EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0217

Adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl- 1 ta’ Jannar 2011 * Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Ġunju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl- 1 ta’ Jannar 2011 (COM(2010)0239 – C7-0131/2010 – 2010/0135(NLE))

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 181–183 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/181


L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju 2010
Adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011 *

P7_TA(2010)0217

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011 (COM(2010)0239 – C7-0131/2010 – 2010/0135(NLE))

2011/C 236 E/43

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0239),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-2010 tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza (COM(2010)0238) rigward l-Estonja u r-Rapport ta’ Mejju 2010 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-Konverġenza,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2008 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro u l-Finanzi Pubbliċi 2009 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni (4) (riżoluzzjoni dwar l-EMU@10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta’ tkabbir ulterjuri taż-żona euro (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda għall-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/223/KE tal-21 ta’ Marzu 2003 fuq l-emenda tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0131/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0182/2010),

A.

billi l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE) jiddefinixxi l-ilħuq ta’ grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli b’referenza għal jekk kull Stat Membru jkunx issodisfa dawn il-kriterji: il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet; is-sostenibbilta' tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern; l-osservanza tal-marġni ta’ fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li tiġi riflessa fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul,

B.

billi l-Estonja kkonformat mal-kriterji ta’ Maastricht f' konformita' mal-Artikolu 140(1) tat-Trattat FUE u l-Protokoll (Nru 13) dwar il-Kriterji ta’ Konverġenza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat FUE,

C.

billi r-Rapporteur żar l-Estonja biex jivvaluta kemm dak il-pajjiż hu lest biex jidħol fiż-żona tal-euro,

D.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-EUROSTAT, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċċju Estonjan għall-istatistika, eżamina l-kwalità tad-data relevanti kollha trażmessa mill-awtoritajiet Estonjani,

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.

Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011;

3.

Jinnota li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saret fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali globali li affetwat il-prospetti għal konverġenza nominali ta’ ħafna Stati Membri oħra;

4.

Jinnota li l-Estonja ssodisfat il-kriterji, bħala riżultat ta’ sforzi determinati, kredibbli u sostnuti mill-Gvern u l-poplu Estonjani;

5.

Juri tħassib dwar id-diskrepanzi bejn ir-rapporti dwar il-konverġenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE rigward is-sostenibbiltà tal-istabbiltà tal-prezzijiet;

6.

Jinnota li r-Rapport tal-2010 tal-BĊE dwar il-Konverġenza jidentifika bħala sfida kbira ż-żamma tal-konverġenza tal-inflazzjoni, ladarba jintemm l-aġġustament ekonomiku attwali;

7.

Jistieden lill-Gvern Estonjan biex iżomm l-attitudni ta’ politika fiskali prudenti tiegħu, flimkien mal-politiki globali tiegħu orjentati lejn l-istabbiltà, fil-konfront tal-iżbilanċji makroekonomiċi u r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-ġejjieni;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tevalwa l-konformità mal-kriterji ta’ Maastricht fuq il-bażi ta’ data definita, indipendenti, attwali, affidabbli, u ta’ kwalità għolja;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel simulazzjoni tal-effett tal-pakkett ta’ salvataġġ taż-żona tal-euro fuq il-baġit Estonjan meta l-pajjiż jingħaqad maż-żona tal-euro u b’hekk isir membru tal-grupp li jiggarantixxi l-fondi ta’ salvataġġ;

10.

Jistieden lill-Kummissjonu u lill-BĊE biex iqisu l-aspetti kollha meta jirrakkomandaw ir-rata tal-kambju finali għall-kroon Estonjan;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet Estonjani biex iħaffu t-tħejjijiet prattiċi tagħhom sabiex jiżguraw li l-proċess tal-bidla jkun bla intoppi; jistieden lill-Gvern Estonjan biex jiżgura li l-introduzzjoni tal-euro ma tintużax biex il-prezzijiet jiżdiedu bil-moħbi;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE biex jirrapportaw lill-Parlament dwar il-passi li qed jiġu kkunsidrati għall-minimizzazzjoni tal-inflazzjoni tal-assi bħala konsegwenza tar-rati baxxi ta’ mgħax;

13.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

14.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogroup u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0090.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0072.

(4)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 8.

(5)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 251.

(6)  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 374.

(7)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66.


Top