EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0216

Koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali *** Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Ġunju 2010 msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (09898/2/2010 – C7-0145/2010– 2010/0066(NLE))

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 179–181 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/179


L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju 2010
Koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali ***

P7_TA(2010)0216

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (09898/2/2010 – C7-0145/2010– 2010/0066(NLE))

2011/C 236 E/42

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (09898/2/2010),

wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni magħmula mill-Kunsill skont l-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0145/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 74 g u 81(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0194/2010),

A.

billi fis-17 ta’ Lulju 2006 l-Kummissjoni adottat proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni u l-introduzzjoni ta’ regoli dwar liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali (“Ruma III”) (COM(2006)0399),

B.

billi dik il-proposta kienet ibbażata fuq l-Artikoli 61(c) u 67(1) tat-Trattat KE, li kienu jirrikjedu vot unanimu fil-Kunsill,

C.

billi fil-21 ta’ Ottubru 2008 l-Parlament, filwaqt li aġixxa skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni, approva l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata (1),

D.

billi, diġà sa nofs l-2008, kien ċar li xi Stati Membri kellhom problemi speċifiċi li kienu jagħmluhielhom impossibbli li jaċċettaw ir-regolament propost; billi, b'mod partikolari, kien hemm Stat Membru wieħed li ma setax jaċċetta li l-qrati tiegħu seta' jkollhom japplikaw liġi tad-divorzju barranija, li hu kien iqis bħala aktar restrittiva mil-liġi tad-divorzju tiegħu u li xtaq ikompli japplika l-liġi sostantiva tiegħu għal kull divorzju mitlub fil-qrati tiegħu; billi, min-naħa l-oħra, maġġoranza kbira tal-Istati Membri qiesu li r-regoli dwar il-liġi applikabbli kienu element essenzjali tar-regolament propost u li dawn ir-regoli kienu f'xi każijiet se jfissru li l-qrati japplikaw liġi barranija,

E.

billi, fil-laqgħa tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill ikkonkluda li “ma kien hemm l-ebda unanimità biex ikompli miexi 'l quddiem bir-Regolament propost u li kienu jeżistu diffikultajiet insormontabbli, li jagħmluha impossibbli li jkun hemm deċiżjoni li tirrikjedi l-unanimità issa u fil-futur prevedibbli” u li “l-objettivi tar-regolament propost ma setgħux jintlaħqu f'perjodu raġonevoli billi jkunu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati”,

F.

billi, skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, minimu ta’ disa' Stati Membri jistgħu jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi tal-Unjoni, filwaqt li jużaw l-istituzzjonijiet tagħha u jeżerċitaw dawn il-kompetenzi billi japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, suġġett għal-limiti u skont l-arranġamenti stipulati f'dak l-Artikolu kif ukoll fl-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

G.

billi, s'issa, erbatax-il Stat Membru (2) indikaw l-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali,

H.

billi l-Parlament ivverifika l-konformità mal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

I.

billi, b'mod partikolari, din il-koperazzjoni msaħħa tista' titqies li ssaħħaħ l-objettivi tal-Unjoni, filwaqt li tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni tagħha fit-tifsira tal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-konsultazzjoni estensiva tal-partijiet interessati li wettqet il-Kummissjoni bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt tagħha b'rabta mal-Green Paper tagħha (COM(2005)0082), in-numru kbir ta’ żwiġijiet “internazzjonali” u l-madwar 140 000 divorzju b'element internazzjonali fl-Unjoni fl-2007, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh li tnejn mill-pajjiżi li biħsiebhom jipparteċipaw fil-koperazzjoni msaħħa, il-Ġermanja u Franza, kellhom l-akbar proporzjon ta’ divorzji “internazzjonali” ġodda f'dik is-sena,

J.

billi l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-konflitt tal-liġijiet se tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u se ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka; billi bħalissa jeżistu 26 sett differenti ta’ regoli tal-konflitt tal-liġijiet fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, u l-istabbiliment tal-koperazzjoni msaħħa f'dan il-qasam se jnaqqas dan in-numru għal 13, biex b'hekk tkun possibbli armonizzazzjoni akbar tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat u jissaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni,

K.

billi jidher ċar mill-aspett storiku ta’ din l-inizjattiva li d-deċiżjoni proposta qed titressaq wara li falla kull tentattiv ieħor u li l-objettivi tal-koperazzjoni ma setgħux jintlaħqu f'perjodu raġonevoli; billi mill-inqas disa' Stati Membri biħsiebhom jipparteċipaw fiha; billi, għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma ssodisfati,

L.

billi r-rekwiżiti tal-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma ssodisfati wkoll,

M.

billi b'mod partikolari f'dan il-qasam, il-koperazzjoni msaħħa tikkonforma mat-Trattati u mad-dritt tal-Unjoni peress li mhux se taffettwa l-acquis, ladarba l-uniċi regoli tal-Unjoni li jeżistu f'dan il-qasam jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u mhux il-liġi applikabbli; billi mhux se tikkawża xi diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità bi ksur tal-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regoli tal-konflitt tal-liġijiet proposti se japplikaw għall-partijiet kollha quddiem il-qrati tal-Istati Membri parteċipanti irrispettivament min-nazzjonalità jew mir-residenza tagħhom,

N.

billi l-koperazzjoni msaħħa mhux se ddgħajjef is-suq intern jew il-koeżjoni soċjali jew territorjali, u mhux se tkun ta’ ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, jew toħloq diskriminazzjoni jew tfixkil tal-kompetizzjoni; billi, minflok, se tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi telimina l-ostakoli possibbli għall-moviment liberu tal-persuni u tissimplifika l-affarijiet għall-individwi u l-prattikanti fl-Istati Membri parteċipanti, mingħajr ma twassal li sseħħ xi diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini,

O.

billi l-koperazzjoni msaħħa se tirrispetta d-drittijiet, il-kompetenzi u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti ladarba se jżommu r-regoli eżistenti tagħhom tad-dritt internazzjonali privat f'dan il-qasam; billi m'hemm l-ebda ftehimiet internazzjonali bejn l-Istati Membri parteċipanti u dawk mhux parteċipanti li jinkisru bil-koperazzjoni msaħħa; u billi mhux se taffettwa l-Konvenzjonijiet tal-Aja dwar ir-responsabilità tal-ġenituri u l-obbligi tal-manteniment,

P.

billi l-Artikolu 328(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-koperazzjoni msaħħa għandha tkun miftuħa f'kull ħin għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw,

Q.

billi l-Artikolu 333(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kunsill (jew, iktar preċiżament, lil dawk il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni msaħħa) jadotta deċiżjoni li tistipula li se jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja minflok il-proċedura leġiżlativa speċjali prevista fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Parlament jiġi biss ikkonsultat,

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.

Jistieden lill-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 333(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li tgħid li, f'dak li jirrigwarda l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, se jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 128.

(2)  Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugal, ir-Rumanija, u s-Slovenja.


Top