EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1106

Regolament (UE) 2024/1106 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011 u (UE) 2019/942 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-Unjoni mill-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/103/2023/REV/1

ĠU L, 2024/1106, 17.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1106/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1106/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1106

17.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1106 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011 u (UE) 2019/942 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-Unjoni mill-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Biex ikollna kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq interni tal-elettriku u tal-gassijiet u jkun żgurat ambjent ekwu għall-parteċipanti fis-suq, neħtieġu l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi qafas komprensiv biex jintlaħaq dak l-objettiv. Biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fi swieq tal-enerġija bl-ingrossa li jiffunzjonaw u biex l-Unjoni titħares b’mod effettiv minn abbuż tas-suq, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jiġi emendat biex jiżgura iżjed trasparenza u jżid il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, u b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u l-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll biex jiżgura investigazzjoni u infurzar aktar effettivi ta’ każijiet transfruntiera potenzjali ta’ abbuż tas-suq filwaqt li jindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-qafas attwali.

(2)

L-istrumenti finanzjarji, inkluż id-derivattivi tal-enerġija, innegozjati fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa għandhom importanza dejjem akbar. Minħabba l-interrelazzjoni dejjem eqreb bejn is-swieq finanzjarji u s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jiġi allinjat aħjar mal-leġiżlazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, bħar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ manipulazzjoni tas-suq u informazzjoni privileġġata. Jenħtieġ għalhekk li d-definizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tiġi emendata biex tkun allinjata mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Għal dak l-għan, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tiġi emendata biex tkun tinkludi d-dħul fi kwalunkwe tranżazzjoni jew il-ħruġ, il-modifika jew l-irtirar ta’ kwalunkwe ordni biex isir negozju, iżda wkoll kull imġiba oħra relatata mal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li tagħti, jew li x’aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom; tiżgura, jew li x’aktarx tiżgura, minn persuna/i li jaġixxu b’kollaborazzjoni, il-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar f’livell artifiċjali; jew tħaddem apparat fittizju jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li tagħti, jew li x’aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom. F’dak ir-rigward, bil-ħsieb tal-allinjament mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li l-kunċett ta’ kwalunkwe mġiba oħra rigward il-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jinkludi azzjonijiet bħal quote stuffing, painting the tape jew momentum ignition, iżda ma jkunx limitat għal dawn biss.

(3)

Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ informazzjoni privileġġata tiġi emendata wkoll biex tkun allinjata mar-Regolament (UE) Nru 596/2014. B’mod partikolari, meta l-informazzjoni privileġġata tkun tikkonċerna proċess li jsir fi stadji, kull stadju tal-proċess kif ukoll il-proċess ġenerali jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni privileġġata. Pass intermedju fi proċess fit-tul jista’ fih innifsu jikkostitwixxi sett ta’ ċirkostanzi partikolari jew avveniment partikolari li jeżisti, jew fejn ikun hemm prospett realistiku li dawn ser ikunu jeżistu jew iseħħu, abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-fatturi eżistenti fiż-żmien rilevanti. Madankollu jenħtieġ li dan ma jiġix interpretat li jfisser li jrid jitqies id-daqs tal-effett ta’ dak is-sett ta’ ċirkostanzi jew dak l-avveniment fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa kkonċernati. Jenħtieġ li pass intermedju fi proċess fit-tul jitqies bħala informazzjoni privileġġata jekk, fih innifsu, ikun jissodisfa l-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament għal informazzjoni privileġġata.

(4)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), kif ukoll għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għall-prattiki koperti minn dan ir-Regolament.

(5)

Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri hija aspett ċentrali tal-kooperazzjoni fir-rigward ta’ ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament u l-identifikazzjoni tiegħu li jikkonċerna kemm is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa kif ukoll is-swieq finanzjarji. Fid-dawl tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkondividu l-informazzjoni rilevanti li jirċievu, mal-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(6)

Meta l-informazzjoni kondiviża mal-Aġenzija Ewropea għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-“Aġenzija”) ma tkunx, jew ma tibqax, sensittiva mil-lat kummerċjali jew mil-lat tas- sigurtà, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-parteċipanti fis-suq u lill-pubbliku ġenerali b’mod aċċessibbli bil-ħsieb li tikkontribwixxi għat-titjib fl-għarfien dwar is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Jenħtieġ li dan jinkludi l-possibbiltà li l-Aġenzija tippubblika informazzjoni aggregata dwar is-swieq organizzati (OMPs), il-pjattaformi tal-informazzjoni privileġġata (IIPs) u l-mekkaniżmi ta’ rapportar irreġistrati (RRMs) f’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data bl-għan li tittejjeb it-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa u dment li dan ma jfixkilx il-kompetizzjoni f’dawk is-swieq tal-enerġija.

(7)

Fejn l-informazzjoni kondiviża mal-Aġenzija ma tkunx, jew ma tkunx għadha, sensittiva mil-lat kummerċjali, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tqiegħed il-bażi ta’ data tagħha li ma tkunx sensittiva mil-lat kummerċjali disponibbli għal finijiet xjentifiċi, soġġett għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għat-titjib fl-għarfien dwar is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Dan huwa intiż biex tinbena fiduċja fi, u jitrawwem l-iżvilupp ta’ għarfien dwar il-funzjonament tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku regoli dwar kif biħsiebha tqiegħed dik l-informazzjoni disponibbli għal finijiet xjentifiċi u ta’ trasparenza, b’mod ġust u trasparenti.

(8)

Sabiex tkompli ssaħħaħ it-trasparenza tas-suq fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Unjoni u biex tikkontribwixxi għal Strateġija komuni tal-Unjoni għad-data dwar l-enerġija, jenħtieġ li l-Aġenzija tiżviluppa u żżomm ċentru ta’ referenza diġitali li jkun fih informazzjoni dwar id-data tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Unjoni (“iċ-Ċentru ta’ Referenza”). Jenħtieġ li l-Aġenzija tippubblika, f’format faċli għall-utent, partijiet mill-informazzjoni li tiġbor skont dan ir-Regolament, inkluż informazzjoni dwar in-negozjar ta’ kuntratti tal-enerġija bl-ingrossa barra l-borża, ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u kuntratti għad-differenza. Jenħtieġ li kwalunkwe data ppubblikata permezz ta’ taċ-Ċentru ta’ Referenza tkun soġġetta għal dan ir-Regolament u għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(9)

Jenħtieġ li l-OMPs li jwettqu attivitajiet relatati man-negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li huma strumenti finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (15) tad-Direttiva 2014/65/UE jiġu awtorizzati kif xieraq skont ir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva.

(10)

L-użu tat-teknoloġija tan-negozjar evolva b’mod sinifikattiv fl-aħħar għaxar snin, u t-teknoloġija qed tintuża dejjem aktar fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Ħafna parteċipanti fis-suq jużaw in-negozjar algoritmiku u tekniki ta’ algoritmi ta’ frekwenza għolja b’intervent uman minimu jew bla intervent uman. Jenħtieġ li r-riskji li joħolqu dawk il-prattiki jiġu indirizzati fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

(11)

Il-konformità mal-obbligi tar-rappurtar skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u l-kwalità tad-data li l-Aġenzija tirċievi huma tal-ikbar importanza sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u identifikazzjoni effettivi ta’ ksur potenzjali bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ dak ir-Regolament. Inkonsistenzi fil-kwalità, fil-format, fl-affidabbiltà u fil-kost tad-data kummerċjali jħallu effett negattiv fuq it-trasparenza, fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u fuq l-effiċjenza tas-suq. Huwa essenzjali li l-informazzjoni li tasal għand l-Aġenzija tkun eżatta u kompluta biex hija tkun tista’ taqdi l-kompiti u l-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv.

(12)

Sabiex jittejjeb il-monitoraġġ tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa mill-Aġenzija u l-ġbir tad-data jsir aktar komplut, jenħtieġ li r-reġim attwali tar-rappurtar jittejjeb. Jenħtieġ li d-data miġbura tiġi estiża biex jixxejnu l-lakuni fil-ġbir tad-data u jenħtieġ li jiġu inklużi s-swieq akkoppjati, is-swieq il-ġodda tal-ibbilanċjar, il-kuntratti tas-swieq tal-ibbilanċjar, il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni allokata u l-prodotti li għandhom il-potenzjal li jitwasslu fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-OMPs jintalbu jagħmlu disponibbli lill-Aġenzija data relatata mar-reġistru tal-ordnijiet jew, fuq talba, jipprovdu lill-Aġenzija aċċess mingħajr dewmien għar-reġistru tal-ordnijiet. Jenħtieġ li l-provdituri tar-reġistri tal-ordnijiet jinħatru wkoll bħala persuni li professjonalment jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet soġġetti għall-obbligu tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-ksur suspettat ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Jenħtieġ li l-obbligi tar-rappurtar dwar il-parteċipanti fis-suq jitnaqqsu kemm jista’ jkun billi, meta jkun possibbli, l-informazzjoni meħtieġa jew partijiet minnha jinġabru minn sorsi eżistenti. Il-parteċipanti fis-suq ma jistgħux jirreġistraw u jirrappurtaw faċilment id-data tal-OMPs. Għalhekk jenħtieġ li d-data tal-OMPs titqiegħed għad-disponibbiltà tal-Aġenzija mis-swieq organizzati rilevanti jew minn partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom.

(14)

Jenħtieġ li kwalunkwe proċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u rappurtar mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, isir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-Aġenzija jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(15)

Jenħtieġ li l- IIPs jaqdu rwol importanti għall-iżvelar effettiv tal-informazzjoni privileġġata. Jenħtieġ li jkun obbligatorju li tiġi żvelata l-informazzjoni privileġġata dwar IIPs dedikati ħalli l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment u tiżdied it-trasparenza. Huwa biss b’mod addizzjonali ma’ dan li l-parteċipanti fis-suq jistgħu jkomplu jużaw mezzi oħra, inkluż siti web tal-parteċipanti fis-suq, biex jiżvelaw informazzjoni privileġġata. Sabiex tiġi żgurata fiduċja fl-IIPs, jenħtieġ li dawn jiġu awtorizzati skont dan ir-RegolamentJenħtieġ li l-IIPs, inkluż dawk irreġistrati mill-Aġenzija skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (10), jikkonformaw mal-ħtiġijiet għall-awtorizzazzjoni u mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha s-setgħa li tirtira tali awtorizzazzjoni f’ċerti każijiet, filwaqt li tirrispetta s-salvagwardji proċedurali msemmija fl-Artikoli 14(6), (7), u (8) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Jenħtieġ li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma jwaqqafx lil entità milli tapplika għal awtorizzazzjoni ġdida bħala IIP mal-Aġenzija. Jenħtieġ li l-IIPs irreġistrati mill-Aġenzija skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1348/2014 u inklużi fil-lista ta’ IIPs tal-Aġenzija jitħallew ikomplu joperaw sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu tar-Regolament. Jenħtieġ li l-IIPs ikollhom mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu li r-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jiġu vverifikati malajr u b’mod effettiv. L-IIPs jistgħu jinvolvu parteċipanti fis-suq meta jiżviluppaw dan il-mekkaniżmu.

(16)

Biex ir-rappurtar tad-data lill-Aġenzija jiġi ssimplifikat u jsir aktar effettiv, jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’RRMs, u jenħtieġ li l-operat tal-RRMs jiġi awtorizzat mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-RRMs, inkluż dawk irreġistrati mill-Aġenzija skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014, jikkonformaw mal-ħtiġijiet għall-awtorizzazzjoni u mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Aġenzija żżomm reġistru tal-RRMs li tkun awtorizzat. Jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha s-setgħa li tirtira tali awtorizzazzjoni f’ċerti każijiet, filwaqt li tirrispetta imsemmija fl-Artikoli 14(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/942. Jenħtieġ li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma jwaqqafx lil entità milli tapplika għal awtorizzazzjoni ġdida bħala RRM mal-Aġenzija. Jenħtieġ li l-RRMs irreġistrati mill-Aġenzija skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1348/2014 u inklużi fil-lista ta’ RRMs tal-Aġenzija jitħallew ikomplu joperaw sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-RRMs ikollhom mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu li r-rapporti tat-tranżazzjonijiet jiġu vverifikati b’mod effettiv. L-RRMs jistgħu jinvolvu parteċipanti fis-suq meta jiżviluppaw tali mekkaniżmi.

(17)

Biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ li jidentifika negozjar potenzjali abbażi fuq informazzjoni privileġġata, jenħtieġ li l-ġbir ta’ informazzjoni privileġġata jiġi allinjat mal-proċessi attwali tar-rappurtar tad-data dwar il-kummerċ.

(18)

Jenħtieġ li l-persuni li professjonalment jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet jew iwettquhom ikollhom l-obbligu li jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet suspettati li jiksru r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 fir-rigward tal-abbuż tal-informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u, sabiex tissaħħaħ il-possibilità ta’ infurzar ta’ tali ksur, jenħtieġ li jkollhom ukoll l-obbligu li jirrappurtaw l-ordnijiet suspettużi u l-ksur potenzjali tal-obbligu li jippubblikaw l-informazzjoni privileġġata. Il-provdituri tal-aċċess elettroniku dirett u l-provdituri tar-reġistri tal-ordnijiet jitqiesu bħala persuni li professjonalment jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet.

(19)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (12) jipprevedi l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-Unjoni fis-settur tal-elettriku. Peress li l-operaturi tal-akkoppjament tas-suq jużaw algoritmu speċifiku biex jirrikonċilja l-offerti tax-xiri u l-offerti tal-bejgħ bl-aħjar mod, dan jista’ jwassal biex ordnijiet għan-negozjar li jitqiegħdu f’xi pajjiż terz li jipparteċipa fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-Unjoni, jirriżultaw f’kuntratt tal-provvista tal-elettriku li jitwassal fl-Unjoni. Jenħtieġ li t-tqegħid ta’ tali ordnijiet għan-negozjar f’pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-Unjoni li jistgħu jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni, ikun kopert mid-definizzjoni ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa skont dan ir-Regolament.

(20)

Sabiex tinkiseb valutazzjoni eżatta, oġġettiva u affidabbli tal-prezzijiet għat-twassil tal-gass naturali likwifikat (LNG) fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija tiġbor id-data kollha tas-suq tal-LNG li tkun meħtieġa biex tiġi stabbilita valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u parametru referenzjarju tal-LNG. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-prezzijiet tal-LNG u tal-parametru referenzjarju tal-LNG tkun stabbilita abbażi tat-tranżazzjonijiet kollha li jappartjenu għat-twassil ta’ LNG fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata s-setgħa li tiġbor id-data rilevanti tas-suq mingħand il-parteċipanti kollha attivi fit-twassil ta’ LNG fl-Unjoni li għandhom jirrapportaw d-data tas-suq tal-LNG lill-Aġenzija kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali, sa fejn dan ikun teknoloġikament possibbli, jew wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni jew inkella wara t-tqegħid ta’ offerta tax-xiri jew offerta tal-bejgħ biex jidħlu fi tranżazzjoni. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-prezzijiet tal-LNG mill-Aġenzija tinkludi l-aktar sett ta’ data komplut, inkluż il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet, il-prezzijiet tal-offerti tax-xiri u tal-offerti tal-bejgħ għat-twassil tal-LNG fl-Unjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ kuljum ta’ dik il-valutazzjoni oġġettiva tal-prezz tal-LNG, u tal-firxa stabbilita meta mqabbla ma’ prezzijiet ta’ referenza oħra fis-suq fil-forma ta’ parametru referenzjarju tal-LNG, twitti t-triq għall-adozzjoni volontarja tiegħu mill-parteċipanti fis-suq bħala l-prezz ta’ referenza fil-kuntratti u t-tranżazzjonijiet tagħhom. Ladarba jkunu stabbiliti, il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju tal-LNG jistgħu wkoll isiru rata ta’ referenza għall-kuntratti tad-derivattivi wżati għall-iħħeġġjar tal-prezz tal-LNG jew id-differenza fil-prezz bejn il-prezz tal-LNG u prezzijiet oħra tal-gass.

(21)

Id-delegar tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet jista’ jkun strument effettiv biex tonqos id-duplikazzjoni tal-kompiti, titrawwem il-kooperazzjoni u għandu l-għan li jnaqqas il-piż minn fuq il-parteċipanti fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi prevista bażi legali ċara għal dan id-delegar. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jiddelegaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet lil awtorità regolatorja nazzjonali oħra jew lill-Aġenzija, bil-kunsens minn qabel tad-delegati. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi u jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-delegar għal dak li huwa neċessarju għas-superviżjoni effettiva tal-parteċipanti jew tal-gruppi tas-suq transfruntiera. Jenħtieġ li d-delegar jiġi rregolati mill-prinċipju tal-allokazzjoni tal-kompetenza lill-awtorità li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tieħu azzjoni dwar il-qasam.

(22)

Jenħtieġ li r-regoli dwar it-twettiq tad-dmirijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-Aġenzija jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati kemm jista’ jkun.

(23)

Neħtieġu qafas uniformi u aktar b’saħħtu għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tas-suq u ta’ kull ksur ieħor tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 fl-Istati Membri. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-multi amministrattivi fl-Istati Membri kollha għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat biex jipprevedi lista ta’ multi amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jkunu disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif ukoll lista ta’ kriterji li jiddeterminaw il-livell ta’ dawk il-multi amministrattivi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ammont tal-multi amministrattivi li jista’ jiġi impost f’każ speċifiku jkun jista’ jilħaq il-livell massimu previst f’dan ir-Regolament. Madankollu, dan ir-Regolament ma jillimitax il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevedu multi amministrattivi aktar baxxi skont il-każ. Jenħtieġ li l-penali għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 ikunu proporzjonati, effettivi u dissważivi u jenħtieġ li jirriflettu t-tip ta’ ksur, filwaqt li jitqies il-prinċipju ne bis in idem. Jenħtieġ li l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-multi amministrattivi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“KartaIl-multi amministrattivi u l-miżuri amministrattivi oħra huma partijiet kumplementari ta’ reġim tal-infurzar effettiv. Superviżjoni armonizzata tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa teħtieġ approċċ konsistenti fost l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, jeħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiġu pprovduti bir-riżorsi xierqa.

(24)

Meta parteċipant fis-suq li m’huwiex residenti jew stabbilit fl-Unjoni ikun attiv fl-Unjoni, jenħtieġ li dan jaħtar rappreżentant fl-Unjoni. Jenħtieġ li r-rappreżentant jinħatar b’mod espliċitu permezz ta’ mandat bil-miktub tal-parteċipant fis-suq li jawtorizzah jaġixxi f’ismu. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew l-Aġenzija jindirizzaw lir-rappreżentant fir-rigward tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(25)

Sal-lum, is-superviżjoni u l-infurzar tal-attivitajiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 kienu r-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-imġiba ta’ abbuż tas-suq hija dejjem aktar transfruntiera fin-natura tagħha, u spiss tkun taffettwa lil diversi Stati Membri. Azzjoni tal-infurzar kontra każijiet transfruntiera ta’ abbuż tas-suq tista’ tippreżenta sfidi ġuriżdizzjonali relatati mal-identifikazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex issir l-investigazzjoni inkwistjoni.

(26)

Il-każijiet ta’ abbuż tas-suq li jinvolvu diversi elementi transfruntiera u parteċipanti fis-suq stabbiliti f’pajjiżi terzi huma wkoll partikolarment ta’ sfida mil-lat ta’ infurzar. Il-qafas superviżorju attwali mhuwiex xieraq għall-livell mixtieq ta’ integrazzjoni tas-suq. Jenħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ mekkaniżmu li jiżgura li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet superviżorji possibbli għall-każijiet transfruntiera, għax bħalissa azzjoni konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Aġenzija tinvolvi arranġamenti kkumplikati u għax hemm taħlita ta’ reġimi superviżorji. Hemm bżonn li jiġi stabbilit reġim superviżorju u investigattiv effiċjenti u effettiv għal dawk il-każijiet ta’ abbuż tas-suq li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom fl-Unjoni kollha, ma jistgħux jiġu indirizzat b’azzjoni mill-Istati Membri waħedhom.

(27)

Jenħtieġ li l-investigazzjoni tal-ksur tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 b’dimensjoni transfruntiera ssir bi proċess uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, tali investigazzjonijiet jistgħu jitwettqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, billi l-impatt tagħhom jespandi lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru uniku. Il-kumplessità tal-każijiet transfruntiera u l-ħtieġa li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi għal każijiet bħal dawn jeħtieġu l-involviment tal-Aġenzija, b’mod partikolari f’suq tal-enerġija bl-ingrossa aktar integrat. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, l-Aġenzija kisbet esperjenza sinifikattiva fil-monitoraġġ u fil-ġbir ta’ data rilevanti dwar is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa fl-Unjoni biex tiżgura l-integrità u t-trasparenza tagħhom. Abbażi ta’ din l-esperjenza, jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata s-setgħa li twettaq investigazzjonijiet biex tiġġieled il-ksur tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, inkluż billi taħtar uffiċjal tal-investigazzjoni fl-Aġenzija. Jenħtieġ li l-Aġenzija twettaq tali investigazzjonijiet f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra bil-fini li tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom u filwaqt li tqis il-prinċipju ne bis in idem. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ investigazzjoni imwettqa mill-Aġenzija, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti jikkooperaw bejniethom biex jassistu lill-Aġenzija, meta jkun meħtieġ. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tagħti prijorità, jekk ikun meħtieġ, lill-każijiet bl-impatt transfruntier l-aktar sinifikattiv.

(28)

Sabiex tissodisfa l-obbligi l-ġodda assenjati lilha, b’mod partikolari dawk relatati ma’ setgħat investigattivi msaħħa f’każijiet transfruntiera, jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha riżorsi adegwati, inkluż il-persunal meħtieġ.

(29)

Kriterju ewlieni biex jiġi ddeterminat jekk każ għandux dimensjoni transfruntiera huwa relatat mat-twassil ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’ċertu għadd ta’ Stati Membri. Madankollu, għal raġunijiet tekniċi, hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li jiġi identifikat il-post ġeografiku tat-twassil ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Pereżempju, meta t-twassil ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa iseħħ jew ikun preżunt li jseħħ f’żona tal-offerti li tinkludi t-territorju, jew parti mit-territorju, ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa tal-istess ġurnata u ta’ ġurnata bil-quddiem, mhuwiex possibbli li jiġi identifikat il-post preċiż tat-twassil f’dik iż-żona. L-istess japplika għat-twassil ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li jseħħ jew li huwa preżunt li jseħħ f’żoni ta’ bbilanċjar tal-gass li jinkludu t-territorju, jew parti mit-territorju, ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija taġixxi f’każijiet transfruntiera ġenwini u mhux f’każijiet ta’ dimensjoni nazzjonali biss, it-twassil ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’żona tal-offerti jew tal-ibbilanċjar li tinkludi t-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri jenħtieġ li jitqies bħala twassil fi Stat Membru wieħed. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati jżommu wkoll id-dritt tagħhom li jitolbu l-involviment tal-Aġenzija f’każijiet b’elementi transfruntiera skont dan ir-Regolament, kif ukoll id-dritt tagħhom li joġġezzjonaw skont dan ir-Regolament.

(30)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata s-setgħa li twettaq kwalunkwe investigazzjoni meħtieġa billi tagħmel spezzjonijiet fuq il-post, billi tieħu dikjarazzjonijiet, kif ukoll billi toħroġ talbiet għal informazzjoni b’sempliċi talba jew b’deċiżjoni, lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni, meta l-ksur suspettat tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 ikollu dimensjoni transfruntiera ċara. Sabiex tkun salvagwardjata l-effettività tal-ispezzjonijiet fuq il-post, jenħtieġ li l-uffiċjali tal-Aġenzija u persuni oħra awtorizzati minnha biex iwettqu l-ispezzjoni fuq il-post jingħataw is-setgħa li jidħlu f’binjiet ta’ negozju fejn jista’ jkun li jinżammu r-rekords tan-negozju u f’binjiet privati ta’ diretturi, maniġers jew membri tal-persunal oħra ta’ negozji kkonċernati minn investigazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li kull investigazzjoni ta’ bini privat matul l-ispezzjonijiet fuq il-post, tkun soġġetta għal deċiżjoni motivata mill-Aġenzija u għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

(31)

Fit-twettiq tal-ispezzjonijiet fuq il-post u fil-ħruġ tat-talbiet għal informazzjoni lill-persuni li jkunu qed jiġu soġġetti għal investigazzjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija tikkoopera mill-qrib u b’mod attiv mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, li jenħtieġ li jipprovdu l-assistenza neċessarja lill-Aġenzija, inkluż meta persuna tirrifjuta li tissottometti għall-ispezzjoni fuq il-post jew li tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, jenħtieġ li, matul spezzjoni fuq il-post, l-uffiċjali tal-Aġenzija u persuni oħra awtorizzati jew maħtura minnha biex iwettqu l-ispezzjoni fuq il-post, ikollhom is-setgħa li jwaħħlu siġilli fuq il-binjiet tan-negozju għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ għall-ispezzjoni fuq il-post. Ħlief f’każijiet debitament sostanzjati, jenħtieġ li s-siġilli ma jibqgħux imwaħħla aktar minn 72 siegħa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-uffiċjali li jwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-post ikollhom is-setgħa li jitolbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti għas-suġġett u għall-fini tal-ispezzjoni fuq il-post.

(32)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata s-setgħa li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali biex tiżgura l-konformità mad-deċiżjonijiet tagħha rigward spezzjonijiet fuq il-post u talbiet għal informazzjoni adottati fil-kuntest ta’ investigazzjoni transfruntiera. Madankollu, l-Aġenzija ma għandhiex tingħata s-setgħa li timponi multi. Jenħtieġ li kwalunkwe pagament perjodiku ta’ penali imposti mill-Aġenzija jkun proporzjonat, effettiv u dissważiv u jiżgura investigazzjonijiet transfruntiera effiċjenti. Huwa importanti li s-salvagwardji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet tal-Aġenzija jiġu rrispettati bis-sħiħ. Jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni tal-Aġenzija tkun proporzjonata u tiżgura proċess ġust u d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna. Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sottomessa mill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni jenħtieġ li tiġi ssalvagwardjata u skambjata f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(33)

Jenħtieġ li fi tmiem kull investigazzjoni l-Aġenzija tfassal rapport tal-investigazzjoni li jinkludi s-sejbiet tagħha u l-evidenza kollha li fuqha ġew ibbażati tali sejbiet. Jenħtieġ li r-rapport tal-investigazzjoni jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istat Membri kkonċernat, li min-naħa tagħhom jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tagħhom li jiddeterminaw jekk seħħx ksur, jieħdu kwalunkwe miżura ta’ infurzar meħtieġa, inkluż kif xieraq l-impożizzjoni ta’ multi, skont dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw segwitu xieraq tar-rapporti ta’ investigazzjoni tal-Aġenzija.

(34)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet transfruntiera. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Aġenzija tibgħat sommarji tar-rapporti ta’ investigazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi regolari. Jenħtieġ li tali sommarji jintbagħtu f’forma aggregata u anonimizzata u jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, fost l-oħrajn fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi protett l-għan tal-investigazzjonijiet transfruntiera inkwistjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(35)

Jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Aġenzija tkun imponiet pagament perjodiku ta’ penali. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati jew tribunali nazzjonali li jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont dan ir-Regolament, bħal awtorizzazzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-kuntest ta’ spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Aġenzija jew pretensjonijiet ta’ irregolaritajiet skont ir-regoli nazzjonali dwar l-infurzar ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali.

(36)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tat-twettiq ta’ negozju, id-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess ġust u d-dritt li ma tiġix ipproċessat jew penalizzat darbtejn għall-istess ksur, u jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(37)

Sabiex jiġu stabbiliti d-dettalji meħtieġa biex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta’ dan ir-Regolament permezz tal-allinjament tad-definizzjonijiet rilevanti fil-każijiet previsti f’dan ir-Regolament bil-fini li tiġi żgurata koerenza ma’ liġi rilevanti oħra tal-Unjoni fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-enerġija u permezz tal-aġġornament ta’ dawk id-definizzjonijiet għall-fini uniku li jitqiesu l-iżviluppi futuri fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, u fir-rigward tas-supplimentar ta’ dan ir-Regolament permezz tal-ispeċifikazzjoni tal-mezzi li bihom l-IIPs u l-RRMs għandhom jikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom, id-dettalji dwar il-proċess tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni u l-proċess tas-sostituzzjoni ordnata, kif ukoll is-salvagwardji proċedurali rilevanti u permezz tal-istabbiliment ta’ livelli minimi, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, għall-identifikazzjoni ta’ avvenimenti li, jekk jiġu ppubblikati, x’aktarx jaffettwaw b’mod sinifikattiv il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Jenħtieġ li, meta tistabbilixxi tali limiti, il-Kummissjoni tikkunsidra li tiżgura koerenzaa ma’ liġi rilevanti oħra tal-Unjoni fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-enerġija. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (14). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(38)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(39)

Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tittejjeb il-protezzjoni tal-Unjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1227/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Ir-referenzi għar-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u għad-Direttiva 2003/6/KE huma sostitwiti kif ġej:

(a)

ir-referenza għall-‘Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009’ fl-Artikolu 16(6) hija sostitwita b’referenza għall-‘Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2019/942’;

(b)

ir-referenzi għar-‘Regolament (KE) Nru 714/2009’ fl-Artikolu 2, il-punt (1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), fl-Artikolu 4(5) u (6), fl-Artikolu 6(2), il-punt (d), u fl-Artikolu 8(6), it-tieni subparagrafu, huma sostitwiti b’referenzi għar-‘Regolament (UE) 2019/943’;

(c)

ir-referenzi għall-‘Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/6/KE’ fl-Artikolu 1(3), l-ewwel subparagrafu, u fl-Artikolu 16(2), it-tieni subparagrafu, huma sostitwiti b’referenza għall-‘Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014’;

(d)

ir-referenza għall-‘Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/6/KE’ fl-Artikolu 2, il-punt (9), hija sostitwita b’referenza għall-‘Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014’;

(e)

ir-referenzi għad-‘Direttiva 2003/6/KE’ u għall-‘Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva’ fl-Artikolu 16(3), il-punt (b), huma sostitwiti b’referenzi għar-’Regolament (UE) Nru 596/2014” u għall-“Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament” rispettivament.

(2)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament japplika għan-negozjar tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 (*1), (UE) Nru 596/2014 (*2) u (UE) Nru 600/2014 (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) fir-rigward ta’ attivitajiet li jinvolvu strumenti finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (15), tad-Direttiva 2014/65/UE, kif ukoll għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-prattiki koperti minn dan ir-Regolament.

(*1)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)."

(*2)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1)."

(*3)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84)."

(*4)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;"

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Aġenzija, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-ESMA u l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni u data rilevanti b’mod regolari, jekk possibbli mill-inqas kull tliet xhur, rigward ksur potenzjali tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 li jinvolvi l-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa koperti minn dan ir-Regolament.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) u li l-Aġenzija talloka r-riżorsi meħtieġa, inkluż ir-riżorsi umani, biex tissodisfa l-obbligi l-ġodda assenjati lilha.

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).”;"

(3)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (1) huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu, huwa emendat kif ġej:

il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej

“(c)

informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, ir-regoli tas-suq, u l-kuntratti jew l-użanzi fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa rilevanti; sakemm din l-informazzjoni x’aktarx li jkollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;”;

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

informazzjoni li hija mogħtija minn parteċipant fis-suq, jew minn persuni oħra li jaġixxu f’isem il-parteċipant fis-suq, lil provdituri ta’ servizzi li jinnegozja f’isem il-parteċipant fis-suq u li tirrelata mal-ordnijiet pendenti tal-parteċipant fis-suq ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, li jkollha natura preċiża, u tirrelata direttament jew indirettament ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar; u”;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-informazzjoni għandha titqies li għandha natura preċiża jekk turi sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li b’mod raġonevoli jista’ jkun mistenni li jibda jeżisti, jew avveniment li jkun sar jew li b’mod raġonevoli jista’ jkun mistenni li jiġri, u jekk tkun speċifika biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jasal għal konklużjoni rigward l-effett possibbli ta’ dak is-sett ta’ ċirkostanzi jew ta’ dak l-avveniment fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. L-informazzjoni tista’ titqies li għandha natura preċiża jekk tkun relatata ma’ proċess fit-tul li jkun maħsub biex iwassal, jew li jirriżulta f’ċirkostanzi partikolari jew f’avveniment partikolari, inkluż ċirkostanzi futuri jew avvenimenti futuri, u wkoll jekk dan ikun relatat mal-passi intermedji ta’ dak il-proċess li huma konnessi mal-ħolqien jew li jirriżultaw fil-ħolqien ta’ dawk iċ-ċirkostanzi futuri jew ta’ dak l-avveniment futur.

Pass intermedju fi proċess fit-tul għandu jitqies bħala informazzjoni privileġġata jekk, fih innifsu, ikun jissodisfa l-kriterji tal-informazzjoni privileġġata kif imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, l-informazzjoni għandha titqies bħala relatata direttament jew indirettament mal-prodott tal-enerġija bl-ingrossa jekk ikollha effett possibbli fuq id-domanda, il-provvista jew il-prezzijiet ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew fuq l-aspettattivi tad-domanda, tal-provvista jew tal-prezzijiet ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, l-informazzjoni li, jekk issir pubblika, x’aktarx taffettwa b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa tfisser informazzjoni li parteċipant fis-suq raġonevoli x’aktarx juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjoni tiegħu dwar negozjar bi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;”;

(b)

il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

‘manipulazzjoni tas-suq’ tfisser:

(a)

il-parteċipazzjoni fi tranżazzjoni jew il-ħruġ, il-modifika jew l-irtirar ta’ kwalunkwe ordni għan-negozjar jew l-involviment fi mġiba oħra relatata ma’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li:

(i)

tagħti, jew li aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom;

(ii)

tiżgura, jew li aktarx tiżgura, minn persuna/i li jaġixxu b’kollaborazzjoni, il-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun daħlet fit-tranżazzjoni jew li tkun ħarġet l-ordni għan-negozjar ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li tali tranżazzjoni jew ordni għan-negozjar huma konformi mal-prattiċi aċċettati tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa kkonċernat; jew

(iii)

tħaddem apparat fittizju jew xi forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li jagħtu, jew li aktarx jagħtu, sinjali foloz jew qarrieqa b’rabta mal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, mad-domanda għalihom, jew mal-prezz tagħhom;

(b)

tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li jagħti jew huwa probabbli li jagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, inkluż it-tixrid ta’ għajdut u ta’ aħbarijiet foloz jew qarrieqa, fejn il-persuna li tkun xerrdet l-informazzjoni kienet taf, jew missha kienet taf, li din kienet falza jew qarrieqa.

Meta informazzjoni tinxtered għall-iskopijiet tal-ġurnaliżmu jew l-espressjoni artistika, tixrid ta’ informazzjoni ta’ din ix-xorta għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra, sakemm;

(i)

dawk il-persuni jieħdu, direttament jew indirettament, vantaġġ jew profitti mit-tixrid tal-informazzjoni in kwistjoni; jew

(ii)

l-iżvelar jew it-tixrid isir bl-intenzjoni li s-suq jiġi mqarraq dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.

jew

(c)

it-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew l-għoti ta’ kontribut falz jew qarrieq rigward parametru referenzjarju, meta l-persuna li għamlet it-trażmissjoni jew li tat il-kontribut kienet taf jew messha kienet taf li kien falz jew qarrieq, jew involviet ruħha fi mġiba oħra li tikkaġuna l-manipulazzjoni tal-kalkolu ta’ parametru referenzjarju.

Il-manipulazzjoni tas-suq tista’ tindika l-imġiba ta’ persuna ġuridika, jew, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, ta’ persuna fiżika li tipparteċipa fid-deċiżjoni li jitwettqu attivitajiet akkont tal-persuna ġuridika kkonċernata;”;

(c)

il-punt (4) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

kuntratti għall-provvista tal-elettriku jew tal-gass naturali, inkluż l-LNG, fejn it-twassil ikun fl-Unjoni, jew kuntratti għall-provvista tal-elettriku li jistgħu jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni bħala riżultat tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata;

(b)

derivattivi relatati mal-elettriku jew il-gass naturali prodotti, innegozjati jew mwassla fl-Unjoni, jew derivattivi relatati mal-elettriku, li jistgħu jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni, bħala riżultat tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

kuntratti relatati mal-ħżin ta’ elettriku jew gass naturali fl-Unjoni;

(f)

derivattivi relatati mal-ħżin ta’ elettriku jew gass naturali fl-Unjoni;”;

(d)

il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

‘parteċipant fis-suq’ tfisser kwalunkwe persuna, inkluż operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, operaturi tas-sistema tal-ħżin u operaturi tas-sistema LNG, li jidħlu fi tranżazzjonijiet, inkluż it-tqegħid ta’ ordnijiet għan-negozjar, f’suq tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew aktar;”;

(e)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(8a)

‘persuna li professjonalment tagħmel arranġamenti għat-tranżazzjonijiet jew twettaqhom’ tfisser persuna li tkun involuta b’mod professjonali fil-wasla u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, jew fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet tagħhom;”;

(f)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

(11a)

“operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” tfisser operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tad-Direttiva 2009/73/KE u fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(11b)

“operatur tas-sistema tal-ħżin” tfisser operatur tas-sistema tal-ħżin kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2009/73/KE jew operatur ta’ “faċilità ta’ ħżin ta’ enerġija” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (60), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(11c)

“Operatur tas-sistema LNG” tfisser operatur tas-sistema LNG kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva 2009/73/KE;”

(g)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(16)

‘mekkaniżmu tar-rappurtar reġistrat’ jew ‘RRM’ tfisser persuna ġuridika awtorizzata skont dan ir-Regolament biex tirrappurta jew tipprovdi s-servizz ta’ dettalji tar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet, inkluż ordnijiet għan-negozjar, u data fundamentali lill-Aġenzija f’isimha stess jew f’isem il-parteċipanti fis-suq;

(17)

‘pjattaforma tal-informazzjoni privileġġata’ jew ‘IIP’ tfisser persuna awtorizzata skont dan ir-Regolament biex tipprovdi s-servizz ta’ operat ta’ pjattaforma għall-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata u r-rappurtar ta’ informazzjoni privileġġata żvelata lill-Aġenzija f’isem il-parteċipanti fis-suq;

(18)

‘negozjar algoritmiku’ tfisser negozjar, inkluż negozjar ta’ frekwenza għolja, ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa meta algoritmu tal-kompjuter jiddetermina awtomatikament parametri individwali ta’ ordnijiet għan-negozjar, bħal jekk tinbediex l-ordni, il-ħin opportun, il-prezz jew il-kwantità tal-ordni jew kif tiġi mmaniġġata l-ordni wara s-sottomissjoni tagħha, b’intervent uman limitat jew bla intervent uman, ħlief is-sistemi li jintużaw biss biex l-ordnijiet jiġu direzzjonati lejn suq organizzat wieħed jew aktar jew għall-ipproċessar ta’ ordnijiet li ma jinvolvu l-ebda determinazzjoni ta’ xi parametru tan-negozjar jew għall-konferma ta’ ordnijiet jew l-ipproċessar ta’ wara n-negozjar ta’ tranżazzjonijiet imwettqa;

(19)

‘aċċess elettroniku dirett’ tfisser arranġament biex membru, parteċipant jew klijent ta’ suq organizzat jippermetti lil persuna oħra tuża l-kodiċi tan-negozjar tagħha ħalli l-persuna tkun tista’ tittrażmetti elettronikament ordnijiet għan-negozjar relatati ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa direttament lis-suq organizzat, inkluż arranġamenti li jinvolvu l-użu minn persuna tal-infrastruttura tal-informazzjoni teknoloġika tal-membru, tal-parteċipant jew tal-klijent, jew xi sistema tal-konnessjoni pprovduta mill-membru, mill-parteċipant jew mill-klijent, għat-trażmissjoni tal-ordnijiet għan-negozjar (aċċess dirett għas-suq) u arranġamenti biex infrastruttura bħal din ma tintużax minn persuna (aċċess sponsorjat);

(20)

‘suq organizzat’ jew ‘OMP’ tfisser skambju tal-enerġija, sensar tal-enerġija, pjattaforma tal-kapaċità tal-enerġija jew kwalunkwe sistema jew faċilità oħra fejn interessi multipli ta’ xiri jew bejgħ ta’ partijiet terzi fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jinteraġixxu b’mod li jista’ jirriżulta fi tranżazzjoni;

(21)

‘reġistru tal-ordnijiet’ tfisser id-dettalji kollha tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa eżegwiti f’OMP, inkluż ordnijiet imqabbla u mhux imqabbla kif ukoll ordnijiet iġġenerati mis-sistema u avvenimenti taċ-ċiklu tal-ħajja;

(22)

‘parametru referenzjarju’ tfisser indiċi kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt 3, tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), li b’referenza għalih jiġi ddeterminat l-ammont pagabbli taħt prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew kuntratt relatat ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa, jew il-valur ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa;

(23)

‘negozjar tal-LNG’ tfisser offerti tax-xiri, offerti tal-bejgħ jew tranżazzjonijiet, inkluż iżda mhux limitat għal dawk li jseħħu barra l-borża jew f’OMP, għax-xiri jew il-bejgħ ta’ LNG:

(a)

li jispeċifikaw it-twassil fl-Unjoni;

(b)

li jirriżultaw fi twassil fl-Unjoni; jew

(c)

meta kontroparti minnhom terġa’ taqleb l-LNG f’gass ġo terminal fl-Unjoni;

(24)

data tas-suq tal-LNG’ tfisser rekords ta’ offerti tax-xiri, offerti tal-bejgħ jew tranżazzjonijiet għan-negozjar tal-LNG b’informazzjoni korrispondenti;

(25)

‘parteċipant fis-suq tal-LNG’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-inkorporazzjoni jew tad-domiċilju ta’ dik il-persuna, li tinvolvi ruħha fin-negozjar tal-LNG;

(26)

‘valutazzjoni tal-prezz tal-LNG’ tfisser id-determinazzjoni ta’ prezz ta’ referenza ta’ kuljum għan-negozjar tal-LNG f’konformità ma’ metodoloġija stabbilita mill-Aġenzija;

(27)

‘parametru referenzjarju tal-LNG’ tfisser id-determinazzjoni ta’ firxa bejn il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u l-prezz tas-saldu għall-kuntratt ta’ xahar bil-quddiem ta’ TTF Gas Futures stabbilit kuljum minn ICE Endex Markets B.V.

(*6)  Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttiva 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1). ”; "

(4)

fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-użu tal-informazzjoni privileġġata billi tiġi kkanċellata jew emendata ordni, jew kwalunkwe azzjoni ta’ negozjar oħra rigward prodott tal-enerġija bl-ingrossa li dwaru hija relatata l-informazzjoni, meta l-ordni tkun saret qabel ma l-persuna kkonċernata tkun ġiet fil-pussess tal-informazzjoni privileġġata, għandu jitqies ukoll bħala abbuż minn informazzjoni privileġġata.”;

(5)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-parteċipanti fis-suq għandhom jiżvelaw l-informazzjoni privileġġata permezz ta’ IIPs. L-IIPs għandhom jiżguraw li l-informazzjoni privileġġata ssir pubblika b’mod li jkun jista’ jinkiseb aċċess fil-pront għal dik l-informazzjoni, inkluż permezz sit web jew interfaċċa ċara tal-programmi tal-applikazzjoni, u ssir valutazzjoni sħiħa, korretta u fil-ħin ta’ dik l-informazzjoni mill-pubbliku.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni privileġġata, inkluż b’forma aggregata, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/943tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) jew mar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u b’linji gwida u kodiċijiet tan-network adottati skont dawk ir-Regolamenti għandhom jikkostitwixxu żvelar effettiv iżda mhux neċessarjament żvelar fil-ħin u pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54)."

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Sat-8 ta’ Mejju 2025 l-Aġenzija għandha tiżviluppa u topera pjattaforma li sservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku speċifiku għas-settur għal informazzjoni privileġġata divulgata skont il-paragrafu 1.”

;

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

L-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ pjattaformi tal-informazzjoni privileġġata

1.   IIP għandha topera biss wara li l-Aġenzija tkun ivvalutat jekk dik l-IIP tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5 u tkun awtorizzat l-operazzjoni tagħha. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi reġistru tal-IIPs li tkun awtorizzat skont dan il-paragrafu. Ir-reġistru tal-IIPs għandu jkun disponibbli għall-pubbliku u għandu jkun fih informazzjoni dwar is-servizzi li għalihom tkun awtorizzata l-IIP. L-Aġenzija għandha tirrieżamina regolarment il-konformità tal-IIPs mal-paragrafi 3, 4 u 5.

2.   IIPs irreġistrati mill-Aġenzija skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (*8) u inklużi fil-lista ta’ IIPs tal-Aġenzija għandhom jitħallew ikomplu joperaw sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu.

3.   IIP għandu jkollha politiki u arranġamenti adegwati fis-seħħ biex tippubblika l-informazzjoni privileġġata meħtieġa skont l-Artikolu 4(1) kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali sa fejn ikun teknoloġikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli. L-informazzjoni privileġġata għandha ssir disponibbli u aċċessibbli faċilment għall-finijiet kollha mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ sit web jew interfaċċa ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjoni. L-IIP għandha xxerred b’mod effiċjenti u konsistenti dik l-informazzjoni b’mod li jiżgura aċċess fil-pront għall-informazzjoni privileġġata, b’mod nondiskriminatorju u b’format li jiffaċilita l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni privileġġata ma’ data simili minn sorsi oħra.

4.   L-informazzjoni privileġġata li ssir pubblika minn IIP skont il-paragrafu 3 għandha tinkludi tal-anqas id-dettalji li ġejjin, skont it-tip ta’ informazzjoni privileġġata:

(a)

l-istatus tal-ID tal-messaġġ u tal-avveniment;

(b)

id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-avveniment;

(c)

l-isem u l-identifikazzjoni tal-parteċipant fis-suq;

(d)

iż-żona tal-offerti jew tal-ibbilanċjar ikkonċernata;

(e)

it-tip ta’ informazzjoni, bħan-nuqqas ta’ disponibbiltà, it-tbassir u l-użu proprju; u

(f)

meta jkun applikabbli:

(i)

it-tip ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà u t-tip ta’ avveniment;

(ii)

l-unità tal-kejl;

(iii)

il-kapaċità mhux disponibbli, il-kapaċità disponibbli u l-kapaċità installata jew teknika;

(iv)

meta l-kapaċità installata jew teknika ma tkunx disponibbli, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà;

(v)

it-tip ta’ fjuwil;

(vi)

l-assi jew l-unità affettwata u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tagħha.

5.   IIP għandha topera u żżomm arranġamenti amministrattivi effettivi mfassla biex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess mal-klijenti tagħha. B’mod partikolari, IIP li tkun ukoll OMP jew parteċipant fis-suq għandha tittratta l-informazzjoni privileġġata kollha miġbura b’mod nondiskriminatorju u għandha topera u żżomm arranġamenti xierqa biex jiġu separati l-funzjonijiet tan-negozju differenti.

IIP għandu jkollha fis-seħħ mekkaniżmi sodi tas-sigurtà mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni privileġġata, biex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ korruzzjoni tad-data u aċċess mhux awtorizzat u biex jevitaw l-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata qabel il-pubblikazzjoni. L-IIP għandu jkollha r-riżorsi adegwati u għandu jkollha faċilitajiet ta’ riżerva fis-seħħ biex toffri u żżomm is-servizzi tagħha.

L-IIP għandu jkollha mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu li rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jiġu verifikati malajr u b’mod effettiv fir-rigward tal-kompletezza tagħhom, biex jiġi identifikati l-ommissjonijiet u l-iżbalji ovvji, u biex tintalab il-konsenja verżjoni kkoreġuta ta’ rapporti bħal dawn.

6.   Fejn l-Aġenzija ssib li IIP kisret kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, qabel ma tirtira awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tagħti lill-IIP is-salvagwardji proċedurali xierqa, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 14(6), (7)u (8) tar-Regolament (UE) 2019/942.

7.   L-Aġenzija tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ IIP permezz ta’ deċiżjoni u tneħħiha mir-reġistru meta l-IIP:

(a)

ma tużax l-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni, tirrinunzja b’mod espliċitu l-awtorizzazzjoni jew ma tkun ipprovdiet l-ebda servizz fis-sitt xhur preċedenti;

(b)

tikseb l-awtorizzazzjoni billi tagħmel dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

(c)

ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5;

(d)

ma ttemmx il-ksur; jew

(e)

tkun kisret serjament u sistematikament dan ir-Regolament.

F’każ ta deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Aġenzija għandha tindika r-rimedji legali disponibbli skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942.

IIP, li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet irtirata mill-Aġenzija, għandha tinforma lill-parteċipanti rilevanti kollha fis-suq u għandha tiżgura sostituzzjoni ordnata inkluż it-trasferiment ta’ data lil IIPs oħra, magħżula mill-parteċipanti fis-suq, u d-direzzjoni mill-ġdid tal-flussi tar-rappurtar lejn IIPs oħra. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli ta’ mill-inqas sitt xhur biex tiżgura tali sostituzzjoni ordnata. Matul dak il-perjodu, l-IIP għandha tiżgura l-kontinwità tas-servizzi li tipprovdi. Madankollu, l-Aġenzija tista’ tipprovdi perjodu iqsar, jekk it-tkomplija tal-operat tal-IIP tista’ tipperikola l-operat ordnat tas-sistema, meta titqies is-serjetà tal-fatti li jwasslu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

L-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-IIP bi kwalunkwe deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ IIP skont l-ewwel subparagrafu u għandha tinforma lill-parteċipanti fis-suq b’dan.

8.   Sat-8 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 20 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika:

(a)

il-mezzi li bihom l-IIP għandha tissodisfa l-obbligu li tagħmel pubblika l-informazzjoni privileġġata stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-kontenut u kwalunkwe dettal ulterjuri rilevanti tal-informazzjoni privileġġata ppubblikata skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu b’tali mod li tkun tista’ tiġi ppubblikata l-informazzjoni meħtieġa skont dan l-Artikolu;

(c)

ir-rekwiżiti organizzattivi speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(d)

id-dettalji dwar il-proċess tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ IIP imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

is-salvagwardji proċedurali msemmija fil-paragrafu 4a ta’ dan l-Artikolu;

(f)

id-dettalji dwar il-proċess ta’ sostituzzjoni ordnata msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(g)

l-arranġamenti dettaljati biex il-parteċipanti fis-suq jiġu infurmati b’deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ IIP;

(*8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).”;"

(7)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

In-negozjar algoritmiku

1.   Parteċipant fis-suq li jinvolvi ruħu f’negozjar algoritmiku għandu jkollu fis-seħħ sistemi effettivi u kontrolli tar-riskju xierqa għan-negozju li jopera biex jiżgura li s-sistemi tan-negozjar tiegħu jkunu reżiljenti u jkollhom kapaċità biżżejjed, ikunu soġġetti għal livelli massimi u limiti xierqa tan-negozjar, u jevitaw li jintbagħtu ordnijiet żbaljati għan-negozjar jew inkella li jiffunzjonaw b’mod li jista’ joħloq jew jikkontribwixxi għal suq diżordinat. Il-parteċipant fis-suq għandu jkollu fis-seħħ ukoll sistemi effettivi u kontrolli tar-riskju biex jiżgura li s-sistemi tan-negozjar ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ OMP li miegħu jkun konness. Il-parteċipant fis-suq għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti effettivi tal-kontinwità tal-operat biex jindirizza kull falliment tas-sistemi tan-negozjar tiegħu u għandu jiżgura li s-sistemi tiegħu jiġu ttestjati għalkollox u monitorjati sew biex ikun żgurat li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu.

2.   Parteċipant fis-suq li jipparteċipa f’negozjar algoritmiku fi Stat Membru għandu jinnotifika dak l-involviment lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun reġistrat skont l-Artikolu 9(1) u lill-Aġenzija.

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq ikun reġistrat skont l-Artikolu 9(1) tista’ titlob lill-parteċipant fis-suq jipprovdi, b’mod regolari jew ad hoc, deskrizzjoni tan-natura tal-istrateġiji tan-negozjar algoritmiku tiegħu, dettalji tal-parametri tan-negozjar jew limiti li għalihom tkun soġġetta s-sistema tan-negozjar, kontrolli ewlenin tal-konformità u tar-riskju li huma fis-seħħ biex jiżgura li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, u dettalji dwar l-ittestjar tas-sistemi tan-negozjar tiegħu.

Il-parteċipant fis-suq għandu jagħmel arranġamenti biex jinżammu rekords għal ħames snin b’rabta mal-kwistjonijiet msemmija f’dan il-paragrafu u għandu jiżgura li dawk ir-rekords ikunu biżżejjed biex l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq ikun irreġistrat skont l-Artikolu 9(1) tkun tista’ timmonitorja l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   Parteċipant fis-suq li jipprovdi aċċess elettroniku dirett lil OMP għandu jinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq ikun reġistrat skont l-Artikolu 9(1) u lill-Aġenzija kif meħtieġ.

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal- Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq ikun reġistrat skont l-Artikolu 9(1) tista’ titlob lill-parteċipant fis-suq jipprovdi, fuq bażi regolari jew ad hoc, deskrizzjoni tas-sistemi u l-kontrolli tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u evidenza li dawk ikunu ġew applikati.

Il-parteċipant fis-suq għandu jagħmel arranġamenti biex jinżammu rekords għal ħames snin b’rabta mal-kwistjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu u għandu jiżgura li dawk ir-rekords ikunu biżżejjed biex l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq ikun irreġistrat skont l-Artikolu 9(1) tiegħu tkun tista’ timmonitorja l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE.”

;

(8)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20:

(a)

biex temenda dan ir-Regolament billi

(i)

tallinja d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti (1), (2), (3) u (5) għall-iskop li tiżgura l-koerenza ma’ liġi oħra rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-enerġija;

(ii)

taġġorna dawk id-definizzjonijiet imsemmija fil-punt (i) għall-iskop uniku li jitqiesu żviluppi futuri fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa;

(b)

biex temenda dan ir-Regolament billi tistabbilixxi, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, limiti minimi għall-identifikazzjoni ta’ avvenimenti li, jekk isiru pubbliċi, x’aktarx jaffettwaw b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.”

;

(9)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha timmonitorja l-attività ta’ negozjar fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa biex tidentifika u tipprevjeni negozjar ibbażat fuq informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq jew tentattivi li jsir dan. Għandha tiġbor id-data għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa kif previst fl-Artikolu 8.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mill-inqas fuq bażi annwali, l-Aġenzija għandha tressaq rapport quddiem il-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħha skont dan ir-Regolament u dwar l-applikazzjoni tagħha ta’ dan ir-Regolament, u tagħmel dak ir-rapport disponibbli pubblikament. F’tali rapporti l-Aġenzija għandha tivvaluta, fost oħrajn, l-operat u t-trasparenza ta’ kategoriji differenti ta’ swieq u metodi ta’ negozju u tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli tas-suq, l-istandards, u l-proċeduri li jistgħu jtejbu l-integrità tas-suq u l-funzjonament tas-suq intern. Tista’ tevalwa wkoll jekk xi rekwiżiti minimi għas-swieq organizzati jistgħux jikkontribwixxu għal trasparenza mtejba tas-suq. Dak ir-rapporti jistgħu jiġu kkombinati mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/942.”

;

(10)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 7a

Il-kompiti u s-setgħat tal-Aġenzija fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-prezzijiet tal-LNGu l-parametri referenzjarji tal-LNG

1.   L-Aġenzija għandha tipproduċi u tippubblika valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u parametru referenzjarju tal-LNG ta’ kuljum. Għall-fini tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG u tal-parametru referenzjarju tal-LNG ta’ kuljum, l-Aġenzija għandha tiġbor u tipproċessa b’mod sistematiku d-data tas-suq tal-LNG dwar it-tranżazzjonijiet. Il-valutazzjoni tal-prezzijiet għandha, meta xieraq, tqis id-differenzi reġjonali u l-kundizzjonijiet tas-suq.

2.   B’deroga mill-Artikolu 3(4), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, l-obbligi u l-projbizzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-parteċipanti fis-suq tal-LNG. Is-setgħat mogħtija lill-Aġenzija skont dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 għandhom japplikaw ukoll għall-parteċipanti fis-suq tal-LNG, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità.

Artikolu 7b

Pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-prezz u tal-parametri referenzjarji tal-LNG

1.   Il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG għandha tiġi ppubblikata kuljum, u sa mhux aktar tard mis-18:00 CET għall-valutazzjoni tal-prezz ta’ tranżazzjoni diretta. Minbarra l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG, l-Aġenzija għandha wkoll, ta’ kuljum, tippubblika l-parametru referenzjarju tal-LNG sa mhux aktar tard mis-19:00 CET jew mill-aktar fis teknikament possibbli.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija tista’ tuża s-servizzi ta’ parti terza.

Artikolu 7c

Forniment ta’ data tas-suq tal-LNG lill-Aġenzija

1.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG għandhom jissottomettu kuljum lill-Aġenzija d-data tas-suq tal-LNG, mingħajr ħlas, permezz tal-kanali ta’ rappurtar stabbiliti mill-Aġenzija b’format standardizzat, permezz ta’ protokoll tat-trażmissjoni ta’ kwalità għolja, kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali sa fejn ikun teknoloġikament possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum (18:00 CET).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-ħin sa meta d-data tas-suq tal-LNG għandha tiġi ppreżentata qabel il-pubblikazzjoni ta’ kuljum tal-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

3.   Meta xieraq u wara li tikkonsulta lill-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha toħroġ gwida fir-rigward ta’:

(a)

id-dettalji tal-informazzjoni li trid tiġi rrapportata, minbarra d-dettalji attwali dwar it-tranżazzjonijiet rapportabbli u d-data fundamentali skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014, inkluż l-offerti tax-xiri u tal-bejgħ; u

(b)

il-proċedura, il-format standard u elettroniku, u r-rekwiżiti tekniċi u organizzattivi għas-sottomissjoni tad-data li trid tintuża għall-għoti tad-data meħtieġa tas-suq tal-LNG.

Artikolu 7d

Kwalità tad-data tas-suq tal-LNG

1.   Id-data tas-suq tal-LNG għandha tinkludi:

(a)

il-partijiet għall-kuntratt, inkluż l-indikatur tax-xiri jew tal-bejgħ;

(b)

il-parti li tirrapporta;

(c)

il-prezz tat-tranżazzjoni;

(d)

il-kwantitajiet tal-kuntratt;

(e)

il-valur tal-kuntratt;

(f)

il-perjodu tal-wasla tal-merkanzija tal-LNG;

(g)

it-termini tat-twassil;

(h)

il-punti tat-twassil;

(i)

l-informazzjoni tal-kronogramma dwar dan kollu li ġej:

(i)

id-data u l-ħin tat-tqegħid tal-offerta tax-xiri jew tal-offerta tal-bejgħ;

(ii)

id-data u l-ħin tat-tranżazzjoni;

(iii)

id-data u l-ħin tar-rappurtar tal-offerta tax-xiri, tal-offerta tal-bejgħ jew tat-tranżazzjoni;

(iv)

il-wasla tad-data tas-suq tal-LNG għand l-Aġenzija.

2.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG għandhom jipprovdu data tas-suq tal-LNG lill-Aġenzija, bl-unitajiet u l-muniti li ġejjin:

(a)

il-prezzijiet tal-unità tat-tranżazzjoni, tal-offerta tax-xiri u tal-offerta tal-bejgħ għandhom jiġu rrapportati fil-munita speċifikata fil-kuntratt u f’EUR/MWh u għandhom jinkludu r-rati tal-konverżjoni u tal-kambju applikati, meta applikabbli;

(b)

il-kwantitajiet tal-kuntratt għandhom jiġu rrapportati fl-unitajiet speċifikati fil-kuntratti u f’MWh;

(c)

il-perjodi tal-wasla għandhom jiġu rrapportati f’termini tad-dati tat-twassil espressi b’format UTC;

(d)

il-punt tal-konsenja għandu jindika identifikatur validu elenkat mill-Aġenzija, bħal dak imsemmi fil-lista tal-faċilitajiet tal-LNG suġġetti għar-rappurtar skont dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014; l-informazzjoni tal-kronogramma għandha tiġi rrapportata b’format UTC;

(e)

jekk rilevanti, il-formula tal-prezz fil-kuntratt fit-tul li minnha jiġi derivat il-prezz għandha tiġi rrapportata fl-integrità tagħha.

3.   L-Aġenzija għandha toħroġ gwida dwar il-kriterji li skonthom, sottomittent waħdieni jkun jirrappreżenta porzjon sinifikanti tad-data tas-suq tal-LNG sottomessa f’ċertu perjodu ta’ referenza u kif din is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata fil-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG ta’ kuljum u fil-parametru referenzjarju tal-LNG.

Artikolu 7e

Kontinwità tal-operat

L-Aġenzija għandha tirrieżamina, taġġorna u tippubblika regolarment il-valutazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tal-LNG u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tal-LNG tagħha kif ukoll il-metodoloġija użata għar-rappurtar tad-data tas-suq tal-LNG u l-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-prezz tal-LNG u tal-parametri referenzjarji tal-LNG tagħha, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-kontributuri tad-data tas-suq tal-LNG.”

;

(11)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-parteċipanti fis-suq, jew persuna jew entità elenkata fil-paragrafu il-punti (b) sa (f) f’isimhom, għandhom jagħtu lill-Aġenzija reġistru tat-tranżazzjonijiet tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, inkluż l-ordnijiet biex isir negozju. L-informazzjoni rappurtata għandha tinkludi l-identifikazzjoni preċiża tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa mixtrija u mibjugħa, il-prezz u l-kwantità miftiehma, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni, il-partijiet fit-tranżazzjoni u l-benefiċjarji intermedji jew finali tat-tranżazzjoni u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-iskoperturi tagħhom, dettaljata skont il-prodott, inkluż it-tranżazzjonijiet li jseħħu barra l-borża. Filwaqt li r-responsabbiltà ġenerali tibqa’ tal-parteċipanti fis-suq, ladarba l-informazzjoni meħtieġa tasal mingħand persuna jew entità elenkata fil--paragrafu 4 il-punti (b) sa (f) tal, l-obbligu ta’ rappurtar dwar il-parteċipant fis-suq inkwistjoni għandu jitqies bħala ssodisfatt. L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tingħata permezz tal-RRMs.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Għall-fini tar-rappurtar ta’ rekords ta’ tranżazzjonijiet fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa, inkluż ordnijiet għan-negozjar, li huma magħmula, konklużi jew eżegwiti fi OMPs, dawk l-OMPs, jew partijiet terzi f’isimhom, għandhom:

(a)

jagħmlu disponibbli lill-Aġenzija data relatata mal-ktieb tal-ordnijiet, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014, u b’hekk jissodisfaw f’isem il-parteċipanti fis-suq l-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu; jew,

(b)

fuq talba tal-Aġenzija, jagħtu lill-Aġenzija aċċess mingħajr dewmien għall-ktieb tal-ordnijiet sabiex l-Aġenzija tkun tista’ timmonitorja n-negozjar fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa.

Sat-8 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji ulterjuri dwar l-operat ta’ dan il-paragrafu, inkluż l-arranġamenti speċifiċi biex jiġi żgurat rappurtar effettiv tad-data.Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

1b.   Il-parteċipanti fis-suq tal-LNG u kwalunkwe persuna jew entità elenkata fil-paragrafu 4, il-punti (b) sa (f), ta’ dan l-Artikolu li taġixxi f’isimhom għandhom jipprovdu b’mod sistematiku lill-Aġenzija rekord tad-data tas-suq tal-LNG, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014.”

;

(c)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2). Għandhom jieħdu kont tas-sistemi eżistenti ta’ rappurtar tat-tranżazzjonijiet għall-monitoraġġ tal-attività ta’ negozjar biex jiġi identifikat l-abbuż tas-suq.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-persuni u l-entitajiet msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (d), ta’ dan l-Artikolu li jkunu rrapportaw tranżazzjonijiet f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligi tar-rappurtar doppji b’rabta ma’ dawk it-tranżazzjonijiet.”;

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1a u 2 jistgħu jippermettu lil swieq organizzati u sistemi ta’ tqabbil jew rappurtar ta’ tranżazzjonijiet jipprovdu lill-Aġenzija b’reġistri ta’ tranżazzjonijet ta’ enerġija bl-ingrossa.”

(e)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-paragrafi 1, 1a u 1b, l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta minn:”;

(ii)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

OMP, sistema ta’ tqabbil tal-ordnijiet jew persuna oħra li professjonalment tirranġa jew twettaq it-tranżazzjonijiet;”;

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jipprovdu lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’informazzjoni relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet tal-produzzjoni, tal-ħżin, tal-konsum jew tat-trażmissjoni tal-elettriku jew tal-gass naturali, jew relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, inkluż in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat jew mhux ippjanat ta’ dawk il-faċilitajiet, u b’informazzjoni privileġġata li hija żvelata pubblikament skont l-Artikolu 4, għall-finijiet tal-monitoraġġ tan-negozjar fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. L-obbligi tar-rappurtar dwar il-parteċipanti fis-suq għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun billitinġabar l-informazzjoni meħtieġa jew partijiet minnha, meta possibbli, mingħand sorsi eżistenti.”

;

(12)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-parteċipanti fis-suq li jidħlu fi tranżazzjonijiet li jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Aġenzija skont l-Artikolu 8(1) għandhom jirreġistraw mal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti jew residenti.

Sat-8 ta’ Novembru 2024, il-parteċipanti fis-suq stabbiliti jew residenti f’pajjiż terz li jidħlu fi tranżazzjonijiet li jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Aġenzija skont l-Artikolu 8(1):

(a)

għandhom jaħtru rappreżentant fi Stat Membru li fih il-parteċipanti fis-suq ikunu attivi fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa u għandhom jirreġistraw mal-awtorità regolatorja nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Ir-rappreżentant għandu jinħatar b’mandat bil-miktub u għandu jkun awtorizzat biex jaġixxi f’isem il-parteċipant fis-suq;

(b)

għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentant maħtur tagħhom bl-għan li dan jiġi indirizzat flimkien ma’ jew f’isimhom,, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-Aġenzija, dwar il-kwistjonijiet kollha meħtieġa għar-riċeviment ta’, il-konformità ma’ u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet jew talbiet għal informazzjoni maħruġa b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(c)

għandhom jipprovdu lir-rappreżentant maħtur tagħhom bis-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jiggarantixxu l-kooperazzjoni effiċjenti u f’waqtha tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mal-Aġenzija u biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew tal-Aġenzija maħruġa b’rabta ma’ dan ir-Regolament, inkluż billi jipprovdu aċċess għall-informazzjoni mitluba; u

(d)

għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz postali u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant maħtur tagħhom lill-Aġenzija u lill-awtoritàregolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn dak ir-rappreżentant maħtur jirrisjedi jew huwa stabbilit u l-Aġenzija.”;

Il-ħatra ta’ rappreżentant għandha tkun mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-parteċipant fis-suq innifsu.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jittrażmettu l-informazzjoni fir-reġistri nazzjonali tagħhom lill-Aġenzija f’format determinat mill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha, b’kooperazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet, tiddetermina dak il-format u għandha tippubblikah. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi reġistru Ewropew ta’ parteċipanti fis-suq. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra għandu jkollhom aċċess għar-reġistru Ewropew. Skont l-Artikolu 17, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-reġistru Ewropew tal-parteċipanti fis-suq, jew partijiet minnu, disponibbli għall-pubbliku sakemm ma tkunx żvelata informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar parteċipanti fis-suq individwali.”

;

(13)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

L-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ mekkaniżmi tar-rappurtar reġistrati

1.   L-operat ta’ RRM għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-Aġenzija f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

L-Aġenzija għandha tawtorizza lil partijiet bħala RRM meta:

(a)

l-RRM ikun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni; u

(b)

l-RRM ikun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

L-Aġenzija għandha tawtorizza entità biex topera bħala RRM f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u, sa fejn ikun possibbli, f’inqas minn tliet xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni kompluta. L-awtorizzazzjoni għandha tkun effettiva u valida għat-territorju kollu tal-Unjoni, u għandha tippermetti lill-RRM jipprovdi s-servizzi li għalihom ikun ġie awtorizzat mal-Unjoni kollha.

L-RRMs irreġistrati mill-Aġenzija skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1348/2014 u inklużi fil-lista ta’ RRMs tal-Aġenzija għandhom jitħallew ikomplu joperaw sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu.

RRM awtorizzat għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu u l-paragrafu 3. RRM awtorizzat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-Aġenzija b’kull bidla materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi reġistru tal-RRMs kollha li tkun awtorizzat skont dan il-paragrafu. Ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku u għandu jkun fih informazzjoni dwar is-servizzi li għalihom tkun awtorizzat lill-RRM. Ir-reġistru għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari.

2.   L-Aġenzija għandha tirrieżamina regolarment il-konformità tal-RRMs mal-paragrafi 1 u 3. Għal dak l-għan, l-RRMs għandhom jirrapportaw kull sena dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Aġenzija.

3.   L-RRMs għandu jkollhom fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati biex jiżguraw ir-rappurtar fil-pront tal-informazzjoni kif meħtieġa skont l-Artikolu 8.

L-RRMs għandhom joperaw u jżommu arranġamenti amministrattivi effettivi mfassla biex jevitaw il-kunflitti ta’ interess mal-klijenti tagħhom. B’mod partikolari, RRM li jkun ukoll OMP jew parteċipant fis-suq għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod nondiskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa biex jissepara l-funzjonijiet differenti tan-negozju.

L-RRMs għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi tas-sigurtà sodi mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ korruzzjoni tad-data u ta’ aċċess mhux awtorizzat, u jevitaw l-iżvelar tal-informazzjoni, filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità tad-data f’kull ħin. L-RRMs għandu jkollhom ir-riżorsi adegwati u għandu jkollhom faċilitajiet ta’ riżerva fis-seħħ biex joffru u jżommu s-servizzi tagħhom.

L-RRMs għandu jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu li r-rapporti tat-tranżazzjonijiet jiġu vverifikati b’mod effettiv fir-rigward tal-kompletezza tagħhom, li jidentifikaw l-ommissjonijiet u l-iżbalji ovvji kkawżati mill-parteċipant fis-suq, u meta jkun hemm żball jew ommissjoni, jikkomunikaw id-dettalji tal-iżball jew tal-ommissjoni lill-parteċipant fis-suq u li jitolbu jibgħat verżjoni kkoreġuta ta’ dawk ir-rapporti.

L-RRMs għandu jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettulhom jidentifikaw l-iżbalji jew l-ommissjonijiet ikkawżati minnhom, u li jippermettulhom jikkoreġu u jittrażmettu, jew jittrażmettu mill-ġdid, skont il-każ, rapporti korretti u kompluti tat-tranżazzjonijiet lill-Aġenzija.

4.   Fejn l-Aġenzija ssib li RRM kiser il-paragrafi 1, 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, qabel ma tirtira awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tagħti lill-RRM is-salvagwardji proċedurali xierqa, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 14(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/942.

5.   L-Aġenzija tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ RRM permezz ta’ deċiżjoni u tneħħih mir-reġistru meta l-RRM:

(a)

ma jużax l-awtorizzazzjoni fi żmien 18-il xahar mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, jirrinunzja l-awtorizzazzjoni b’mod espliċitu jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz fit-18-il xahar preċedenti;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

(c)

ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni stipulati fil-paragrafi 1 u 3; jew

(d)

tkun kisret serjament u sistematikament dan ir-Regolament.

Fil-każ ta’ deċiżjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Aġenzija għandha tindika r-rimedji legali disponibbli skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942.

RRM li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun ġiet irtirata mill-Aġenzija għandu jinforma lill-parteċipanti fis-suq rilevanti kollha u għandu jiżgura sostituzzjoni ordnata, inkluż it-trasferiment tad-data lil RRMs oħra, magħżula mill-parteċipanti fis-suq, u r-ridirezzjoni tal-flussi tar-rappurtar lejn RRMs oħra. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli ta’ mill-inqas sitt xhur biex tiżgura tali sostituzzjoni ordnata. Matul dan il-perjodu, l-RRM għandu jiżgura l-kontinwità tas-servizzi li jipprovdi. Madankollu, l-Aġenzija tista’ tipprovdi perjodu iqsar, jekk it-tkomplija tal-operat tal-RRM tista’ tipperikola l-operat ordnat tas-sistema, meta titqies is-serjetà tal-fatti li jwasslu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

L-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikun stabbilita l-RRM bi kwalunkwe deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ RRM skont l-ewwel subparagrafu u għandha tinforma lill-parteċipanti fis-suq b’dan.

6.   Sat-8 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 20 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika:

(a)

il-mezzi li bihom RRM għandu jwettaq l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

ir-rekwiżiti organizzattivi speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

id-dettalji dwar il-proċess ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ RRM imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(d)

is-salvagwardji proċedurali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

id-dettalji dwar il-proċess ta’ sostituzzjoni ordnata msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

(f)

l-arranġamenti dettaljati biex il-parteċipanti fis-suq jiġu infurmati b’deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ RRM.

(14)

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi mekkaniżmi biex tikkondividi l-informazzjoni li tirċievi f’konformità mal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti finanzjarji tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-ESMA, il-EUROFISC u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni. Qabel ma tistabbilixxi dawn il-mekkaniżmi, l-Aġenzija għandha tikkonsulta ma’ dawk l-awtoritajiet.

L-Aġenzija għandha tagħti aċċess għall-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss lill-awtoritajiet li jkunu stabbilixxew sistemi li jippermettu lill-Aġenzija tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(1).

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni li jirċievu f’konformità mal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8 mal-awtoritajiet kompetenti finanzjarji tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u awtoritajiet rilevanti oħra fil-livell nazzjonali. Qabel ma tistabbilixxi tali mekkaniżmi, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-Aġenzija u ma’ dawk l-awtoritajiet dwar tali mekkaniżmi, sakemm tali mekkaniżmi ma jkunux ġew stabbiliti qabel is-7 ta’ Mejju 2024. L-Aġenzija, fejn xieraq, għandha toħroġ linji gwida mhux vinkolanti biex tiffaċilita l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmi mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jagħtu aċċess għall-mekkaniżmi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ħlief lill-awtoritajiet li stabbilew sistemi li jippermettu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(1).”

;

(15)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, il-EUROFISC, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-ESMA u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni li jirċievu skont l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(5) jew l-Artikolu 10, għandhom jieħdu passi biex jipprevjenu kull użu ħażin ta’ tali informazzjoni, u għandhom jiżguraw konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-8 ta’ Mejju 2025, l-Aġenzija għandha tiżviluppa ċentru ta’ referenza tal-informazzjoni li fih id-data tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Unjoni (‘iċ-Ċentru ta’ Referenza’). Suġġett għall-Artikolu 17, l-Aġenzija għandha tippubblika, permezz taċ-Ċentru ta’ Referenza partijiet mill-informazzjoni li jkollha, sakemm ma tiġix żvelata u ma tkunx tista’ tiġi dedotta informazzjoni sensittiva mil-lat kummerċjali dwar parteċipanti individwali fis-suq, dwar tranżazzjonijiet individwali jew dwar postijiet tas-suq individwali u ma jistgħux jiġu identifikati permezz ta’ informazzjoni aggregata dwar OMPS, IIPS u RRMs skont il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, ħlief elementi kummerċjalment sensittivi.

L-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli l-bażi ta’ data tagħha li ma tkunx sensittiva mil-lat kummerċjali għal skopijiet xejntifiċi, skont rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata jew issir disponibbli fl-interess tat-titjib tat-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa u sakemm ma jkunx probabbli li toħloq xi distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dawk is-swieq tal-enerġija.

L-Aġenzija għandha xxerred l-informazzjoni b’mod ġust f’konformità ma’ regoli trasparenti li għandha tfassal u tagħmel disponibbli pubblikament.”

;

(16)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 u l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4, 7c 8, 9 u 15 jiġu sodisfatti u inforzati.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu kompetenti biex jinvestigaw l-atti kollha mwettqa fis-swieq nazzjonali tal-enerġija bl-ingrossa tagħhom u jinfurzaw dan ir-Regolament, irrispettivament minn fejn il-parteċipant fis-suq li jwettaq dawk l-atti jkun irreġistrat jew ikun fl-obbligu li jirreġistra skont l-Artikolu 9(1).

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu jkollha s-setgħat investigattivi u ta’ infurzar meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b’mod proporzjonat.

Dawk is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati:

(a)

direttament;

(b)

b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c)

b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti; jew

(d)

wara rakkomandazzjoni tal-Aġenzija.

Meta xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeżerċitaw is-setgħat investigattivi tagħhom b’kollaborazzjoni ma’ OMPs, sistemi tat-tqabbil tal-kummerċ jew persuni oħra li professjonalment jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet jew iwettqu t-tranżazzjonijiet kif imsemmi l-Artikolu 8(4), il-punt (d).”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Biex tiġġieled kontra l-ksur ta’ dan ir-Regolament, tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet ta’ infurzar tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u tikkontribwixxi għal applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha, l-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib u attiva mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, tista’ twettaq investigazzjonijiet billi teżerċita s-setgħat mogħtija lilha bl-Artikoli 13a, 13b u 13c u f’konformità magħhom.

4.   Fi żmien suffiċjenti qabel ma teżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru fejn jitwettqu l-atti li l-Aġenzija raġonevolment tissuspetta li jkunu qed jiksru dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tinforma lill-awtorità regolatorja nazzjonali u lill-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra ta’ dak l-Istat Membru. L-Aġenzija tista’ teżerċita s-setgħat tagħha f’dik il-ġuriżdizzjoni, sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali ma toġġezzjonax minħabba li:

(a)

tkun formalment fetħet jew tkun qed twettaq investigazzjoni dwar l-istess fatti; jew

(b)

tkun wettqet investigazzjoni dwar l-istess fatti u ddeterminat l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur.

L-Aġenzija tista’ tkompli teżerċita s-setgħat tagħha fil-bqija tal-ġuriżdizzjonijiet ta’ dawk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma jkunux qajmu oġġezzjoni skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. L-Aġenzija ma għandhiex teżerċita s-setgħat tagħha jekk tkun diġà twettqet investigazzjoni dwar l-istess fatti u tkun ġiet konkluża dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur.

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tinforma lill-Aġenzija bl-oġġezzjoni tagħha fi żmien tliet xhur wara li jiġi informat skont l-ewwel subparagrafu. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkoopera mal-Aġenzija, inkluż billi:

(a)

il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u sejbiet rilevanti għall-Aġenzija biex teżerċita s-setgħat tagħha skont il-paragrafu 3 f’ġuriżdizzjonijiet rilevanti oħra kkonċernati; u

(b)

il-parteċipazzjoni, fuq talba tal-Aġenzija, fi grupp investigattiv imlaqqa’ f’konformità mal-Artikolu 16(4), il-punt (c).

L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-grupp investigattiv u, fuq it-talba ta’ waħda mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati, l-Aġenzija tista’ tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa, bħala osservatur, f’dak il-grupp investigatorju.

5.   L-Aġenzija tista’ teżerċita s-setgħat tagħha biex tiżgura li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 jiġu infurzati meta:

(a)

ikunu qed jitwettqu jew ikunu twettqu atti fuq prodotti tal-enerġija bl-ingrossa għall-konsenja f’mill-inqas żewġ Stati Membri;

(b)

l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti, mingħajr preġudizzju għad-derogi msemmija fl-Artikolu 16(5), ma tiħux il-miżuri meħtieġa malajr kemm jista jkun biex tikkonforma mat-talba mill-Aġenzija skont l-Artikolu 16(4), il-punt (b), fejn hemm impatt transfruntier.

(c)

mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-awtorità regolatorja nazzjonali titlob lill-Aġenzija teżerċita s-setgħat tagħha fir-rigward ta’ atti, anke jekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu, li għandhom impatt transfruntier.

6.   L-Aġenzija tista’ teżerċita s-setgħat tagħha biex tiżgura li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 jiġu ssodisfati meta l-informazzjoni privileġġjata rilevanti x’aktarx taffettwa b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li jitwasslu f’mill-inqas żewġ Stati Membri.

7.   L-Aġenzija tista’ teżerċita s-setgħat tagħha biex tiżgura li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8 jiġu sodisfatti meta:

(a)

ksur suspettat jaffettwa l-monitoraġġ tal-attività kummerċjali msemmi fl-Artikolu 7 mill-Aġenzija, fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’mill-inqas żewġ Stati Membri; jew

(b)

ksur suspettat jaffettwa l-kwalità tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 f’mill-inqas żewġ Stati Membri.

8.   L-Aġenzija tista’ teżerċita s-setgħat tagħha biex tiżgura li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 15 jiġu sodisfatti meta l-persuni msemmija f’dak l-Artikolu jkunu jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet jew iwettqu t-tranżazzjonijiet professjonalment ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa għall-konsenja f’mill-inqas żewġ Stati Membri.

9.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont il-paragrafi 5 sa 8, l-Aġenzija tista’ tagħti prijorità lill-każijiet bl-aktar impatt transfruntier sinifikanti. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-kriterji biex tidentifika l-każijiet bl-aktar impatt transfruntier sinifikanti, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u f’kooperazzjoni magħhom.

10.   Għall-fini li jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Aġenzija stabbiliti fil-paragrafi 5, il-punti (a) u (b), 6, 7 u 8 humiex issodisfati, il-konsenja ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’żona tal-offerti jew tal-ibbilanċjar li tinkludi t-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri għandha titqies bħala konsenja fi Stat Membru wieħed.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata tagħmel talba skont il-paragrafu 4, il-punt (d) jew toġġezzjona skont il-paragrafu 3a.

11.   Mat-tlestija tal-azzjonijiet tagħha, meħuda biex teżerċita s-setgħat tagħha skont il-paragrafu 5 sa 8, l-Aġenzija għandha tfassal rapport tal-investigazzjoni li jippreżenta s-sejbiet tal-Aġenzija. Ir-rapport ta’ investigazzjoni għandu jinkludi wkoll l-evidenza kollha li fuqha ġew ibbażati s-sejbiet. Jekk fir-rapport ta’ investigazzjoni l-Aġenzija tqis li kien hemm ksur ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati kif xieraq u teżiġi li dawn jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 18. Fir-rapport ta’ investigazzjoni l-Aġenzija tista’ wkoll tirrakkomanda ċerti miżuri ta’ segwitu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti u, meta jkun meħtieġ, għandha tinforma lill-Kummissjoni. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu r-rapport ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għandhom jikkomunikaw lill-Aġenzija u, fejn meħtieġ lill-Kummissjoni, il-miżuri li huma jqisu meħtieġa li jieħdu.

12.   L-Aġenzija, fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ mill-inqas darba fis-sena, għandha tissottometti sommarji tar-rapporti li tkun fasslet, f’forma aggregata u anonimizzata, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn is-sommarji u l-kontenut tagħhom għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali.”

;

(17)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 13a

Spezzjonijiet fuq il-post mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tħejji u twettaq spezzjonijiet fuq il-post f’kooperazzjoni mill-qrib u f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   Biex tissodisfa l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikolu 13 (5)sa (8), l-Aġenzija tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post fil-bini tal-persuni soġġetti għall-investigazzjoni fejn jistgħu jkunu miżmuma r-rekords kummerċjali. Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni fuq il-post ikunu jeżiġu dan, l-Aġenzija tista’ twettaq dik l-ispezzjoni mingħajr avviż bil-quddiem lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni.

3.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni fuq il-post, l-uffiċjali tal-Aġenzija u persuni awtorizzati jew maħtura minnha biex iwettqu dik l-ispezzjoni għandhom is-setgħa, fil-konfront tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni adottata mill-Aġenzija skont il-paragrafu 6 li:

(a)

jidħlu fil-bini rilevanti ta’ dawn il-persuni;

(b)

jeżaminaw ir-reġistri u rekords oħra marbuta man-negozju tagħhom, irrispettivament mill-mezz li fih ikunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji jew siltiet minn tali reġistri jew rekords;

(d)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u reġistri jew rekords għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(e)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal ta’ dawn il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-fini tal-ispezzjoni fuq il-post u jirreġistraw it-tweġibiet.

Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, is-siġilli msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d) ma għandhomx jibqgħu mwaħħla għal aktar minn 72 siegħa.

4.   Jekk ikun hemm suspett raġonevoli li r-rekords kummerċjali relatati mas-suġġett ta’ spezzjoni fuq il-post, li jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ppruvat ksur ta’ dan ir-Regolament, qed jinżammu f’bini privat ta’ diretturi, maniġers jew membri oħra tal-persunal tan-negozji kkonċernati minn investigazzjoni, l-Aġenzija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, twettaq spezzjoni fuq il-post f’dak il-bini privat. F’każijiet bħal dawn, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha ssemmi wkoll ir-raġunijiet li wasslu lill-Aġenzija biex tikkonkludi li jeżisti suspett raġonevoli.

5.   L-uffiċjali u l-persuni l-oħra awtorizzati jew maħtura mill-Aġenzija biex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-finijiet tal-ispezzjoni fuq il-post.

6.   Il-persuni soġġetti għal spezzjoni għandhom jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni adottata mill-Aġenzija. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post, tindika d-data meta għandha tinbeda, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 13g fejn il-persuna kkonċernata ma tissottomettix ruħha għall-ispezzjoni fuq il-post f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-‘Qorti tal-Ġustizzja’). L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun ser issir l-ispezzjoni qabel ma tadotta dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun ser issir l-ispezzjoni fuq il-post, għandhom, meta jintalbu mill-Aġenzija, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-Aġenzija u lill-persuni awtorizzati jew maħtura minnha. Għal dak il-għan għandu jkollhom is-setgħat stipulati f’dan l-Artikolu. L-uffiċjali tal-awtorità regolatorja nazzjonali jistgħu wkoll jkunu preżenti għall-ispezzjoni fuq il-post, jekk jitolbu dan.

8.   Meta l-uffiċjali u l-persuni l-oħra awtorizzati jew maħtura mill-Aġenzija, isibu li xi persuna tkun qed topponi spezzjoni fuq il-post ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandha tipprovdi lilhom, jew lil awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti oħra, l-assistenza meħtieġa, filwaqt li għandha titlob, meta xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, biex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.   Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafi 7 u 8 tkun teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, l-Aġenzija għandha tapplika wkoll għal dik l-awtorizzazzjoni. L-Aġenzija tista’ tapplika wkoll għal dik l-awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 4, spezzjoni fuq il-post m’għandhiex issir mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

10.   Meta l-Aġenzija tapplika għal awtorizzazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li:

(a)

id-deċiżjoni tal-Aġenzija hija awtentika; u

(b)

kull miżura li trid tittieħed tkun proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni fuq il-post.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu -, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Aġenzija għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li l-Aġenzija jkollha biex tissuspetta li jkun sar ksur kif imsemmi fl-Artikolu 13(3), is-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni. B’deroga mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942, id-deċiżjoni tal-Aġenzija għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 13b

Talba għal informazzjoni

1.   Meta l-Aġenzija titlob dan, kwalunkwe persuna għandha tipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa biex tissodisfa l-obbligi tal-Aġenzija stabbiliti fl-Artikolu 13 (5) u (8). Meta tintalab, l-Aġenzija għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika għat-talba;

(b)

tiddikjara l-għan tat-talba;

(c)

tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, u skont liema format tad-data;

(d)

tistabbilixxi limitu taż-żmien, proporzjonat għat-talba, sa meta għandha tingħata l-informazzjoni;

(e)

tinforma lill-persuna li t-tweġiba tat-talba għall-informazzjoni ma għandhiex tkun skorretta jew qarrieqa.

2.   Għall-finijiet tat-talbiet għall-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandu jkollha wkoll is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet. F’tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha, minbarra l-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tindika l-obbligu tal-persuna li twieġeb għat-talba, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 13g meta l-persuna kkonċernata ma tikkonformax mat-talba, u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

B’deroga mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942, id-deċiżjoni tal-Aġenzija għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

3.   Il-persuni li qegħdin jirċievu talba għall-informazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Dawn il-persuni għandhom ikunu kompletament responsabbli biex tiżgura li l-informazzjoni mogħtija hija kompluta, korretta u mhux qarrieqa.

4.   Meta l-uffiċjali, u persuni awtorizzati jew maħtura mill-Aġenzija jsibu li persuna ma tkunx konformi ma’ talba għall-informazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandha, fuq talba tal-Aġenzija, tipprovdi lill-Aġenzija l-assistenza meħtieġa biex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 3, inkluż bl-impożizzjoni ta’ multi f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

5.   Meta l-uffiċjali, u l-persuni l-oħra awtorizzati jew maħtura mill-Aġenzija, isibu li xi persuna tkun qed tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni mitluba, l-Aġenzija tista’ tasal għal konklużjonijiet abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

6.   L-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien, tibgħat kopja tat-talba msemmija fil-paragrafu 1 jew tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri.

Artikolu 13c

Setgħa li tieħu dikjarazzjonijiet

1.   Sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13 (5) sa (8), l-Aġenzija tista’ tintervista u tieħu dikjarazzjonijiet minn kwalunkwe persuna li tagħti l-kunsens biex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. L-Aġenzija tista’ tirreġistra t-tweġibiet.

2.   Meta ssir intervista skont il-paragrafu 1 fuq il-post ta’ impriża tal-persuna kkonċernata, l-Aġenzija għandha tinforma lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu saret l-intervista. L-uffiċjali tal-awtorità regolatorja nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jistgħu jassistu lill-uffiċjali u lill-persuni li huma awtorizzati jew maħtura mill-Aġenzija biex iwettqu l-intervista.

Artikolu 13d

Salvagwardji proċedurali

1.   L-Aġenzija għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-post, titlob informazzjoni u tieħu dikjarazzjonijiet b’rispett sħiħ tas-salvagwardji proċedurali ta’ persuni soġġetti għal investigazzjoni, li jinkludu:

(a)

id-dritt li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti;

(b)

id-dritt li jkunu assistiti minn persuna tal-għażla tagħhom;

(c)

id-dritt li jużaw xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn tkun qed issir l-ispezzjoni fuq il-post;

(d)

id-dritt li jikkummentaw dwar fatti li jikkonċernawhom qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-investigazzjoni skont l-Artikolu 13(11),

(e)

id-dritt li jirċievu kopja tar-reġistrazzjoni tal-intervista u li japprovawha jew iżidu xi osservazzjonijiet għaliha.

L-istedina għall-kummenti dwar fatti skont id-dritt imsemmi fil-punt (d) għandha tinkludi sommarju tal-fatti li jikkonċernaw il-persuna inkwistjoni u għandha tindika limitu ta’ żmien adegwat għas-sottomissjoni tal-kummenti. F’każijiet debitament sostanzjati fejn ikun meħtieġ li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-ispezzjoni fuq il-post jew ta’ investigazzjoni amministrattiva jew kriminali li tkun għaddejja jew futura minn awtorità nazzjonali, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tiddifferixxi l-istedina għall-kummenti.

2.   L-Aġenzija għandha tfittex evidenza favur u kontra l-persuni soġġetti għal investigazzjoni, u għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-post, titlob l-informazzjoni u tieħu dikjarazzjonijiet b’mod oġġettiv u imparzjali u f’konformità mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

3.   L-Aġenzija għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-post, titlob informazzjoni u tieħu dikjarazzjonjiet b’rispett sħiħ tar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u r-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   L-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2019/942 ma għandux japplika għad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija adottati skont l-Artikolu 13a(6) jew l-Artikolu 13b(2).

Artikolu 13e

Assistenza reċiproka

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti stipulati fl-Artikoli 13 sa 13c, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija għandhom jassistu lil xulxin matul investigazzjoni.

Artikolu 13f

Uffiċjal tal-investigazzjoni

1.   Sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(5) sa (8), l-Aġenzija tista’, fejn tqis li jkun xieraq li tiżgura l-effettività u l-effiċjenza tal-investigazzjoni u filwaqt li tqis ir-riżorsi interni disponibbli tagħha, taħtar uffiċjal ta’ investigazzjoni ddedikat fl-Aġenzija biex imexxi l-investigazzjoni.

2.   Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, l-uffiċjali tal-investigazzjoni jistgħu jeżerċitaw is-setgħat disponibbli għall-Aġenzija, inkluż is-setgħat stabbiliti fl-Artikoli 13a, 13b u 13c, filwaqt li jirrispettaw is-salvagwardji proċedurali li jinsabu fl-Artikolu 13d. Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, l-uffiċjali tal-investigazzjoni għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-Aġenzija fl-attivitajiet superviżorji tagħha li jkunu rilevanti għat-twettiq tal-investigazzjoni.

Artikolu 13g

Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   L-Aġenzija għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi pagament perjodiku ta’ penali fir-rigward ta’ persuna soġġetta għal investigazzjoni sabiex iġġiegħel lil dik il-persuna:

(a)

tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13a(6);

(b)

tipprovdi l-informazzjoni mitluba b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13b(2).

2.   Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum sakemm il-persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 13a(6) jew l-Artikolu 13b(2).

3.   Pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. Għal dak l-għan, l-ammont ta’ pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, it-2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Pagament perjodiku ta’ penali jista’ jkun impost għal perjodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur min-notifika tad-deċiżjoni tal-Aġenzija.

5.   B’deroga mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942, id-deċiżjoni tal-Aġenzija għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 13h

Salvagwardji proċedurali rigward id-deċiżjonijiet dwar il-pagament perjodiku ta’ penali

1.   Minkejja l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2019/942, qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 13g ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tagħti lill-persuni li lilhom biha tindirizza din id-deċiżjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

2.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu kompletament irrispettati matul l-investigazzjoni. Huma għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għal dawk id-dokumenti fil-fajl tal-Aġenzija li jkunu rilevanti għad-deċiżjoni tal-Aġenzija li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti preparatorji interni tal-Aġenzija.

Artikolu 13i

In-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikolu 13g għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

2.   Il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikolu 13g għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli tal-Istati Membri kkonċernati.

L-ordni għall-infurzar tagħha għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni tal-Aġenzija mingħajr l-ebda formalità oħra għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta’ kull Stat Membru għandu jaħtar għal dak l-iskop, u li din għandha tiġi kkomunikata lill-Aġenzija u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta l-awtorità nazzjonali maħtura tkun lestiet il-formalitajiet imsemmija fit-tielet subparagrafu, wara applikazzjoni mill-Aġenzija, l-Aġenzija tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità nazzjonali maħtura.

L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qrati tal-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fatt li l-infurzar ikun qed isir b’mod irregolari.

3.   L-ammonti tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13j

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni mingħajr limiti li tirrieżamina d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija li timpona pagamenti perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-pagament perjodiku ta’ penali impost.”

;

(18)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Obbligi tal-persuni li professjonalment jirranġaw jew iwettqu tranżazzjonijiet

1.   Kull persuna li professjonalment tirranġa tranżazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, u li b’mod raġonevoli tissuspetta li ordni għal negozju jew tranżazzjoni, inkluż kwalunkwe kanċellazzjoni jew modifika tagħhom, kemm jekk imqiegħda f’ċentru ta’ OMP jew barra minnu, tista’ tikser l-Artikoli 3, 4 jew 5, għandha tinnotifika lill-Aġenzija u lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti mingħajr aktar dewmien u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn erba’ ġimgħat mill-jum li fih il-persuna tkun konxja mill-avveniment suspettuż.

2.   Kwalunkwe persuna li professjonalment twettaq tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 li twettaq ukoll tranżazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li mhumiex strumenti finanzjarji, u li b’mod raġonevoli tissuspetta li ordni għal negozju jew tranżazzjoni, inkluż kwalunkwe kanċellazzjoni jew modifika tagħhom, kemm jekk imqiegħda jew eżegwita f’OMP, tista’ tikser l-Artikolu 3, 4 jew 5 ta’ dan ir-Regolament, għandha tinnotifika lill-Aġenzija u lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti mingħajr aktar dewmien u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn erba’ ġimgħat mill-jum li fih il-persuna tkun konxja mill-avveniment suspettuż.

3.   Il-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jistabbilixxu u jżommu arranġamenti, sistemi u proċeduri effettivi biex:

(a)

jidentifikaw ksur potenzjali tal-Artikoli 3, 4 jew 5;

(b)

jiżguraw li l-impjegati tagħhom li jwettqu l-attivitajiet ta’ sorveljanza għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu jitħarsu minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess u jaġixxu b’mod indipendenti.;

(c)

jidentifikaw u jirrapportaw ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-persuni li professjonalment jirranġaw jew iwettqu tranżazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għar-regoli tan-notifika tal-Istati Membri li fihom ikun irreġistrat il-parteċipant fis-suq involut fil-ksur potenzjali u fejn jitwassal il-prodott tal-enerġija bl-ingrossa. Tali notifika għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri.

5.   Sat-8 ta’ Mejju 2025 u kull sena wara dan, l-Aġenzija, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandha toħroġ u tippubblika rapport b’informazzjoni aggregata f’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, li teskludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva, dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

l-arranġamenti, is-sistemi u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 u l-effettività tagħhom;

(b)

l-analiżi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta’ tranżazzjonijiet suspettuża, ir-rispons għal rappurtar ta’ kwalità fqira u n-nuqqas ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u attivitajiet relatati fir-rigward tal-infurzar u tal-penali.”

;

(19)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Aġenzija għandha, kif xieraq, tippubblika gwida mhux vinkolanti dwar:

(a)

l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ passi intermedji rilevanti fi proċess fit-tul f’dawk il-każijiet fejn, waħedha, l-informazzjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (1); u

(b)

indikaturi mhux eżawrjenti u eżempji ta’ mġiba tas-suq relatata ma’ manipulazzjoni tas-suq, kif ukoll abbuż minn informazzjoni privileġġata,msemmija fl-Artikolu 3.”;

(ii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-awtoritajiet fiskali nazzjonali għandhom jistabbilixxu forom xierqa ta’ kooperazzjoni biex jiżguraw investigazzjoni u infurzar effettivi u effiċjenti f’waqthom, u biex jikkontribwixxu għal approċċ koerenti u konsistenti għall-investigazzjoni, għall-proċeduri ġudizzjarji u għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament u tal-liġi finanzjarja u tal-kompetizzjoni rilevanti.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Qabel ma jadottaw deċiżjoni li ssib ksur ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritàregolatorja nazzjonali tista’ tinforma lill-Aġenzija u tipprovdilha sommarju tal-każ u tad-deċiżjoni prevista b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Wara li tadotta deċiżjoni li ssib ksur ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tipprovdi dik id-deċiżjoni lill-Aġenzija, inkluż informazzjoni dwar id-data t’adozzjoni tagħha, l-isem tal-persuni soġġetti għal penali, l-Artikolu ta’ dan ir-Regolament li jkun inkiser u l-penali applikat. Fl-istess ħin, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tindika lill-Aġenzija liema informazzjoni tkun żvelat lill-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 18(6) u għandha tinforma minnufih lill-Aġenzija bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal tali informazzjoni. L-Aġenzija għandha żżomm lista pubblika ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu żvelaw lill-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 18(6).”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipproċessaw rapporti ta’ ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed u, jekk possibbli, fi żmien sena mid-data tal-wasla tat-talba ta’ dawn ir-rapporti, u jinfurmaw lill-awtorità finanzjarja kompetenti tal-Istat Membru tagħhom u lill-Aġenzija fejn ikollhom raġunijiet validi biex jissuspettaw li fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa qed jitwettqu, jew twettqu atti, li jikkostitwixxu abbuż tas-suq fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u li jaffettwaw strumenti finanzjarji soġġetti għall-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament; għal dawk il-finijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu forom xierqa ta’ kooperazzjoni mal-awtorità finanzjarja kompetenti fl-Istat Membru tagħhom;”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

l-Aġenzija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tat-taxxa u lill-EUROFISC meta jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li qed jitwettqu jew ikunu twettqu atti fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa li aktarx jikkostitwixxu frodi tat-taxxa.”;

(20)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 16a

Delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet

1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, bil-kunsens tad-delegat, jiddelegaw xi kompiti u responsabbiltajiet lill-Aġenzija jew lil awtorità regolatorja nazzjonali oħra soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi rigward id-delegar tar-responsabbiltajiet li jridu jiġu rrispettati qabel ma l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jidħlu fi ftehimiet ta’ delegar u jistgħu jillimitaw l-ambitu tad-delega għal dak meħtieġ biex issir superviżjoni effettiva tal-parteċipanti fis-suq jew tal-gruppi tas-suq.

L-Aġenzija tista’ tassisti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi toħroġ gwida mhux vinkolanti jew tiskambja l-aħjar prattiki dwar id-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti.

2.   Id-delega ta’ kompiti u responsabbiltajiet għandha tirriżulta fir-riallokazzjoni ta’ kompetenzi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-liġi tal-Istati Membri fejn id-delegat jinsab għandha tirregola l-proċedura, l-infurzar u r-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju relatati mar-responsabbiltajiet delegati.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija bi kwalunkwe ftehim ta’ delegar li jkun beħsiebhom jagħmlu. Għandhom jikkonkludu dawk il-ftehimiet mhux aktar kmieni minn xahar wara li jinformaw lill-Aġenzija.

4.   L-Aġenzija tista’ toħroġ opinjoni dwar ftehim ta’ delegar maħsub innotifikat skont il-paragrafu 3 fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika.

5.   L-Aġenzija għandha tippubblika, bil-mezzi xierqa, kull ftehim ta’ delegar konkluż mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, biex tiżgura li l-partijiet kollha kkonċernati jiġu informati kif xieraq.

Artikolu 16b

Linji gwida u rakkomandazzjonijiet

1.   L-Aġenzija għandha, biex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha jew lill-parteċipanti kollha fis-suq u toħroġ rakkomandazzjonijiet lil awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar jew lil parteċipant fis-suq wieħed jew aktar dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5a, 8, 9 u 9a u l-Artikolu 10(1).

2.   L-Aġenzija għandha, f’perjodu ta’ żmien adegwat u realistiku, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi xierqa mal-parteċipanti fis-suq rilevanti dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li toħroġ u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-ħruġ ta’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati mal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-parteċipanti fis-suq għandhom iqisu kif xieraq dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jinfurmaw lill-Aġenzija fuq bażi regolari tal-implimentazzjoni tal-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom.

5.   Jekk ikun meħtieġ minn linja gwida jew rakkomandazzjoni, il-parteċipanti fis-suq għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar l-implimentazzjoni tal-linja gwida jew ir-rakkomandazzjoni speċifika. Fuq talba tal-Aġenzija, il-parteċipanti fis-suq għandhom jissostanzjaw tali notifika b’mod ċar u dettaljat.

6.   Fi żmien 12-il xahar mill-ħruġ ta’ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet skont il-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ twettaq konsultazzjoni, inkluż mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mal-parteċipanti fis-suq, biex tivvaluta l-adegwatezza u l-effettività ta’ dawk il-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet.

7.   L-Aġenzija għandha tinkludi l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li tkun ħarġet fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 19(1), il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2019/942.”

;

(21)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ma tistax tiġi żvelata lil persuna jew awtorità oħra, għajr f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li parteċipant individwali fis-suq ma jkunx jista’ jiġi identifikat, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament jew liġi rilevanti oħra tal-Unjoni.”

;

(22)

L-Artikoli 18 u 19 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, jirriflettu n-natura, it-tul u s-serjetà tal-ksur, id-dannu kkawżat lill-konsumaturi u l-qligħ potenzjali min-negozjar abbażi tal-informazzjoni privileġġata u tal-manipulazzjoni tas-suq.

Mingħajr preġudizzju għal xi piena kriminali u mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa li jadottaw multi amministrattivi xierqa u miżuri amministrattivi oħra fir-rigward tal-ksur ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fl-Artikolu 13(1).

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet fid-dettall lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija u għandhom jinnotifikawhom minnufih dwar kull emenda sussegwenti li dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-proċedura tal-immultar tinbeda mill-awtorità kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għal multi amministrattivi imposti minn awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sat-8 ta’ Mejju 2026 u jinnotifikaw il-Kummissjoni, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

3.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali u soġġetti għall-prinċipju ne bis in idem, jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas il-multi amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħra li ġejjin fir-rigward tal-ksur ta’ dan ir-Regolament:

(a)

jeżiġu li jitwaqqaf il-ksur;

(b)

jordnaw ic-ċediment tal-qligħ miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(c)

joħorġu twissijiet jew avviżi pubbliċi;

(d)

jimponu pagamenti perjodiċi ta’ penali;

(e)

jimponu multi amministrattivi;

4.   Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, il-multi amministrattivi massimi msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (e) għandhom ikunu kif ġejjin:

(a)

għall-ksur tal-Artikoli 3 u 5, mill-inqas EUR 5 000 000;

(b)

għall-ksur tal-Artikoli 4 u 15, mill-inqas EUR 1 000 000;

(c)

għall-ksur tal-Artikoli 8 u 9, mill-inqas EUR 500 000.

Minkejja l-paragrafu 3, il-punt (e), l-ammont tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-20 % tal-introjtu annwali fis-sena kalendarja preċedenti tal-persuna fiżika kkonċernata. Meta l-persuna fiżika tkun ibbenefikat finanzjarjament direttament jew indirettament mill-ksur, l-ammont tal-multa amministrattiva għandu jkun mill-inqas daqs dak il-benefiċċju.

5.   Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, il-multi amministrattivi massimi msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (e) għandhom ikunu kif ġejjin:

(a)

għall-ksur tal-Artikoli 3 u 5, mill-inqas 15 % tal-introjtu annwali totali fis-sena finanzjarja preċedenti;

(b)

għall-ksur tal-Artikoli 4 u 15, mill-inqas 2 % tal-introjtu annwali totali fis-sena finanzjarja preċedenti;

(c)

għall-ksur tal-Artikoli 8 u 9, mill-inqas 1 % tal-introjtu annwali totali fis-sena finanzjarja preċedenti;.

Minkejja l-paragrafu 3, il-punt (e), l-ammont tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-20 % tal-introjtu annwali fis-sena kalendarja preċedenti tal-persuna ġuridika kkonċernata. Meta l-persuna ġuridika tkun ibbenefikat finanzjarjament direttament jew indirettament mill-ksur, l-ammont tal-multa amministrattiva għandu jkun mill-inqas daqs dak il-benefiċċju.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiżvela lill-pubbliku l-miżuri jew il-penali imposti għall-ksur ta’ dan ir-Regolament sakemm dak l-iżvelar ma jkunx jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ multi amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq:

(a)

il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat, pereżempju, mill-fatturat annwali totali ta’ persuna ġuridika jew mid-dħul annwali ta’ persuna fiżika;

(d)

l-importanza tal-profitti miksubin jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(f)

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

g)

il-miżuri meħudin mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tiegħu; u

(h)

id-duplikazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u amministrattivi u ta’ multi għall-istess ksur kontra l-persuna responsabbli għall-ksur.

8.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu multi amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn taħt il-paragrafu 1 it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom, u l-multi amministrattivi li huma jimponu, u l-miżuri amministrattivi l-oħrajn li jieħdu, ikunu effettivi u xierqa taħt dan ir-Regolament. Huma għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 16(2) biex jevitaw id-duplikazzjoni u t-trikkib meta jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom u meta jimponu multi amministrattivi fir-rigward ta’ każijiet transkonfinali.

9.   Sat-8 ta’ Mejju 2027 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta jekk il-penali għall-ksur ta’ dan ir-Regolament humiex previsti u applikati b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 19

Relazzjonijiet internazzjonali

Sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stipulati f’dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi b’mod partikolari ma’ dawk li jkollhom impatt fuq is-suq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Unjoni biex tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-qafas regolatorju. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u lanqas ma għandhom iwaqqfu lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ dawk l-awtoritajiet superviżorji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-akkordji jistgħu jikkonċernaw aspetti ta’ interess komuni, bħal metodoloġiji tal-ġbir tad-data, l-analiżi u l-valutazzjoni tad-data jew informazzjoni oħra u oqsma oħra ta’ għarfien espert.”

;

(23)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) u (b), għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-28 ta’ Diċembru 2011. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4a(8), l-Artikolu 6(1), il-punt (c), u l-Artikolu 9a(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-7 ta’ Mejju 2024.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4a(8), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9a(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4a(8), l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 9a(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(24)

jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 21a

Rapport u rieżami

1.   Sal-1 ta’ Ġunju 2027, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tiegħu fuq l-imġiba tas-suq, il-parteċipanti fis-suq, il-likwidità, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar, inkluż fuq id-data tas-suq tal-LNG, u l-livell ta’ piż amministrattiv għall-parteċipanti fis-suq, inkluż l-ostakli potenzjali għad-dħul għal parteċipanti ġodda fis-suq, kif ukoll il-prestazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha. Abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport u tissottomettih mingħajr dewmien żejjed lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

2.   Sal-1 ta’ Ġunju 2025 il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effettività tal-introduzzjoni ta’ penali kriminali mill-Istati Membri għal każijiet intenzjonati u serji ta’ abbuż tas-suq fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Unjoni u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jipproponi miżuri xierqa li jistgħu jinkludu s-sottomissjoni ta’ proposta leġiżlattiva.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/942

Ir-Regolament (UE) 2019/942 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6, jitħassar il-paragrafu 8.

(2)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

issegwi u tikkoordina l-investigazzjonijiet skont l-Artikoli 13 sa13c u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.”;

(b)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(d)

tawtorizza u tissorvelja pjattaformi ta’ informazzjoni privileġġata u mekkaniżmi ta’ rappurtar irreġistrati skont l-Artikoli 4a u 9a tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(e)

ikollha s-setgħa li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13g tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.”;

(3)

fl-Artikolu 32, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandhom ikunu dovuti tariffi lill-ACER għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi ta’ informazzjoni rrapportata minn parteċipanti fis-suq jew minn persuni jew entitajiet li jirrappurtaw f’isimhom, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u għall-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata skont l-Artikoli 4 u 4a ta’ dak ir-Regolament. It-tariffi għandhom jitħallsu minn mekkaniżmi ta’ rappurtar irreġistrati u pjattaformi ta’ informazzjoni privileġġata. Id-dħul minn dawk it-tariffi jista’ jkopri wkoll il-kostijiet tal-ACER għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ superviżjoni u investigazzjoni skont l-Artikoli 13 sa 13c u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   B’deroga mill- paragrafu 1, għandhom japplikaw id-dati t’applikazzjoni li ġejjin:

(a)

L-Artikolu 1, il-punti (6) u (13), fir-rigward tal-Artikolu 4a (1) sa (7) u l-Artikolu 9a (1) sa (5) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, għandhom japplikaw mid-data li fiha l-atti delegati adottati skont dawk il-punti jidħlu fis-seħħ;

(b)

L-Artikolu 1, il-punt (10), fir-rigward tal-Artikoli 7a sa 7e tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025;

(c)

L-Artikolu 1, il-punt (18), rigward l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 għandu japplika mit-8 ta’ Novembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 138.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(7)  Id- Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(14)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1106/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top