EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1209

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid

ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid

(2009/C 27/22)

Nhar il-25 ta' Ottubru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva talba għal konsultazzjoni mill-Presidenza Franċiża futura dwar

Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid.

Is-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Olsson.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (laqgħa tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja b'133 vot favur, żewġ voti kontra u 4 astensjonijiet.

Fiż-żmien meta ġiet adottata din l-opinjoni, u fid-dawl tar-referendum tat-12 ta' Ġunju dwar it-Trattat ta' Lisbona, l-istatus u l-futur ta' dan it-Trattat kienu għadhom iridu jiġu kkjarifikati. Fl-opinjoni hemm ħafna referenzi għat-Trattat ta' Lisbona u għad-dimensjoni u l-potenzjal tal-politika soċjali tiegħu. Il-Kumitat jemmen li l-argument favur Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid li huwa ambizzjuż u parteċipattiv jibqa' relevanti, u li tali Programm huwa saħansitra iktar neċessarju.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew (PASE) ġdid huwa meħtieġ sabiex l-iżviluppi soċjali fl-UE jkunu jistgħu jlaħħqu ma' l-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq. Huwa f'waqtu li, fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona l-ġdid li joħloq possibilitajiet, responsabbiltajiet u objettivi ġodda, titnieda mill-ġdid Ewropa Soċjali iktar parteċipattiva u dinamika. Il-PASE l-ġdid għandu jippromovi b'mod konkret u prattiku l-miri u l-ambizzjonijiet tal-politika soċjali ta' l-UE li jmorru lil hinn ferm mill-2010, u għandu jkun pjan direzzjonali komprensiv għall-azzjoni ta' politika.

1.2

Id-djalogu soċjali jibqa' wieħed mill-pilastri ewlenin u għandu jiġi msaħħaħ. Il-programm għandu joħloq rabtiet ġodda maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili organizzatabil-għan li l-proċeduri parteċipattivi minn isfel għal fuq, inkluż id-djalogu ċivili, li u l-inizjattivi ta' l-UE jimxu id f'id.

1.3

Il-programm għandu jindirizza b'mod speċifiku oqsma ta' politika bħall-kwalità tal-ħajja, id-drittijiet soċjali fundamentali, l-għoti tal-poter lin-nies, is-solidarjetà soċjali, l-impjiegi u x-xogħol ta' kwalità għolja, l-intraprenditorija soċjetali, il-ġestjoni tat-tibdil, il-promozzjoni ta' standards soċjali bażiċi fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE, b'mod speċjali fil-qasam tal-kummerċ. Għandhom jintużaw l-istrumenti u l-għodod kollha disponibbli. Waqt li għandu jinżamm il-metodu Komunitarju, għandu jkun hemm ukoll “metodi ġodda” oħrajn. Ir-riżorsi finanzjarji fil-baġit attwali jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jappoġġjaw il-programm. Ir-riforma baġitarja wara l-2013 trid tiffoka fuq il-koeżjoni soċjali.

2.   Introduzzjoni — sfond

2.1

Il-Presidenza Franċiża ta' l-UE li ġejja ressqet l-idea ta' Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew quddiem il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.2

Din it-talba tista' titqies bħala segwitu għall-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar l-Analiżi tar-realtà tas-soċjetà Ewropea li pproponiet li sabiex tinbena bażi ta' kunsens ġdid dwar l-isfidi soċjali li qed tiffaċċja l-Ewropa, jista' jitfassal “programm ta' azzjoni soċjali” ġdid li jikkunsidra kemm ir-realtajiet ekonomiċi kif ukoll l-aspettattivi soċjali (1).

2.3

L-opinjoni msemmija hawn fuq tirriferi għall-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ta' l-1989 li kien parti integrali minn dak li jista' jiġi identifikat bħala l-mudell soċjali Ewropew, u fih ħarġet fid-dieher ir-realtà tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern uniku. Kien programm ta' tliet snin ta' azzjoni, u l-appoġġ ċentrali għall-inizjattivi tal-Kummissjoni fl-ambitu soċjali permezz ta' 45 miżura li jinħtieġu għall-progress għen biex il-prinċipji stipulati fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (2) jiġu espressi b'mod tanġibbli fil-livell Komunitarju. Il-miżuri kienu leġislattivi u mhux leġislattivi u koprew azzjoni Komunitarja kważi fl-oqsma soċjali kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat, jiġifieri kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol imtejba.

2.4

L-acquis soċjali Ewropew li ġie stabbilit bħala riżultat tal-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ta' l-1989 ma żammx mal-pass ta' l-isfidi ekonomiċi u soċjali tal-lum li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima u l-iżvilupp demografiku. Dawn l-isfidi saru iktar gravi minħabba li t-tkabbir ekonomiku ddgħajjef, kif ukoll minħabba l-problemi finanzjarji kbar u l-kriżi ta' l-ikel li aktarx se tfaqqa' fil-futur. Xi gruppi u ċittadini saħansitra jħossu li l-politika soċjali Ewropea — b'kuntrast mal-progress fil-politiki tas-suq intern — waslet f'punt li tistax tkompli tiżviluppa.

2.5

L-analiżi soċjali tas-sitwazzjoni wriet li soċjetà Ewropea affluwenti u li qed tinbidel malajr qed tipprovdi aktar opportunitajiet, iżda qed ifiġġu wkoll riskji soċjali ġodda, bħad-differenzi fil-pagi u l-opportunitajiet indaqs, il-bidliet fis-suq tax-xogħol, in-nuqqasijiet fl-ugwaljanza bejn is-sessi u s-salarji, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali, il-firda bejn il-ġenerazzjonijiet (generation fracture), it-tibdil fl-istrutturi familjari u l-aċċess għad-djar u għall-kura tat-tfal, is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Dawn kollha kienu enfasizzati fl-eżerċizzju ta' analiżi.

3.   Qafas ġdid għal Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew

3.1

Kulma jmur il-politiċi qed isiru dejjem iktar konxji li t-tendenzi politiċi l-ġodda huma indispensabbli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi għall-mudell soċjali Ewropew. Iċ-ċittadini Ewropej jixtiequ azzjonijiet ta' politika soċjali ġodda li għandhom ikunu progressivi mil-lat soċjali u sostenibbli mil-lat ekonomiku.

3.2

It-Trattat ta' Riforma ta' Lisbona joħloq opportunità ġdida biex jitwettaq il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew billi jistipula objettivi soċjali ġodda għall-UE (3): livell massimu ta' impjieg u progress soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u l-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

3.3

It-Trattat ta' Riforma jsaħħaħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħqu l-objettivi soċjali.

3.4

L-opportunitajiet għal Ewropa aktar soċjali huma partikolarment imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fid-dispożizzjoni mandatorja tal-“klawsola soċjali trasversali” u fil-Protokoll dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali. It-Trattat joħloq ukoll l-opportunitajiet tal-“kooperazzjoni msaħħa” li l-Istati Membri jistgħu jippromovu u jużaw fil-qasam soċjali (4).

3.5

It-Trattat jikkonferma r-rwol ta' l-imsieħba soċjali biex jikkontribwixxu għal Ewropa ta' progress ekonomiku u soċjali. Permezz tad-dispożizzjonijiet dwar id-demokrazija parteċipattiva jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda u strumenti addizzjonali — per eżempju “l-inizjattiva taċ-ċittadini” — għall-involviment taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-kostruzzjoni ta' Ewropa iktar soċjali. Il-KESE għandu jaqdi rwol attiv f'dan ir-rigward.

3.6

Il-KESE jixtieq jirreferi wkoll għad-dikjarazzjoni (5) ta' disa' gvernijiet li saħqet dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew billi dan wassal għall-progress soċjali u jista' jiffaċċja l-isfidi tal-lum. Id-dikjarazzjoni enfasizzat ir-responsabbiltà ta' l-istituzzjonijiet Ewropej biex jerġgħu jniedu Ewropa soċjali u biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, bl-enfasi tkun fuq id-djalogu soċjali. L-UE b'27 Stat Membru ma tistax tkun biss żona ta' kummerċ ħieles iżda għandha tiggarantixxi wkoll il-bilanċ neċessarju bejn il-libertà ekonomika u d-drittijiet soċjali sabiex is-suq intern ikun jista' jiġi regolat ukoll fil-livell soċjali. Fil-politiki esterni tagħha l-Unjoni Ewropea għandha tippromovi l-valur tal-mudell soċjali tagħha sabiex jinkisbu globalizzazzjoni ġusta u xogħol deċenti għal kulħadd.

3.7

Fil-qosor, Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid huwa meħtieġ sabiex l-iżviluppi soċjali fl-UE jkunu jistgħu jlaħħqu ma' l-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq, u sabiex jgħin fl-appoġġ għall-istrateġija ta' Lisbona u jippromovi l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħha, filwaqt li jsir progress, flimkien, f'dawn id-dossiers. Ikun f'waqtu wkoll li, fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona l-ġdid, titnieda Ewropa soċjali iktar parteċipattiva u dinamika li taqbel mal-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Għaldaqstant, il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew għandu jkun integrat bis-sħiħ fi strateġija għal wara Lisbona li tkun imsejsa fuq l-impjiegi, it-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà, fejn id-dimensjoni soċjali tkun importanti daqs id-dimensjoni ekonomika.

4.   Prinċipji u elementi tal-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid

4.1

Il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew l-ġdid għandu jkun ibbażat fis-sod fuq il-valuri u l-objettivi ta' l-Unjoni Ewropea kif stipulati fit-Trattat ta' Lisbona. Għandu jkun qafas ta' referenza għal żona ta' welfare għaċ-ċittadini kollha fl-Ewropa, liema żona tkun demokratika, msejsa fuq is-solidarjetà, sostenibbli, inklużiva mil-lat soċjali u kompetittiva, ibbażata fuq distribuzzjoni usa' ta' l-opportunitajiet fil-ħajja li ma tħalli 'l ħadd barra u għodda ewlenija għall-garanzija tad-drittijiet taċ-ċittadini kif imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-PASE għandu jkun ibbażat fuq kooperazzjoni pożittiva bejn l-Istati Membri, mhux fuq “tellieqa sal-qiegħ” kompetittiva fir-rigward tad-drittijiet soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. B'hekk l-Unjoni Ewropea tikkonferma l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikunu garantiti minnha fl-aħjar livell.

4.2

Il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew isaħħaħ il-viżjoni ta' mudell Ewropew tas-soċjetà li jkun fih kemm il-kunċett ta' ekonomija tas-suq soċjali kif ukoll il-mudell soċjali Ewropew. Huwa jirreaġixxi għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies, u jsaħħaħhom billi liċ-ċittadini jagħtihom drittijiet u responsabbiltajiet waqt li jippromovi demokrazija parteċipattiva, jidentifika u jimmobilizza l-atturi fi djalogu soċjali msaħħaħ u djalogu ċivili effettiv. Il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid għandu jiffaċilita approċċ kreattiv u innovattiv kif jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji l-ġodda.

4.3

Il-programm il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq perspettivi soċjali u soċjetali fit-tul u jindirizza l-aspetattivi u r-realtajiet il-ġodda. Din il-perspettiva ta' sostenibbiltà fit-tul għandha tenfasizza l-miżuri għat-tfal u l-ġenerazzjoni żagħżugħa.

4.4

Għaldaqstant, il-Programm għandu jaġġorna u jasserixxi mill-ġdid l-għanijiet, il-proposti u l-ambizzjonijiet tal-politika soċjali ta' l-UE li jmorru lil hinn ferm mill-2010. Għandu jkun pjan direzzjonali komprensiv għall-azzjoni ta' politika fil-livelli kollha ta' Ewropa soċjali li tieħu spinta ġdida, bl-appoġġ ta' “Aġendas Soċjali” li jiġu aġġornati regolarment (6) imsejsa fuq valuri komuni.

4.5

Il-PASE jimxi id f'id ma' mudell soċjali Ewropew dinamiku (7). Saħħet il-mudell tinsab prinċipalment fil-kapaċità tiegħu li jibni fuq il-valuri komuni inerenti f'varjetà wiesgħa ta' sitwazzjonijiet sabiex jistabbilixxi strumenti, proċeduri u azzjoni b'mod konġunt ma' parteċipanti legali, li jippermettu konverġenza reali f'termini ta' progress. Il-kapaċità ta' finanzjament li għandha l-UE hija fattur determinanti biex ikun żgurat żvilupp konsistenti u biex jippermetti lil dawk il-pajjiżi li qegħdin strutturalment lura biex ilaħħqu ma' l-oħrajn.

4.6

Il-programm jirrikonoxxi li l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali jsaħħu lil xulxin u huma interdipendenti. It-twaħħid tal-kompetittività ekonomika mal-ġustizzja u s-solidarjetà soċjali huwa l-aktar mod adatt kif ikun promoss il-benesseri tal-bnedmin fl-Ewropa. Suġġett għal ċerti garanziji għall-benefiċċjarji, jista' jikkombina inizjattivi tas-settur privat u tas-settur pubbliku wkoll sabiex jinstabu riżorsi finanzjarji sostenibbli għal welfare soċjali inklużiv. U b'hekk għandu joħloq ukoll qafas li jiggarantixxi li s-servizzi ta' interess ġenerali jkunu universali, aċċessibbli u ta' kwalità.

4.7

Il-Programm ta' Azzjoni Soċjali ġdid għandu jappoġġja lil kull intrapriża responsabbli soċjalment, lill-kompetizzjoni ġusta u sitwazzjoni ta' kondizzjonijiet ugwali li tippermetti lis-suq intern biex jirnexxi mingħajr ma potenzjalment jiddgħajjef mir-“dumping soċjali”. F'dan il-kuntest, huwa għandu jiffoka b'mod partikolari fuq impjiegi ta' kwalità għall-futur u s-soċjetà ta' l-għarfien li tmur magħhom u li hija meħtieġa.

4.8

Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija f'sens wiesa', kif definita mill-Kummissjoni (8), ser ittejjeb kemm il-prestazzjoni ekonomika kif ukoll dik soċjali (9). Il-pluralità fl-intrapriżi għandha tkun salvagwardjata u promossa sabiex jinkiseb vantaġġ mill-ispeċifiċitajiet ta' intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u ta' l-intrapriża ta' l-ekonomija soċjali u l-kontribut tagħhom għad-dimensjoni soċjali. L-istatuti Ewropej għal assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, mutwali u intrapriżi żgħar huma meħtieġa biex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali bejn l-atturi ekonomiċi kollha.

4.9

Il-PASE għandu jkun ibbażat fuq approċċ komprensiv u koerenti, li jesplora wkoll il-kunċett ta' integrazzjoni tal-politika soċjali f'oqsma ta' politika oħra. Huwa għandu jsir parti naturali mill-politika makroekonomika, mill-politiki fiskali u tal-kompetizzjoni, mill-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli, mill-politika industrijali, mill-koeżjoni territorjali u mid-dimensjoni esterna ta' l-UE.

4.10

PASE ġdid isaħħaħ b'mod konkret il-viżjoni soċjali dwar l-“opportunitajiet tal-ħajja” l-ġodda għas-seklu 21 ippreżentati reċentement mill-Kummissjoni (10). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi qafas għall-politika ta' l-UE u tenfasizza li l-aġenda ta' “opportunitajiet, aċċess u solidarjetà” teħtieġ investimenti fit-tul fil-kapital soċjali u uman. Dawn l-investimenti ser iżidu l-prestazzjoni ekonomika u jistgħu jkunu ġustifikati wkoll mil-lat ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa din l-idea, u jemmen li għandhom jiġu żgurati mezzi innovattivi għall-finanzjament tal-kapital uman u soċjali kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istati Membri. Il-baġit ta' l-UE għandu jkun immirat lejn dan il-għan. Il-possibilità ta' faċilità ta' self madwar l-Ewropa kollha għall-iżvilupp infrastrutturali soċjali tista' tiġi studjata wkoll.

4.11

Il-PASE għandu jikkontribwixxi wkoll sabiex tinkiseb globalizzazzjoni iktar ekwitabbli u bbilanċjata permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji u l-valuri tal-mudell soċjali tiegħu fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE. Għandhom jitwaqqfu s-sħubijiet ma' pajjiżi terzi kif ukoll ikun hemm iktar għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jiġu promossi d-djalogi soċjali u ċivili kif ukoll il-politiki ta' l-impjiegi u tal-benesseri soċjali. Ir-relazzjonijiet kummerċjali għandhom jitmexxew skond ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u soċjali tal-bniedem, stipulati per eżempju fil-prinċipji u n-normi ta' l-ILO (11).

5.   Gvernanza fuq ħafna livelli

5.1

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jaqdu r-rwol tagħhom ta' mexxejja u jissodisfaw l-obbligi li ngħatawlhom fit-Trattat biex jiksbu progress soċjali. Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid għalhekk huwa f'waqtu. Fil-prattika, l-istrumenti u l-miżuri kollha previsti fit-Trattat (12) għal dan il-għan għandhom jintużaw skond il-prattiċità u l-effiċjenza waqt li jiġu rikonoxxuti r-rekwiżiti tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

5.2

Il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ta' l-1989, flimkien mal-proġett tas-Suq Uniku ta' l-1992, it-tnejn li huma taw xhieda tal-valur tal-“metodu Komunitarju”. Peress li dan il-metodu għadu validu għar-reviżjoni attwali tas-suq intern, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jintuża wkoll biex tingħata spinta ġdida lid-dimensjoni soċjali. Għaldaqstant, huwa possibbli li jittieħdu azzjonijiet leġislattivi f'UE b'27 membru.

5.3

Fl-istess ħin, l-involviment rikk u varjat ta' l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili fil-livelli differenti jista' jgħin sabiex jintlaħaq sens iktar qawwi ta' “sjieda”. Il-partijiet interessati kollha kkonċernati għandhom jieħdu sehem sabiex il-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ikun rilevanti, konkret, prattiku u jikkunsidra ċ-ċittadini. B'dan il-mod, approċċ proattiv u “minn isfel għal fuq”, kif inhu deskritt iktar 'l isfel, għandu jinteraġixxi ma' l-inizjattivi ta' l-UE.

5.4

Il-ħtiġijiet, it-tħassib u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għandhom jiġu identifikati. L-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' l-UE li tara x'realtajiet soċjali jeżistu tista' sservi bħala mudell u tkun organizzata fuq bażi aktar permanenti li tilħaq ukoll il-livell lokali. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol kruċjali biex it-talbiet taċ-ċittadini jitressqu fil-livell xieraq, inkluża l-Ewropa. Għandhom inkunu involuti b'mod sistematiku fl-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet li tniedi l-Kummissjoni ta' l-UE waqt li l-Kumitat jaqdi r-rwol tiegħu ta' intermedjarju.

5.5

F'dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi organizzat dibattitu permanenti — fil-livelli kollha — li jindirizza l-isfidi u l-għażliet strateġiċi futuri fil-qasam tal-politiki soċjali. L-għan tad-dibattitu għandu jkun li jikkontribwixxi għal kunsens progressiv ġdid dwar il-politika soċjali Ewropea fuqi l-bażi ta' l-impenn komuni bejn dawk kollha involuti.

5.6

Id-djalogu soċjali inter-settorjali, settorjali u trans-nazzjonali jibqa' wieħed mill-pilastri prinċipali tal-mudell soċjali fl-Istati membri u fil-livell ta' l-UE. Min iħaddem u t-trade unions għandhom rwol prinċipali fl-indirizzar ta' l-isfidi soċjali għaliex huma forzi b'saħħithom biex jintlaħaq il-progress ekonomiku u soċjali. Ir-rapporti ta' analiżi konġunti u l-prijoritajiet stabbiliti mill-imsieħba soċjali Ewropej ser ikunu elementi essenzjali ta' qafas għal azzjonijiet adatti fil-livell kemm ta' l-UE kif ukoll nazzjonali (13).

5.7

Id-djalogu ċivili — hemm distinzjoni ċara bejn id-djalogu ċivili u dak soċjali — ser ikun pilastru prinċipali ieħor fil-futur. Ser tkun sfida reali biex iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom ikunu involuti fil-kostruzzjoni ta' Ewropa soċjali.

5.8

Il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u korpi simili għandhom ikunu jistgħu jiġu mistiedna biex, flimkien mal-gvernijiet tagħhom, jieħdu sehem fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew.

5.9

Jeħtieġ li s-sħubijiet u d-djalogi eżistenti fil-qasam tal-politiki soċjali jissaħħu fil-prattika. L-esperjenza pożittiva u l-mudelli ta' sħubijiet mill-Istati Membri kif ukoll mill-politika ta' koeżjoni ta' l-UE li kkontribwixxew għall-welfare soċjali għandhom ikunu disseminati u possibbilment esplorati aktar.

5.10

L-awtonomija u l-kapaċitajiet ta' l-atturi soċjali u ekonomiċi jeħtieġ li jkunu promossi u appoġġjati b'miżuri pubbliċi adegwati sabiex jinħoloq ambjent favorevoli li jtejjeb l-abbiltà tagħhom li jartikolaw il-perspettiva “minn isfel għal fuq” u jidentifikaw oqsma ta' politika ewlenin.

6.   Oqsma ta' politika prinċipali

6.1   Mogħdija tal-ħajja sostenibbli

Mogħdijiet individwali siguri permezz ta' impenji kollettivi. Prinċipji komuni biex ikunu ttrattati transazzjonijiet tul il-ħajja kollha, kif ukoll sabiex tiġi appoġġjata l-“flessigurtà” (14) permezz tal-garanzija ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għas-servizzi, id-drittijiet miżmumin u d-dħul suffiċjenti, u permezz ta' finanzjament pubbliku u/jew privat skond it-tip ta' sigurtà soċjali magħżula. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu adattati, u jekk ikun possibbli għandu jkun hemm ukoll ftehimiet kollettivi u provvediment finanzjarju reċiproku.

Ħajja mtejba permezz ta' karta ta' sostenibbiltà soċjali li tkopri, ngħidu aħna, id-drittijiet soċjali fundamentali, il-protezzjoni soċjali, is-servizzi soċjali, is-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti — inklużi pazjenti mentali.

6.2   Il-garanzija tad-drittijiet soċjali fundamentali

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom jgħinu jiggwidaw u jinkoraġġixxu żviluppi u azzjonijiet tal-politika soċjali ta' l-UE.

Viġilanza fil-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni. Azzjonijiet leġislattivi addizzjonali u miżuri oħrajn sabiex ikunu garantiti d-dispożizzjonijiet fit-Trattat (15) sabiex ikun kopert kull tip ta' diskriminazzjoni.

Ratifika ta' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u Ewropej. Azzjonijiet sabiex tkun garantita l-implimentazzjoni legali u prattika tad-dispożizzjonijiet inklużi f'dawn l-istrumenti u għal monitoraġġ aħjar mill-UE u mill-Istati Membri. Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU għandha tingħata attenzjoni partikolari.

6.3   Tisħiħ tan-nies — żvilupp tal-kapaċitajiet

Programm Ewropew għall-promozzjoni ta' l-għarfien  (16). Prijoritajiet u azzjonijiet prinċipali tat-tagħlim tul il-ħajja, li jingħataw bażi legali u l-provvediment ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

Implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, partikolarment:

il-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, ibbażat fuq investimenti sostanzjali, li jagħti aċċess liż-żgħażagħ f'esperjenza ta' l-ewwel xogħol deċenti li jwassal għal impjieg iktar permanenti fis-suq tax-xogħol;

li jingħata t-tieni ċans għal dawk li ħallew l-edukazzjoni kmieni

Programm Qafas Komunitarju ta' politiki ta' integrazzjoni. Politiċi għall-integrazzjoni effettivi, koerenti u bbażati fuq id-drittijiet għall-immigranti, ir-refuġjati u l-minoritajiet appoġġjati minn riżorsi finanzjarji ambizzjużi. Appoġġ permanenti għall-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni li qed jiġi propost u li għandu jiġi stabbilit mill-KESE u l-Kummissjoni sabiex jagħti leħen lill-immigranti.

6.4   Lejn soċjetà għal kulħadd

Qerda tal-faqar

iż-żamma ta' l-għan li jinqered il-faqar fl-Istati Membri kollha

l-implimentazzjoni ta' viżjoni ta' l-eradikazzjoni totali tal-faqar fost it-tfal

il-pensjonijiet deċenti sabiex jiġi miġġieled il-faqar fost l-anzjani

l-istabbiliment ta' prinċipji komuni ta' dħul minimu deċenti li jirrispettaw is-sussidjarjetà

L-ugwaljanza bejn is-sessi

l-implimentazzjoni tal-Patt ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (permezz ta' leġislazzjoni, il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u prinċipji komuni)

il-garanzija tad-drittijiet individwali għan-nisa

it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fis-setturi kollha tas-soċjetà

il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa

l-investimenti f'kura bi prezz raġonevoli u aċċessibbli tat-tfal u l-anzjani

ir-reviżjoni tas-sistemi fiskali u tas-sigurtà soċjali

il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

Nirrispondu għall-ħtiġijiet ta' soċjetà li qiegħda tixjieħ

li l-Alleanza għall-Familja, adottata mill-Kapijiet ta' Stat ta' l-UE, issir operattiva f'dan ir-rigward

li tinħoloq Alleanza taċ-Ċittadini Anzjani (17)

li jiġi garantit l-aċċess universali u sostenibbli u s-sostenibbiltà finanzjarja għal kura fit-tul

li jitnieda programm tar-riċerka

li jinħoloq osservatorju ta' l-aħjar prattiki.

Strateġija komprensiva ta' l-UE għad-diżabbiltà

l-introduzzjoni ta' proposta qafas kontra d-diskriminazzjoni speċifika għal persuni b'diżabbiltajiet

il-konsolidazzjoni tal-prinċipju ta' integrazzjoni tad-diżabbiltà fil-politiki kollha

it-tfassil ta' pakkett komprensiv ta' miżuri leġislattivi u stimi ta' l-impatt ta' liġijiet oħra.

Servizzi mtejba ta' interess ġenerali

l-introduzzjonita' l-istabbiltà legali meħtieġa sabiex ikun garantit it-tħaddim tas-servizzi ta' interess ġenerali, u b'mod partikolari, is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali kif ukoll biex tinżamm kwalità tajba b'konformità mar-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati

l-elaborazzjoni ta' l-għodod ta' kwalità sabiex tiġi evalwata l-prestazzjoni ta' dawn is-servizzi u titkejjel l-effiċjenza, anke fir-rigward ta' l-ispejjeż

il-promozzjoni ta' investimenti permezz ta' strumenti kkombinati mal-finanzjament pubbliku/privat (sħubija pubblika/privata), b'mod speċjali fir-rigward ta' l-infrastrutturi pubbliċi li jiġġeneraw dħul mill-użu tagħhom.

6.5   Il-ħolqien ta' impjiegi u xogħol ta' kwalità għolja

Strateġija Ewropea dwar l-impjiegi ambizzjuża u effettiva, b'mod partikolari miri li jistgħu jitkejlu fl-oqsma ta' l-attivazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi li jistgħu jitkejlu skond punti ta' referenza. Il-Kummissjoni għandha tingħata aktar setgħat ta' rinforzar.

Il-mobbiltà bħala opportunità għal kulħadd. Il-benefiċċji tas-suq intern għandhom ikunu sfruttati, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-moviment ħieles tax-xogħol fl-UE, flimkien ma':

miżuri adegwati għas-sigurtà soċjali (koordinazzjoni transnazjonali effiċjenti tas-sigurtà soċjali kif ukoll il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali dwar pensjonijiet u saħħa)

aċċess għall-housing, il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni

ugwaljanza ta' trattament għal ħaddiema stabbiliti u mobbli u ħaddiema fil-pajjiż ospitanti

mekkanżmi ta' kontroll aktar effiċjenti u koordinati għall-istabbiliment tal-ħaddiema.

Xogħol ta' kwalità għolja bi ħlas ġust.

Prinċipji komuni biex jippromovu xogħol ta' kwalità għolja bi ħlas ġust waqt li jitnaqqsu l-impjiegi prekarji

Miżuri favur ħaddiema bi ftit ħiliet u favur dawk li ma għandhomx ħiliet

Azzjonijiet intensifikati biex ikun miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat

Żvilupp ta' indiċi Ewropew dwar il-kwalità tax-xogħol

Miżuri biex jittejbu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol b'miżuri effiċjenti biex ikunu kkonfrontati riskji ġodda, u dan ukoll fir-rigward ta' tipi ġodda ta' xogħol.

L-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol anke bl-implimentazzjoni ta' strateġiji effiċjenti għat-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi bejn is-sessi, sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni u jinħolqu mogħdijiet li jwasslu għall-inklużjoni.

6.6   Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija f'kuntest soċjali

L-intraprenditorija fit-tifsira l-iktar wiesgħa tagħha għandha tiġi promossa sabiex toħloq iktar tkabbir u impjiegi aħjar kif ukoll sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali.

Intrapriżi, b'mod speċjali intrapriżi soċjali u intrapriżi oħrajn ta' l-ekonomija soċjali, bħala mogħdijiet lejn integrazzjoni effettiva fis-soċjetà u x-xogħol.

Programmi tal-Kummissjoni għall-appoġġ ta' l-intraprenditorija għandhom jibqgħu ffokati fuq impjiegi ta' kwalità.

Responsabbiltà soċjali korporattiva. Sabiex l-Ewropa ssir simbolu ta' eċċellenza fis-CSE permezz ta' azzjonijiet konġunti ta' dawk li jħaddmu, it-trade unions, l-NGOs u l-awtoritajiet pubbliċi li jiżviluppaw, barra mill-konformità sħiħa mal-liġi tax-xogħol u l-liġi soċjali, mudelli u prattika tajba b'mod sostenibbli bl-appoġġ ta' inċentivi ta' l-UE.

6.7   Antiċipazzjoni u monitoraġġ tat-tibdil strutturali

Ġestjoni tat-tibdil fil-qafas ta' sħubija bejn l-intrapriżi u l-atturi kkonċernati kollha fejn il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom huma essenzjali sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa.

Integrazzjoni tad-dimensjonijiet ambjentali, industrijali, ekonomiċi u soċjali fi proposti ta' l-UE għall-industrija, il-bidla fil-klima u l-ambjent flimkien ma' strumenti ta' finanzjament partikolari biex jappoġġjaw teknoloġija ġdida u l-impjieg.

6.8   Enfasizzi fuq id-dimensjoni esterna

Promozzjoni tal-karatterisitiċi tal-mudell soċjali Ewropew fil-politiki esterni ta' l-UE (b'mod partikolari l-idea ta' xogħol deċenti, djalogu soċjali u djalogu ċivili, per eżempju f'linji politiċi rigward il-kummerċ, il-pajjiżi AKP u l-viċinat)

Tisħiħ ta' l-approċċ ta' ILO

ratifika u implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-konvenzjonijiet rilevanti kollha ta' l-ILO inklużi dawk rigward in-non-diskriminazzjoni

integrazzjoni ta' standards ewlenin ta' l-ILO fil-ftehimiet kummerċjali

tisħiħ tas-sistema superviżorja ta' l-ILO.

Promozzjoni tat-tikettar soċjali u ambjentali

Li l-konvenzjonijiet tas-sistema GSP Plus isiru punt ta' referenza  (18)

Il-promozzjoni ta' sistemi ta' gvernanza internazzjonali għal għażliet teknoloġiċi u ambjentali ġodda u għal regoli finanzjarji internazzjonali ġodda

Promozzjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar is-CSR

Żvilupp u ġestjoni tal-politika dwar l-immigrazzjoni bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi ta' l-oriġini.

7.   Metodi u għodod

7.1   Kummenti ġenerali

7.1.1

Huwa importanti ħafna li jinstabu metodi xierqa u effettivi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda u jkun avvanzat il-progress soċjali.

7.1.2

Kemm l-elementi li diġà jeżistu kif ukoll dawk ġodda tat-Trattat imsemmi hawn fuq għandhom jintużaw bis-sħiħ waqt li tissaħħaħ ukoll l-implimentazzjoni ta' l-acquis soċjali. L-istess jgħodd għal mezzi ta' azzjoni u miżuri oħrajn.

7.2   Leġislazzjoni ġdida u pendenti

7.2.1

Fl-ambitu ta' l-Artikoli 136 u 137 tat-Trattat, huwa meħtieġ li jiġu segwiti xi azzjonijiet leġislattivi bħal:

l-iżblokkar ta' leġislazzjoni pendenti (ħin tax-xogħol, xogħol ta' aġenzija u interim, pensjonijiet supplimentari portabbli, eċċ.)

it-titjib ta' ċerti direttivi

it-tnaqqis gradwali ta' opt outs

l-istabbiliment ta' qafas għal forom ġodda ta' impjiegi u riskji ġodda fil-post ta' l-impjieg.

7.3   It-tisħiħ tat-traspożizzjoni, il-monitoraġġ u l-proċedura ta' evalwazzjoni ta' l-azzjoni

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u l-effetti tagħhom fuq l-acquis soċjali għandhom jiġu segwiti mill-qrib u jekk ikun hemm bżonn għandhom jittieħdu miżuri politiċi u legali sabiex ma jkunx hemm il-possibilità ta' influwenza fuq drittijiet fundamentali u inaljenabbli (19).

Għandu jitħalla jiżviluppa l-potenzjal sħiħ ta' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni, azzjonijiet u programmi Komunitarji.

Għandhom jittejbu l-kapaċitajiet ta' kontroll u ta' spezzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.

7.4   Ko-regolazzjoni u awto-regolazzjoni

7.4.1

Il-ko-regolazzjoni u l-awto-regolazzjoni (ftehimiet, kodiċi ta' kondotta volontarji, standards, eċċ.) jistgħu jikkomplementaw il-leġislazzjoni qafas ta' l-UE u miżuri oħrajn fil-qasam soċjali. Id-djalogu soċjali fih innifsu huwa element wieħed minn dan l-istrument. Il-ko-regolazzjoni u l-awto-regolazzjoni jistgħu jkunu proċess dinamiku li jirrispondi għall-iżvilupp rapidu tar-realtajiet soċjali. Madankollu, dejjem irid jiġi evalwat bir-reqqa u jkun imsejjes fuq il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà tal-partijiet interessati kollha kkonċernati u ma għandux iwassal għal status legali inqas b'saħħtu mill-metodu disponibbli tal-Komunità.

7.5   L-awtonomija u l-effiċjenza tad-djalogu soċjali jeħtieġ li jkunu rinforzati

7.5.1

Il-programm ta' ħidma konġunt għall-2006-2008 li għadu għaddej ta' l-imiseħba soċjali Ewropej juri li d-djalogu soċjali Ewropew huwa fit-triq it-tajba biex jiffaċċja l-isfidi ta' l-Ewropa sakemm l-imiseħba soċjali Ewropej jadottaw il-mezzi sabiex joħolqu kultura li tiffunzjona tajjeb u dinamika ta' relazzjonijiet industrijali awtonomi fil-livelli kollha. L-UE tista' tappoġġja dan billi:

tiżgura konsultazzjoni xierqa ma' l-imsieħba soċjali Ewropej fil-qafas ta' l-Artikolu 138 tat-Trattat;

tiggarantixxi l-implimentazzjoni bla xkiel tal-programmi ta' ħidma konġunti tagħhom;

issaħħaħ il-kapaċitajiet tat-trade unions u ta' min iħaddem fil-qasam tat-taħriġ u tat-teħid ta' azzjoni, anke permezz ta' mezzi ġodda, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda;

tippromovi ftehimiet kollettivi trans-nazzjonali billi tiggarantixxi qafas legali stabbli għall-imsieħba soċjali bil-għan li jagħmlu negozjati kollettivi madwar l-Ewropa kollha, inklużi dispożizzjonijiet għat-traspożizzjoni ta' ftehimiet kollettivi;

tkompli tiżviluppa d-direttivi dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni.

7.6   Djalogu ċivili — rinforzar tad-demokrazija parteċipattiva

7.6.1

Id-dispożizzjonijiet (20) dwar id-demokrazija parteċipattiva fit-Trattat ta' Lisbona joffru opportunitajiet ġodda biex ikunu involuti bis-sħiħ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili barra mill-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika soċjali Ewropea u b'mod partikolari fit-tfassil ta' Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid.

7.6.2

Il-KESE huwa l-istituzzjoni rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell ta' l-UE. It-Trattat ta' Lisbona jagħti 'l-Kumitat ambitu addizzjonali biex jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu bħala intermedjarju bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-korpi ta' l-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-KESE għandu responsabbiltà partikolari fit-tkattir tad-demokrazija parteċipattiva. Ser jieħu inizjattivi u jesplora metodi u mezzi biex dan l-Artikolu l-ġdid tat-Trattat isir operattiv kif ukoll biex jevalwa l-metodi differenti ta' parteċipazzjoni, konsultazzjoni u l-istimi ta' l-impatt li qed jintużaw mill-Kummissjoni ta' l-UE u istituzzjonijiet oħrajn ta' l-UE bil-għan li jsiru aktar affidabbli, utli u parteċipattivi. F'dan il-kuntest il-Kumitat itenni s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta' statut għall-assoċjazzjonijiet Ewropej (21).

7.7   Id-dritt ta' l-inizjattiva taċ-ċittadini — għodda importanti

7.7.1

Id-dritt ta' l-inizjattiva taċ-ċittadini (22) jista' jkun ikkunsidrat bħala għodda ġdida u waħda mill-aktar għodod importanti biex is-soċjetà ċivili organizzata tipprova tippromovi Ewropa soċjali eqreb taċ-ċittadini u l-aspettattivi soċjali tagħhom.

7.7.2

Għalhekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jevalwaw l-effikaċja ta' din il-klawsola tat-Trattat il-ġdid. Għandhom jeżaminaw f'liema ċirkostanzi jistgħu jużawha u kif ser issir operattiva. Il-KESE jista' jikkontribwixxi għal din l-analiżi wkoll billi jinvolvi lill-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet nazzjonali li l-membri tiegħu jirrappreżentaw.

7.8   Kooperazzjoni msaħħa

7.8.1

Id-diversità dejjem tiżdied ta' l-Unjoni Ewropea hija argument favur il-kooperazzjoni msaħħa. L-Istati Membri li jridu jmorru lil hinn u aktar rapidament fi kwistjonijiet ta' politika soċjali jistgħu jużaw din l-opportunità biex isibu soluzzjonijiet komuni u adatta. Naturalment, dan la għandu jwassal għar-“dumping soċjali” u lanqas iħalli lil dawk li mhux qed jieħdu sehem totalment minsijin. F'dan il-kuntest għandu jkun innotat li l-kooperazzjoni bejn ċerti Stati Membri diġà teżisti f'ċerti oqsma. (23)

7.8.2

Xi oqsma possibbli għall-kooperazzjoni msaħħa jistgħu jkunu:

biex jintlaħaq approċċ komuni dwar kif ikunu integrati l-politiki ekonomiċi u soċjali fiż-żona ta' l-euro;

il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali barra minn dawk koperti mir-regolament dwar il-koordinazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali (24);

azzjonijiet għall-infurzar ta' l-istrateġiji differenti ta' l-UE fejn il-kompetenza hija l-aktar ta' l-Istati Membri, bħal per eżempju fil-qasam ta' l-edukazzjoni.

7.9   Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK)

7.9.1

F'opinjonijiet differenti l-Kumitat appoġġja l-MMK iżda kien tal-fehma li dan għandu jkun iktar effettiv. Il-MMK ta xi riżultati iżda ħafna drabi l-Istati Membri ma wrewx impenn suffiċjenti għall-objettivi u l-azzjonijiet li ntlaħaq ftehim dwarhom.

7.9.2

Il-Kumitat ipporopona li l-MMK għandu jintuża biex jiġu stabbiliti kemm miri kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi flimkien ma' indikaturi soċjali aħjar, u għandu jintuża f'oqsma ġodda, per eżempju politiki dwar l-integrazzjoni, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-politiki dwar id-diżabbiltà.

7.9.3

Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għandu jaħdem iktar fil-livell lokali u b'hekk jirrifletti l-approċċ parteċipattiv minn isfel għal fuq u l-koordinazzjoni neċessarja ta' l-imsieħba u l-politiki sabiex jintlaħaq żvilupp lokali u reġjonali bl-appoġġ tal-fondi strutturali.

7.9.4

Xi proposti:

Pjanijiet ta' azzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali bħala element essenzjali tal-Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew.

Benchmarking tal-MMK stess permezz ta' miri u indikaturi, reviżjonijiet mill-pari kif ukoll skambju ta' prattika tajba fejn għandhom jiġu enfasizzati l-gvernanza u b'mod partikolari l-parteċipazzjoni fis-soċjetà ċivili organizzata fil-livelli kollha u l-Kumitat Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali.

7.10   Prinċipji komuni

7.10.1

L-inizjattivi reċenti tal-Kumissjoni dwar, per eżempju, il-flessigurtà, introduċew metodu “ġdid” ibbażat fuq prinċipji komuni li jservu ta' rakkomandazzjonijiet biex ikunu segwiti minn kull Stat Membru skond kif iħossu li hu xieraq (25).

7.10.2

Il-metodu jidher vijabbli meta jkun qed jiffoka fuq temi speċifiċi ħafna u fejn l-Istati Membri jixtiequ li jsir progress anke jekk il-kompetenza ta' l-UE hija limitata. Minħabba li huma involuti bosta oqsma ta' politika, jinħtieġ approċċ integrat.

7.10.3

Il-metodu ta' prinċipji komuni huwa opportunità wkoll għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata, kemm fit-tfassil kif ukoll fin-negozjar u l-implimentazzjoni tagħhom.

7.10.4

Madankollu, hemm bżonn kbir li jinstabu rabtiet ma' strumenti u metodi oħrajn ta' l-UE, per eżempju l-MMK u l-linji gwida integrati ta' l-istrateġija ta' Lisbona sabiex tiġi evalwata u mkejla l-effiċjenza ta' dan il-metodu l-ġdid u l-applikazzjoni xierqa tiegħu. Waqt l-implimentazzjoni, huwa importanti li l-prinċipji komuni jiġu rispettati b'mod effettiv sabiex ma jkunx hemm lok għal kompetizzjoni inġusta.

7.11   Indikaturi

7.11.1

Il-Kumitat jissuġġerixxi li fil-qafas tal-PASE għandha tkun introdotta azzjoni partikolari relatata ma' indikaturi bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kkonċernati. Għandha:

tistabbilixxi indikaturi ġodda ta' “benesseri” li m'humiex ibbażati mill-qrib fuq il-PGD/PGN, iżda li bis-saħħa tagħhom jintwera l-progress fl-oqsma ta' l-iżvilupp soċjali (26);

telabora indikaturi soċjali ta' kwalità għolja, affidabbli u komparabbli biex tingħata stampa ddettaljata u reali tal-progress rigward l-objettivi;

tiżviluppa indikaturi kwalitattivi sabiex jitkejlu, ngħidu aħna, l-aċċessibbiltà u l-kwalità b'rabta ma' l-aspettativi kif ukoll l-involviment ta' l-utent u t-trattament faċli għall-utent biex ikun rifless kif qed jintlaħqu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

7.12   Il-valutazzjoni ta'l- impatt tal-politiki ta' l-UE

7.12.1

Il-leġislazzjoni, il-politiki u l-programmi ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu valutati rigward il-konsegwenzi soċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari għal din il-valutazzjoni ta' l-impatt li għandha tinvolvi mill-qrib lill-atturi kkonċernati kollha. L-oqsma tal-politika soċjali ewlenin kollha, partikolarment l-effetti tagħhom fuq l-impjieg, it-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà għandhom jiġu evalwati kull ħames snin. Kriterji ta' kwalità għandhom jitwaqqfu sabiex jappoġġjaw l-analiżi u l-evalwazzjoni neċessarji.

7.13   Riżorsi finanzjarji

7.13.1

L-istrument baġitarju biex ikun implimentat il-programm ta' azzjoni soċjali għandu jittieħed fil-viżjoni komprensiva tar-riżorsi finanzjarji kemm ta' l-UE kif ukoll nazzjonali.

7.13.2

Fir-riforma baġitarja għandha titpoġġa enfasi speċjali fuq azzjoni b'appoġġ għal koeżjoni ekonomika u soċjali. Hija meħtieġa allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi sabiex ikunu salvagwardjati u promossi l-koeżjoni, l-impjiegi u l-mudell soċjali Ewropew, u b'hekk il-PASE, b'konformità mal-valutazzjonijiet ta' kull ħames snin (ara punt 7.12.1).

7.13.3

Madankollu, sakemm ikun effettiv il-baġit il-ġdid (2013) jistgħu jsiru ċerti allokazzjonijiet fil-baġit eżistenti kemm mingħajr kif ukoll bir-rinegozjati bejn l-Istati Membri.

7.13.4

Huma meħtieġa aktar koerenza u koordinazzjoni bejn il-fondi differenti (eż. koeżjoni, reġjonali, soċjali, rurali, Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)) sabiex tkun integrata d-dimensjoni soċjali fil-linji ta' politika differenti.

7.13.5

Proposti għal inizjattivi ta' nofs it-term

l-EGF għandu jiġi eżaminat mill-ġdid b'enfasi speċjali fuq il-fini, il-metodi ta' applikazzjoni u aċċess aħjar għall-finanzjament, inkluż it-tisħiħ tar-rabta ma' l-FSE (Fond Soċjali Ewropew). Għandha tkun ikkunsidrata l-estensjoni possibbli ta' l-EGF biex ikopri l-impatt tal-bidla fil-klima u linji politiċi ambjentali dwar l-impjiegi;

il-fondi strutturali għandhom jirrispondu aktar għal strutturi ta' appoġġ fuq skala żgħira iżda effettivi fil-livell bażiku;

jista' jkun stabbilit Fond għall-Innovazzjoni Soċjali biex jappoġġja inizjattivi ġodda ta' karattru sperimentali b'konformità ma' l-esperjenza pożittiva li ġarrab il-programm Equal;

għandu jinħoloq Fond Demografiku (27) minnufih;

għandu jissaħħaħ il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal-KESE tat-18.1.2007 dwar l-“Analiżi tar-realtà tas-soċjetà Ewropea”, rapporteur: is-Sur Olsson (ĠU C 93 tas-27.4.2007), punt 5.8.

(2)  Mill-Karta tal-Programm, Social Europe 1/90, p. 28.

(3)  L-Artikolu 2.

(4)  Titolu IV, Artikolu 10.

(5)  It-Tisħiħ ta' l-Ewropa Soċjali, ippreżentata mill-Ministri ta' l-Impjiegi tal-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu u l-Ungerija:

http://www.obreal.unibo.it/File.aspx?IdFile=816.

(6)  Il-Kummissjoni adottat Aġenda Soċjali mġedda fit-2 ta' Lulju 2008 (COM(2008) 412 finali).

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-6.7.2006 dwar il-“Mudell Soċjali Ewropew”, rapporteur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309 tas-16.12.2006).

(8)  Definizzjoni tal-Kummissjoni: “L-intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta' l-individwu li jdawwar l-ideat f'azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà ta' l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta' appoġġ għal kulħadd fil-ħajja ta' kuljum fid-dar u fis-soċjetà, l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ mill-intraprendituri li jistabbilixxu attivitajiet soċjali jew kummerċjali”, ara l-paragrafu 2.2 ta' l-opinjoni tal-KESE tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar “L-Ispirtu Intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona”, rapporteur: is-Sur Sharma, ko-rapporteur: is-Sur Olsson (ĠU C 44, 16.2.2008).

(9)  Ara l-opinjoni ta' hawn fuq.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għal Ewropa fis-seklu 21”, COM(2007) 726 finali.

(11)  Opinjoni tal-KESE tat-22.4.2008 dwar “Negozjati ġodda dwar ftehimiet kummerċjali — il-pożizzjoni tal-KESE”. Rapporteur: is-Sur Peel u l-ko-rapporteur: is-Sinjura Pichenot. ĠU C 211 tas-19.8.2008, p. 82.

(12)  B'mod partikolari l-Artikolu 136 fit-Trattat ta' Lisbona.

(13)  Per eżempju, ara r-rapport ta' analiżi konġunt “Key challenges facing European Labour markets” ippubblikat minn BusinessEurope, CCEP u ETUC f'Ottubru 2007.

(14)  Opinjoni tal-KESE tat-22.4.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz ta' flessibilità u sigurtà. Rapporteur: is-Sur Janson u ko-rapporteur: is-Sur Ardhe. ĠU C 211 tas-19.8.2008, p. 48

(15)  Artikolu 16 E fit-Trattat ta' Lisbona (preċedentement l-artikolu 13).

(16)  Ara Günther Schmied: “Transitional Labour Markets: Managing Social Risks over the Life Course”, kontribut għal-Laqgħa Informali tal-Ministri ta' l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, Guimarães, il-Portugall, Lulju 2007:

http://www.mtss.gov.pt/eu2007pt/en/preview_documentos.asp?r=29&m=pdf, p. 69).

(17)  SOC/308, abbozz ta' opinjoni dwar “Inqisu l-ħtiġijiet ta' l-anzjani” Rapporteur: is-Sinjura Heinisch. Għadha mhix ippublikata fil-ĠU (ġiet adotta minn Settembru 2008).

(18)  Ara l-punt 5.7. fl-Opinjoni tal-KESE tat-22.4.2008 dwar “Negozjati dwar ftehimiet kummerċjali ġodda — il-pożizzjoni tal-KESE”. Rapporteur: is-Sur Peel u ko-rapporteur: is-Sinjura Pichenot. ĠU C 211 tas-19.8.2008, p. 82

(19)  Per eżempju, Laval un Partneri Ltd. Sentenza ta' l-ECJ C-341/05 tat-18.12.2007. Viking Judgment ECJ u Rüffert ECJ C 346/06.

(20)  L-Artikolu 8 B.

(21)  Ara, per eżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-28.1.1998 dwar l-“Organizzazzjonijiet u Fondazzjonijiet Volontarji fl-Ewropa”, rapporteur: is-Sur Olsson (ĠU C 95 tat-30.3.1998)

(22)  Artikolu 8 B.4.

(23)  Per eżempju l-Euro u x-Schengen.

(24)  Regolament 883/04.

(25)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà, COM(2007) 359 finali, flimkien ma' oħrajn. ĠU C 211 tas-19.8.2008, p. 48

(26)  Skond ħidmet l-ekonomista li rebaħ il-Premju Nobel, Armatya Sen.

(27)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-18.12.2007 dwar ir-“Raba' Rapport ta' Koeżjoni”, rapporteur: is-Sur Derruine (ĠU C 120 tas-16.5.2008).


Top