar dettalji) jistgħu jintużaw bl-aħjar mod sabiex jirreaġixxu għat-theddid tal-ġellieda barranin u min-naħa l-oħra fuq indikaturi komuni tar-riskju li jippermettu kontrolli aktar immirati fuq persuni.

Fil-laqgħa informali tagħhom tat-12 ta’ Frar 2015, il-membri tal-Kunsill Ewropew bagħtu messaġġ ċar dwar il-passi li jmiss rigward l-iżvilupp ulterjuri ta’ għodod biex jidentifikaw u jisfrattaw l-ivvjaġġar relatat mat-terroriżmu, notevolment ta’ ġellieda barranin 15 . F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat il-Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri (il-Manwal ta’ Schengen) fir-rigward ta' verifiki minimi u bir-reqqa, ir-regoli ġenerali applikabbli għal persuni li jgawdu mid-dritt tal-Unjoni ta’ moviment ħieles u r-regoli rilevanti għal kontrolli fil-fruntieri tal-art u tal-ajru.

2.2.    Il-qagħda fiż-Żona Schengen

Fl-2014 il-livell ta’ detezzjonijiet ta’ permanenzi irregolari żdied bi 28 % meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2013 (sa 426 000 detezzjoni). Il-Ġermanja, segwita mill-Isvezja, Franza, Spanja u l-Belġju kellha l-ogħla għadd ta’ detezzjonijiet. F'dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu ta’ rappurtar, il-livell ta' detezzjonijiet ta’ soġġorni irregolari f’Novembru 2014 - Marzu 2015 (madwar 184 000 detezzjoni) kien 32 % ogħla minn matul l-istess perjodu fl-2013-2014.

Kif imsemmi fir-rapporti biannwali preċedenti, il-FRAN beda jiġbor id-dejta dwar il-movimenti sekondarji fl-2014. Ta’ min jinnota li minkejja t-tfakkiriet li saru fir-rapporti preċedenti, għadd ta’ pajjiżi (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Islanda, Malta, kif ukoll l-Istat Membru mhux ta’ Schengen l-Irlanda) għadhom ma ressqux id-dejta tagħhom (is-sitwazzjoni sa nofs April 2015). Huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jippreżentaw d-dejta kompluta li tippermetti analiżi kredibbli li tgħin biex jiġu traċċati r-rotot tal-migrazzjoni. L-ewwel rapport konġunt regolari mill-Frontex u l-Europol dwar il-movimenti sekondarji bbażati fuq id-dejta msemmija hawn qabel kienet skedata li tiġi ppubblikata f’Ġunju 2015.

L-attività tal-Presidenza “Amberlights 2015”, l-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni l-aktar riċenti dwar il-flussi migratorji fiż-Żona UE / Schengen, twettqet mill-1 sal-14 ta’ April 2015, ibbażata fuq il-linji gwida stipulati fil-Gwida għal Operazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija 16 . Din saret bl-inizjattiva tal-Presidenza Latvjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u kienet maħsuba biex tintensifika l-kontrolli fil-fruntieri u tħaffef l-iskoperta ta’ soġġorni mtawlin ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi (mal-ħruġ fil-fruntieri tal-ajru) kif ukoll biex tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni relatata, inkluża dik dwar frodi tad-dokumenti. Tmienja u għoxrin pajjiż ipparteċipaw f’din l-attività. Ir-riżultati prinċipali jinkludu 825 rapport dwar inċidenti fuq 1 409 detezzjoni ta' dawk li qabżu t-tul tal-perjodu intitolati għalih 17 u tliet każijiet ta' impusturi 18 .

Sadattant, ir-riżultati ta’ operazzjoni simili “Mos Maiorum”, li saret taħt l-awspiċi tal-Presidenza Taljana, għandhom kemm saru magħrufa. Sebgħa u għoxrin pajjiż ipparteċipaw f’din l-attività. Ir-riżultati operattivi ewlenin inkludew l-interċettazzjoni ta' 19 234 migrant irregolari, li minnhom 11 046 applikaw għall-ażil. Daqs 257 faċilitatur ġew arrestati u 593 dokument ġew sekwestrati. L-operazzjoni ppermettiet li tinġabar informazzjoni dwar ir-rotot ewlenin segwiti mill-migranti irregolari u l-modus operandi ta’ netwerks kriminali użati għat-traffikar ta’ bnedmin.

3.L-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen

3.1.Każijiet fejn reġgħu ddaħħlu temporanjament il-kontrolli mal-fruntieri interni

L-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 19 jistipula li, f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun hemm theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ jerġa’ jdaħħal kontrolli fil-fruntieri interni tiegħu għal perjodu ta' żmien li ma jaqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġi indirizzat it-theddid serju. Matul il-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2014 sat-30 ta’ April 2015, kien hemm żewġ każijiet meta l-Istati Membri reġgħu daħħlu temporanjament il-kontrolli mal-fruntieri interni tagħhom. Sa fejn huwa kkonċernat il-perjodu preċedenti ta’ rappurtar, il-Belġju finalment iddeċida li ma jwettqux kontrolli fil-fruntieri interni (minkejja li qabel kien innotifikata lill-Kummissjoni fid-dawl tas-Summit tal-G7 ta’ Ġunju 2014), peress li finalment ma waslet l-ebda informazzjoni dwar riskji ta’ sigurtà deċiżiva.

3.2.Iż-żamma tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni

Żewġ oqsma tal-acquis ta ' Schengen fejn allegatament ta' spiss ikun hemm ksur huma (1) jekk it-twettiq tal-kontrolli mill-pulizija qrib il-fruntieri interni għandhomx effett ekwivalenti għal kontrolli fil-fruntieri (l-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u (2) l-obbligu li jitneħħew l-ostakoli għall-fluss fluwidu tat-traffiku, bħal-limitazzjonijiet tal-veloċità, f’punti ta’ qsim fit-toroq fil-fruntieri interni (l-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Fil-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2014 sat-30 ta’ April 2015, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha f’erba’ każijiet dwar ksur possibbli tad-dispożizzjonijiet dwar l-abolizzjoni ta' kontrolli interni fil-fruntieri, b'mod partikolari t-tneħħija tal-ostakoli għal fluss fluwidu tat-traffiku (rigward l-Awstrija, il-Belġju, l-Italja u s-Slovenja). Il-Kummissjoni kompliet tagħmel skambju ta’ fehmiet mal-Ġermanja wara l-ittra ta’ avviż formali indirizzata f’Ottubru 2014 dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-Liġi tal-Pulizija Federali Ġermaniża mal-Artikolu 20 u 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet kjarifiki mingħand il-Polonja dwar l-obbligu biex jinġarru dokumenti f’żoni interni tal-fruntiera tal-Polonja (l-Artikolu 21(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

3.3.L-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea ta ' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)

Matul il-perjodu ta’ rappurtar is-sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri inizjali ġiet estiża minn 19 għal 30 pajjiż parteċipant. Il-Frontex għaqqdet dawn iċ-ċentri nazzjonali tal-koordinazzjoni stabbiliti ġodda fil-bqija tal-11-il pajjiż parteċipanti man-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-Eurosur u kompliet il-proċess ta’ akkreditazzjoni ta’ sigurtà ta’ dan in-netwerk, li se jiġi ffinalizzat matul l-2015. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Eurosur, diversi Stati Membri ssimplifikaw ir-responsabbiltajiet u flussi ta’ xogħol għal sorveljanza fil-fruntiera fuq livell nazzjonali u tejbu b’mod konsiderevoli l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-fruntiera nazzjonali kif ukoll ma’ dawk ta’ Stati Membri ġirien. Ftit Stati Membri ġirien bdew ukoll jagħmlu interkonnessjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza tal-fruntieri tagħhom fil-livell lokali.

Il-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri lestew l-abbozzar ta’ Manwal li jinkludi linji gwida tekniċi u operattivi għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Eurosur. Il-Manwal huwa skedat biex jiġi adottat mill-Kummissjoni aktar tard din is-sena.

Il-Frontex kompliet tiżviluppa l-abbiltà tagħha biex tikkoordina l-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza u s-servizzi ta' fużjoni tal-Eurosur sabiex tipprovdi informazzjoni dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni u dwar iż-żona prefruntiera fuq bażi regolari, kredibbli u kosteffettiva. Din il-kapaċità se tiżdied b’mod konsiderevoli matul l-2015 meta l-finanzjament Copernicus 20 se jkun disponibbli għal dan l-għan. Attwalment firxa ta’ servizzi huma disponibbli għall-Istati Membri, li jvarjaw minn sistemi ta’ tracking tal-bastimenti, u għodod ta’ sejbien tal-bastimenti bbażati fuq satellita, algoritmi kumplessi biex ibassru l-pożizzjonijiet tal-bastimenti, tbassir tat-temp preċiż u previżjonjiet oċeanografiċi. Is-servizzi ta' fużjoni jużaw teknoloġija satellitari ottika u tar-radar biex isibu bastimenti suspettati li jkunu involuti f’kuntrabandu ta’ persuni li sikwit ipoġġu ħajjet il-migranti fil-periklu. It-traċċar ta’ bastimenti partikolari ta’ interess jista’ jkun mitlub mill-Istati Membri fi kwalunkwe ħin.

Servizz ta’ rilevament tal-bastimenti jappoġġa l-operazzjoni “Triton” fuq bażi ta’ kuljum, u bħalissa ġie mniedi wkoll għall-operazzjonijiet “Poseidon” u “Indalo”. Servizzi oħra, bħal modulu ta' simulazzjoni marittima jew ta’ tbassir tat-temp dettaljat b’appoġġ tal-attivitajiet operattivi huma disponibbli b’mod permanenti.

3.4.Ksur allegat ta’ partijiet oħrajn tal-acquis ta’ Schengen

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha f’każ relatat mal-fruntieri tal-art tal-Estonja (fir-rigward tar-rekwiżiti imposti fil-qsim tal-fruntiera, fir-rigward tal-Artikoli 5 u 7 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-Greċja u l-Bulgarija dwar allegazzjonijiet ta' prattiki ta’ push-backs fil-fruntieri esterni u bdiet stħarriġ dwar l-allegazzjonijiet ta’ tneħħija sommarja minn Spanja (Ceuta u Melilla). F’dan il-kuntest il-Kummissjoni wettqet żjara teknika l-Bulgarija, u oħra f'Ceuta u Melilla. Barra minn hekk, hija se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati.

Fir-rigward tal-ilmenti rċevuti kontinwi dwar il-ħinijiet ta’ stennija eċċessivi kkawżati mill-kontrolli mill-awtoritajiet Spanjoli fil-fruntiera ma’ Ġibiltà, wara rakkomandazzjonijiet addizzjonali, indirizzati kemm lil awtoritajiet ta' Spanja kif ukoll lir-Renju Unit fit-30 ta’ Lulju 2014 biex itejbu l-ġestjoni ta’ flussi tal-passiġġieri u tal-vetturi u biex il-kuntrabandu tat-tabakk jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv, il-Kummissjoni rċeviet risposti mingħand iż-żewġ pajjiżi dwar kif beħsiebhom jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fl-aħħar ta’ Frar, il-Kummissjoni rċeviet lura l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet Spanjoli f’Lulju 2014. Il-valutazzjoni preliminari hija li l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà għamlu progress fl-introduzzjoni ta’ miżuri rilevanti biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Hemm indikazzjonijiet li l-livell ta’ qabdiet ta' sigaretti / tabakk magħmulin fuq La Línea de la Concepción BCP qed jonqsu li jistgħu jissuġġerixxu li l-miżuri introdotti diġà qed jibda jkollhom impatt pożittiv. Il-Kummissjoni se tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib sakemm il-miżuri kollha li tħabbru minn Spanja iżda li għadhom mhux implimentati, b’mod partikolari x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni fuq il-punt ta’ qsim ta’ La Línea de la Concepción, jiġu finalizzati. Il-Kummissjoni ilha tinkuraġġixxi l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà u Spanja biex issaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence u se tkompli d-djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet.

Il-Kummissjoni talbet l-awtoritajiet Pollakki biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għal emenda tal-Ftehim bilaterali tal-2001 dwar punt ta’ qsim tal-fruntiera kondiviż (BCP) mal-Ukraina biex tiżgura l-kompatibilità mas-salvagwardji rilevanti introdotti fir-rigward ta’ dawk il-BCPs għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen mir-Regolament 610/2013.

It-traspożizzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn (2008/115/KE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Minn mindu ħareġ ir-rapport preċedenti l-Kummissjoni tkompli ssegwi b'mod sistematiku n-nuqqasijiet kollha identifikati u tniedi investigazzjoni fejn meħtieġ. Hija ffokat b’mod partikolari fuq in-nuqqasijiet li għad fadal f’diversi Stati Membri u sa issa fetħet proċeduri ta’ ksur kontra erba’ Stati Membri minħabba li ma kinux implimentaw b’mod korrett diversi artikoli tad-Direttiva tar-Ritorn fil-liġi nazzjonali.

Waħda mill-aktar raġunijiet importanti għal ksur hija d-detenzjoni ta’ persuni li jirritornaw. Il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u tal-użu estensiv tiegħu (inkluż ta’ detenzjoni lil hinn minn 18-il xahar) kif ukoll in-nuqqas ta’ rieżami xieraq tad-detenzjoni qajmu tħassib serju. In-nuqqas ta’ sistemi effettivi ta’ sorveljanza ta’ ritorn imġiegħlel, il-perjodu tad-dewmien kif ukoll il-validità territorjali tal-projbizzjonijiet ta’ dħul, kienu fost ir-raġunijiet għal proċeduri ta’ ksur kif kienet ukoll id-definizzjoni ta’ ritorn. Kwistjonijiet proċedurali (pereżempju, it-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn) wasslu wkoll għal proċeduri ta’ ksur.

L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera (KE Nru 1931/2006)

Il-Kummissjoni ilha tissorvelja l-implimentazzjoni tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntieri sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2006. Fir-rigward ta’ ftehimiet bilaterali li l-Istati Membri kkonkludew ma’ ġirien terzi tagħhom, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tas-Slovenja u l-Kroazja, filwaqt li żewġ każijiet ta’ ksur, waħda fir-rigward tal-Latvja u oħra fir-rigward tal-Polonja se jingħalqu hekk kif il-ftehimiet emendati se jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, investigazzjonijiet dwar ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Kroazja dwar il-konformità ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi u miżuri ta’ sigurtà kif previst mir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 ukoll ġew magħluqa. Skambju ta’ informazzjoni dwar l-istess kwistjoni tkompli mal-Polonja.

3.5.Dgħufijiet identifikati permezz tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen

Fis-27 ta’ Novembru 2014, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen 21 il-ġdid beda japplika, wara perjodu ta’ tħejjijiet estensivi. Fix-xhur preċedenti, saret enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ulterjuri ta’ taħriġ għall-esperti tal-evalwazzjoni, inkluża l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp ta’ pakkett ta’ taħriġ komprensiv ġdid għal esperti tar-ritorn abbażi tal-kunċett prinċipali li normalment ikun hemm qbil fuqu. L-ewwel taħriġ integrat għall-esperti tal-fruntieri u r-ritorn sar f’Marzu 2015 fil-Kroazja.

L-ewwel esperjenzi relatati mal-implimentazzjoni ta’ żjarat ta’ evalwazzjoni bil-Mekkaniżmu l-ġdid kienu pożittivi. Il-fażi preparatorja kienet użata biex jiġu stabbiliti proċessi ġodda u strumenti biex iħejju għal żjarat fuq il-post. Kooperazzjoni kontinwa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha wriet li kienet kostruttiva ħafna. B’riżultat ta’ dan u minħabba l-involviment attiv tal-Istati Membri biex jaħtru l-esperti tagħhom, kien possibbli li tinkiseb taħlita tajba ta’ perizja meħtieġa mill-gruppi ta’ evalwazzjoni. Sħubija bejn l-aħjar esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u d-diviżjoni tax-xogħol bejniethom kienet tajba ħafna, li ppermettiet ħidma bla xkiel mit-timijiet ta’ evalwazzjoni.

Għandu jiġi nnutat li l-kooperazzjoni mal-Istati Membri taħt evalwazzjoni kienet intensiva u kostruttiva. L-esperjenza turi li l-parteċipazzjoni tal-Frontex u osservaturi oħra ta' żjarat fil-post, urew b’mod ċar li ġabu valur addizzjonali għall-proċess ta’ evalwazzjoni.

L-ewwel evalwazzjonijiet saru fl-Awstrija (Frar - Marzu 2015) u fil-Belġju (April - Mejju 2015). It-timijiet ta’ evalwazzjoni ħadu kont ta’ firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet, inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet b’rabta mal-ġlieda kontra ġellieda terroristiċi barranin. Waħda mill-innovazzjonijiet bil-mekkaniżmu l-ġdid ta’ evalwazzjoni hija li l-aspetti kollha tal-acquis ta’ Schengen huma evalwati matul xahrejn (minflok il-perjodu itwal bir-regoli l-qodma), li tippermetti li tinkiseb stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fi Stat Membru fi żmien relattivament qasir. Barra minn hekk, ir-redditu ġie miżjud bħala entrata separata fil-lista tal-oqsma ta’ politika kollha evalwati, filwaqt li l-fruntieri esterni kollha ta’ Stat Membru evalwat se jkunu koperti b’rapport wieħed. Il-mekkaniżmu l-ġdid jipprevedi wkoll il-possibilità li jitwettqu żjarat mhux imħabbra minn qabel. L-ewwel tali żjara saret fl-Isvezja fil-bidu ta’ Marzu. Żjara mill-ġdid lejn il-Polonja fil-qasam tas-SIS / Sirene saret fil-25-27 ta’ Marzu 2015 (ara t-Taqsima 4.1 għal aktar dettalji). Ir-rapporti ta’ żjarat imsemmija hawn fuq qegħdin jiġu ffinalizzati.

Skont il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ valutazzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tippubblika rapport komprensiv annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet li jsiru. Għalhekk l-intenzjoni hi li tiffoka saħansitra aktar fuq l-eżitu tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen f’rapporti futuri, b’mod partikolari billi tuża wieħed miż-żewġ rapporti biannwali biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ rappurtar imsemmija hawn fuq.

3.6.It-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni

Il-Kunsill għadu ma jistax jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri interni mal-Bulgarija u r-Rumanija. Il-Kummissjoni tkompli tappoġġa bis-sħiħ l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija maż-Żona Schengen.

F’Marzu 2015, il-Kroazja uffiċjalment iddikjarat it-tħejjija tagħha għal evalwazzjoni ta’ Schengen (mill-1 ta’ Lulju 2015) bil-ħsieb li jitneħħa l-kontroll fil-fruntieri interni.

4.Il-miżuri ta' sostenn

4.1.L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)

Wieħed mill-aktar żviluppi importanti fil-perjodu ta’ rappurtar kien li r-Renju Unit kien provviżorjament integrat fis-SIS 22 u beda jdaħħal id-dejta fis-SIS u juża d-dejta tas-SIS mit-13 ta’ April 2015 23 . Iż-żjara ta' evalwazzjoni tas-SIS/SIRENE se ssir f’Ġunju, fejn wara (sakemm ir-riżultati tal-evalwazzjoni jkunu pożittivi) il-Kunsill se jkun f’pożizzjoni li jbiddel il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit minn provviżorja għal waħda finali.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tallinja l-implimentazzjoni u ssaħħaħ l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Il-Kummissjoni rrevediet il-Manwal SIRENE fid-29 ta’ Jannar 2015, b’effett mit-30 ta’ Jannar 2015 24 . Bidliet implimentati u aġġornamenti tekniċi tas-SIS jippermettu skambju ta' informazzjoni aċċellerata u aktar immirata dwar suspettati terroristi bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati ta’ Schengen. Barra minn hekk, huma jsaħħu l-isforzi tal-Istati Membri biex jinvalidaw dokumenti ta’ identifikazzjoni personali ta’ persuni li jistgħu jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi barra l-UE u jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għal aktar kontrolli effettivi fil-fruntieri, peress li meta jsiru kontrolli ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tali dokumenti għandhom jinqabdu.

Il-Manwal SIRENE rivedut ukoll isaħħaħ iċ-ċertezza legali u d-drittijiet fundamentali. L-emendi jindirizzaw il-problemi li ntirtu mill-predeċessur tas-sistema (SIS1+) kif ukoll jirriflettu sfidi ġodda u l-ħtiġijiet identifikati matul l-ewwel sena ta’ operazzjoni tas-SIS tat-tieni ġenerazzjoni. Huma jistabbilixxu, inter alia, kriterji dettaljati għat-tħassir ta’ twissijiet u jiddefinixxu regoli uniformi dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ twissija għal dħul jew soġġorn fiż-Żona Schengen iżda li għandhom permess ta’ residenza.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni 25 li tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ ttestjar uniformi tas-SIS għall-integrazzjoni tal-Istati Membri ġodda u għall-Istati Membri li jbiddlu sostanzjalment l-applikazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Filwaqt li l-għadd ta’ twissijiet ta' oġġetti ġodda u l-użu tal-funzjonalitajiet komplew jiżdiedu f’maġġoranza kbira ta’ Stati Membri, diskrepanzi sinifikanti bejniethom jibqgħu u l-Kummissjoni tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib. Fir-rigward tal-funzjonalitajiet ġodda xi Stati Membri għadhom mhumiex kapaċi jdaħħlu ritratti, marki tas-swaba’ jew links. Fi Frar 2015, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni dwar l-Estonja, fejn talbet l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni sħiħa u l-użu tal-kategoriji tal-oġġetti l-ġodda u l-funzjonalitajiet tas-SIS. Il-Kummissjoni formalment qajmet ukoll l-implimentazzjoni ttardjata tal-kategoriji tal-oġġetti l-ġodda u l-funzjonalitajiet tas-SIS mal-Isvizzera.

Id-disponibbiltà sħiħa tas-SIS fil-fruntieri esterni hija ta’ importanza kbira għas-sigurtà taż-Żona Schengen. L-investigazzjoni tal-Polonja (ara s-Sitt Rapport Biannwali) f’dan ir-rigward wasslet għal żjara mill-ġdid ta' evalwazzjoni ta’ Schengen SIS / SIRENE f’Marzu 2015. L-eżitu taż-żjara huwa taħt valutazzjoni u se jkun rifless fir-rapport li jmiss. Il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjoni formali f’Marzu kontra l-Italja dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni SIS II 26 dwar allerti għall-iskop ta’ rifjut ta' dħul jew soġġorn fiż-Żona Schengen u b’mod aktar speċifiku fuq l-użu tas-SIS fil-fruntieri esterni u l-kwalità tad-dejta dwar din il-kategorija ta’ twissija.

4.2.L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Minkejja l-ippjanar inizjali li l-VIS tiġi introdotta fi 17-il reġjun (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina) u 18 (ir-Russja) matul il-perjodu ta’ rappurtar, it-tnedija tal-VIS madwar id-dinja ġiet imwaqqfa temporanjament. Fid-dawl tal-impatt kbir tal-ħruġ tal-viża f’dawn ir-reġjuni fuq il-kapaċità ġenerali tal-VIS (aktar minn 55 %), prerekwiżit għal din l-introduzzjoni hija t-tlestija b’suċċess tal-estensjoni tal-kapaċità tas-Sistema ta’ Tqabbil tal-Bijometrika (BMS) li tappoġġa l-operazzjonijiet ibbażati fuq il-marki tas-swaba’ bħall-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni. F’Diċembru 2014, eu-LISA infurmat li l-VIS / BMS se jkunu jistgħu jappoġġaw it-tnedija tal-VIS għar-reġjun 17 u lil hinn, minħabba li l-kapaċità globali tagħha se tkun żdiedet b’6,5 darbiet sa tmiem Marzu 2015 meta mqabbel ma’ Settembru 2014. Madankollu, tqajmu dubji politiċi, ekonomiċi u tekniċi minn diversi Stati Membri rigward l-iskeda ta’ introduzzjoni tar-reġjuni li kien fadal. Konsegwentement, qafas ta’ żmien ġdid ġie miftiehem għal dawn ir-reġjuni, li se jkun indirizzat fir-rapport biannwali li jmiss.

Kif imsemmi fis-sitt rapport biannwali, fil-11 ta' Ottubru 2014 l-użu tal-marki tas-swaba' biex isiru l-verifiki tat-titulari ta’ viża fil-punt ta' qsim tal-fruntiera Schengen sar obbligatorju għat-titulari ta’ viża li d-dejta tagħhom (inklużi marki tas-swaba', fejn applikabbli) ġew maħżuna fil-VIS. L-istatistika sa issa tindika li parti biss tad-detenturi tal-viża, li taw il-marki tas-swaba' tagħhom meta japplikaw għall-viża, jiġu kkontrollati fuq il-bażi ta’ marki tas-swaba’ fil-fruntieri. Fl-istadju attwali, huwa importanti li l-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti għall-kontrolli fil-VIS (inklużi l-marki tas-swaba’) fil-fruntieri u jkomplu jinformaw b’mod adegwat lill-vjaġġaturi dwar dan ir-rekwiżit il-ġdid fil-fruntiera.

4.3.Il-politika dwar il-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni

Mekkaniżmu ta’ sospensjoni u mekkaniżmu ta’ reċiproċità rivedut fir-Regolament 539/2001

Sa issa, l-ebda Stat Membru ma talab li jingħata bidu għall-mekkaniżmu ta’ sospensjoni l-ġdid li daħal fis-seħħ f’Jannar 2014 27 . Kif diġà msemmi fis-sitt rapport biannwali, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport li jevalwa s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viżi 28 fejn qieset li, fuq il-bażi tal-konferma mill-pajjiżi terzi kkonċernati tal-objettiv kondiviż ta’ vjaġġar reċiproku mingħajr viża, l-impenn pożittiv f’approċċ tripartitiku 29 u l-fatt li l-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma talab lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, ma jkunx xieraq f’dan l-istadju li jadottaw tali miżuri li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-viża. It-tieni rawnd ta' laqgħat tripartitiċi mal-Awstralja, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Kanada saru f'Jannar - Frar 2015.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

In-numru ta' applikanti għall-ażil mill-ħames Stati tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża fiż-Żona Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen kien qed jiżdied b’mod kostanti minħabba l-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2009. In-numru tagħhom fl-2014 kien 34 % ogħla milli fl-2013 (biex din iż-żieda tiddaħħal f’perspettiva, għandu jiġi nnotat li l-għadd totali ta’ applikanti għall-ażil fiż-Żona Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen żdiedu b’45 % s-sena l-oħra 30 ). B'hekk is-sitwazzjoni kompliet taffettwa l-funzjonament tas-sistema tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Il-Ġermanja baqgħet bil-bosta l-aktar Stat Membru affettwat, bis-sehem tagħha tad-dħul mill-Balkani tal-Punent qrib it-78 %. Kienet segwita minn Franza, l-Isvezja u l-Belġju. Iċ-ċittadini Serbi baqgħu l-akbar grupp ta’ applikanti għall-ażil mill-Balkani tal-Punent (45 % fl-2014), segwiti miċ-ċittadini Albaniżi (22 %). L-applikanti mill-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kienu jirrappreżentaw 11 % tal-għadd totali ta’ applikanti għall-ażil fiż-Żona Schengen u l-pajjiżi kandidati ta’ Schengen fl-2014 li huwa kumparabbli mal-2013 (12 %).

Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-ħames Rapport dwar il-monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent 31 fejn tivvaluta l-miżuri implimentati, tirrevedi l-funzjonament u tagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tar-reġim ta’ vjaġġar mingħajr viża, inklużi azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża kif ukoll mill-Istati Membri tal-UE.

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni u l-iffaċilitar tal-viżi u l-liberalizzazzjoni tal-viżi

Wara d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern dwar l-Ukraina tas-6 ta’ Marzu 2014 32 , taħdidiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar kwistjonijiet ta’ viża baqgħu sospiżi.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li għandhom passaport bijometriku introdott fit-28 ta’ April 2014 ġie implimentat b’mod sodisfaċenti. Rigward in-negozjati dwar l-ammissjoni mill-ġdid u l-faċilitazzjoni tal-viżi mal-Bjelorussja, it-tielet sessjoni ta’ negozjati saret fil-11-12 ta’ Marzu f’Minsk. Il-“pakkett ta’ trattat” dwar iż-żewġ ftehimiet ġie miftiehem bejn in-negozjaturi ewlenin, iżda jrid jiġi kkonfermat mill-Istati Membri. Kmieni fl-2015, id-direttivi ta’ negozjar għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Viża mal-Bjelorussja ġew emendati mill-Kunsill. Dawn issa jinkludu l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi. Din id-dispożizzjoni hija akkumpanjata minn sett ta’ salvagwardji, inkluż fil-katalogu aktar wiesa' ta’ possibbiltajiet għal sospensjoni ta’ dan it-tip għat-tneħħija tal-viża.

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni u faċilitazzjoni tal-viżi mal-Kap Verde daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2014. Fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill approva direttivi ta’ negozjati għal ftehimiet ta’ riammissjoni u faċilitazzjoni tal-viżi mat-Tuneżija. L-ewwel sessjoni ta’ negozjati dwar ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viża mal-Marokk, u l-bidu mill-ġdid ta’ negozjati dwar ftehim ta’ reammissjoni saret fid-19-20 ta’ Jannar.

Fit-30 ta’ Ottubru 2014 il-Kummissjoni ppreżentat rapporti li jivvalutaw it-twettiq mill-Perù u l-Kolombja tal-kriterji rilevanti sabiex jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-Żona Schengen 33 . Il-valutazzjonijiet globali kienu pożittivi għaż-żewġ pajjiżi u fil-11 ta’ Marzu 2015 il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill il-ftuħ ta’ negozjati b’eżenzjoni mill-viża għat-tnejn li huma. Wara li tkun kisbet direttivi ta’ negozjar mill-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati f’Novembru 2014 dwar it-tneħħija tal-viża ma’ 16-il stat gżira żgħira tal-Karibew u l-Paċifiku u l-Emirati Għarab Magħquda. Fil-5 ta’ Marzu 2015 il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill abbozz ta’ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja u dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża mal-ewwel grupp ta’ pajjiżi (l-Emirati Għarab Magħquda, Timor Leste, il-Vanwatu, Samoa, Trinidad u Tobago, San Vinċenz u l-Grenadini, Santa Luċija, Grenada u Dominika).

Is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Ġordan ġiet iffirmata fid-9 ta’ Ottubru, u Anness għad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobbiltà ġie adottat fit-8 ta’ Diċembru 2014, u b’hekk twittiet it-triq għal negozjati ta’ ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża, b’mod parallel ma’ ftehim ta’ riammissjoni. Missjoni esploratorja saret f’Amman fis-17-18 ta’ Frar 2015 sabiex titħejja t-triq għal dawn in-negozjati. Ir-riżultati tal-missjoni se jintużaw biex jiġi ppreparat l-abbozz ta’ direttivi ta’ negozjar li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2015 bil-ħsieb li jinfetħu negozjati mal-Ġordan.

(1) COM(2011) 561 finali
(2)  Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, id-dejta fit-Taqsima 2 tittieħed mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tan-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Frontex (FRAN), u tkopri ż-Żona Schengen kif ukoll il-pajjiżi kandidati ta ' Schengen. Id-dejta tkopri biss iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu nstabu fil-fruntieri esterni (ħlief il-fruntieri esterni temporanji) huma u deħlin jew ippruvaw jidħlu b'mod illegali bejn il-punti ta' qsim tal-fruntiera. Iċ-ċifri għall-Kroazja huma inklużi mid-data tal-adeżjoni mal-UE.
(3)  B’kuntrast mal-perjodu preċedenti ta’ rapport biannwali, ir-rotta tal-Apulia u l-Calabria kienet integrata fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
(4)  Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99 u l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(5)  Fit-tliet każi ċċitati qabel, l-ekwipaġġ abbandunaw il-vapur fl-aħħar parti tal-vjaġġ.
(6)  Dejta skont it-18.05.2015.
(7)  Il-ħames nazzjonalitajiet ewlenin fl-2015 kienu: l-Eritrea, is-Somalja, in-Niġerja, il-Gambja, is-Senegal (is-Sirjani kienu fis-sitt post).
(8)  Fil-lejl bejn it-18 u d-19 ta’ April 2015, inqaleb bastiment li fuqu kien hemm immigranti irregolari. Skont id-dejta disponibbli meta nkiteb dan ir-rapport, kienu biss 28 migrant li ġew salvati u ġew irkuprati 24 katavru (xi migranti salvati ddikjaraw li kien hemm madwar 700 migrant abbord meta nqalbet id-dgħajsa).
(9)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4813_en.htm
(10)  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/04/23-special-euco-statement/
(11)

   Ir-Regolament (KE) Nru 604/2013 (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(12)  F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Pjan (SWD(2014) 316 finali).
(13)  Dejta tal-Eurostat.
(14)  COM(2015) 185 finali
(15)  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/02/150212-european-council-statement-fight-against-terrorism/
(16)  Dokument tal-Kunsill Nru 16825/10 tat-23.11.2010.
(17)  Persuna b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirrelataw mat-tul ta’ soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri;
(18)  Persuna li tapplika għal u tikseb dokument billi tassumi isem falz u identità falza, jew persuna li tbiddel id-dehra fiżika tagħha li tirrappreżenta lilha nfisha bħala persuna oħra għall-iskop tal-użu tad-dokument ta’ dik il-persuna.
(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1)
(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44)
(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).
(22)  Ħlief għal twissijiet għall-għanijiet ta’ ċaħda ta’ dħul, li huma parti mill-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax.
(23)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2014/215 (ĠU L 36, 12.2.2015, p. 8).
(24)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/219 (notifikata bid-dokument C(2015) 326 (ĠU L 44, 18.2.2015, p. 75).
(25)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/450 (notifikata bid-dokument C(2015) 1612) (ĠU L 74, 18.3.2015, p. 31).
(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).
(27)  Ir-Regolament (KE) Nru 1289/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 74).
(28)  C(2014) 7218 finali tal-10.10.2014
(29)  Kif spjegat fit-Taqsima 4.3 tas-sitt rapport biannwali.
(30)  Dejta tal-Eurostat estratta fit-13.04.2015.
(31) COM(2015) 58 finali
(32)  https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/141372.pdf
(33)  COM(2014) 663 finali għall-Perù u COM(2014) 665 finali għall-Kolombja
Top