EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1212

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru COM(2007) 638 finali — 2007/0229 (CNS)

ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/114


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru

COM(2007) 638 finali — 2007/0229 (CNS)

(2009/C 27/24)

Nhar is-7 ta' Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru, kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Pariza Castaños.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'140 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Kummenti preliminari

1.1

Għaddew tmien snin mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere, fejn l-UE ddeċidiet li tippromovi politika komuni għall-immigrazzjoni. Madankollu ftit li xejn sar progress fir-rigward ta' wieħed mill-aspetti fundamentali ta' din il-politika, jiġifieri l-politika u l-leġislazzjoni dwar id-dħul ta' l-immigranti. Importanti li wieħed jispeċifika li r-regolamentazzjoni li teżisti f'dan il-qasam hija r-riżultat ta' leġislazzjonijiet nazzjonali, mingħajr l-ebda armonizzazzjoni min-naħa ta' l-UE, u li l-leġislazzjonijiet huma differenti ħafna bejniethom u huma l-prodott ta' politiki kontradittorji.

1.2

Għaddew iżjed minn sitt snin minn meta l-Kummissjoni fasslet il-Proposta għal Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi għal skopijiet ta' xogħol bi ħlas jew ta' attivitajiet ekonomiċi indipendenti (1). Minkejja l-opinjonijiet (2) favorevoli tal-KESE u tal-Parlament Ewropew, din il-proposta ma mxietx iżjed mill-istadju ta' l-ewwel qari fil-Kunsill. Minn dakinhar, ċerti Stati ħejjew leġislazzjonijiet ġodda dwar l-immigrazzjoni ekonomika, b'approċċi ferm differenti.

1.3

Fis-snin li ġejjin, l-Ewropej ser ikollhom bżonn ta' immigranti ekonomiċi ġodda sabiex jagħtu kontribut lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali (3). Is-sitwazzjoni demografika tindika li l-Istrateġija ta' Lisbona tista' tfalli jekk ma nemendawx il-politiki ta' l-immigrazzjoni. Jinħtieġu politiki attivi tad-dħul, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin, kif ukoll għal dawk li huma inqas kwalifikati.

1.4

Il-fatt li fi ħdan il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ċerti gvernijiet irrifjutaw, permezz tal-veto tagħhom, il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni u għandhom iħaddnu l-politiki restrittivi tal-passat, huwa inkomprensibbli. Sadattant l-ekonomiija klandestina u x-xogħol illegali qegħdin jikbru. Dan ta' l-aħħar huwa l-iktar fattur li jiġbed lill-immigranti mingħajr dokumenti. Minħabba n-nuqqas ta' leġislazzjoni Ewropea komuni, l-Istati Membri qed jadottaw leġislazzjonijiet ġodda b'approċċi politiċi ferm differenti, fatt li jkompli jikkomplika l-proċess ta' armonizzazzjoni. Dawn l-approċċi politiċi differenti u d-differenzi leġislattivi li jinvolvu huma sors ta' konfużjoni u ta' inċertezza fost iċ-ċittadini.

1.5

Fir-rigward tal-leġislazzjoni u d-dħul ta' l-immigranti, il-KESE ppropona li l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jabbanduna r-regola ta' l-unanimità u jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza kwalifikata permezz ta' sistema ta' kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew (4). tkun tista' titfassal leġislazzjoni ta' kwalità, li twassal għal progress fl-armonizzazzjoni fi ħdan l-UE.

1.6

Il-KESE jemmen li l-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandha taqa' taħt il-proċedura ordinarja tat-Trattat ta' Lisbona (inizjattiva tal-Kummissjoni, maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u kodeċiżjoni tal-Parlament).

1.7

Madankollu, din il-proposta fil-Kunsill hija s-suġġett ta' dibattitu fil-Kunsill, fejn hija soġġetta għar-regola sterili ta' l-unanimità. Għalhekk, hekk kif ippropona l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' l-Aja (5), din il-bidla għandha sseħħ b'urġenza, qabel ma jsir l-istudju dwar il-proposti leġislattivi l-ġodda. Il-KESE jipproponi li l-Kunsill jadotta l-proċedura “li tgħaqqad” li diġà daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' l-ażil, sabiex dawn id-Direttivi jiġu approvati b'maġġoranza kwalifikata, b'kodeċiżjoni tal-Parlament.

1.8

Kif diġà stqarr il-Kumitat, għal-leġislazzjoni l-ġdida dwar id-dħul ta' l-immigranti, ikun aħjar li wieħed jistabbilixxi qafas leġislattiv globali u orizzontali milli wieħed settorjali. Il-proposta għal Direttiva dwar id-dħul ta' l-immigranti li l-Kummissjoni kienet ħejjiet u li l-KESE kien appoġġja, b'xi emendi, tibqa' proposta leġislattiva tajba. Jistgħu jitħejjew ukoll regoli speċifiċi għal kwistjonijiet settorjali u kondizzjonijiet partikolari. Approċċ settorjali li għandu l-għan uniku tad-dħul ta' l-immigranti bi kwalifiki għoljin ħafna, jekk tali għandha tkun l-għażla tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ma jkunx utli biex jirregola l-biċċa l-kbira ta' l-immigrazzjoni u barra minn hekk ikun diskriminatorju. Din l-għażla tista' tkun tabilħaqq tidher l-aktar għażla faċli għall-Kunsill iżda fil-fatt hija għażla mbiegħda mill-bżonnijiet ta' l-Ewropej.

1.9

It-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-limiti tal-leġislazzjoni komuni billi jipprevedi d-dritt ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' immigranti li jridu jħallu jidħlu fit-territorju tagħhom. Dan il-limitu ma jostakolax il-ksib ta' livell għoli ta' armonizzazzjoni leġislattiva f'dan il-qasam. Huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala inċentiv għall-ġestjoni nazzjonali ta' l-immigrazzjoni ekonomika li għandha tiġi trattata permezz ta' proċeduri komuni u trasparenti. L-awtorità kompetenti għall-għoti tal-permessi ta' xogħol u ta' residenza tkun dik ta' l-Istat Membru, li madankollu jaġixxi fil-qafas tal-leġislazzjoni Komunitarja. B'hekk, kull Stat Membru, b'kollaborazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, ikun jista' jiddetermina l-karatteristiċi ta' l-immigrazzjoni (6). Il-leġislazzjonijiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż, fil-kuntest tal-leġislazzjoni Ewropea.

1.10

Il-proposta għal Direttiva, ta' natura orizzontali, li tistabbilixxi proċedura unika ta' talba għall-għoti ta' permess uniku li jawtorizza liċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u li tistabbilixxi ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jgħixu legalment fi Stat Membru hija risposta għall-intenzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li jkollha politika ta' l-immigrazzjoni komprensiva.

1.11

Dan l-għan ġie adottat matul il-Kunsill Ewropew ta' Tampere f'Ottubru 1999, fejn id-dikjarazzjoni finali qajmet il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiżgura t-trattament ġust taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jgħixu fit-territorju ta' l-Istati Membri tagħha legalment, u li toffrilhom l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet li toffri liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea.

1.12

Min-naħa l-oħra, il-programm ta' l-Aja ta' Novembru 2004 għaraf li l-immigrazzjoni legali ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ ta' l-ekonomija ta' l-għarfien fl-Ewropa u fl-iżvilupp ekonomiku u b'hekk ser tikkontribwixxi għad-dħul fis-seħħ ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

1.13

Fl-2004, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper (7) bl-għan li tniedi dibattitu u perijodu ta' konsultazzjonijiet dwar il-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni ekonomika fl-UE. Il-KESE ħejja opinjoni (8) fejn ippropona li l-UE toħloq leġislazzjoni komuni armonizzata għad-dħul ta' l-immigranti u kien tal-fehma li leġislazzjoni bħal din għandha tkun orizzontali aktar milli settorjali.

1.14

Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 approva l-programm ta' azzjoni dwar l-immigrazzjoni legali, li bi ħsiebu jindirizza żewġ għanijiet:

1.14.1

Li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' dħul għal kategoriji speċifiċi ta' immigranti (ħaddiema bi kwalifiki għoljin, ħaddiema staġjonali, apprentisti mħallsa u trasferimenti temporanji intra-azjendali) f'erba' proposti leġislattivi speċifiċi.

1.14.2

Li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għal approċċ ġust u bbażat fuq il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-immigranti ħaddiema.

2.   Proposta għal Direttiva

2.1

L-għan tal-proposta għal Direttiva huwa li tiżgura l-istatus legali tal-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li diġà ġew ammessi u li tintroduċi semplifikazzjoni fil-proċedura għall-applikanti l-ġodda.

2.2

Fl-UE jeżistu differenzi kbar fil-mod ta' kif l-Istati Membri jittrattaw lill-ħaddiema immigranti.

2.3

Jeżistu wkoll inugwaljanzi kbar bejn kif jiġu trattati l-immigranti u l-ħaddiema tal-Komunità.

2.4

Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi proċedura ta' applikazzjoni unika b'rabta ma' l-għoti ta' permess uniku li jawtorizza liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u tistabbilixxi ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jgħixu legalment fi Stat Membru: kondizzjonijiet tax-xogħol inklużi l-pagi u s-sensji, l-assoċjazzjoni, l-aċċess għal edukazzjoni professjonali u għall-benefiċċji prinċipali tas-sigurtà soċjali, eċċ.

2.5

Hija Direttiva orizzontali li tolqot ukoll lill-immigranti ekonomiċi u lill-persuni kollha li fil-bidu daħlu għal raġunijiet oħra minbarra l-impjieg, iżda li eventwalment ingħataw id-dritt li jaħdmu fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja jew nazzjonali (membri tal-familja, refuġjati, studenti, riċerkaturi, eċċ.).

2.6

L-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva jeskludi l-ħaddiema transkonfinali (9), li m'humiex ikkunsidrati bħala parti mis-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru, il-persuni trasferiti termporanjament mill-kumpanija tagħhom, il-fornituri ta' servizzi kuntrattwali, apprentisti li jkunu għadhom kif spiċċaw l-università, il-ħaddiema staġjonali kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, dawk li kienu kisbu l-istatus ta' residenza fit-tul.

2.7

Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri li jeżaminaw kull applikazzjoni ta' residenza u ta' xogħol fit-territorju tagħhom fil-kuntest ta' proċedura unika u li jekk l-applikazzjoni tintlaqa', joħorġu permess uniku ta' residenza u ta' xogħol.

2.8

Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti li tkun responsabbli għall-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess uniku, mingħajr ma tostakola r-responsabbiltà u l-kompetenza li għandhom awtoritajiet nazzjonali oħra fir-rigward ta' l-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet u tad-deċiżjoni li tittieħed f'dan ir-rigward.

2.9

Il-permess uniku għandu jkollu l-istess format tal-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi hekk kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

2.10

Il-permess uniku jagħti lill-applikant id-dritt li jidħol u jgħix fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess, li jgawdi minn aċċess ħieles fit-territorju kollu, li jaqsam minn Stat Membru għal ieħor u li jwettaq l-attivitajiet awtorizzati mill-permess.

2.11

Rigward il-proċedura unika, ġew stabbiliti ċerti garanziji proċedurali, b'mod partikolari l-ħtieġa ta' motivazzjoni u ġustifikazzjoni ta' rifjut ta' applikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kondizzjonijiet u l-kriterji li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut ta' applikazzjoni għal permess uniku għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

2.12

Id-Direttiva tistipula l-obbligu li f'każ ta' rifjut jiġu pprovdut mezz ta' rikors li għandu jiġi speċifikat fin-notifika li tintbagħat lill-applikant. Dan għandu jiġi infurmat ukoll dwar id-dokumenti li għandhom jintbagħtu ma' l-applikazzjoni kif ukoll dwar it-taxxi li għandhom jitħallsu.

2.13

Fil-livell tad-drittijiet, id-Direttiva tistabbilixxi eżiġenza minima għat-trattament ugwali ta' dawk kollha li ngħatalhom il-permess uniku, mingħajr preġudizzji kontra d-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw ċerti dispożizzjonijiet iżjed favorevoli.

2.14

Id-Direttiva tistabbilixxi li l-ħaddiema ta' pajjiżi terzi għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini għall-inqas fir-rigward ta':

kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-pagi u s-sensja kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

libertà ta' l-assoċjazzjoni u l-affiljazzjoni u sħubija f'organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew kull organizzazzjoni professjonali;

edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali;

rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, skond il-proċeduri nazzjonali;

trattament ugwali rigward is-sigurtà soċjali li tikkorrespondi mal-benefiċċji msemmija fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, billi tiġi estiża wkoll għall-persuni li jaslu fi Stat Membru u li jkunu ġejjin minn pajjiż terz;

ħlas ta' pensjonijiet miksuba meta jiċċaqilqu għal pajjiż terz;

benefiċċji fiskali;

aċċess għall-prodotti u s-servizzi, inklużi l-proċeduri biex tinkiseb akkomodazzjoni u l-assistenza li jistgħu jagħtu l-uffiċċji ta' l-impjieg;

2.15

L-Istati Membri jistgħu jostakolaw id-dritt tat-trattament ugwali:

billi jitolbu prova tal-profiċjenza adattata fil-lingwa għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

billi jillimitaw id-drittijiet rigward għotjiet għall-istudju;

billi jillimitaw l-ugwaljanza fil-kondizzjonijiet tax-xogħol (salarju, sensja, saħħa fuq ix-xogħol), il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-benefiċċji fiskali u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li fil-fatt għandhom xogħol.

2.16

Rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-proposta tipprevedi trattament ugwali skond il-proċeduri nazzjonali, billi tirreferi għad-Direttiva 2005/36/KE, li tistipula li ċittadin ta' pajjiż terz li jkun kiseb ċerti kwalifiki fi Stati Membri oħra għandu d-dritt li dawn jiġu rikonoxxuti bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

2.17

Rigward it-trattament ugwali fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, inkluż l-aċċess għar-residenzi, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt tar-residenza soċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ilhom jgħixu minn ta' l-inqas tliet snin fit-territorju tagħhom.

2.18

Fl-aħħarnett, il-proposta għal Direttiva tiżgura l-ħarsien tad-dispożizzjonijiet l-iżjed vantaġġużi li jinsabu fil-ftehimiet Komunitarji, jew ta' l-istrumenti internazzjonali l-iżjed vantaġġużi, adottati b'mod partikolari mill-Kunsill ta' l-Ewropa, li japplikaw għall-ħaddiema immigranti u ċittadini ta' pajjiżi li huma membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Il-proposta ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet l-iżjed vantaġġużi li jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fir-rigward tal-leġislazzjoni u d-dħul ta' l-immigranti, il-KESE ppropona li l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jabbanduna r-regola ta' l-unanimità u jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza kwalifikata permezz ta' sistema ta' kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew (10). Hekk biss tkun tista' titfassal leġislazzjoni ta' kwalità, li twassal għal progress fl-armonizzazzjoni fi ħdan l-UE.

3.2

Il-KESE jemmen li l-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandha taqa' taħt il-proċedura ordinarja tat-Trattat ta' Lisbona (inizjattiva tal-Kummissjoni, maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u kodeċiżjoni tal-Parlament).

3.3

Tajjeb li wieħed jikkunsidra l-fatt li hekk kif it-Trattat ta' Lisbona jiġi rratifikat u jidħol fis-seħħ, il-kompetenzi ta' l-UE u dawk ta' l-Istati Membri ser ikunu iżjed ċari, u li l-Kunsill ser jibda jadotta d-deċiżjonijiet permezz ta' maġġoranza kwalifikata b'kodeċiżjoni tal-Parlament, u b'hekk titwarrab ir-regola attwali ta' l-unanimità li tfixkel l-adozzjoni ta' leġislazzjoni komuni reali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jipproponi lill-Kunsill li meta tkun ser tiġi adottata leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni, tintuża l-proċedura ordinarja (bl-istess mod kif kien ġie deċiż għal-leġislazzjoni dwar l-ażil) u b'hekk jantiċipa dak li jipprevedi t-Trattat ta' Lisbona.

3.4

Il-Kumitat ippropona li x-xogħlijiet tal-Kunsill dwar din id-Direttiva jieħdu l-preċedenza fuq dawk dwar id-Direttiva dwar l-impjieg bi kwalifiki għoljin (COM(2007) 637) u d-Direttivi settorjali l-oħra; jipproponi wkoll li l-Kummissjoni tgħaġġel l-iżvilupp ta' Direttivi oħra dwar id-dħul li hija ppjanat għax-xhur li ġejjin (ħaddiema staġjonali, apprentisti mħallsa u trasferimenti intra-azjendali).

3.5

Il-Kumitat jixtieq li l-UE jkollha leġislazzjoni komuni li tippreżenta livell għoli ta' armonizzazzjoni, sabiex l-immigrazzjoni tiġi ggwidata skond proċeduri legali, flessibbli u trasparenti, fejn tiżgura trattament ġust liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi billi toffrilhom ċerti drittijiet u obbligazzjonijiet li jaqblu ma' dawk taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

3.6

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet previsti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-proposta għal Direttiva rigward trattament ugwali f'termini ta' salarju, ta' kondizzjonijiet ta' xogħol, ta' libertà ta' assoċjazzjoni, ta' edukazzjoni u ta' taħriġ professjonali, jiffurmaw bażi tajba għall-bidu tal-leġislazzjoni tal-ġejjieni rigward l-immigrazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE huwa tal-fehma li din id-Direttiva ta' natura orizzontali li tinkludi proċedura unika u ġabra ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jgħixu legalment fi Stat Membru hija fundamentali għall-UE, sabiex tkun tista' tinħoloq bażi għall-politika komuni ta' l-immigrazzjoni ekonomika. Il-proposta għal Direttiva tħares id-dritt ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' immigranti li jistgħu jidħlu fit-territorju tagħhom.

4.2

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-proposta tal-Kummissjoni sabiex l-UE jkollha leġislazzjoni orizzontali li tkopri l-proċedura ta' dħul u tad-drittijiet tal-ħaddiema ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' l-Istati Membri.

4.3

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (11), il-KESE esprima ruħu favur il-proċedura unika dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol. Huwa kien qal li l-leġislazzjonijiet dwar ir-rapport bejn il-permess ta' residenza u l-permess tax-xogħol ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jħoss li hemm bżonn li tiġi stabbilita leġislazzjoni armonizzata fil-livell ta' l-UE. Il-ħruġ ta' permessi ser ikun ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet ta' kull Stat Membru. Il-permess mogħti minn Stat għandu jkun rikonoxxut bħala tali mill-bqija ta' l-UE. Il-KESE jixtieq li l-leġislazzjoni tnaqqas kemm jista' jkun il-proċeduri burokratiċi u tiffaċilita l-proċessi għall-partijiet konċernati kollha jiġifieri l-immigranti, min iħaddem u l-awtoritajiet. Huwa esprima ruħu favur permess uniku, jiġifieri l-permess ta' residenza, li jiġbor fih ukoll l-awtorizzazzjoni għax-xogħol.

4.4

Fir-rigward tad-drittijiet, fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper il-KESE jistqarr li l-punt ewlieni ta' dan id-dibattitu għandu jkun il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni. Il-ħaddiem immigrant għandu jgawdi mill-istess drittijiet ekonomiċi, professjonali u soċjali bħall-ħaddiema l-oħra ta' l-Istat konċernat, hu x'inhu l-perijodu tal-permess ta' residenza u ta' xogħol tiegħu. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza r-rwol ta' l-imsieħba soċjali fil-livelli differenti (intrapriża, settur, livell nazzjonali u livell Ewropew) fil-promozzjoni tat-trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol. Il-KESE, b'kollaborazzjoni mad-Dublin Foundation u ma' l-imsieħba soċjali Ewropej, organizza seduta. Il-konklużjonijiet tagħha ġew inklużi f'opinjoni oħra (12).

4.5

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (13) il-KESE jipproponi numru ta' drittijiet li għandhom jingħataw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu u jgħixu legalment, għalkemm temporanjament, fi Stat Membru. Il-Kumitat ifakkar li l-ħaddiema immigranti jħallsu t-taxxa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet soċjali marbuta max-xogħol, skond il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri.

4.6

Barra minn hekk, minbarra t-trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol (kondizzjonijiet, pagi u sensji, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, drittijiet ta' assoċjazzjoni, eċċ.), il-KESE ppropona li jinkludi:

id-dritt għas-sigurtà soċjali, inkluża l-kura medika;

id-dritt ta' aċċess għall-prodotti u għas-servizzi, inkluż l-alloġġ, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini nazzjonali;

l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

ir-rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u brevetti fil-qafas tal-leġislazzjoni Komunitarja;

id-dritt għall-edukazzjoni tat-tfal minuri, inklużi l-għajnuniet u l-għotjiet għall-istudju;

id-dritt li wieħed jeżerċita t-tagħlim u r-riċerka xjentifika skond il-proposta tad-Direttiva (14);

id-dritt għal assistenza ġuridika mingħajr ħlas f'każ ta' bżonn;

id-dritt għall-aċċess ta' servizz mingħajr ħlas ta' ppustjar mill-ġdid (servizz pubbliku);

id-dritt li wieħed jiġi mgħallem il-lingwa tal-pajjiż ospitanti;

ir-rispett tad-diversità kulturali;

id-dritt tal-moviment ħieles u tar-residenza fi ħdan l-Istat Membru.

4.7

Fl-2004 il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (15) fejn ippropona lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri li jipproċedu bir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema immigranti kollha u tal-membri tal-familja tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1990 (16), sabiex tippromovi d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema immigranti mhux biss fl-Ewropa iżda fid-dinja kollha. Il-KESE ppropona lill-Kummissjoni li tadotta inizjattivi ġodda għar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni, sabiex issaħħaħ is-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' l-immigranti.

4.8

Il-Kumitat jipproponi li n-nota spjegattiva tad-Direttiva tinkludi paragrafu ġdid li jiżgura l-ħarsien tar-regoli ta' l-ILO (Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) fil-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni, b'mod partikolari r-regoli ta' l-ILO dwar il-ħaddiema immigranti (C 97 u C 143).

4.9

Il-KESE jitlob ukoll li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li tagħmel parti mill-acquis communautaire, tkun iggarantita fid-Direttiva, kif ukoll il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

4.10

Il-ħaddiema staġjonali m'għandhomx ikunu esklużi mill-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Minkejja li l-Kummissjoni qed tħejji Direttiva speċifika, il-KESE jikkunsidra li l-prinċipju ta' trattament ugwali, speċjalment fil-post tax-xogħol, għandu jiġi ggarantit għal din il-kategorija ta' ħaddiema wkoll.

4.11

Il-Kumitat jinsab imħasseb u jesprimi n-nuqqas ta' qbil tiegħu rigward il-possibbiltà li ngħatat lill-Istati Membri li jillimitaw it-trattament ugwali (17) għall-kondizzjonijiet tax-xogħol (pagi u sensja, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sigurtà soċjali) u għal-libertà ta' assoċjazzjoni. Din il-limitazzjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2. Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jdgħajfu l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni. Il-Kumitat huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, it-trattament ugwali huwa wieħed mill-prinċipji tal-liġi Komunitarja.

4.12

Fi kwalunkwe każ, il-limitazzjonijiet eżistenti għandhom dejjem jiġu interpretati fid-dawl ta' strumenti ġuridiċi internazzjonali vinkolanti oħra li huma iżjed vantaġġużi, jiġifieri d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jew il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem, kif ukoll fid-dawl ta' strumenti normattivi Komunitarji u nazzjonali oħra, li huma wkoll iżjed vantaġġużi.

4.13

Meta l-permess uniku jiġi rrifjutat, id-Direttiva tistipula li dan ir-rifjut għandu jiġi kkomunikat bil-miktub u li l-applikant ikun jista' jressaq rikors quddiem il-korpi ġurisdizzjonali ta' l-Istat Membru. Il-Kumitat jipproponi li meta r-rifjut iwassal għal tiġdid, twaqqif jew teħid tal-permess, ir-rikors (18) ta' l-applikant quddiem il-qrati jkun jista' jkollu effett sospensorju fuq id-deċiżjoni amministrattiva sakemm tittieħed id-deċiżjoni ġudizzjarja finali.

4.14

Fl-aħħarnett, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni. Huwa ħejja bosta opinjonijiet ta' inizjattiva proprja sabiex jippromovi l-politiki ta' integrazzjoni (19), u organizza konferenzi u seduti. L-UE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkollaboraw għall-promozzjoni tal-politiki ta' integrazzjoni, peress li l-integrazzjoni kif ukoll il-promozzjoni tat- trattament ugwali u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma sfidi għas-soċjetà Ewropea, b'mod partikolari għall-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Attwalment il-Kumitat qiegħed jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea għall-ħolqien ta' Forum Ewropew għall-Integrazzjoni (20).

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2001) 386 finali.

(2)  Opinjoni tal-KESE tas-16.1.2002 dwar il-“Proposta għal Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi għal skopijiet ta' xogħol bi ħlas jew ta' attivitajiet ekonomiċi indipendenti”, (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, ippubblikata fil-ĠU C 80, 3.4.2002) u l-opinjoni tal-PE ppubblikata fil-ĠU C 43 E, 19.2.2004 (rapporteur: is-Sinjura Terrón i Cusí).

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 (Programm ta' azzjoni b'rabta ma' l-immigrazzjoni legali); ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-10 ta' Diċembru 2003 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg”; rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 80, 30.3.2004).

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Programm ta' l-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin — Sħubija għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 65, 17.3.2006); mhux disponibbli bil-Malti.

(5)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 4.

(6)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 4.

(7)  “Green Paper dwar strateġija ta' l-UE għat-treġija tal-migrazzjoni ekonomika” COM(2004) 811 finali.

(8)  Ara l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar il-“Green Paper dwar strateġija ta' l-UE għat-treġija tal-migrazzjoni ekonomika”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 286, 17.11.2005).

(9)  Direttiva 96/71/KE.

(10)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 4.

(11)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 8.

(12)  Ara l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13/14 ta' Settembru 2006 dwar “L-immigrazzjoni fi ħdan l-UE u l-politiki ta' l-integrazzjoni: il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”; rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006).

(13)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 8.

(14)  Ara l-proposta għad-Direttiva tal-Kummissjoni COM(2004)178 dwar id-dħul taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' riċerka xjentifika. Ara l-opinjoni tal-KESE tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew b'rabta mal-preżentazzjoni tal-proposta għal Direttiva u ta' żewġ proposti ta' rakkomandazzjoni bl-għan li jiffaċilitaw id-dħul taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea”; rapporteur: is-Sinjura King (ĠU C 120, 20.5.2005); mhux disponibbli bil-Malti.

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-30 ta' Ġunju 2004 dwar “Il-Konvenzjoni internazzjonali għall-ħaddiema immigranti”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 302, 7.12.2004); mhux disponibbli bil-Malti.

(16)  Riżoluzzjoni 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003.

(17)  L-Artikolu 12-2.

(18)  L-Artikolu 8.

(19)  Opinjoni tal-KESE tal-21 ta' Marzu 2002 dwar “L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 125, 27.5.2002); mhux disponibbli bil-Malti.

Opinjoni tal-KESE ta' l-10/11 ta' Diċembru 2003 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u x-xogħol”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 80, 30.3.2004); mhux disponibbli bil-Malti.

Opinjoni tal-KESE tat-13/14 ta' Settembru 2006 dwar “L-immigrazzjoni fi ħdan l-UE u l-politiki ta' integrazzjoni: il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”; rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006).

Konferenza dwar l-“Immigrazzjoni: ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni”, Brussell, id-9 u l-10 ta' Settembru 2002.

(20)  http://integrationforum.teamwork.fr/


Top