EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1899

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi” COM(2012) 341 final

ĠU C 44, 15.2.2013, p. 88–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”

COM(2012) 341 final

2013/C 44/15

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar is-26 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi

COM(2012) 341 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’102 voti favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din hija t-tieni Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ (KETs – Key Enabling Technologies). Il-KESE fassal Opinjoni (1) dwar il-Komunikazzjoni (2) ta’ qabel f’Settembru 2010. Fiha huwa laqa’ l-enfasi tal-UE fuq it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ iżda esprima riservi kbar dwar l-effettività tal-proposti minħabba d-dgħjufijiet fil-qasam tal-manifattura ta’ teknoloġija avvanzata fl-UE.

1.2

Il-punt 1.10 ta’ dik l-Opinjoni fih dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE:

li jiġi indirizzat il-falliment tas-suq intern milli jħeġġeġ l-intrapriża u l-iżvilupp ta’ strateġija industrijali li tindirizza d-defiċit konsiderevoli tal-Ewropa fil-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata;

li l-manifattura tinġieb lura fl-Ewropa u jiżdiedu l-kumpaniji ġodda fl-Ewropa;

li jiġi faċilitat l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament tat-teknoloġiji innovattivi;

li jinħolqu inċentivi finanzjarji biex l-UE ssir post vantaġġuż għall-innovazzjoni u l-intrapriżi fil-qasam tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ;

li ssir riforma radikali fl-iskejjel u l-universitajiet biex dawn jipprovdu l-ħiliet meħtieġa;

li jiġu mħeġġa clusters ta’ kumpaniji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata bbażati fl-universitajiet u fiċ-ċentri ta’ riċerka;

li jiġi rikonoxxut li d-dinja nbidlet u jiġu adottati politiki kummerċjali internazzjonali aggressivi;

li jiġi żgurat li din l-inizjattiva tkun komprensiva u li tinkludi l-inizjattivi relatati kollha tad-Direttorati Ġenerali kollha.

Il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

1.3

Fl-aħħar Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni proponiet li l-isforzi tal-UE fil-qasam tar-R&Ż jiġu trasformati fi strateġija bbażata fuq tliet pilastri biex l-appoġġ ma jingħatax biss lir-R&Ż iżda anki lil-linji pilota sabiex ikunu żviluppati prototipi u skemi ta’ manifattura avvanzata li jikkonvertu t-teknoloġiji fi prodotti. F’dan il-kuntest il-KESE għandu żewġ rakkomandazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li l-enfasi fuq iż-żewġ pilastri l-ġodda tal-Istrateġija m’għandha la tneħħi u lanqas tnaqqas mill-iskala tar-R&Ż tal-UE għax ir-riċerka, b’mod partikolari r-riċerka bażika, hija ż-żerriegħa li minnha jiżviluppaw it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ tal-ġejjieni. It-tieni waħda hija li din l-iskema, li tidher li tiddependi mill-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fis-suq, għandha tiġi komplementata minn kontribut fis-suq min-naħa tal-fabbrikanti stabbiliti. Għalhekk il-KESE jixtieq li ssir iktar enfasi fuq il-bini tal-kapaċità tal-kumpaniji tal-manifattura fl-UE.

1.4

Il-KESE b’mod ġenerali jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni deskritt fis-Sezzjoni 3 hawn taħt. Minkejja dan, fid-dawl tad-disparitajiet li jeżistu bejn l-Istati Membri, il-KESE jixtieq li l-programmi ta’ azzjoni jinbnew skont il-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ kull reġjun.

1.5

Ċerti komponenti tal-pjan ta’ azzjoni wisq probabbli jirrikjedu iktar impetu b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-kapital ta’ riskju, in-negozjati dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) fil-kuntest globali, in-negozjati fil-qasam tal-kummerċ fl-industriji tat-teknoloġiji avvanzati, it-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha b’enfasi speċjali fuq l-inġiniera u x-xjentisti.

1.6

Minkejja li l-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza l-governanza tal-proġett tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ, il-modalitajiet m’humiex ċari u għalhekk il-programm jista’ jkun li nieqes mill-impetu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni qabbdet Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) biex jistudja r-rispons lejn l-ewwel Komunikazzjoni u jħejji rapport (3), li ġie ppubblikat f’Ġunju 2011. Sussegwentement, din it-tieni Komunikazzjoni tħejji “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ”.

2.2

Fir-rapport tiegħu l-Grupp ta’ Livell Għoli identifika d-diffikultajiet prinċipali tal-Ewropa hija u tittrasforma l-ideat tagħha fi prodotti għas-suq, hija u taqsam dak li fuq livell internazzjonali huwa magħruf bħala l-“Wied tal-Mewt”. Sabiex tissupera dan il-wied il-Grupp ta’ Livell Għoli jirrakkomanda strateġija li tikkonsisti fi tliet pilastri:

il-pilastru tar-riċerka teknoloġika bbażat fuq faċilitajiet teknoloġiċi appoġġjati minn organizzazzjoni ta’ riċerka teknoloġika;

il-pilastru tal-iżvilupp tal-prodott ibbażat fuq linji pilota u proġetti ta’ dimostrazzjoni appoġġjati minn konsorzji industrijali;

il-pilastru tal-manifattura kompetittiva bbażata fuq faċilitajiet tal-manifattura kompetittivi fuq livell globali u appoġġjati mill-kumpaniji ta’ referenza (anchor companies).

2.3

Il-proposta mressqa hija li tiġi żviluppata industrija għall-manifattura avvanzata li tiġġenera sors ta’ dħul mill-esportazzjoni u tappoġġja l-produtturi downstream ta’ makkinarju kapaċi jipproduċi l-iktar teknoloġiji avvanzati tal-manifattura fl-Ewropa (makkinarju, software, servizzi eċċ) kif ukoll li jiġu żviluppati u mtejba s-sistemi tal-manifattura (it-teknoloġija u l-proċessi) sabiex jinbnew faċilitajiet tat-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura fl-Ewropa.

2.4

Dawn huma l-11-il rakkomandazzjoni:

li t-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ isiru prijorità teknoloġika fl-Ewropa

li l-UE tapplika d-definizzjoni tar-R&Ż skont l-iskala TRL (Technology Readiness Levels)

li jiġi sfruttat bis-sħiħ l-iskop tad-definizzjonijiet rilevanti tar-R&Ż

li jsir bilanċjar ġdid tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE għar-R&Ż

li jittieħed approċċ strateġiku lejn il-programmi tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

li jitwaqqfu sett ta’ regoli adegwati għall-implimentazzjoni tal-programmi tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

li jkun hemm mekkaniżmi kkumbinati ta’ finanzjament

li jkun hemm dispożizzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

li jkun hemm politika tal-proprjetà intellettwali globalment kompetittiva fl-Ewropa

li jinbnew, jissaħħu u jinżammu l-ħiliet fil-qasam tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

li jkun hemm osservatorju u korp konsultattiv tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ Ewropew.

3.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

“Skont ir-riċerka kurrenti, l-analiżijiet ekonomiċi tax-xejriet tas-suq u l-kontribut tagħhom fit-tfittxija għal soluzzjoni għall-isfidi tas-soċjetà, il-mikro/nanoelettronika, in-nanoteknoloġija, il-fotonika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija industrijali u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura ġew identifikati bħala l-KETs tal-UE.”

3.2

Fl-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqajjem dawn il-punti:

L-Unjoni Ewropea hija fuq quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ.

L-UE mhux qiegħda tikkapitalizza fuq il-bażi tagħha ta’ għarfien.

Id-dgħjufija ewlenija tal-UE hija li ma tittraduċix il-bażi tal-għarfien tagħha fi prodotti u servizzi.

In-nuqqas ta’ manifattura tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ hija ta’ detriment għal żewġ raġunijiet: fit-terminu l-qasir jintilfu l-opportunitajiet ta’ tkabbir u ħolqien tal-impjieg filwaqt li fit-tul il-bażi tal-għarfien tonqos.

3.3

Il-Komunikazzjoni tagħti dawn ir-raġunijiet għal dawn in-nuqqasijiet:

nuqqas ta’ definizzjoni u fehim komuni dwar it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ;

nuqqasijiet ta’ politika li tippermetti l-isfruttament tal-potenzjal sinerġistiku tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ u l-aċċellerazzjoni tal- “ħin biex jaslu sas-suq”;

nuqqas ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-prodotti u prova tal-kunċett;

nuqqas ta’ użu u koordinazzjoni effettivi tar-riżorsi pubbliċi;

aċċess insuffiċjenti għal sorsi xierqa ta’ kapital ta’ riskju;

frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE u, b’riżultat ta’ dan, differenzi regolatorji bejn bosta reġjuni u l-Istati Membri;

nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa u intraprendituri.

3.4

L-Istrateġija preżentata f’din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li:

fil-qafas finanzarju multiannwali li jmiss, tiffoka l-politiki tal-UE fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-politika tal-koeżjoni, u tagħti prijorità lill-attivitajiet ta’ self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) favur l-użu tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ;

tiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE u dawk nazzjonali sabiex jinkisbu sinerġiji u komplementaritajiet bejniethom u fejn ikun hemm bżonn tgħaqqad ir-riżorsi;

tistabbilixxi Grupp Estern tal-Kwistjonijiet tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet politiċi marbuta mat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ;

li timmobilizza l-istrumenti kummerċjali eżistenti biex tiżgura kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet internazzjonali uniformi.

3.5

Dan li ġej hu sommarju tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni:

3.5.1

Adattament tal-istrumenti tal-UE

Orizzont 2020

allokazzjoni ta’ EUR 6,7 biljun

bilanċjar ġdid lejn linji pilota/proġetti ta’ dimostrazzjoni

proġetti komuni

kriterji tal-għażla

Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

speċjalizzazzjoni intelliġenti

azzjonijiet speċifiċi għall-clusters

il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

ftehim mal-BEI

il-promozzjoni tal-ħiliet multidixxiplinarji meħtieġa

3.5.2

Koordinazzjoni

sinerġiji mal-politiki tal-innovazzjoni industrijali nazzjonali

memorandum ta’ fehim bejn il-partijiet interessati industrijali

3.5.3

Governanza

grupp ta’ koordinazzjoni dwar it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ fl-Orizzont 2020

grupp estern dwar il-kwistjonijiet tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

3.5.4

Ħiliet – il-Kummissjoni ser:

taħt il-programm Orizzont 2020, tkompli bl-azzjonijiet, u ssaħħaħhom, biex tattira ż-żgħażagħ lejn it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ;

tħeġġeġ it-twaqqif mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ta’ Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (KICs) dwar il-manifattura bil-valur miżjud li tintegra n-negozju, ir-riċerka u l-edukazzjoni għolja f’dan il-qasam;

tippubblika Komunikazzjoni li se tindirizza l-isfidi li qed jinbidlu u jevolvu malajr u li huma marbuta mal-forniment tal-ħiliet fl-UE qabel tmiem l-2012;

tiżviluppa sħubijiet bejn l-edukazzjoni u n-negozji bħall-Alleanzi tal-Għarfien għall-Edukazzjoni Għolja (HE); u

tħares lejn modi ta’ kif iżżid il-forniment ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet fl-oqsma marbuta mat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ, inkluż permezz ta’ talent b’livell għoli ta’ ħiliet minn barra l-UE.

3.5.5

Il-kummerċ

Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura ambjent kummerċjali favorevoli u kundizzjonijiet globali uniformi. Dan jinkludi l-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq u l-opportunitajiet tal-investiment, l-evitar tat-tgħawwiġ fis-suq internazzjonali, it-titjib tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-promozzjoni tar-reċiproċità partikolarment fl-akkwist pubbliku, it-tnaqqis tal-użu tas-sussidji u t-tariffi u l-ostakli mhux tariffarji fil-livell globali u l-verifika tal-konformità mar-regoli applikabbli tal-UE u tad-WTO.

4.   Kumpaniji Ewropej ta’ manifattura ta’ teknoloġija avvanzata

4.1

L-Istrateġija tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ hija magħmula biex tippromovi manifattura bbażata fl-UE ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej u n-negozji Ewropej fil-qafas tal-2020 u wara. Il-manifattura bbażata fl-UE ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata attwalment mhix kompetittiva biżżejjed fis-swieq globali minkejja li r-R&Ż Ewropej huma meqjusa ta’ klassi dinjija. Din il-problema mhix meqjusa bħala nuqqas fil-kapaċità u l-ħila ta’ manifattura fl-Ewropa iżda nuqqas ta’ trażmissjoni bejn il-qasam tar-R&Ż u l-manifattura. Fil-fatt l-għan tal-Istrateġija tal-Kummissjoni huwa li timbotta t-teknoloġija lejn il-fabbrikanti. Fil-verità, il-KESE jemmen li sabiex it-trażmissjoni tkun ta’ suċċess tirrikjedi produtturi kapaċi li jħeġġu t-teknoloġija u fl-opinjoni tal-KESE l-Ewropa m’għandhiex biżżejjed kumpaniji li qed jikkompetu fis-setturi globali tal-manifattura tat-teknoloġiji avvanzati.

4.2

Iż-żewġ tabelli t’hawn taħt ittieħdu mill-edizzjoni 2012 tal-analiżi tal-Financial Times dwar l-aqwa 500 kumpanija globali u l-aqwa 500 kumpanija fir-reġjuni maġġuri. Ġew analizzati biss is-setturi tal-manifattura ta’ teknoloġija avvanzata.

4.3

Il-kumpaniji kkwotati ma jirrappreżentawx stampa kompleta iżda l-KESE hu sodisfatt li huma indikatur preċiż tas-saħħa relattiva li għandhom ir-reġjuni fid-dinja fil-qasam tal-manifattura.

It-tabella “Global 500” hawn taħt turi n-numru ta’ kumpaniji f’kull settur tal-manifattura tat-teknoloġija avvanzata. Is-swieq emerġenti (SE) jinkludu fost oħrajn, l-erba’ pajjiżi BRIC. F’dan il-livell l-Ewropa għandha pożizzjoni ta’ mexxejja biss fil-qasam tal-inġinerija industrijali iżda t-tabella reġjonali tagħti stampa iktar sħiħa.

FT Global 500

Settur

Numu ta’ kumpaniji

 

 

Globali

Stati Uniti

Ġappun

SE

EUR

 

Farmaċewtika &

Bijoteknoloġija

22

11

2

0

6

Novartis (4), Roche (4), GSK, Sanofi- Aventis, AstraZeneca, Novo Nordisk Shire

It-teknoloġija tal-hardware

16

10

1

2

3

ASML, Ericsson, Nokia

Software & servizzi tal-kompjuters

13

7

1

4

1

SAP

Vetturi u parts

17

3

5

5

4

Daimler, VW, BMW, Continental

Kimika

18

7

1

4

5

Bayer, BASF, Air Liquide, Syngenta (4), Linde

It-tagħmir tal-kura tas-saħħa

13

10

0

0

3

Fresenius, Synthes (4), Essilor

Industriji ġenerali

12

5

1

5

1

Siemens

Inġinerija industrijali

13

4

3

1

5

ABB (4), Volvo, Atlas Copco, MAN, Sandvik

Ajruspazju u difiża

7

5

0

0

2

Rolls Royce, EADS

Tagħmir u servizzi taż-żejt

11

7

0

0

2

Sarpem, Transocean (4)

Tagħmir tad-divertiment

4

0

3

0

1

Philips Electrical

Elettronika u elettriku

4

1

1

1

1

Schneider Electric

4.4

It-tabella reġjonali turi n-numru ta’ kumpaniji u l-kapitalizzazzjoni tas-suq aggregat. Din tagħti indikazzjoni tas-saħħa ta’ kull reġjun filwaqt li l-limitu tas-suq jindika d-daqs u s-suċċess relattiv ta’ kull settur reġjonali.

4.5

L-Ewropa għandha pożizzjoni mexxejja fl-inġinerija kimika u industrijali. Hija għandha pożizzjoni b’saħħitha fil-farmaċewtika u l-bijoteknoloġija kif ukoll fis-settur tal-karozzi. L-Istati Uniti tiddomina fil-qasam tat-tagħmir tal-kura tas-saħħa kif ukoll hardware u software filwaqt li l-Ġappun u l-SE huma iktar b’saħħithom mill-UE fejn jidħol hardware.

4.6

Din l-analiżi turi biċ-ċar li programm tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ għandu jkollu strateġija għat-tisħiħ tas-setturi fejn l-Ewropa hija dgħajfa u jisfrutta s-setturi fejn l-Ewropa għandha saħħa relattiva. Għandu jsir sforz speċifiku fit-teknoloġija tal-mediċina u t-tagħmir tal-kura tas-saħħa.

FT Regional 500 Setturi tal-manifattura tat-teknoloġija

Settur

Numru ta’ kumpaniji (#) u valur tas-suq ($ biljuni)

 

Stati Uniti

Ġappun

SE

Ewropa

 

#

$

#

$

#

$

#

$

Farmaċewtika & Bijoteknoloġija

21

948

27

176

8

48

15

708

It-teknoloġija tal-hardware

33

1,391

18

146

9

146

7

111

Software & servizzi tal-kompjuters

25

1,083

12

58

5

109

7

126

Vetturi u parts

9

161

38

446

10

115

13

290

Kimika

16

286

32

133

16

262

22

384

It-tagħmir tal-kura tas-saħħa

29

495

5

20

1

4

10

114

Industriji ġenerali

7

409

8

36

9

87

5

125

Inġinerija industrijali

13

247

34

217

15

143

21

275

Ajruspazju u difiża

12

269

0

0

1

5

9

115

Tagħmir u servizzi taż-żejt

16

324

0

0

1

10

2

119

Tagħmir tad-divertiment

2

25

14

118

0

0

1

20

Elettronika u elettriku

10

125

27

153

7

77

6

61

Enerġija alternattiva

0

0

0

0

1

4

0

0

5.   Il-perspettiva tal-KESE

5.1

Sa mill-1957 fl-UE rajna jitwieldu biss tliet kumpaniji globali tat-teknoloġija avvanzata: ASML, Nokia u SAP. L-Ewropa baqgħet kontinwament lura. Dan jindika falliment tal-kapitaliżmu u l-intraprenditorja meta wieħed iqabbel mas-suċċessi ta’ kumpaniji fl-Istati Uniti fl-istess perjodu u l-avvanzi li saru fl-Asja min-naħa tal-Ġappun, it-Tajwan, il-Korea u issa ċ-Ċina.

5.2

Filwaqt li f’bosta oqsma l-Amerka tipprattika l-kapitaliżmu tas-suq ħieles, il-kumpless militari/industrijali huwa marbut ma’ universitajiet mexxejja fuq skala globali u dan joħloq żona fertili ħafna għall-innovazzjoni, u firxa ta’ ideat li jiġu sfruttati fil-kultura tal-intrapriża u s-suq kbir.

5.3

Il-pajjiżi tal-Asja jipprovdu ħafna appoġġ mill-Istat u jipproteġu l-industriji emerġenti sakemm dawn isiru industriji stabbiliti. Iż-żewġ naħat kienu miftuħa u miġbuda lejn investiment interjuri fit-teknoloġija avvanzata. Huma assorbew it-teknoloġiji trasferiti fl-investiment interjuri u qed jisfruttawhom.

5.4

Is-sitwazzjoni tal-Ewropa hi differenti ħafna u n-nuqqas ta’ omoġenità huwa fattur prinċipali. Fi kważi kull dimensjoni, il-PDG per capita, ir-rati tal-qgħad, l-infrastruttura tal-kumpaniji, l-infrastruttura universitarja, il-prestazzjoni fl-iskejjel, is-swieq kapitali, il-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, il-firxa tal-internet eċċ. jeżistu differenzi kbar bejn is-sitt sottoreġjuni tal-UE hekk kif identifikati mill-Bank Dinji. Dawn huma l-UE 15 tat-Tramuntana (il-Gżejjer Brittaniċi, il-Pajjiżi Nordiċi), l-UE 15 Ċentrali (is-sitt pajjiż tal-bidu mingħajr l-Italja u flimkien mal-Awstrija), l-UE tan-Nofsinhar (l-4 Stati tal-Mediterran), l-UE 12 tat-Tramuntana (il-pajjiżi Baltiċi), l-UE 12 Ċentrali (PL,CZ, HU, SI, SK) u l-UE tan-Nofsinhar (RO u BG).

5.5

Fi sforz sabiex jiġi stabbilit livell dinji fil-qasam tal-kapaċità tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ ikun jagħmel sens li dawn il-prattiki u l-programmi jiġu adattati għal dawn is-sitt gruppi b’mod li jqis il-livell tal-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ riċerka, il-ħiliet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-forza tax-xogħol, il-kapaċitajiet tas-swieq eżistenti tal-kumpaniji ta’ manifattura eċċ. Jekk dan isir, l-isforzi jingħataw prijorità skont ir-reġjun u l-aqwa reġjuni jkunu fuq quddiem. Il-politiki ta’ koeżjoni li tipproponi l-Kummissjoni għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest.

5.6

Il-Kummissjoni tmexxi l-UE permezz tal-leġislazzjoni u ħlas finanzjarju appoġġjat mill-osservatorji u l-aġenziji. Dan jista’ jkun effettiv fl-oqsma fejn Kummissarju wieħed jista’ jieħu responsabbiltà sħiħa għal inizjattiva. Jeżistu mill-inqas sitt Kummissarji involuti fil-proġett tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ u l-KESE ma jemminx li l-proġett jista’ jirnexxi mingħajr konċentrazzjoni fejn tidħol awtorità u mod iktar dirett ta’ governanza.

5.7

Jeħtieġ li jiġi sfidat l-għarfien konvenzjonali. Eżempju wieħed huwa l-approċċ reġjonali. Kemm il-Grupp ta’ Livell Għoli kif ukoll il-Komunikazzjoni jagħrfu li l-mekkaniżmi tal-għajnuna mill-Istat għandhom jinħasbu mill-ġdid għall-proġetti tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ. Il-Komunikazzjoni ma tindirizzax il-proposti dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bl-intensità deskritta fir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli (5). Il-KESE jilqa’ dak li tgħid il-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ u ma jħossx li l-politiki kummerċjali eżistenti jħarsu biżżejjed l-interessi tal-UE. Dan qasam ieħor li jista’ jibbenefika minn governanza ġdida u l-insegwiment bla rażan tal-interessi tal-UE.

5.8

Il-KESE jilqa’ l-bidla fl-enfasi li ġab miegħu l-Grupp ta’ Livell Għoli billi ġibed l-attenzjoni mill-appoġġ għar-R&Ż għal approċċ magħmul minn tliet pilastri. F’dan ir-rispett l-FP7 issa jidher li huwa pjuttost dgħajjef. Il-KESE inkwetat ukoll li jista’ jkun li ma hemmx biżżejjed kumpaniji fl-UE bil-kapaċitajiet, il-prodotti u l-firxa globali sabiex joħolqu u jpoġġu fuq is-suq ir-riżultati tal-pilastru tar-R&Ż. Il-proposta sħiħa mibnija fuq l-ipotesi li t-tieni u t-tielet pilastru jistgħu jmexxu t-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ fis-suq. Fir-realtà, it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ huma iktar imbuttati minn kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata bħall-BMW, Bayer, Rolls Royce u Airbus. L-UE għandha tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, strateġija sabiex tappoġġja u tiżviluppa iktar kumpaniji tal-prodott finali ta’ klassi dinjija. Il-kumpaniji eżistenti għandhom jingħataw l-inċentivi sabiex jespandu l-linji ta’ prodotti tagħhom ma’ prodotti ġodda b’livell għoli ta’ Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ immirati lejn is-swieq globali. Il-Kummissjoni stqarret bosta drabi li t-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ jistgħu joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. Il-KESE għandu perspettiva differenti; huma l-kumpaniji li jużaw it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ li jistgħu joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. L-UE għandha bżonn iktar kumpaniji bi prodotti u swieq li jistgħu jisfruttaw it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ.

5.9

Meta t-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ ma jiġux imbutatti fis-suq minn kumpaniji stabbiliti tal-prodott finali, jeħdulhom posthom l-intraprendituri. Min-naħa tagħhom, l-intraprendituri jserrħu fuq il-kapital ta’ riskju jew kumpaniji stabbiliti miġbuda lejn l-intraprendituri. L-IBM kien sponsor tal-Microsoft u salva lill-Intel, l-Apple kienet sponsor tad-dividenti tal-ARM li issa hi rivali tal-Intel, kemm il-Google kif ukoll il-Facebook irċevew investimenti minn investituri sinjuri fl-industrija tat-teknoloġija, kapital ta’ riskju ieħor appoġġja lill-Google u l-Microsoft lill-Facebook. Fl-Ewropa, l-intraprendituri Nordiċi responsabbli mill-iSkype u l-Angry Birds irċevew kapital ta’ riskju minn Londra u Kalifornja.

5.10

Il-proġett tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ huwa mikrokożmu tal-isfida ikbar tal-ħolqien tal-prosperità fl-UE. L-Istati Uniti għandhom strateġija mmexxija mis-suq filwaqt li fl-Asja hemm politiki mmexxija mill-Istat. L-Istati Membri tal-UE bħall-Ġermanja u l-pajjiżi Nordiċi għandhom politiki ta’ suċċess iżda ħafna oħrajn m’għandhomx. Fil-livell ġenerali tal-UE, il-Komunikazzjoni tpoġġi r-riżorsi limitati tal-UE għall-programm tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ iżda l-KESE jibża’ li l-mudell tal-ħolqien tal-prosperità mhux ser ikun effettiv biżżejjed fid-dawl tal-kompetizzjoni globali.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

Il-KESE hu inkwetat li l-“irribilanċjar” lejn it-tieni u t-tielet “pilastru” jista’ jimplika tnaqqis fl-iskala tar-R&Ż fl-UE. Il-KESE dan ma jappoġġjahx. Hemm bżonn ta’ riċerka bażika b’saħħitha sabiex tipprovdi għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ innovazzjoni. It-teknoloġija moderna hija bbażata l-iktar fuq ir-riżultati mhux mistennija tar-riċerka bażika.

6.2

Billi l-UE m’għandhiex kumpless militari/industrijali fuq l-iskala tal-Istati Uniti (jew taċ-Ċina), ix-xjenza tagħha jeħtieġ li tiġi stimulata u sfidata b’modi oħra. Dan huwa l-valur ta’ proġetti bħall-Galileo u l-ITER.

6.3

Il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet. Madanakollu jinnota li l-Komunikazzjoni tenfasizza t-tnaqqis fil-gradwati tal-UE fil-qasam tax-xjenza u l-inġinerija. Id-defiċit fl-UE fix-xjenza u l-inġinerija fil-livelli kollha tal-edukazzjoni huma problema kbira kemm għall-kompetittività tal-UE b’mod ġenerali kif ukoll għall-proġett tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ b’mod partikolari. Il-pjani elenkati fil-Komunikazzjoni huma inqas minn adegwati fid-dawl tal-kobor u l-urġenza tal-problema.

6.4

Il-KESE reċentement ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (6). Fil-kuntest tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ, it-tħassib muri fil-punti 1.5.1 (id-definizzjoni tal-falliment tas-suq), 1.6.3 u 1.6.4 (kundizzjonijiet ekwi) huwa rilevanti. Fl-isforzi għall-ħarsien tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ġiet mhedda l-kompetittività esterna tal-UE.

6.5

Il-Komunikazzjoni tinnota li l-attività fil-qasam tal-kapital ta’ riskju naqset fl-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin u timmira li tissostitwixxi l-fondi tal-kapital tar-riskju b’fondi tal-UE. Filwaqt li nilqgħu dan, dan mhux biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE taħdem mal-Istati Membri sabiex toħloq il-prerekwiżiti għall-kapital ta’ riskju fl-Ewropa.

6.6

Il-Kummissjoni infurmat lill-KESE dwar l-intenzjonijiet tagħha għall-Grupp tal-Kwistjonijiet tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ, dak li ser jieħu post il-Grupp ta’ Livell Għoli. Apparti rappreżentanti tat-teknoloġija għal kull wieħed mis-sitt Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ (in-nanoteknoloġiji, il-mikroelettroniċi, il-bijoteknoloġija, il-fototonika, il-materjali avvanzjati, sistemi avvanzati ta’ manifattura), huwa propost li jkun hemm rappreżentati tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ differenti (ħafna mill-prodotti innovattivi huma kombinazzjoni ta’ Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ differenti) u sabiex ikollna iktar utenti fl-industrija downstream (eżempju l-aeronawtika, il-qasam tal-vetturi, l-ispazju, il-bini, l-enerġija, l-ikel, tagħmir mediku, tagħmir, disinn...) mill-ewwel Grupp ta’ Livell Għoli (billi l-Istrateġija tat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ timmira li tagħti spinta lill-manifattura industrijali tal-prodotti bbażati fuq it-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ).

6.7

Ħafna jiddependi mill-kumpaniji rappreżentanti, l-influwenza tagħhom fuq il-Grupp tal-Kwistjonijiet li huwa ħafna (u ħafna) ikbar, is-suċċess tal-Grupp f’li jgħin lill-118-il kumpanija reġjonali fis-settur tal-manifattura ta’ teknoloġija avvanzata sabiex jiksbu status globali u fuq livell iktar importanti, is-suċċess tiegħu f’li jippromovi l-ħruġ ta’ dawn il-118-il kumpanija fil-livell lokali.

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 112.

(2)  COM(2009) 512 final.

(3)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf

(4)  Il-kumpaniji li huma mmarkati b’asterisk (*) huma Svizzeri, mhux fl-UE.

(5)  Il-Grupp ta’ Livell Għoli jirrakkomanda li l-UE tadatta d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tiffaċilita l-attivitajiet tar-RDI u l-investiment fuq skala wiesgħa b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ klawżola kumplementari fil-qafas tal-UE tal-għajnuna mill-Istati fil-bord, ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu tat-tnaqqis għall-investimenti l-kbar u żieda fil-limiti tan-notifiki, proċeduri iktar rapidi u l-użu ta’ proġetti ta’ interess komuni Ewropew.

(6)  Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 11, 15.1.2013).


Top