EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0232

L-evalwazzjoni tar-riżultati tal-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u lirġiel 2006-2010 u r-rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 u rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni (2009/2242 (INI))

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 87–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/87


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
L-evalwazzjoni tar-riżultati tal-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u lirġiel 2006-2010 u r-rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni

P7_TA(2010)0232

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 u rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni (2009/2242 (INI))

2011/C 236 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: 2006-2010” (COM(2006)0092),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2008 bl-isem “Rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-istat ta’ programm tal-pjan ta’ strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)” (COM(2008)0760),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009 bl-isem “L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010” (COM(2009)0694),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2000 bl-isem “Lejn Strateġija-qafas tal-Komunità fir-rigward tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2001-2005)” (COM(2000)0335) u r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2000, 2001, 2002, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 (COM(2001)0179, COM(2002)0258, COM(2003)0098, COM(2004)0115, COM(2005)0044, COM(2006)0071, COM(2007)0049, COM(2008)0010) u (COM(2009)0077) rispettivament),

wara li kkunsidra l-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari d-drittijiet tan-nisa, b'mod partikulari l-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq in-nisa kif ukoll l-istrumenti l-oħra tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-vjolenza fuq in-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Vjenna, adottati fil-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali ta-Nazzjonijiet Uniti 48/104 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, 58/147 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa, 57/179 tat-30 ta’ Jannar 2003 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġu evitati delitti tal-unur li jsiru fuq in-nisa, 52/86 tat-2 ta’ Frar 1998 dwar il-miżuri rigward il-prevenzjoni ta’ delitti u dwar il-liġi penali biex tiġi evitata l-vjolenza kontra n-nisa,

wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottata matul ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Pekin mill-4 sal-15 ta’ Settembru 1995 kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin (1) u tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar “is-segwitu tal-Programm ta’ Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (Pekin + 10)” (2),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta’ Ottubru 2006 dwar “Kull Forma ta’ Vjolenza fuq in-Nisa”,

wara li kkunsidra r-rapport finali ta’ Marzu 2005 tad-49 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-istatut tan-nisa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-protokoll rigward id-drittijiet tan-nisa fl-Afrika, magħruf ukoll bħala l-Protokoll ta’ Maputo, li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 2005 u li jipprojbixxi b'mod partikulari kull forma ta’ mutilazzjoni ġenitali,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti tal-31 ta’ Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigrutà li taspira għal parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-prevenzjoni tal-kunflitti armati u l-bini tal-paċi,

wara li kkunsidra x-xogħol tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam, b'mod partikulari l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konferenza tal-Ministri għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-tnaqqis tad-differenzi bejn l-ugwaljanza de jure u de facto biex tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi (2010),

wara li kkunsidra l-Issue Paper ippubblikat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Identità tas-Sessi u d-Drittijiet tal-Bniedem (2009); ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentament sesswali jew ta’ identità sesswali; u r-Riżoluzzjoni 1728 (2010) u r-Rakkomandazzjoni 1915 (2010) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentament sesswali u ta’ identità sesswali,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali bejn is-sessi fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol (tfassil mill-ġdid) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE (COM(2008)0636), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM(2008)0637), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta’ kura għat-tfal f'età ta’ qabel l-iskola” (COM(2008)0638),

wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mejju 2003 tal-Kumitat Konsultattiv għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel tal-Kummissjoni, rigward l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-baġits nazzjonali,

wara li kkunsidra l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel u l-opinjoni tiegħu dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, adottata fit-22 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2006 dwar strateġiji ta’ prevenzjoni kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfal li jkunu vulnerabbli għall-isfruttament sesswali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar “l-immigrazzjoni tan-nisa: ir-rwol u l-post tan-nisa migranti fl-Unjoni Ewropea” (5),

wara li kkunsidra l-patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel adottat mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar “il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar ir-rwol tan-nisa fl-industrija (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2008 dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (8),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar “L-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2008” (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġeil (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 1994 (11) u t-13 ta’ Ottubru 2005 (12) dwar in-nisa u l-faqar fl-Ewropa, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (15),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (16),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar “l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009” (17),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ((A7-0156/2010),

A.

billi, minkejja li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi rekwiżit neċessarju għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem universali tagħna u hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxut fit-Trattati sa minn żmien twil, għad hemm inugwaljanzi importanti fir-realtà politika u fil-ħajja tan-nisa,

B.

billi l-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma strument ta’ żvilupp u koeżjoni soċjali,

C.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi trid tkun simbolu tal-identità kulturali u politika Ewropea,

D.

billi l-vjolenza kontra n-nisa hija ostakolu kbir għall-ugwaljanza bejn is-sessi u hija waħda mill-iktar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa, mingħajr fruntieri ġeografiċi, finanzjarji jew soċjali; billi n-numru ta’ nisa li huma vittmi tal-vjolenza hu allarmanti,

E.

billi ma nistgħux nibqgħu marbuta ma’ mudelli ekonomiċi antiki u ambjentalment mhux sostenibbli li huma bbażati fuq sistema ta’ qsim tax-xogħol skont is-sessi li ġiet issuperata mill-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi għandna bżonn ta’ mudell ġdid u soċjalment sostenibbli bbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni li jinkorpora l-firxa sħiħa tal-ħiliet tan-nisa fl-ekonomija, li jerġa' jġib il-bilanċ fil-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa fil-pubbliku u fil-privat u jipprovdi bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata,

F.

billi, minkejja li l-Pjan Direzzjonali għall-Ugwaljanza 2006-2010 enfasizza nuqqasijiet fil-kisba tal-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi, u f'ċerti każijiet, ta spinta 'l quddiem lill-aġenda tal-ugwaljanza, il-progress globali kien batut,

G.

billi jridu jiżdiedu l-isforzi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politika pubblika,

H.

billi għalkemm għadha diffiċli l-evalwazzjoni tal-impatt sħiħ tal-kriżi finanzjarja, jidher ċar li l-kriżi ekonomika u soċjali attwali għandha konsegwenzi gravi b'mod partikulari għan-nisa u l-futur fuq perjodu ta’ żmien twil tal-avvanz tal-politiki bl-għan tal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, liema konsegwenzi jaċċentwaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjonijiet,

I.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha impatt pożittiv fuq il-produttività ekonomika u t-tkabbir, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandha sensiela ta’ benefiċċji soċjali u ekonomiċi,

J.

billi fis-soċjetà tagħna li qed tixjieħ, in-nisa se jkunu indispensabbli fis-suq tax-xogħol filwaqt li t-talba għall-kura tal-anzjani se tiżdied, u huwa probabbli li dan iwassal għar-riskju ta’ piż doppju fuq in-nisa,

K.

billi dawk li jgħixu fil-faqar – aktar minn 85 miljun persuna b'kollox – fil-maġġoranza tagħhom huma nisa, sitwazzjoni li għaliha jikkontribwixxi l-qgħad, ix-xogħol prekarju, is-salarji baxxi, il-livelli tal-pensjonijiet u pensjoni anqas mid-dħul minimu attwali u d-diffikultajiet fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi ta’ kwalità fl-oqsma l-aktar diversi; billi, barra minn hekk, fl-aħħar għaxar snin in-numru ta’ nisa fil-faqar tela' b'mod sproporzjonat għan-numru ta’ rġiel,

L.

billi l-inugwaljanzi fis-salarji medji tan-nisa u tal-irġiel qed imorru dejjem lura fil-livell tal-Unjoni Ewropea, fejn jaqbżu l-medja ta’ 17 % u jwasslu għal diskrepanza fil-pensjonijiet u l-femminizzazzjoni tal-faqar f'età avvanzata, u li d-diskriminazzjonijiet indiretti għandhom it-tendenza li jiżdiedu filwaqt li l-qgħad qed jiżdied u qed jolqot in-nisa u t-tfajliet,

M.

billi hemm diskrepanza persistenti bejn is-sessi rigward l-għoti tal-kura, bin-nisa jipprovdu mid-doppju sa iktar mit-tripplu tan-numru ta’ sigħat ta’ kura b'xejn lit-tfal u lil dipendenti oħra, meta mqabbla mal-irġiel,

N.

billi n-nisa jiġu ta’ spiss esposti għal diskriminazzjoni multipla minħabba s-sess u l-età tagħhom, id-diżabilità, l-isfond etniku/ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini nazzjonali, u l-istatus tal-migrazzjoni, l-istatus soċjoekonomiku, inklużi n-nisa f'unitajiet domestiċi b'persuna waħda, l-orjentament sesswali u/jew l-identità tal-ġeneru, u billi d-diskriminazzjoni kombinata toħloq bosta ostakoli għat-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-avvanz soċjali tan-nisa,

O.

billi huwa fundamentali li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fl-aċċess għar-riżorsi, għad-drittijiet u għall-poter, u dan jimplika tibdil soċjali u kulturali, l-eliminazzjoni tal-isterjotipi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza,

P.

billi l-isterjotipi li għadhom jeżistu fir-rigward tal-għażliet edukattivi u okkupazzjonali disponibbli għan-nisa jgħinu biex jibqgħu jeżistu l-inugwaljanzi,

Q.

billi s-segregazzjoni settorjali u fix-xogħol mhix qiegħda tonqos anzi fil-fatt qiegħda tiżdied f'xi pajjiżi,

R.

billi l-liġi tal-familja (b'mod partikulari l-liġi taż-żwieġ u tad-divorzju) sikwit tpoġġi lin-nisa f'pożizzjoni legali u finanzjarja dgħajfa, u xi kultant il-qrati jżidu mal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa billi japplikaw il-liġi tal-familja fuq il-bażi ta’ mudelli tradizzjonali minflok tad-drittijiet indaqs,

S.

billi d-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza huwa ta’ sikwit abbużat minn gruppi (reliġjużi) biex inaqqsu d-drittijiet tan-nisa f'oqsma bħall-kura tas-saħħa u tal-liġi tal-familja,

T.

billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija indikatur deċiżiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi, billi għad m'hemmx ħafna nisa fl-impjiegi maniġerjali fin-negozji u fl-universitajiet u billi l-għadd ta’ politiċi jew riċerkaturi nisa qiegħed jiżdied biss bil-mod ħafna,

U.

billi l-isfidi attwali u l-esperjenza miksuba juru li n-nuqqas ta’ koerenza politika bejn oqsma differenti xekklet il-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-passat u li hemm bżonn ta’ riżorsi adegwati, koordinazzjoni, distribuzzjoni u promozzjoni akbar tad-drittijiet tan-nisa filwaqt li jiġu kkunsidrati r-realtajiet differenti,

V.

billi l-azzjonijiet pożittivi favur in-nisa wrew li huma essenzjali għall-inkorporazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà in ġenerali,

W.

billi jitqiesu r-riżoluzzjonijiet adottati fl-okkażjoni tal-kommemorazzjonijiet tal-15-il sena tal-pjattaforma ta’ Pekin u l-passi li għad iridu jsiru biex jiġu konkretizzati,

X.

billi data diżaggregata skont is-sessi hija għodda essenzjali għall-ilħiq ta’ progress reali u għall-evalwazzjoni effettiva tar-riżultati,

Y.

billi l-2010 hija s-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar, fatt li jimplika politiki u azzjonijiet konkreti li ġenwinament jgħinu biex tittejjeb is-sitwazzjoni attwali,

Z.

billi għaddew 100 sena minn meta t-8 ta’ Marzu ġie ddikjarat il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, u dan l-anniversarju ġie kkommemorat; billi huwa importanti għan-nisa u l-organizzazzjonijiet li qed jirrappreżentawhom li jiġu involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza,

AA.

billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, tal-familja u privata tagħhom għadha kwistjoni mhux risolta kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel,

AB.

billi l-aċċess għall-kura tat-tfal u s-servizzi tal-kura tal-anzjani u dipendenti oħra huwa essenzjali biex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw b'kundizzjonijiet indaqs fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ,

AC.

billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri skemi tas-sigurtà soċjali ma jqisux biżżejjed iċ-ċirkostanzi speċifiċi tan-nisa li jgħixu fil-faqar; billi l-periklu li wieħed jisfa vittma tal-vjolenza huwa ħafna akbar għan-nisa; billi l-qsim tad-dmirijiet tal-familja u domestiċi bejn l-irġiel u n-nisa, mhux l-inqas bl-iżvilupp tal-użu ta’ liv tal-ġenituri u l-liv tal-paternità, huwa prekundizzjoni għall-promozzjoni u l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi; u billi li ma jingħaddx il-perjodu tal-liv tal-maternità u tal-ġenituri maż-żmien ta’ ħidma globali, huwa diskriminatorju kontra n-nisa u jqiegħdhom f'sitwazzjoni agħar fis-suq tax-xogħol,

Evalwazzjoni ta’ Pjan Direzzjonali 2006-2010

1.

Jinnota li fil-qasam ta’ indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel, ir-rata ta’ impjiegi tan-nisa laħqet kważi s-60 %, kif stabbilit fil-miri ta’ Lisbona għall-impjiegi; jiddispjaċih, madankolu, dwar in-nuqqas ta’ miżuri vinkolanti li jindirizzaw inugwaljanzi persistenti fil-pagi bejn is-sessi, u jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri urġenti biex itejbu s-sitwazzjoni tan-nisa li jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji, b'mod partikolari n-nisa migranti u ta’ minoranza etnika, li qed isiru saħansitra aktar vulnerabbli fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali; jitlob, barra minn hekk, għal tnaqqis fl-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-sistemi pubbliċi tas-saħħa u jiżguraw aċċess ugwali għaliha;

2.

Jilqa' l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jsaħħu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u tal-familja; jinnota, madankollu, li l-paternità, l-adozzjoni u l-liv tal-ulied ma ġewx indirizzati u jiddispjaċih li parti żgħira mill-Istati Membri biss kisbu l-objettivi ta’ Barċellona biex jipprovdu aċċess bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għall-kura tat-tfal; għalhekk jistieden lill-Istati Membri għal impenn imġedded lejn dan l-objettiv;

3.

Jiddispjaċih li n-nisa xorta għadhom sottorappreżentati fil-pożizzjonijiet politiċi u ekonomiċi tat-teħid tad-deċiżjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli b'aktar miżuri konkreti biex tippromwovi parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjoni;

4.

Jinnota li l-azzjonijiet tal-programm DAPHNE III biex jipprevjenu u jiġġieldu vjolenzi kontra n-nisa; itenni, madankollu, l-ħtieġa ta’ miżuri leġiżlattivi fuq livell Ewropew biex jeqirdu vjolenza bbażata fuq is-sessi;

5.

Jilqa' l-integrazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi bħala prijorità fil-programmi komunitarji tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li jitnaqqsu l-isterjotipi fis-soċjetà; jiddispjaċih, madankollu, li sterjotipi persistenti tas-sessi xorta jservu bħala bażi għal ħafna inugwaljanzi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu kampanji li jkabbru l-għarfien biex ikissru r-rwoli tradizzjonali tas-sessi, b'mod partikolari kampanji maħsuba lejn l-irġiel fejn jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ responsabilitajiet komuni tal-familja;

6.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-prinċipji tad-Dikjarazzjoni għall-Iżvilupp tal-Millennju u l-Pjattaforma ta’ Pekin għall-Azzjoni fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi barra l-UE; jitlob għat-tisħiħ tal-organizzazzjoni tas-sessi fl-iżvilupp tal-UE, dik esterna, kif ukoll politiki esterni tan-negozju tal-UE;

Fil-livell istituzzjonali

7.

Jipproponi li l-istrateġija tal-UE l-ġdida favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi programm ta’ azzjoni u ta’ impenn politiku li jkun ibbażat fuq il-pjattaforma ta’ azzjoni ta’ Pekin u s-suċċesi tagħha, billi d-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u tat-tfajliet jirrappreżentaw parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem;

8.

Jinnota li għadu essenzjali li naħdmu fuq is-6 oqsma prijoritarji ta’ azzjoni tal-pjan direzzjonali attwali, jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi aktar miżuri konkreti sabiex jiġi żgurat li l-punti tajbin fil-pjan eżistenti jistgħu jiġu żviluppati aktar u b'hekk jinfluwenzaw b'mod viżibbli l-istrumenti fil-livelli nazzjonali u reġjonali għat-temma tal-ugwaljanza u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

9.

Jipproponi li għandhom jingħataw fondi Ewropej għall-istrateġija l-ġdida għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel sabiex tkun iffaċilitata l-eżekuzzjoni tagħha fil-livell Ewropew;

10.

Jenfasizza li huwa importanti li l-Kunsill jadotta l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istrateġija favur l-ugwaljanza, wara li tingħata l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, sabiex tingħatalu aktar saħħa poltika u biex jingħata impetu ġdid lill-politika għall-ugwaljanza;

11.

Jiddeplora l-mod xejn sodisfaċenti kif ġiet ittrattata l-perspettiva tas-sessi fil-proposti strateġiċi UE 2020 tal-Kummissjoni u għalhekk jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun ippreżentata b'mod sistematiku fl-istrateġija UE 2020, inkluż kapitolu dwar is-sessi, mekkaniżmi għal integrazzjoni tas-sessi u miri għall-impjiegi tan-nisa b'indikaturi li jesprimu l-indipendenza ekonomika, u li jqisu kemm l-effetti tal-kriżi soċjali u ekonomika attwali fuq in-nisa kif ukoll l-irwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ;

12.

Jipproponi wkoll li kull sena tiġi organizzata laqgħa tripartitika annwali bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea;

13.

Jisħaq li ssir konferenza kull sena dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li fiha jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-irġiel organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi bħall-organizzazzjonijiet LGBT u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins ta’ diversi Stati Membri, il-Membri Parlamentari, il-Membri tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-membri parlamentari nazzjonali, filwaqt li jiddedikaw kull darba attenzjoni partikulari għal suġġet iddefinit minn qabel;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili sabiex ikun żgurat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

15.

Jissuġġerixxi li l-kooperazzjoni istituzzjonali f'dan il-qasam ma tkunx limitata għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa, iżda li tiġi mfittxa attivament il-kollaborazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-irġiel u n-nisa u li jaħdmu attivament biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.

Jitlob li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa jibda jaħdem bis-sħiħ u biex jitfasslu l-indikaturi kollha li jagħtu lok għas-segwitu tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'kull qasam; jinsisti li dawn l-indikaturi jiġu aġġornati regolarment sabiex jippermettu li l-objettivi stabbiliti u r-riżultati fil-fatt miksuba jiġu konformi;

17.

Iqis li, meta l-proposti politiċi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jagħtu lok għall-evalwazzjoni tal-impatt soċjali, din għandha tinkludi evalwazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

18.

Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tibda tapplika l-metodu tal-integrazzjoni tal-ġeneru fit-tħejjija tal-proposti kollha tagħha;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb u taġġorna regolarment il-websajt tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u dwar il-Grupp Opportunitajiet Indaqs biex tiddedika tal-inqas waħda mil-laqgħat tagħha kull sena interament lill-ugwaljanza bejn is-sessi u biex toħloq servizz ta’ informazzjoni għan-nisa;

20.

Jenfasizza li huwa meħtieġ li d-direzzjoni ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tintroduċi mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni msaħħa fl-operazzjoni interna tagħhom sabiex jippermettu segwitu tal-politiki tal-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-opportunitajiet bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma l-aktar diversi; jitlob li r-Rapport Annwali dwar l-Ugwaljanza jinkludi kapitolu minn kull direttorat ġenerali li fih jirrappurtaw dwar l-ugwaljanza fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom;

21.

Jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex tiżgura bilanċ bejn is-sessi fl-istabbiliment tas-SEAE u biex toħloq pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi fid-Delegazzjonijiet tal-UE, inkluż fl-ogħla livell; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiftħu post għal rappreżentant Ewropew għan-nisa kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew f'Marzu 2008, sabiex tingħata attenzjoni speċifika għall-pożizzjoni tan-nisa fil-politiki esterni tal-UE, u biex l-integrazzjoni tas-sessi tkun inkorporata strutturalment fis-SEAE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu u jappoġġaw l-emanċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom ma’ stati u organizzazzjonijiet barra mill-Unjoni;

22.

Jistieden lill-Rappreżentant Għoli biex tiżgura li l-perspettiva tas-sessi tkun inkorporata fil-politiki kollha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, programmi u proġetti u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 fl-azzjoni esterna tal-UE;

23.

Jenfasizza li l-politiki li jinkludu approċċ integrat tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'oqsma diversi, b'mod partikulari ekonomiċi, finanzjarji, kummerċjali u soċjali, u analiżi baġitarja f'termini ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tixrid u l-iskambju ta’ prattiki tajba sabiex jinkoraġġixxu li dawn jitqiesu meta jiġu żviluppati l-politiki;

24.

Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżviluppaw taħriġ u għodda għall-implimentazzjoni li jippermettu lill-partijiet interessati kollha biex fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom jintegraw perspettiva bbażata fuq l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, inkluża evalwazzjoni tal-impatt speċifiku tal-politiki fuq l-irġiel u n-nisa;

25.

Jenfasizza l-importanza, fil-kuntest tal-istrateġiji u l-pjanijiet għall-irkupru ekonomiku, li jkunu adottati miżuri settorjali li jibdew tendenza biex jappoġġaw l-edukazzjoni u l-korsijiet ta’ taħriġ immirati lejn l-integrazzjoni tan-nisa, inklużi n-nisa żgħażagħ, fis-suq tax-xogħol fis-setturi li huma strateġiċi għall-iżvilupp u fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet u l-ħiliet relatati mat-teknoloġija u x-xjenza l-aktar avvanzati;

26.

Jenfasizza l-importanza ji jitfasslu indikaturi ta’ kwantità u ta’ kwalità u statistiċi marbuta mas-sessi li jkunu affidabbli, paragunabbli u disponibbli meta jkun hemm bżonn, sabiex jintużaw fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tas-sessi fil-politiki kollha;

27.

Jitlob lill-Eurostat biex jiżviluppa indikaturi biex ikejlu l-investiment min-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet volontarji sabiex juru x'jikkontribwixxu l-irġiel u n-nisa għall-koeżjoni soċjali;

28.

Jenfasizza li koordinazzjoni aħjar hija essenzjali sabiex jiġu żviluppati objettivi għall-politika tal-ugwaljanza fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri u li jenħtieġu metodi uniformi ta’ integrazzjoni tanġibbli, bħall-baġits speċifiċi skont is-sessi jew l-inkorporazzjoni tal-analiżi tal-ġeneru fit-tfassil, l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika pubblika;

29.

Jindika lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-ħtieġa ta’ strateġija doppja, filwaqt li jiġi adottat approċċ integrat tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jitwettqu azzjonijiet speċifiċi, fosthom fi kwistjonijiet leġiżlattivi, kwistjonijiet ta’ krediti baġitarji, u fi kwistjonijiet ta’ segwitu u ta’ kontroll, bil-għan li jiġi ggarantit li dawn jiġu attwati; jirrimarka li aġenda għall-azzjoni għandha tinkludi miri kwalitattivi u kwantitattivi fuq perjodu ta’ żmien qasir u fuq perjodu ta’ żmien twil kemm fil-livell Ewropew u kemm f'dak nazzjonali;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jintegraw il-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tal-Komunità u sabiex jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex ikun żgurat li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun applikata b'mod korrett u li miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva jkunu jistgħu jiġu applikati fejn dawn ikunu meħtieġa;

31.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-prinċipji tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin fil-qasam tal-promozzjoni ta’ baġits li jqisu s-sessi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi sabiex jirrevedu b'mod sistematiku kif in-nisa jibbenefikaw mill-infiq tas-settur pubbliku u jaġġustaw il-baġits biex jiżguraw ugwaljanza ta’ aċċess għall-infiq tas-settur pubbliku, kemm għat-tisħiħ tal-kapaċità produttiva u kemm biex ikunu ssodisfati ħtiġijiet soċjali; jitlob ukoll għall-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti, inklużi riżorsi biex issir analiżi tal-impatt fuq is-sessi;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni u mal-miżuri dwar is-sessi u biex tieħu passi attivi inklużi proċeduri ta’ ksur f'każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

33.

Jitlob li r-Regolament FAEŻR ikun emendat sabiex jippermetti, kif jiġri fil-kuntest tal-FSE, miżuri proattivi li għandhom jittieħdu b'appoġġ għan-nisa fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li kien fattibbli fil-perjodi preċedenti, iżda mhux fil-perjodu attwali, u li se jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata importanza partikulari lill-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ugwaljanza, inkluż fil-Parlament Ewropew, fid-diversi kumitati u delegazzjonijiet parlamentari u jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti li qed issir mill-Grupp Parlamentari ta’ Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza;

35.

Jilqa', f'dan ir-rigward, l-attivitajiet li qed isiru mill-Membri tal-Parlament Ewropew responsabbli għall-integrazzjoni tas-sessi, li qed jaħdmu biex jiżguraw li l-perspettiva tas-sessi tkun meqjusa fil-formulazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki kollha fi ħdan il-kumitati individwali tagħhom;

36.

Jistieden lill-Bureau tal-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea biex iżidu l-isforzi tagħhom għaż-żieda fin-numru ta’ nisa f'pożizzjonijiet għolja fl-istaff tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu li jiżgura li l-Kummissjoni Ewropea jkollha parità fil-leġiżlatura li jmiss;

37.

Jenfasizza l-bżonn li jkun evitat li l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, u kwistjonijiet ekonomiċi futuri, jipperikolaw dak li nkiseb s'issa fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġi evitat li r-riċessjoni tintuża, kif diġà ġara f'ċerti Stati Membri, bħala argument biex ikun hemm inqas miżuri għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għaliex, fuq perjodu ta’ żmien twil, dan ikun ta’ xkiel għat-tkabbir fiċ-ċifri tal-impjieg, it-tkabbir ekonomiku fl-UE, id-dħul ogħla mit-taxxi, ir-rati tat-twelid ogħla u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, tirrevedi l-politiki dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol bl-għan li tiżgura li l-ispiża għat-tfal ma tkunx sostnuta minn min iħaddem, iżda mill-komunità, sabiex tinqered l-imġiba diskriminatorja fin-negozji u jingħata kontribut għall-ġejjieni demografiku tagħna;

39.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jeħtieġ li jiġu adottati miżuri pożittivi għall-benefiċċju tan-nisa u l-irġiel sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tagħhom għax-xogħol wara perjodu li fih dawn ikunu wettqu d-dmirijiet tal-familja (rabbew it-tfal u/jew ħadu ħsieb ġenitur marid jew b'diżabilità), billi jippromovu politiki ta '(ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol bil-ħsieb li dawn jerġgħu jiksbu l-indipendenza finanzjarja;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli b'inizjattivi mmirati għar-rikonoxximent tal-ekonomija informali u l-kwantifikazzjoni tal-ekonomija “tal-ħajja” li jużaw approċċi speċifiċi għall-ġeneru skont il-proġett “Lil hinn mill-PGD” imniedi mill-Kummissjoni;

41.

Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu benefiċċji soċjali xierqa għan-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb l-anzjani, il-qraba morda jew diżabbli, u għan-nisa anzjani, li jirċievu pensjonijiet partikolarment baxxi;

Oqsma tematiċi – objettivi

42.

Jenfasizza l-importanza tas-segwitu tal-analiżi tal-pjattaforma ta’ Pekin (Pekin+15) li saret mill-Presidenza Svediża, biex, fuq din il-bażi, mhux biss jiġu elaborati indikaturi adegwati iżda jiġu stabbiliti wkoll objettivi u jiġu adottati l-politiki meħtieġa fit-12-il qasam previst;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika studju dwar l-analiżi tal-impatt marbuta mal-konsegwenzi, inklużi l-konsegwenzi baġitarji tal-introduzzjoni tas-sistema tal- “integrazzjoni tas-sessi”, bil-ħsieb li jiġu evalwati r-rilevanza, l-effettività, id-durabilità u l-utilità tagħha f'termini ta’ effikaċja tal-ispiża/valur miżjud, kif inhi l-prattika regolari fil-każ tal-politiki Ewropej l-oħra;

44.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejbu l-arranġamenti li bihom l-organizzazzjonijiet tan-nisa u s-soċjetà ċivili b'mod ġenerali jikkollaboraw ma’ u jieħdu sehem fil-proċessi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi;

45.

Iqis l-prijorità lill-ġlieda kontra l-faqar, permezz tar-reviżjoni tal-politiki makroekonomiċi, monetarji, soċjali u tax-xogħol li huma l-bażi tagħha, bil-għan li tiġi ggarantita l-ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa, filwaqt li jiġu elaborati strateġiji li jippromwovu distribuzzjoni ġusta tad-dħul, jiggarantixxu dħul minimu, salarji u pensjonijiet deċenti, joħolqu xogħol bid-drittijiet għan-nisa, jiżguraw l-aċċess għas-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għan-nisa kollha u t-tfajliet, issaħħu l-protezzjoni soċjali u s-servizzi lokali, b'mod partikulari l-postijiet fejn jinżammu t-trabi, l-iskejjel tal-logħob, il-kindergarten, iċ-ċentri ta’ matul il-jum, iċ-ċentri ta’ divertiment tal-komunitajiet u s-servizzi ta’ għajnuna għall-familji u “ċentri interġenerazzjonali”, filwaqt li jiġi ggarantit l-aċċess għan-nisa, l-irġiel, it-tfal u l-anzjani kollha, b'attenzjoni partikulari għall-għajnuna għan-nisa ta’ età;

46.

Jenfasizza li l-ifqar nisa għandhom ikunu l-imsieħba ewlenin fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki għall-opportunitajiet indaqs; jistieden lill-Unjoni, b'konsegwenza ta’ dan, biex tagħti attenzjoni partikolari lill-ippjanar u l-implimentazzjoni minn din il-perspettiva tas-Sena Ewropea kontra l-Faqar, is-Sena Ewropea tal-Volontarjat, u l-Istrateġija Ewropea 2020 b'mod ġenerali;

47.

Jenfasizza l-effett pożittiv li għandha l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq it-tkabbir ekonomiku; jirrimarka f'dan ir-rigward li xi studji jikkalkolaw li jekk ir-rati tax-xogħol, ta’ impjieg part-time u tal-produttività għan-nisa kienu simili għal dawk għall-irġiel, il-PGD jiżdied bi 30 %;

48.

Jistieden lill-Istati Membri biex janalizzaw l-effetti tal-miżuri biex jikkumbattu l-kriżi u strateġiji ta’ ħruġ futuri mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex telimina n-nuqqasijiet fl-oqsma koperti biex tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess daqs dik għad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, u biex ittejjeb il-protezzjoni legali u l-aċċess għal rimedji legali għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla;

50.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri urġenti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fis-salarji, permezz tar-reviżjoni ta’ direttiva eżistenti, permezz tal-elaborazzjoni tal-pjanijiet settorjali pass b'pass, b'objettivi preċiżi, bil-għan li jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet diretti u indiretti, u billi jiġu mħeġġa n-negozjati kollettivi, it-taħriġ ta’ dawk li jagħtu l-pariri dwar l-ugwaljanza, bl-indirizzar tad-distribuzzjoni xejn ekwa ta’ xogħol mhux imħallas bejn l-irġiel u n-nisa u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet favur l-ugwaljanza fil-kumpaniji u l-oqsma l-oħra tax-xogħol; it-trasparenza fil-kompożizzjoni tal-pagi għandha tkun prattika standard biex issaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozjati tal-ħaddiema nisa;

51.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-impjieg tan-nisa fl-UE huwa qrib il-mira ta’ 60 % sal-2010, iżda jisħaq li issa trid tkun stipulata l-mira iktar ambizzjuża ta’ 75 % sal-2020;

52.

Jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex itejbu l-pożizzjoni ta’ gruppi partikolarment vulnerabbli, bħal status indipendenti għan-nisa migranti li jiffaċċjaw vjolenza domestika, dritt individwalizzat għal pensjoni u benefiċċji oħra għan-nisa bl-ebda jew ftit li xejn parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diskriminazzjoni ta’ nies transġeneru u biex jittejjeb l-aċċess tagħhom għal rimedji legali;

53.

Jenfasizza l-importanza ta’ negozjati u n-negozjar kollettiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, speċjalment rigward l-aċċess għall-impjiegi, pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol, il-progress fil-karriera u t-taħriġ;

54.

Jistieden lill-entitajiet pubbliċi u privati biex jinkorporaw dawn il-pjanijiet ta’ ugwaljanza fir-regoli interni tagħhom, sabiex iżidu magħhom miri fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil, u biex jagħmlu evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-objettivi tagħhom fil-prattika;

55.

Jiddispjaċih li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet kemm fid-dinja tan-negozju kemm fil-proċessi demokratiċi u jinsisti li hemm ħtieġa ta’ miżuri aktar ambizzjużi niex jiżdied in-numru ta’ nisa fuq il-bordijiet tad-diretturi tal-kumpaniji u fl-istituzzjonijiet pubbliċi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

56.

Jitlob għal aktar azzjoni, sensibilizzazzjoni u kontroll fuq il-postijiet tax-xogħol bil-għan li jiġu ggarantiti l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, filwaqt li tingħata attenzjoni lill-ħinijiet tax-xogħol, ir-rispett għad-drittijiet tal-maternità u l-paternità, il-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u l-ħajja personali, u jitlob li jkun hemm żieda tal-liv tal-maternità, u t-twaqqif tal-liv tal-paternità, li jinħoloq liv tal-paternità mħallas, it-twaqqif tal-liv tal-familja, inter alia mħallas, li jkun hemm miżuri għall-ġlieda kontra l-isterjotipi sessisti fil-qsim tax-xogħol u l-kura, għall-għan, fost oħrajn, li wieħed jieħu ħsieb qraba dipendenti u li jiġu miġġielda l-azzjonijiet li jeżaminaw mill-ġdid dawn id-drittijiet;

57.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-prattika tar-responsabilità soċjali korporattiva titkejjel, tkun iċċertifikata u ppremjata fuq il-bażi li r-rekwiżiti għandhom assolutament jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi; din għandha tintlaħaq permezz tal-adozzjoni ta’ mudelli organizzattivi flessibbli bbażati fuq xogħol orjentat lejn objettiv u mhux marbuta mal-preżenza fiżika u li jippermettu lill-ħaddiema kollha, kemm jekk irġiel kemm jekk nisa, li jiżviluppaw professjonalment u jevolvu f'termini ta’ karriera u salarju, f'konformità mal-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom u b'kunsiderazzjoni għall-obbligi soċjali li jiġu mill-bżonn li jieħdu ħsieb it-tfal u l-qraba, fil-kuntest ta’ servizzi u organizzazzjoni tax-xogħol favur il-familja;

58.

Jinsisti fuq il-ħtieġa għal bilanċ bejn il-ħajja personali u familjari u x-xogħol bl-implimentazzjoni ta’ miżuri, immirati kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, li jippromwovu l-qsim tal-kompiti b'mod ugwali u jqisu l-fatt li s'issa l-irġiel kienu inqas imħajra li japprofittaw mil-liv tal-ġenituri jew mill-inċentivi;

59.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu nkoraġġiti l-inċentivi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni fil-livell ta’ intrapriżi ta’ programmi ta’ azzjoni pożittiva u politiki tar-riżorsi umani bl-għan li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'enfasi fuq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-promozzjoni, it-trasferiment u l-inkorporazzjoni ta’ prattiki ta’ suċċess fl-organizzazzjonijiet u n-negozji;

60.

Jemmen li huwa importanti li wieħed jeżamina iktar mill-qrib il-kwistjoni tal-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-analiżi tal-funzjonijiet li tista' tiggarantixxi d-dritt tan-nisa għall-paga ndaqs, tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tal-individwi u l-professjonijiet, u, fl-istess ħin issaħħaħ id-dinjità tax-xogħol bħala element strutturanti, bil-ħsieb li tiżdied il-produttività, il-kompetittività u l-kwalità tal-intrapriżi u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ħaddiema rġiel u nisa;

61.

Jinsisti fuq il-ħtieġa għat-titjib fid-disponibilità, il-kwalità u l-aċċessibilità tal-kura tat-tfal u s-servizzi ta’ kura għal persuni dipendenti, filwaqt li jkun żgurat li d-disponibilità ta’ dawn is-servizzi tkun kompatibbli mas-sigħat ta’ xogħol full-time tal-irġiel u n-nisa;

62.

Jirrimarka li s-servizzi ta’ kura tat-tfal u dipendenti oħra huma potenzjalment sors ewlieni ta’ impjiegi għan-nisa ta’ età avvanzata, li bħalissa għandhom waħda mill-iktar rati baxxi ta’ impjieg;

63.

Jemmen li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li servizzi tal-kura bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd ikunu disponibbli għal mill-inqas 50 % tat-tfal f'età bejn 0 u 3 snin, u biex l-edukazzjoni tkun disponibbli għat-tfal kollha bejn l-età ta’ 3 snin u l-età skolastika obbligatorja;

64.

Jaħdem bis-sħiħ favur politiki u azzjonijiet li jeliminaw il-vjolenza kontra n-nisa f'kull qasam, filwaqt li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem għan-nisa, filwaqt li jiġġieled kontra l-istereotipi marbuta mas-sess u kull forma ta’ diskriminazzjoni fi ħdan is-soċjetà u l-familja, inkluża d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fil-midja u fil-ħajja politika; jisħaq li għandhom ikunu żviluppati politiki speċifiċi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, isaħħu l-pożizzjoni tan-nisa, u jedukaw aħjar lill-individwi inkluż bl-użu ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u strateġiji ta’ taħriġ matul il-ħajja u fuq l-inkorporazzjoni ta’ miżuri favur in-nisa;

65.

Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar l-eradikazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa' u jenfasizza l-importanza tal-impenn kontinwu tal-Kummissjoni li ssegwi politika aktar attiva fil-ġlieda għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda konsultazzjoni dwar Direttiva kontra l-vjolenza kontra n-nisa li telenka, fost affarijiet oħra, l-isforzi li l-Istati Membri jkunu obbligati jagħmlu biex jiġġieldu l-vjolenza kontra n-nisa;

66.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir stħarriġ wiesa' li jkopri l-pajjiżi kollha tal-UE u li juża metodoloġija komuni, li tistabbilixxi l-firxa reali tal-problema; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti li se titwettaq f'dan il-qasam miċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tal-Vjolenza fuq il-bażi tas-Sessi li se tipprovdi statistiċi ta’ kwalità għolja b'appoġġ għall-miżuri politiċi fil-ġlieda kontra din il-pjaga tas-soċjetà;

67.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa lis-sitwazzjoni tan-nisa li jaħdmu mas-sieħeb tagħhom fis-setturi tal-agrikoltura, tal-artiġjanat, tal-kummerċ u tas-sajd u l-kumpaniji żgħar tal-familja, fejn is-sitwazzjoni tan-nisa hija aktar vulnerabbli minn dik tal-irġiel, bil-għan li jittieħdu miżuri ġodda li jipproteġu l-maternità, tiġi eliminata d-diskriminazzjoni indiretta, tiġi żgurata l-protezzjoni u s-sigurtà soċjali kif ukoll id-drittijiet l-oħra tan-nisa, fosthom tan-nisa li għandhom status ta’ ħaddiema indipendenti; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza tal-iżvilupp tal-kunċett legali tas-sjieda komuni bl-għan li jkun żgurat li d-drittijiet tan-nisa fis-settur agrikolu jkunu rikonoxxuti bis-sħiħ, li dawn jirċievu protezzjoni xierqa mis-sigurtà soċjali u li x-xogħol tagħhom ikun rikonoxxut;

68.

Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-istereotipi fit-tipi u fl-istadji kollha tal-ħajja, peress li dawn jikkostitwixxu waħda mill-aktar kawżi persistenti tan-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jaffettwaw l-għażliet tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjieg, tad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet domestiċi u tal-familja, tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-għażliet tagħhom fir-rigward tas-suq tax-xogħol;

69.

Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi aktar b'saħħitha fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla, il-faqar u l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ ugwaljanza fil-qasam tas-saħħa;

70.

Iqis li s-sistemi ta’ tassazzjoni u ta’ ħarsien soċjali jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex id-drittijiet jiġu individwalizzati, ikunu ggarantiti drittijiet għall-pensjoni indaqs u jitneħħew l-inċentivi li jaffettwaw ħażin il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali, bħat-tassazzjoni konġunta u l-għotjiet għall-kura ta’ dipendenti li huma marbuta man-nuqqas ta’ attività tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

71.

Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 u jenfasizza l-importanza li n-nisa jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u tar-riproduzzjoni tagħhom;

72.

Jenfasizza l-importanza ta’ miżuri preventivi biex jiżguraw is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa;

73.

Jenfasizza l-bżonn li l-proċeduri ta’ bidla fis-sess isiru aċċessibbli għal persuni transġeneru, u li jiġi żgurat li jiġu rimborżati minn skemi pubbliċi ta’ assigurazzjoni fuq is-saħħa;

74.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa fil-minoranzi etniċi, inklużi l-migranti nisa, u li jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jappoġġawhom fil-kuntest tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

75.

Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Parlament, inkluż il-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, dwar l-abbozzar tal-Karta Ewropea futura dwar id-Drittijiet tan-Nisa;

76.

Iqis li hemm il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikulari lill-iżvilupp, il-paċi u s-solidarjetà man-nisa tad-dinja kollha, b'mod partikulari n-nisa vittmi tal-inġustizzji, id-diskriminazzjoni, il-ġuħ, il-miżerja, it-traffikar tal-bnedmin u kull tip ta’ vjolenza; iqis li l-konsultazzjoni kontinwa mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u, b'mod aktar wiesa', mas-soċjetà ċivili, u l-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar kwistjonijiet relatati ma’ politiki li għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi huma garanziji ta’ kunsens soċjali usa';

77.

Jinsisti li l-perspettiva tas-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-bażi tas-sess għandhom ikunu inkorporati fil-politika esterna u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea;

78.

Jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-mekkaniżmi istituzzjonali relatati jridu jkunu marbuta mill-qrib mal-aġenda globali għad-drittijiet tan-nisa; Dan jinkludi li rabta ma', u appoġġ għall-entità l-ġdida tan-NU għall-ugwaljanza bejn is-sessi, li għandha tgħaqqad il-politika u l-attivitajiet operattivi, u jistieden lill-UE biex tiżgura li l-entità l-ġdida jkollha riżorsi finanzjarji u umani sostanzjali għat-twettiq tal-kompiti tagħha fil-kamp, u li tkun immexxija minn Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

79.

Iżid jgħid li l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-mekkaniżmi istituzzjonali li jakkumpanjawha għandhom ikopru b'mod ċar l-identità tas-sessi u jindirizzaw il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni dovuta għall-bidla fis-sess;

80.

Jisħaq fuq ir-rispett ta’ riżoluzzjonijiet riċenti tal-PE tal-10 ta’ Frar 2010 dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea;

*

* *

81.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.

(2)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.

(3)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(4)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 75.

(5)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 118.

(6)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 56.

(7)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 73.

(8)  ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 57.

(9)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 35.

(10)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.

(11)  ĠU C 77, 14.3.1994, p. 43.

(12)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 130.

(13)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 31.

(14)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.

(15)  Testi adottati, P7_TA(2009)0098.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2010)0018.

(17)  Testi adottati, P7_TA(2010)0021.


Top