EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0836

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Pakkett dwar l-Ajruporti” li jinkludi l-erba’ dokumenti li ġejjin: “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea — nindirizzaw il-kapaċità u l-kwalità biex nippromwovu t-tkabbir, il-konnettività u l-mobbiltà sostenibbli” COM(2011) 823 finali, “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE” COM(2011) 824 finali – 2011/0397 (COD), “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea (Riformulazzjoni)” COM(2011) 827 finali – 2011/0391 (COD), “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” COM(2011) 828 finali – 2011/0398 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 173–178 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/173


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Pakkett dwar l-Ajruporti” li jinkludi l-erba’ dokumenti li ġejjin:

“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea — nindirizzaw il-kapaċità u l-kwalità biex nippromwovu t-tkabbir, il-konnettività u l-mobbiltà sostenibbli”

COM(2011) 823 finali,

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE”

COM(2011) 824 finali – 2011/0397 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea (Riformulazzjoni)”

COM(2011) 827 finali – 2011/0391 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2011) 828 finali – 2011/0398 (COD)

2012/C 181/31

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar it-13 u l-15 ta’ Diċembru 2011, u nhar l-20 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Pakkett dwar l-Ajruporti li jinkludi l-erba’ dokumenti li ġejjin:

 

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea – nindirizzaw il-kapaċità u l-kwalità biex nippromwovu t-tkabbir, il-konnettività u l-mobbiltà sostenibbli

COM(2011) 823 final

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE

COM(2011) 824 final – 2011/0397 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea (Riformulazzjoni)

COM(2011) 827 final – 2011/0391 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2011) 828 final – 2011/0398 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-20 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Is-sistema ta’ sigurtà unika fl-ajruporti (one stop Airport Security System) proposta mill-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi implimentata (ara l-opinjoni tal-KESE dwar is-Sigurtà fl-avjazzjoni għall-passiġġieri (1)).

1.2   Fir-rigward tal-islots, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-ajru jew bejn l-alleanzi ta’ kumpaniji tal-ajru biex tiġi evitata kwalunke kompetizzjoni mhux ġusta.

1.3   L-ispejjeż għar-riżervazzjonijiet onlajn kif ukoll għas-sigurtà għandhom ikunu trasparenti, kif mitlub fl-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet stabbiliti tal-passiġġieri tal-ajru” (2). Meta passiġġier ma jivvjaġġax, it-tariffa għandha tkun minima u dawk il-partijiet tat-tariffa li l-kumpanija tal-ajru ma jkollhiex tħallas għandhom jiġu rimborżati lill-passiġġier.

1.4   L-awtoritajiet u r-regolaturi nazzjonali tal-avjazzjoni għandhom jagħtu lill-ajruporti l-flessibbiltà biex jiġġestixxu d-domanda billi jvarjaw l-ispejjeż tal-ajruport skont id-domanda, pereżempju prezzijiet ogħla f’perjodi b’livell għoli ta’ traffiku tal-ajru milli f’perjodi b’inqas traffiku.

1.5   Id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jiġu definiti b’mod aktar ċar u r-regoli dwar il-bagalji li jinġarru bl-idejn għandhom jiġu infurzati b’mod aktar ġust, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-passiġġieri li jixtru xi affarijiet qabel ma jimbarkaw l-ajruplan.

1.6   Huwa importanti ħafna li s-Sistema Unika Ewropea għall-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru tiġi installata mill-aktar fis u għal raġunijiet ta’ effiċjenza għandha tinkludi l-Ukraina u t-Turkija. Dan jgħin biex jonqsu l-ispejjeż u biex tiżdied l-effiċjenza madwar il-fruntieri nazzjonali. Dan ser iwassal għal frankar konsiderevoli fl-ispejjeż u għal tnaqqis fil-ħinijiet ta’ titjiriet bejn l-ajruporti. B’hekk, issir aktar pressjoni indiretta fuq il-kapaċità tal-ajruporti.

1.7   Is-sigurtà tal-ajruporti qed issir dejjem aktar sofistikata u aktar għalja iżda mhux neċessarjament aktar effiċjenti. Għandha tiġi analizzata l-effikaċja tagħha peress li titħallas mill-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa. Fl-2009, l-ispejjeż tas-sigurtà ammontaw għal 29 % tan-nefqa għat-tħaddim tal-ajruport u din hija l-aħħar sena li dwarha hemm informazzjoni disponibbli.

1.8   Id-dħul mill-ħwienet u r-ristoranti tal-ajruport jintuża b’mod mifrux biex jiġu sussidjati l-operazzjonijiet fl-ajruporti fejn joperaw il-kumpaniji tal-ajru (spejjeż għall-użu tar-runway, parking, eċċ.). L-ajruporti għandhom jibqgħu jingħataw inċentivi biex jimmassimizzaw dan id-dħul u jagħmlu offerti mfassla skont il-ħtiġijiet tal-passiġġieri partikolari tagħhom, peress li dan il-mudell jiżgura li l-ispejjeż għall-kumpaniji tal-ajru jibqgħu kompetittivi u b’hekk ikunu jistgħu jżommu u jespandu s-servizzi li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-passiġġieri.

1.9   Il-kumpaniji tal-ajru għandhom ikunu obbligati jiġġestixxu l-bagalji kollha tal-passiġġieri li jkollhom itinerarju b’titjiriet ma’ bosta kumpaniji tal-ajru (interlining) għal spiża raġonevoli, irrispettivament mit-trasportatur tal-ajru. Dan għandu jħaffef u jgħin lill-passiġġieri fi tranżitu.

1.10   Għandhom jiġu ppublikati rapporti dwar il-monitoraġġ tal-istorbju u t-tniġġis fl-ajruporti ewlenin kollha.

1.11   Ir-Regolament rivedut tal-UE dwar is-servizzi ta’ groundhandling għandu jipprovdi għas-sikurezza, is-sigurtà u l-kwalità ta’ dawn is-servizzi, fl-interess tal-utenti kollha tal-ajruporti, inklużi l-passaġġieri, b’mod partikolari l-passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi bħat-tfal, l-anzjani, il-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa u l-passiġġieri b’diżabilitajiet.

1.12   Għandhom jiġu approvati aktar provvedituri ta’ servizz biss jekk jiġi garantit li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fil-kwalità, jekk jidħlu fis-seħħ regoli vinkolanti li jipprevjenu dumping tal-pagi u jiżguraw it-trasferiment tal-persunal bl-istess kundizzjonijiet f’każ ta’ bidla fil-provveditur ta’ servizz, kif ukoll rekwiżiti adegwati għall-kwalifikazzjonijiet tal-ħaddiema, li jinkludu analiżi tas-sigurtà.

1.13   Fl-interess tal-kumpaniji tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpaniji tal-groundhandling, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-prezzijiet għas-servizzi tal-groundhandling ikunu raġonevoli.

1.14   Għandha tissaħħaħ is-sigurtà kontra s-serq tal-kontenut tal-bagalji reġistrati.

1.15   Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċità u l-kwalità tal-ajruporti.

2.   Sfond – Il-Pakkett dwar l-Ajruporti

2.1   Dan il-pakkett huwa magħmul minn erba’ dokumenti, li jinkludu:

Komunikazzjoni dwar il-politika tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea – nindirizzaw il-kapaċità u l-kwalità biex nippromwovu t-tkabbir, il-konnettività u l-mobbiltà sostenibbli;

Tliet Proposti għal Regolamenti dwar

Regoli għall-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea;

Regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni;

Servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri proposti kollha huma importanti ħafna, jekk irridu li l-ajruporti Ewropej ilaħħqu maż-żieda prevista fit-traffiku tal-ajru fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin.

2.2   Saru ħafna avvanzi fil-qasam tal-avjazzjoni Ewropea li ser iħaffu l-ivvjaġġar bl-ajru kif ukoll inaqqsu l-ispejjeż.

2.3   Ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Arju tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) (ara l-opinjoni rilevanti tal-KESE (3)) ser ikollha effet rivoluzzjonarju fuq l-effikaċja u ser twassal għal tnaqqis fil-ħin u d-dewmien fl-ajru, u b’hekk għal tnaqqis fl-istorbju u t-tniġġis fl-ajruport. Madankollu, dan għandu jkun akkumpanjat minn żieda fl-effikaċja fuq l-art biex jitjieb il-ħin li jieħu l-proċess ta’ tagħbija u ħatt tal-ajruplani.

2.4   L-Ajru Uniku Ewropew ukoll ser iżid il-volum tat-traffiku fl-ajruporti, u għandha tittieħed azzjoni minn dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u Ewropew biex l-ajruporti jkunu jistgħu jippjanaw tajjeb għal dan.

2.5   Bla dubju ta’ xejn, ladarba Galileo jkun qed jaħdem bis-sħiħ, ser itejjeb u jħaffef in-navigazzjoni fl-ajru.

2.6   Bħala inizjattiva biex jonqsu l-emissjonijiet, mill-1 ta’ Jannar 2012 il-kumpaniji tal-ajru ser ikunu responsabbli għall-emissjonijiet kollha tal-vjaġġ jekk jitilqu jew jaslu f’pajjiż tal-UE minn kwalunkwe pajjiż ieħor tad-dinja u dan għandu jwassal għas-sostituzzjoni gradwali ta’ ajruplani antiki.

3.   Slots

3.1   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007 identifika diskrepanza dejjem tikber bejn il-kapaċità u d-domanda f’għadd ta’ ajruporti tal-UE b’volum kbir ta’ traffiku. Il-konġestjoni f’dawn l-ajruporti ser tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib. L-islots għandhom jingħataw lill-kumpaniji tal-ajru li jagħmlu użu tajjeb minnhom u li verament għandhom bżonnhom, speċjalment fil-kuntest ta’ traffiku dejjem jikber.

3.2   L-Ewropa mhux ser tkun f’pożizzjoni li tlaħħaq mal-parti l-kbira ta’ din id-domanda minħabba nuqqas ta’ kapaċità tal-ajruporti. Minkejja l-kriżi ekonomika dinjija u żieda prevista ta’ 40 % fil-kapaċità tal-ajruporti bejn l-2007 u l-2030 (inklużi ajruporti ġodda, runways ġodda u infrastruttura ġdida tal-art u tal-ajru), madwar 2 miljun titjira – 10 % tad-domanda prevista – mhux ser ikunu jistgħu jiġu sodisfati minħabba nuqqas ta’ kapaċità.

3.3   F’termini konkreti, sal-2030 xejn anqas minn 19-il ajruport Ewropew ser ikunu qed joperaw b’kapaċità operattiva sħiħa tmien sigħat kuljum, kull ġurnata tas-sena (meta mqabbel mal-2007 meta 5 ajruporti biss kienu qed joperaw b’kapaċità operattiva sħiħa jew kważi sħiħa 10 % tal-ħin). Dan ser ikollu impatt kbir fuq in-netwerk kollu tal-avjazzjoni, peress li sal-2030 il-konġestjoni f’dawn l-ajruporti ser tfisser li 50 % tat-titjiriet kollha ser ikunu milquta minn dewmien fil-ħin tat-tluq jew fil-ħin tal-wasla.

3.4   F’wieħed mill-akbar ċentri fl-Ewropa, Frankfurt, hemm runway ġdida, però sal-2025 id-domanda ser tkompli tisboq il-kapaċità matul il-ġurnata kollha – l-istess jgħodd għal London Heathrow, London Gatwick, Paris Orly, Milan Linate u Düsseldorf. Jekk il-kapaċità ma tistax tiżdied aktar mill-120 moviment ippjanati kull siegħa, id-domanda ser taqbeż il-kapaċità l-ġurnata kollha f’Paris Charles de Gaulle. Barra minn hekk, id-domanda ser tkompli taqbeż il-kapaċità matul parti mill-ġurnata f’Amsterdam, Madrid, Munich, Ruma Fiumicino u Vjenna.

3.5   Din l-isfida ta’ kapaċità hija ffaċċjata fil-kuntest ta’ kompetizzjoni akbar u ta’ bidla fis-suq tal-avjazzjoni globali lejn il-pajjiżi tal-Lvant Imbiegħed.

3.6   Ser ikun importanti ħafna li jsir użu aħjar mill-kapaċità eżistenti fl-ajruporti b’konġestjoni qawwija billi tiġi żgurata sistema ta’ allokazzjoni ta’ slots li tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-mod kif il-Kummissjoni tindirizza d-drittijiet miksuba fir-rigward tal-islots għandu jiġi rivedut. Ħafna minn dawn id-drittijiet inkisbu sa 50 sena ilu u minn dak iż-żmien ’l hawn saru ħafna tibdiliet fl-industrija tal-avjazzjoni peress li xi kumpaniji tal-ajru fallew.

3.7   L-awtoritajiet u r-regolaturi nazzjonali tal-avjazzjoni għandhom jagħtu lill-ajruporti l-flessibbiltà biex jiġġestixxu d-domanda billi jvarjaw l-ispejjeż tal-ajruport skont id-domanda, pereżempju prezzijiet ogħla f’perjodi b’livell għoli ta’ traffiku tal-ajru (filgħodu u filgħaxija) milli f’perjodi b’inqas traffiku (waranofsinhar). Dan jippermetti li jiġu bbilanċjati l-livelli tat-traffiku u jħajjar lill-passiġġieri biex jivvjaġġaw f’perjodi anqas traffikużi.

3.8   Mill-analiżi ta’ kif qed jaħdem ir-Regolament attwali dwar l-islots, ħareġ fid-dieher li s-sistema ta’ allokazzjoni fis-seħħ qed ixxekkel użu ottimu tal-kapaċità skarsa tal-ajruporti b’volum kbir ta’ traffiku.

3.9   Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet fir-Regolament attwali biex ikunu jistgħu jiġu introdotti mekkaniżmi bbażati fuq is-suq madwar l-UE bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji li jiżguraw it-trasparenza jew kompetizzjoni bla distorsjonijiet, inkluż aktar indipendenza għall-koordinaturi tal-islots. Dan ser jiżgura li l-islots jingħataw lil dawk l-operaturi li jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom.

3.10   Ġie stmat li, bir-reviżjoni tas-sistema attwali ta’ allokazzjoni, sa 24 miljun passiġġier addizzjonali jistgħu jkunu akkomodati kull sena fl-ajruporti Ewropej – dan ifisser iżjed minn EUR 5 biljun f’benefiċċji ekonomiċi u sa 62 000 impjieg sal-2025 bis-saħħa ta’ sistema ta’ allokazzjoni b’użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

3.11   Il-KESE jinnota li din iż-żieda kbira fin-numru ta’ passiġġieri fl-ajruporti li l-Kummissjoni qed tistenna bħala riżultat tal-bidliet proposti fir-regoli tal-allokazzjoni tal-islots naturalment tikkonċerna primarjament il-volum u l-vijabbiltà ekonomika. Peress li l-għadd ta’ slots mhux qed jiżdied, il-proposta li jiġi estiż il-kummerċ tal-islots b’mod partikolari ser tiffavorixxi primarjament ajruplani kbar b’kapaċità kbira u l-aktar rotot traffikużi, li jifilħu jġarrbu l-ispejjeż addizzjonali. Il-KESE jqis li din it-tendenza mhux ser tkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji tal-ajru reġjonali li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali fl-Ewropa, li jaqdu rwol ewlieni fil-politika ta’ koeżjoni fi ħdan l-UE u fl-impatt ġenerali tan-netwerk tal-avjazzjoni. Il-kumpaniji tal-ajru li huma l-aktar b’saħħithom finanzjarjament probabbilment l-aktar li ser jibbenefikaw minnha, u għadd tajjeb minnhom huma bbażati barra l-Ewropa. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza aktar dawn l-effetti u l-ħtieġa possibbli ta’ kontramiżuri qabel ma jsiru xi tibdiliet.

3.12   L-akkwist ta’ xi kumpaniji tal-ajru, li għandhom slots prezzjużi f’Heathrow u ajruporti oħra, kif ukoll in-natura tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-ajru u l-alleanzi tal-kumpaniji tal-ajru għandhom jiġu eżaminati biex jiġi evitat tnaqqis fil-kompetizzjoni jew kompetizzjoni inġusta.

3.13   Il-kwistjoni tal-allokazzjoni tal-islots u l-problemi relatati tad-distorsjonijiet, ir-riskju li jkun hemm kumpanija tal-ajru dominanti u li xi reġjuni ma jkunux moqdija biżżejjed huma, kif intqal hawn fuq, kollha konsegwenzi ta’ kapaċità mhux adatta tal-ajruporti. Għalkemm dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati sa ċertu punt, l-unika soluzzjoni vijabbli fil-perjodu fit-tul hija li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kapaċità inadegwata tal-ajruporti.

4.   It-tnaqqis/restrizzjonijiet tal-livell tal-istorbju

4.1   Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jinbidlu r-regoli dwar l-istorbju relatati mar-restrizzjonijiet tal-operazzjonijiet fl-ajruporti, bil-għan li jiġi żgurat użu konsistenti u raġonevoli tal-Approċċ Ibbilanċjat tal-ICAO. L-Approċċ Ibbilanċjat jirrispetta l-bżonn li jiġi ġestit l-istorbju fl-ajruporti u madwarhom, iżda jibbilanċja dan il-bżonn mal-ħtiġijiet tal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa. L-objettiv aħħari ta’ dawn il-bidliet proposti huwa li tiġi massimizzata l-kapaċità effiċjenti u sostenibbli tar-runways tal-ajruporti Ewropej u dan għandu jiġi kkunsidrat minn dawk kollha responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE huma u janalizzaw dawn il-proposti.

4.2   Dan jista’ jinkiseb b’diversi modi: fosthom billi jiġu eliminati ajruplani antiki li ma jagħmlux użu effiċjenti mill-karburant (ara l-opinjoni tal-KESE dwar “It-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-ajruporti permezz ta’ ġestjoni ġdida tal-ajruporti” (4)). Għandha titħeġġeġ żieda fl-użu tal-enerġija mix-xemx għat-tkessiħ u t-tisħin tal-arja, bħal fl-ajruport ta’ Madrid u Ateni.

4.3   Mod ewlieni ieħor kif jista’ jitnaqqas l-istorbju tat-traffiku filwaqt li jonqsu l-ispejjeż tal-karburant u l-emissjonijiet huwa permezz tal-implimentazzjoni tal-programm Ajru Uniku Ewropew, b’mod partikolari l-programm SESAR, bil-għan li tonqos l-istennija fir-rotta (holding) bla bżonn waqt li l-ajruplani jkunu qed jistennew għal slot għat-tluq jew għall-inżul.

4.4   Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet għar-regoli attwali dwar ir-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju, u b’hekk l-awtoritajiet ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jeliminaw gradwalment l-aktar ajruplani storbjużi mill-ajruporti – pass importanti biex jinkisbu l-objettivi tal-Kummissjoni biex il-kapaċità tar-runways tintuża bl-aktar mod effiċjenti possibbli.

4.5   Fit-tnaqqis tal-istorbju, is-sigurtà tal-operazzjonijiet hija ta’ importanza assoluta. L-istorbju madwar l-ajruporti jista’ jirrikjedi miżuri ta’ aġġustament lokali u djalogu attiv mar-residenti, filwaqt li l-impatt tal-bosta restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-ajruport, pereżempju l-ħinijiet tal-ftuħ, jista’ jkollhom implikazzjonijiet kbar fuq is-sistema kollha tal-avjazzjoni.

4.6   L-istorbju jillimita l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ ħafna ajruporti u naturalment dan jolqot ħażin il-kapaċità, u jwassal għal devjazzjonijiet f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena. Ir-runways disponibbli għat-tluq u l-inżul għandhom jintużaw b’mod effiċjenti. Għandhom jiġu kkunsidrati dawk li jgħixu viċin l-ajruporti.

4.7   Ir-rapporti dwar il-monitoraġġ tal-istorbju u t-tniġġis għandhom jiġu ppubblikati fl-ajruporti ewlenin kollha, peress li dan iserraħ moħħ dawk li jgħixu fil-viċinanza tal-ajruporti li mhumiex soġġetti għal livelli eċċessivi ta’ storbju u tniġġis. Il-popolazzjonijiet li jgħixu qrib tal-ajruporti għandu jkollhom disponibbli għalihom sorsi adatti ta’ informazzjoni (storbju, kwalità tal-arja …) sabiex ikunu jistgħu jesprimu opinjoni dwar kull bidla prevista. Il-KESE jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Kumitati Lokali ta’ Informazzjoni kull fejn dawn ma jeżistux.

4.8   Ir-regoli l-ġodda għandhom jippermettu li jsir kontribut lokali għas-sejba ta’ soluzzjonijiet għall-problemi tal-istorbju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina jekk dawn ir-regoli humiex koerenti mal-objettivi tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja (5).

5.   Groundhandling

5.1   L-allinjament tal-kapaċità fuq l-art u fl-ajru huwa importanti.

5.2   Mill-2007 ’l hawn, il-proċess ta’ stabbiliment ta’ qafas regolatorju għall-Ajru Uniku Ewropew issokta b’rata mgħaġġla. Fl-2009, ġie adottat it-tieni pakkett ta’ leġislazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li mill-2012 jiġi stabbilit Ajru Uniku. Illum, il-qafas huwa kważi lest. L-ajruporti, li flimkien mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jikkostitwixxu l-infrastruttura tal-avjazzjoni ċivili, huma wieħed mill-pilastri ta’ din l-istruttura. Fil-fatt huma essenzjali għan-netwerk u jekk ikun hemm nuqqas ta’ kapaċità fuq l-art, il-proġett tal-Ajru Uniku Ewropew kollu jintlaqat ħażin.

5.3   Mill-2012 sal-2014, huma biss is-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru en route li ser ikunu soġġetti għal miri ta’ prestazzjoni, filwaqt li l-prestazzjoni tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fit-terminals ser tiġi monitorjata mill-2012 ’l quddiem. Id-dewmien jinħoloq ukoll mill-kumpaniji tal-arju jew il-groundhandlers tagħhom (tekniċi, imbark, eċċ.), l-ajruporti (tagħmir, eċċ.) jew persuni oħra involuti fil-proċess ta’ tagħbija u ħatt tal-ajruplani.

5.4   Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni tqis li l-loġika tal-iskema tal-prestazzjoni għandha tiġi estiża għall-ajruporti b’mod ġenerali skont approċċ ġenwin gate-to-gate u bil-għan li jitjiebu u jiġu integrati l-fażijiet kollha ta’ titjira, minn ajruport għal ieħor. Il-prestazzjoni m’għandhiex tkun limitata għat-torri tal-kontroll; għandha titjieb ukoll fuq l-art. Il-groundhandling huwa ta’ importanza assoluta biex tiżdied il-kapaċità tal-ajruporti, mingħajr ma’ jsir investiment kapitali maġġuri.

5.5   L-ajruporti jipparteċipaw ukoll fid-dimensjoni teknoloġika tal-Ajru Uniku Ewropew, il-programm SESAR. Is-SESAR għandu l-potenzjal li jespandi l-kapaċità tal-ajruporti u b’hekk jakkomoda domanda addizzjonali u jnaqqas in-numru ta’ titjiriet ittardjati jew ikkanċellati.

6.   Intejbu s-servizzi tal-groundhandling

6.1   Għalkemm is-servizzi tal-groundhandling mhumiex dejjem viżibbli, l-esperjenza tal-passiġġieri kemm fl-ajruporti kif ukoll fl-ajru tiddependi mill-kwalità ta’ dawn is-servizzi. Kemm jekk nitkellmu dwar akkoljenza adatta tal-passiġġieri u l-ġestjoni tal-bagalji tagħhom fl-ajruport, il-ġestjoni tal-merkanzija u tal-posta, it-tlestija tajba tal-ajruplan (pereżempju t-tindif tal-kabina) jew il-funzjonijiet vitali għall-operazzjoni sigura ta’ titjira (pereżempju t-tneħħija tas-silġ mill- ajruplan), it-titjiriet komdi, affidabbli, siguri u ta’ valur għall-flus ma jistgħux jiġu operati mingħajr is-servizzi tal-groundhandling.

Id-Direttiva oriġinali tal-1996 dwar il-groundhandling iffokat primarjament fuq il-ftuħ tal-aċċess għas-suq tal-groundhandling u wasslet għal swieq tal-groundhandling dejjem aktar dinamiċi. Madankollu, ir-rata ta’ kompetizzjoni f’servizzi limitati u s-sistema ta’ aċċess għadhom ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor.

6.2   Ir-Regolament dwar is-servizzi ta’ groundhandling għandu jipprovdi għas-sigurtà u l-effikaċja ta’ tali servizzi, fl-interess tal-utenti kollha tal-ajruporti. Dawn is-servizzi għandhom iqisu l-aspetti ambjentali.

6.3   Il-ġestjoni ta’ tagħmir ta’ mobbiltà, tagħmir mediku u tipi oħra ta’ tagħmir essenzjali għal passiġġieri b’diżabiltajiet għandha ssir skont l-aqwa standards ta’ kwalità possibbli. Il-ħsara li ssir lil tagħmir bħal dan tista’ tkun ta’ detriment għall-passiġġieri b’diżabiltajiet peress li tfisser riskji mediċi u limitazzjonijiet serji tal-mobbiltà. F’dan ir-rigward u apparti miżuri oħra, għandhom jiġu kkunsidrati taħriġ speċifiku għall-persunal tal-groundhandling, eżenzjonijiet mir-regoli ġenerali dwar il-ġestjoni tal-bagalji u kumpens finanzjarju biżżejjed f’każ ta’ ħsara li ssir lil tagħmir bħal dan.

6.4   Fl-interess tal-kumpaniji tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpaniji tal-groundhandling, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-prezzijiet għas-servizzi jkunu raġonevoli.

6.5   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, kif tgħid fil-proposta tagħha għal Regolament, is-sitwazzjoni attwali fis-suq tal-groundhandling fl-ajruporti mhijiex sodisfaċenti u li l-qafas legali tal-1996 m’għadux adegwat. Is-servizzi tal-groundhandling mhumiex effiċjenti biżżejjed. Minħabba n-nuqqas ta’ kriterji li jirregolaw id-dħul fis-suq b’riżultat tad-Direttiva 96/67/KE, għad hemm differenzi sostanzjali fil-kwalità bejn diversi ajruporti fl-UE. Il-KESE jappoġġja l-għan ta’ kapaċità u kwalità aħjar f’dan is-suq abbażi ta’ kompetizzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi indipendenti u proċeduri armonizzati.

F’settur li jirrikjedi ħafna ħaddiema bħal dak tal-groundhandling, iridu jiġu kkunsidrati kwistjonijiet soċjali importanti. Is-sistema tal-offerti tolqot il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal u tħeġġeġ it-tibdil tal-persunal. Il-kriterji applikati fil-proċeduri tal-approvazzjoni u tal-għoti għandhom jiżguraw li jinżamm u, jekk ikun hemm bżonn, li jiġi reklutat persunal imħarreġ tajjeb u li l-kompetizzjoni ma tinkisibx għad-detriment ta’ pagi dejjem aktar baxxi. Il-kwalità ta’ servizz bi prezz raġonevoli għandha tkun il-kriterju ewlieni għall-għoti ta’ kuntratti. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titjieb fir-rigward tal-kriterji tal-għoti ta’ kuntratti.

6.6   Għandhom jiġu approvati aktar provvedituri ta’ servizz biss jekk jiġi garantit li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fil-kwalità, jekk jidħlu fis-seħħ regoli vinkolanti li jipprevjenu dumping tal-pagi u jiżguraw it-trasferiment tal-persunal bl-istess kundizzjonijiet f’każ ta’ bidla fil-provveditur ta’ servizz, kif ukoll rekwiżiti adegwati għall-kwalifikazzjonijiet tal-ħaddiema, li jinkludu analiżi tas-sigurtà.

6.7   Avvenimenti maġġuri li jwasslu għal taħwid kritiku fl-iskedi tat-titjiriet bħall-kriżi tas-sħaba ta’ rmied volkaniku u ammont kbir ħafna ta’ borra li jipparalizzaw ajruporti ċentrali ewlenin ħarġu fid-dieher il-bżonn ta’ aktar koordinazzjoni tal-operazzjonijiet fuq l-art fl-ajruporti Ewropej u fin-netwerk b’mod ġenerali, u li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri.

6.8   Il-KESE jilqa’ l-għan tal-istandardizzazzjoni tal-kwalità tal-groundhandling fl-ajruporti tal-UE. Din ir-riforma għandha tobbliga wkoll lill-kumpaniji tal-ajru jiġġestixxu l-bagalji kollha tal-passiġġieri li jkollhom itinerarju b’titjiriet ma’ bosta kumpaniji tal-ajru (interlining) għal spiża raġonevoli, irrispettivament mit-trasportatur tal-ajru. Dan għandu jħaffef u jgħin lill-passiġġieri fi tranżitu. Għandha tissaħħaħ is-sigurtà kontra s-serq tal-kontenut tal-bagalji reġistrati. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll dispożizzjonijiet għall-infurzar tal-istandards ta’ kwalità jekk irridu li s-sistemi l-ġodda jiġu implimentati b’suċċess.

6.9   Aċċess ġust għal infrastruttura tal-ajruport bi prezz ġust jagħti kontribut importanti għal sistema tal-avjazzjoni li tkun effiċjenti. L-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn l-ajruporti kellu sehem importanti x’jaqdi f’dan ir-rigward u pass importanti ieħor li ttieħed fl-Unjoni Ewropea fl-2009 kien l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruport dwar standards minimi komuni biex jiġu stabbiliti l-imposti fuq il-kumpaniji tal-ajru għall-użu tal-infrastruttura ajrunawtika meħtieġa għall-operazzjoni tat-titjiriet.

6.10   Wara li jkunu ġew introdotti u saru effettivi l-miżuri li l-KESE jipproponi f’din l-opinjoni b’rabta mas-sigurtà, il-kwalità u s-sitwazzjoni soċjali tal-impjegati, għandu jiġi permess li jkun hemm tliet provvedituri ta’ servizzi ta’ groundhandling f’ajruporti b’aktar minn 5 miljun passiġġier fis-sena. Il-kumpaniji tal-ajru għandu jkollhom id-dritt li jorganizzaw il-handling tagħhom stess, iżda b’kunsiderazzjoni għall-istandards ta’ kwalità u ta’ sigurtà.

7.   Effiċjenza fl-ajruporti u fl-operazzjonijiet tar-runway

7.1   L-effiċjenza fl-ajruporti u fl-operazzjonijiet tar-runway ser tiddependi mhux ftit mill-operazzjonijiet tal-groundhandling.

7.2   L-ajruporti huma interfaċċja ewlenija bejn il-passiġġieri u l-kumpaniji tal-ajru u l-kwalità tas-servizz provdut fl-ajruporti hija element deċiżiv għall-esperjenza tal-passiġġieri u tal-kumpaniji tal-ajru. Id-dħul mill-ħwienet u r-ristoranti tal-ajruport jintuża b’mod mifrux biex jiġu sussidjati l-operazzjonijiet fl-ajruporti fejn joperaw il-kumpaniji tal-ajru (spejjeż għall-użu tar-runway, parking, eċċ.). Fl-2009, l-ispejjeż relatati mal-kumpaniji tal-ajru koprew 29 % biss tal-ispejjeż operattivi tal-ajruport (biex ma nsemmux l-ispejjeż kapitali). Dan il-mudell jiżgura li l-ispejjeż għall-kumpaniji tal-ajru jibqgħu kompetittivi, u b’hekk ikunu jistgħu jżommu u jespandu s-servizzi li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-passiġġieri. L-ajruporti għandhom jibqgħu jingħataw inċentivi biex jimmassimizzaw dan id-dħul u jipprovdu offerti mfassla skont il-ħtiġijiet tal-passiġġieri partikolari tagħhom.

7.3   Il-promozzjoni tal-aċċessibbiltà u l-effiċjenza tal-ajruporti permezz tar-rabtiet ferrovjarji hija rekwiżit ewlieni għal ajruport effiċjenti. Filwaqt li l-ajruporti ż-żgħar jistgħu jirrazzjonalizzaw l-aċċess permezz ta’ netwerk organizzat tajjeb ta’ servizzi ta’ karozzi tal-linja, il-ferroviji huma għażla addizzjonali sostenibbli għal ajruporti ta’ ċertu daqs jew fejn diġà hemm linji tal-ferroviji fil-viċinanza tat-terminal. Kull fejn possibbli, għandu jiġi provdut trasport bl-ilma lejn ajruporti bħal Schiphol u Nizza, u ħafna oħrajn.

8.   Sigurtà

8.1   Is-sistema ta’ kontroll tas-sigurtà unika li diġà qablet magħha l-Kummissjoni trid tiġi introdotta immedjatament fl-ajruporti Ewropej kollha (ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Is-Sigurtà fl-avjazzjoni għall-passiġġieri” (6)).

8.2   It-tieni objettiv huwa relatat mal-ispejjeż tas-sigurtà. Mill-2002, il-liġi tal-UE imponiet rekwiżiti tas-sigurtà aktar stretti fuq l-Istati Membri u l-ajruporti. Bħalissa, l-irkupru tal-ispejjeż tas-sigurtà tal-avjazzjoni huwa regolat fil-livell nazzjonali.

8.3   L-ispejjeż għar-riżervazzjonijiet onlajn, bħall-ispejjeż tas-sigurtà, għandhom ikunu trasparenti, kif mitlub fl-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet stabbiliti tal-passiġġieri tal-ajru” (7). Meta passiġġier ma jivvjaġġax, it-tariffa għandha tkun minima u dawk il-partijiet tat-tariffa li l-kumpanija tal-ajru ma jkollhiex tħallas, bħal pereżempju l-ispejjeż tal-ajruport u t-taxxi tal-gvern, għandhom jiġu rimborżati lill-passiġġier.

8.4   Il-kontrolli tas-sigurtà sikwit huma ta’ piż f’għajnejn il-passiġġieri, l-industrija tal-avjazzjoni u l-ajruporti. Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn it-titjib tas-sigurtà u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar (ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE” (8)). Għandhom jiġu stabbiliti standards Ewropej komuni biex jiġi żgurat li l-kontrolli tas-sigurtà li japplikaw għall-passiġġieri tal-ajru li jużaw tagħmir tal-mobbiltà jew apparat mediku jkunu ċari u komprensivi, u li d-dinjità personali tal-passiġġieri inkwistjoni tkun rispettata.

8.5   Il-projbizzjoni attwali tal-likwidi u l-gels fil-bagalji li jinġarru bl-idejn għandha titneħħa sa April 2013: il-passiġġieri ser ikunu jistgħu jtellgħu likwidi fl-ajruplan bil-kundizzjoni li jkunu ġew iċċekkjati fl-ajruporti tal-UE. Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’mod ġenerali għandhom jiġu definiti b’mod aktar ċar u r-regoli dwar il-bagalji li jinġarru bl-idejn għandhom jiġu infurzati b’mod aktar ġust, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijet tal-passiġġieri li jixtru xi affarijiet qabel ma jimbarkaw l-ajruplan.

8.6   It-teknoloġija tal-iskanners qed tiżviluppa malajr u għandha l-potenzjal li tiffaċilita l-operazzjonijiet tas-sigurtà kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-ajruporti – pereżempju billi jonqsu t-tfittxijiet li jsiru bl-idejn. Dan m’għandux iwassal għal ksur tad-drittijiet bażiċi tad-dinjità tal-bniedem tal-passiġġieri (9).

8.7   Din is-sena, il-gvern tal-Istati Unit ser jestendi l-programm ta’ ċċekkjar tiegħu, magħruf bħala “pre-check”, għal 28 ajruport. Il-programm bħalissa huwa implimentat f’7 ajruporti. Jippermetti lill-passiġġieri li jivvjaġġaw sikwit u lill-individwi li jkunu membri ta’ skema fdata tal-ivvjaġġar li jevitaw li jneħħu ż-żarbun, iċ-ċintorin u l-kowtijiet matul il-kontroll tas-sigurtà. Dan għandu jiġi kkunsidrat ukoll fl-ajruporti Ewropej.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 39-43.

(2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 125.

(3)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 133-134.

(4)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 39-42.

(5)  ĠU L 152, 11.6.2008, pp. 1-44

(6)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 39-43.

(7)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 125.

(8)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 49-52.

(9)  Idem.


Top