EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H02807

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) tat-12 ta’ April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

ST/6316/2024/INIT

ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2807

23.4.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE)

tat-12 ta’ April 2024

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(C/2024/2807)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

L-ekonomija taż-żona tal-euro wriet reżiljenza fid-dawl tax-xokkijiet ekonomiċi kbar ta' dawn l-aħħar snin, u rrifletiet ukoll rispons ta' politika qawwi, koordinat, u f'waqtu, iżda dan l-aħħar tilfet il-momentum. Wara l-irkupru mdaqqas fl-2021 u l-2022, it-tkabbir fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jonqos għal 0,6 % fl-2023. Għalkemm qed jimmoderaw, il-prezzijiet għoljin tal-konsumatur għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti u s-servizzi qed ikollhom impatt qawwi fuq l-ekonomija, minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, u d-domanda esterna mhijiex qed tipprovdi appoġġ qawwi. Sadanittant, l-effett tal-issikkar tal-politika monetarja qed jibda jaffettwa l-ekonomija. Minn lat pożittiv, is-suq tax-xogħol għadu b'saħħtu, bir-rata tal-qgħad f'livell baxx rekord, b'differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, u r-rati ta' parteċipazzjoni u impjieg f'livelli rekord, għalkemm qed jitfaċċaw sinjali ta' tnaqqis. Fl-2024, huwa mistenni rkupru gradwali fit-tkabbir, b'1,2 %, bis-saħħa tal-espansjoni kontinwa tal-impjiegi u ż-żieda fil-pagi reali, filwaqt li l-inflazzjoni ser tkompli tonqos. Il-prospettiva għadha kkaratterizzata minn inċertezza kbira u minn riskji għoljin, primarjament relatati mal-evoluzzjoni tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani wara l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati fuq Iżrael mill-Ħamas, li jistgħu jikkawżaw interruzzjonijiet mill-ġdid għall-forniment tal-enerġija b'impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-enerġija, u r-riskji relatati ma' rallentament strutturali fiċ-Ċina. Barra minn hekk, l-impatt imdewwem tal-politiki għall-ġlieda kontra l-inflazzjoni u l-effetti possibbli tagħhom fuq l-attività ekonomika jistgħu jżidu mar-riskji madwar il-prospettiva. Il-bidliet strutturali marbuta b'mod partikolari mal-impatt li qed jintensifika tat-tibdil fil-klima, kif muri mill-kundizzjonijiet estremi tat-temp u n-nirien fil-foresti u l-għargħar bla preċedent, huma wkoll ta' piż fuq il-perspettiva.

(2)

Wara l-quċċata li seħħet f'Ottubru 2022, l-inflazzjoni nominali fiż-żona tal-euro naqset, prinċipalment xprunata minn tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, iżda wkoll minn moderazzjoni gradwali fuq bażi wiesgħa fil-komponenti l-oħra. Madankollu, l-inflazzjoni tal-ikel u tas-servizzi għadha għolja, u din taffettwa speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli, u l-pressjonijiet inflazzjonarji għadhom sostanzjali f'għadd ta' Stati Membri. L-inflazzjoni hija prevista li tonqos għal 3,2 % fl-2024, u b'hekk tibqa' ogħla mill-mira tal- Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta' 2 %, filwaqt li tonqos għal 2,2 % fl-2025. Il-proċess ta' diżinflazzjoni huwa megħjun mill-aktar żieda mgħaġġla u bl-akbar rata tal-imgħax tal-BĊE mill-ħolqien tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM). Ir-rendimenti sovrani fiż-żona tal-euro żdiedu iżda l-firxiet baqgħu relattivament stabbli. Il-BĊE ripetutament esprima l-impenn tiegħu li jżomm ir-rati tal-imgħax għoljin sakemm ikun meħtieġ biex inaqqas l-inflazzjoni għall-mira u kkjarifika li t-triq futura tal-politika monetarja ser tkompli ssegwi approċċ li jiddependi mid-data.

(3)

Ix-xokk fil-prezzijiet tal-enerġija naqqas il-kompetittività tal-kost fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari għall-Istati Membri u l-industriji li jużaw l-enerġija b'mod aktar intensiv. Sa issa, l-impatt negattiv ta' kostijiet ogħla ġie mmitigat minn movimenti fir-rati tal-kambju u minn miżuri temporanji meħuda mill-gvernijiet biex jappoġġaw lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Madankollu, il-kost għoli tal-enerġija, flimkien mad-differenzi fl-intensità enerġetika tal-ekonomiji tal-Istati Membri u mad-differenzi fl-akkwist tal-enerġija tal-Istati Membri,, kif ukoll id-differenzi fl-istrutturi tas-swieq u r-risponsi ta' politika kkontribwew għal differenzi kbar fl-inflazzjoni fiż-żona tal-euro. Minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija fl-2023, sa issa dawk id-differenzi fl-inflazzjoni naqsu biss parzjalment. Flimkien mat-tixrid fit-tkabbir tal-pagi matul l-aħħar sentejn, id-differenzi fil-prezzijiet, jekk ikomplu, jistgħu jirriżultaw f'distakki fil-kompetittività madwar l-Istati Membri taż-żona tal-euro u jikkontribwixxu għal żbilanċi makroekonomiċi li jistgħu jimminaw il-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro. Għalhekk huwa importanti li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi kollha. Fit-terminu medju, il-kapaċità taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri li jsaħħu l-produttività tiddependi, parzjalment, fuq il-kapaċità li jsostnu l-innovazzjoni u l-investiment. F'dak ir-rigward, prospetti ta' prezzijiet u kostijiet tal-enerġija li jistgħu jkunu ogħla b'mod permanenti minn dawk tas-sħab kummerċjali, diskrepanza persistenti fit-tkabbir tal-produttività meta mqabbla mal-pari, u riskji dejjem akbar ta' frammentazzjoni ġeoekonomika jpoġġu lill-ekonomija taż-żona tal-euro fi żvantaġġ.

(4)

L-ambjent makroekonomiku attwali, li huwa kkaratterizzat minn inċertezza persistenti, inflazzjoni għolja, u l-kompetittività kompromessa taż-żona tal-euro, jitlob aġenda politika ambizzjuża. F'terminu qasir, l-iżgurar tar-ritorn tal-inflazzjoni għall-mira tal-BĊE ta' 2 % jibqa' prijorità. Barra minn hekk, id-differenzi persistenti fir-rati tal-inflazzjoni bejn l-Istati Membri tista' ssarraf f'diverġenzi fil-kompetittività. Il-politika fiskali għandha tevita li żżid pressjonijiet inflazzjonarji. L-introjtu reali naqas fl-2022, u wassal għal żviluppi fil-pagi biex jittaffa t-telf fil-kapaċità tal-akkwist, b'mod partikolari għal dawk li jaqilgħu pagi baxxi. Fl-istess ħin, l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni u l-kompetittività jenħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-awtoritajiet pubbliċi u jitqiesu fil-formazzjoni tal-pagi. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà makrofinanzjarja u l-impatt makroekonomiku ta' kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti jibqgħu kruċjali. Għall-ġejjieni, iż-żona tal-euro trid tkompli trawwem tkabbir inklużiv u sostenibbli u tippreserva l-kompetittività globali tagħha, filwaqt li tevita d-diverġenzi madwar iż-żona tal-euro. F'dan ir-rigward, ir-riformi u l-investimenti, inklużi riformi u investimenti biex jitrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u r-reżiljenza taż-żona tal-euro, huma strumentali. L-involviment f'waqtu u effettiv tas-sħab soċjali, u djalogu soċjali b'saħħtu huma kruċjali biex jappoġġaw it-tfassil tal-politika u sjieda wiesgħa li trawwem l-implimentazzjoni.

(5)

Wara espansjoni mdaqqsa relatata mal-kriżi mill-2020 sal-2022, li għenet sabiex jiġu indirizzati x-xokkijiet esterni u sabiex jiġu protetti l-unitajiet domestiċi vulnerabbli u ditti vijabbli, il-pożizzjoni fiskali ġenerali fiż-żona tal-euro hija mistennija tkun restrittiva fl-2023 u fl-2024, li hija konsistenti mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-livelli tad-defiċit u d-dejn pubbliku u l-ħtieġa li jiġi evitat li jiżdiedu l-pressjonijiet inflazzjonarji, filwaqt li tibqa' aġli fid-dawl tal-inċertezza għolja. Bejn l-2020 u l-2022, il-pożizzjoni fiskali espansjonarja taż-żona tal-euro, li tammonta għal madwar 4 % tal-prodott domestiku gross (PDG), appoġġat l-ekonomija fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija wara l-invażjoni militari fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja. Fl-2023 u l-2024, il-pożizzjoni fiskali aggregata hija mistennija li ssir restrittiva, b'0,5 % tal-PDG fis-sentejn li huma, primarjament minħabba l-eliminazzjoni gradwali kważi kompleta tal-miżuri tal-enerġija relatati mal-kriżi. Il-pożizzjoni fiskali restrittiva ġenerali mistennija fl-2023 u fl-2024 ser tikkontribwixxi għar-restawr tal-buffers fiskali maż-żmien u b'hekk għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Għalhekk, huwa kruċjali li tiġi żgurata l-konformità mal-limiti għat-tkabbir fin-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill). Minbarra l-ħtieġa li tinżamm strateġija fiskali prudenti, l-investiment pubbliku jeħtieġ jinżamm u jiżdied kemm jista' jkun fejn meħtieġ, u l-investiment privat jeħtieġ li jiġi promoss aktar sabiex jiġu appoġġati l-kompetittività, it-tkabbir fit-tul inklużiv u sostenibbli, u tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti. Fl-2023 u l-2024, l-investiment pubbliku huwa mistenni li jkompli jespandi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'appoġġ kontinwu għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (RRF – Recovery and Resilience Facility) u fondi oħra tal-Unjoni. Il-finanzi pubbliċi jiffaċċjaw ukoll pressjoni li tirriżulta minn kostijiet għoljin f’oqsma bħat-tixjiħ, id-difiża, kif ukoll id-differenzjali tat-tkabbir tal-imgħax inqas favorevoli. Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tagħhom għall-pajjiż, għadd ta' Stati Membri taż-żona tal-euro ġew rakkomandati jieħdu miżuri biex itejbu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa tagħhom u biex jadottaw riformi tat-taxxa. It-twettiq ta' rieżamijiet tal-infiq tal-gvern bħala parti regolari tal-proċessi baġitarji annwali u pluriennali annwali jgħin biex jittejbu l-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika. Ir-rieżamijiet tal-infiq tal-gvern jeħtieġ li jkollhom kamp ta' applikazzjoni, mandat u metodoloġija ċari u l-eżiti tagħhom jenħtieġ li jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-pubbliku. Il-miżuri li jindirizzaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jagħmlu wkoll is-sistemi tat-taxxa aktar effiċjenti u ġusti, filwaqt li jappoġġaw l-irkupru u jżidu d-dħul.

(6)

Il-proporzjon aggregat tad-dejn għall-PDG taż-żona tal-euro huwa mistenni li jonqos bi 2,8 punti perċentwali kumulativi matul l-2023-2024, u jilħaq id-89,7 % tal-PDG sa tmiem l-2024. It-tnaqqis huwa prinċipalment xprunat minn tkabbir nominali tal-PDG li jisboq ir-rata medja tal-imgħax imħallsa fuq id-dejn pendenti. Madankollu, id-dejn għadu għoli f'diversi Stati Membri u r-rati tal-imgħax ġeneralment ogħla gradwalment ser jikkontribwixxu għall-kostijiet ogħla tas-servizzjar tad-dejn, b'impatt negattiv fuq id-dinamika tad-dejn jekk l-affarijiet l-oħra kollha jibqgħu l-istess. F'Diċembru 2023, il-Kunsill laħaq ftehim dwar il-pakkett tar-rieżami tal-governanza ekonomika li jikkonsisti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika għandha l-għan li tippromwovi aġġustamenti fiskali realistiċi, sostnuti u gradwali ggwidati minn pjanijiet ta’ terminu medju speċifiċi għall-pajjiż u li ssaħħaħ it-tkabbir sostenibbli billi tinċentiva riformi u investimenti rilevanti. Il-qafas ta' governanza ekonomika riformat ser joħloq aktar ċarezza u prevedibbiltà għall-politika fiskali fil-futur, filwaqt li jippromwovi s-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir ekonomiku fl-istess ħin.

(7)

Il-kost nett tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza meħuda biex jimmitigaw l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija baqgħet għolja fl-2023, għalkemm naqset ftit fil-kuntest tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija mill-ogħla livell tagħhom fl-2022. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta' tali miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza jammonta għal 1,0 % tal-PDG taż-żona tal-euro fl-2023, tnaqqis minn 1,3 % fl-2022. Anki jekk l-immirar tjieb, kważi nofs il-kost baġitarju relatat fl-2023 kien indirizzat lejn miżuri tal-prezzijiet li mhumiex immirati lejn unitajiet domestiċi u kumpaniji vulnerabbli. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri issa huma mistennija li jitneħħew gradwalment matul l-2024, f'konformità mal-istabbilizzazzjoni mistennija fil-prezzijiet tal-enerġija. Jekk tali stimi jimmaterjalizzaw, ser ikun hemm kost baġitarju residwu ta' madwar 0,2 % tal-PDG fl-2024 għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Madankollu, jekk il-prezzijiet tal-enerġija jerġgħu jiżdiedu għal livelli li jkunu jeħtieġu miżuri ta' appoġġ ġodda jew kontinwi, tali miżuri ta’ appoġġ jenħtieġ li jkunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji vulnerabbli, bi prezz fiskalment affordabbli u jenħtieġ li jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. B'mod aktar ġenerali, u lil hinn mill-miżuri tal-enerġija relatati mal-kriżi, użu aktar b'saħħtu tat-tassazzjoni ambjentali, f'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, flimkien mat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili li ma jindirizzawx il-faqar enerġetiku jew it-tranżizzjoni ġusta, u sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdied l-ispazju fiskali għall-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(8)

Is-sostenn ta' livell għoli biżżejjed ta' investiment pubbliku ta' kwalità għolja jista' jgħin biex jiġi mobilizzat l-investiment privat, tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali u l-kompetittività, u jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u ekonomika. F'dan ir-rigward, implimentazzjoni sħiħa tar-riformi u l-investimenti taħt l-RRF u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni hija prijorità. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza miexja sew, iżda l-progress ivarja bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni jeħtieġ li tiżdied f'xi każijiet biex jitnaqqas id-dewmien akkumulat. Sa nofs Novembru, il-Kummissjoni rċeviet 34 talba għal pagament minn 19-il Stat Membru taż-żona tal-euro u żborżat ammont totali ta' EUR 162,1 biljun f'għotjiet u self. Dan jinqasam f'EUR 51,6 biljun imħallsa fi prefinanzjament u EUR 110,5 biljun żborżati wara li jkunu ntlaħqu l-istadji importanti u l-miri. Ir-ritmu tal-iżborż fl-2023 kien kemxejn aktar baxx milli mistenni, parzjalment minħabba li l-Istati Membri qed jiffukaw fuq ir-reviżjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza minħabba bidliet fl-allokazzjoni tal-għotjiet, talbiet ġodda għal self u l-introduzzjoni tal-kapitoli tar-REPowerEU. Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, il-politika ta' koeżjoni, taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, żborżat kważi EUR 120 biljun lill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni, l-Istati Membri ser ikollhom l-opportunità li jirrevedu l-programmi tal-politika ta' koeżjoni u jallokaw fondi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti u l-isfidi emerġenti. Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2024 ser jipprovdi orjentazzjonijiet għar-rieżami ta' nofs it-terminu u ser jgħin biex jidderieġi finanzjament fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku u l-isfidi fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom, filwaqt li jkompli jippromwovi l-komplementarjetà mal-RRF u fondi oħra tal-Unjoni.

(9)

Il-promozzjoni tal-investiment privat, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet hija kruċjali biex tissaħħaħ il-produttività u tissaħħaħ il-kompetittività taż-żona tal-euro, b'mod partikolari b'appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. It-tneħħija tal-ostakli għall-investiment, inkluż permezz ta' riformi li jissimplifikaw u jiddiġitzzaw l-ippjanar, l-għoti ta' permessi u proċeduri amministrattivi oħra tgħin biex tingħata spinta lill-investiment privat. Il-politika industrijali u l-politiki orjentati lejn in-naħa tal-provvista jistgħu jikkontribwixxu wkoll billi jappoġġaw l-investiment, jissalvagwardjaw il-kompetittività, u jevitaw riskji marbuta ma' dipendenza eċċessiva fuq għadd limitat ta' pajjiżi terzi għal teknoloġiji ewlenin, materja prima u inputs industrijali. Bħala parti mill-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Era Żero Nett, il-Kummissjoni ressqet diversi inizjattivi biex issaħħaħ is-setturi strateġiċi, inkluża l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema tal-manifattura ta’ prodotti b’teknoloġija żero netti tal-Ewropa (l-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas biex tiġi żgurata provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020 u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (il-proposta STEP). Il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Fond għall-Modernizzazzjoni jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju għat-tranżizzjoni meħtieġa fis-settur privat. Barra minn hekk, permezz tal-adozzjoni tal-Qafas Temporanju ta' Kriżi u Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni ppermettiet lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà prevista skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw miżuri f'setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Filwaqt li l-Istati Membri taż-żona tal-euro ħadu miżuri biex jappoġġaw is-setturi li huma l-aktar esposti għall-kriżi tal-enerġija u biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika, tali miżuri ġeneralment jiġu deċiżi fil-livellnazzjonali, li jinvolvu riskju ta' distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Il-proposta STEP timmira biex tindirizza l-ħtieġa akbar għal investimenti pubbliċi tal-Unjoni f'teknoloġiji strateġiċi, biex jiġu ingranati investimenti privati ħafna akbar u jista' jgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-koeżjoni u s-suq intern. Swieq kapitali b'saħħithom huma kruċjali għal ekonomija taż-żona tal-euro inklużiva, kompetittiva u reżiljenti. Unjoni tas-swieq kapitali (CMU) aktar profonda tgħin biex timmobilizza l-finanzjament privat meħtieġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tnaqqas il-frammentazzjoni u ttejjeb l-aċċess għall-finanzi. Fi Frar 2023, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tas-CMU billi javvanzaw u jiffinalizzaw il-ħidma fuq il-proposti leġiżlattivi f'dak il-qasam. F'Mejju 2023 il-Grupp tal-Euro stabbilixxa l-għan li jintlaħaq ftehim sa Marzu 2024 dwar oqsma li l-Kummissjoni a għandha tikkunsidra biex tkompli tapprofondixxi s-CMU. Bħala parti mill-ħidma fuq l-UEM, fl-2023 il-Kummissjoni ressqet pakkettt ta’proposti dwar qafas legali għal euro diġitali li jikkonsisti fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-forniment ta’ servizzi diġitali tal-euro minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali. Euro diġitali, li jikkomplementa l-flus kontanti ddenominati f’euro, jappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija kif ukoll l-innovazzjoni fil-pagamenti bl-imnut filwaqt li jnaqqas il-frammentazzjoni tal-pagamenti madwar l-Unjoni. Jekk jinħareġ, l-euro diġitali jintroduċi possibbiltà ġdida għall-użu ta' flus tal-bank ċentrali mingħajr riskju fis-servizzi ta' pagament Ewropej. Dan jiffaċilita wkoll il-pagamenti transfruntiera u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro kif ukoll l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni.

(10)

Minkejja impetu ta' tkabbir li qed jonqos, is-suq tax-xogħol jibqa' reżiljenti. L-impjiegi komplew jiżdiedu fl-2023, flimkien mas-sigħat tax-xogħol, fl-isfond ta' nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet kif ukoll tendenza akbar ta' ħżin tal-ħaddiema mill-kumpaniji. Għalkemm il-prestazzjoni ġeneralment tajba kienet mifruxa madwar l-Istati Membri, xi gruppi għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol, inkluż nisa, żgħażagħ u persuni b'livell baxx ta' ħiliet, persuni b'diżabilità. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, flimkien mal-provvista ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità u affordabbli, kif ukoll tal-kura fit-tul, għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u fl-għoti u l-akkwist tal-ħiliet ta’ appoġġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b'impatt pożittiv fuq it-tkabbir potenzjali tal-output u l-kompetittività fit-tul. Il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u l-ikkomplementar tal-isfruttar tat-talenti fl-Unjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni legali minn pajjiżi terzi, u l-iżgurar tar-rispett u l-infurzar tad-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali, jista' jgħin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' ħiliet u ħaddiema. L-Istati Membri taż-żona tal-euro ħarġu 664 000 permess tax-xogħol għall-ewwel darba lil ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' impjieg fl-2022, numru li kważi ttrippla fl-10 snin preċedenti.

(11)

Il-pagi nominali żdiedu fl-2022 (+4,8 %) u matul l-ewwel xhur tal-2023, minħabba inflazzjoni għolja u swieq tax-xogħol stretti. Filwaqt li dan naqqas parzjalment it-telf fil-kapaċità tal-akkwist, it-tkabbir fil-pagi nominali ma żammx mal-inflazzjoni (-3,7 % għall-pagi reali fl-2022). It-tkabbir fil-pagi nominali x'aktarx li jkun b'saħħtu matul l-2023 u l-2024, filwaqt li l-pagi reali huma mistennija li jiżdiedu b'mod moderat, u b'hekk tissaħħaħ id-domanda domestika. Fl-istess ħin, it-tkabbir mistenni fil-pagi jista' jaffettwa l-prezzijiet tal-oġġetti b'komponent tax-xogħol domestiku b'saħħtu, bħas-servizzi, għalkemm l-impatt fuq il-prezzijiet jista' jittaffa jekk iż-żidiet tal-passat fil-profitti unitarji ma jiġux stralċjati. Pagi ogħla, jekk ma jkunux ikkumpensati minn titjib fil-produttività, jistgħu jaffettwaw ukoll il-kompetittività u diverġenzi dejjiema madwar iż-żona tal-euro jistgħu, fost fatturi oħra, iwasslu għal żbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, f'konformità mal-prattiki nazzjonali u b'rispett għar-rwol tas-sħab soċjali, il-ftehimiet dwar il-pagi għandhom jirriflettu b'mod xieraq l-iżviluppi fiż-żona tal-euro flimkien mad-dinamika settorjali u nazzjonali.

(12)

Iż-żieda fl-għoli tal-ħajja, prinċipalment relatata mal-kriżi tal-enerġija u d-deterjorament assoċjat f'termini ta' kummerċ, kellha impatt negattiv fuq l-introjtu reali kif ukoll implikazzjonijiet soċjali sinifikanti. Fl-2022, il-prezzijiet żdiedu bi 17,5 % għall-akkomodazzjoni, l-ilma, l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra, b'10,5 % għall-ikel u għax-xorb mhux alkoħoliku u bi 11,2 % għat-trasport. L-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx sofrew minn aġġustamenti partikolarment kbar tal-għoli tal-ħajja. Aktar minn nofs l-Istati Membri taż-żona tal-euro raw żidiet fil-privazzjoni materjali u soċjali kif ukoll fil-faqar enerġetiku, minkejja l-iżviluppi nominali fil-pagi u l-mekkaniżmi ta' appoġġ. F'diversi Stati Membri, iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja affettwaw b'mod sproporzjonat lill-anzjani u lill-persuni li jgħixu f'żoni rurali.

(13)

Is-settur bankarju taż-żona tal-euro wera li huwa reżiljenti minkejja diversi episodji ta' taqlib akbar fis-suq. Is-settur bankarju taż-żona tal-euro issa huwa kapitalizzat sew u profittabbli, kif ikkonfermat mit-testijiet tal-istress tal-2023 fl-Unjoni kollha mwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Flimkien mal-issikkar tal-istandards monetarji u tas-self, il-flussi ta' kreditu lejn is-settur privat qed jonqsu b'mod sinifikanti. Għall-ġejjieni, hemm ir-riskju ta' kwalità tal-assi aktar dgħajfa jekk il-prospettiva makroekonomika tiddeterjora drastikament, flimkien mar-rati tal-imgħax li jibqgħu għoljin għal perjodu estiż ta' żmien. Fl-istess ħin, is-settur tal-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja jista' jiffaċċa vulnerabbiltajiet. F'kuntest ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti, il-monitoraġġ f'waqtu tar-riskji, l-involviment proattiv mad-debituri u l-ġestjoni attiva tas-self improduttiv ser ikunu importanti biex tinżamm il-kapaċità tas-settur finanzjarju li jiffinanzja l-ekonomija. Jistgħu jitfaċċaw riskji oħra għas-swieq finanzjarji. B'mod partikolari, primjums ta' riskju ogħla u kundizzjonijiet ta' likwidità aktar stretti jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi. L-aġġustament kontinwu fis-swieq tal-proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali jeħtieġ ukoll li jiġi mmonitorjat mill-qrib. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax u d-deterjorament tal-kapaċità tas-servizzi tad-dejn jistgħu jwasslu għal korrezzjonijiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u jistgħu jixprunaw l-instabbiltà finanzjarja.

(14)

Fid-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro ta' Marzu 2023 il-mexxejja taż-żona tal-euro tennew l-impenji tagħhom biex titlesta l-unjoni bankarja f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tas-16 ta' Ġunju 2022. F'dan l-isfond, f'April 2023, il-Kummissjoni ressqet proposta dwar ir-riforma tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta' depożitu. Dik il-proposta għandha l-għan li tibni qafas adattat għal banek li qed ifallu ta' kwalunkwe daqs u mudell ta' negozju, inkluż l-atturi iżgħar, u b'dan il-mod tippreserva l-istabbiltà finanzjarja, timminimizza l-użu ta' fondi pubbliċi u ssaħħaħ il-fiduċja tad-depożitanti. Il-Grupp tal-Euro impenja ruħu li sussegwentement jirrevedi l-istat tal-unjoni bankarja u jidentifika, b'mod kunsenswali, aktar miżuri possibbli rigward l-elementi pendenti l-oħra biex tissaħħaħ u titlesta l-unjoni bankarja. Barra minn hekk, ir-ratifika tat-Trattat rivedut li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li tippermetti l-introduzzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza taż-żona tal-euro,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, individwalment, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, u kollettivament fil-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2024–2025 sabiex:

1.

Jadottaw politiki fiskali koordinati u prudenti biex iżommu d-dejn f'livelli prudenti jew ipoġġu l-proporzjonijiet tad-dejn fuq perkors plawżibbli 'l isfel. Filwaqt li l-politiki għandhom jibqgħu aġli fid-dawl tal-inċertezza prevalenti, jiksbu pożizzjoni fiskali restrittiva ġenerali fiż-żona tal-euro f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċii għall-pajjiż tal-Kunsill, u b'hekk itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jevitaw li jżidu l-pressjonijiet inflazzjonarji. Inaqqsu l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza relatati mal-enerġija mill-aktar fis possibbli fl-2024 u jużaw l-iffrankar relatat biex inaqqsu d-defiċits. Jiżviluppaw strateġiji fiskali biex jiksbu pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju u jsaħħu s-sostenibbiltà tad-dejn fejn meħtieġ, permezz ta' konsolidazzjoni determinata, differenzjata, gradwali u realistika, flimkien ma' investimenti u riformi pubbliċi ta' kwalità għolja, b'mod partikolari biex jinkiseb tkabbir sostenibbli ogħla u tingħata spinta lir-reżiljenza taż-żona tal-euro fid-dawl tal-isfidi futuri. Fejn meħtieġ, jinkludu f’tali strateġiji miżuri biex ikomplu jżidu l-effiċjenza u l-kwalità tal-infiq pubbliku u biex itejbu s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul.

2.

Isostnu livell għoli ta' investiment pubbliku, biex jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċii u diġitali, isaħħu l-produttività, il-kompetittività u jixprunaw ir-reżiljenza ekonomika u soċjali. Jiżguraw l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitoli REPowerEU tagħhom. Jagħmlu użu sħiħ mill-programmi tal-politika ta' koeżjoni u jiżguraw li r-rieżami ta' nofs it-terminu tagħhom tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni iqis, fost l-oħrajn, l-isfidi ġodda u r-rakkomandazzjonijiet identifikati fis-Semestru Ewropew u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, mingħajr ma titnaqqas l-ambizzjoni ġenerali tagħhom

3.

F'konformità mal-prattiki nazzjonali u b'rispett għar-rwol tas-sħab soċjali, jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jimmitigaw it-telf tal-kapaċità tal-akkwist, speċjalment għal dawk b'introjtu baxx, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-riskji tad-dinamika tal-inflazzjoni u tal-kompetittività, kif ukoll sabiex jevitaw diverġenzi dejjiema fiż-żona tal-euro. Jippromwovu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, inkluż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jimplimentaw politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet u jżidu l-produttività u t-tkabbir. Jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar biex jattiraw u jżommu l-ħaddiema sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema. Jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni legali ġestita ta' ħaddiema ta' pajjiżi terzi f’ okkupazzjonijiet li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema, f'komplementarjetà sħiħa biex jiġu sfruttati t-talenti minn ġewwa l-Unjoni. Jissalvagwardjaw u jsaħħu sistemi ta' protezzjoni u inklużjoni soċjali adegwati u sostenibbli. Jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika u jsaħħu d-djalogu soċjali.

4.

Jneħħu l-ostakli għall-investiment biex jitnaqqas id-distakk prevalenti fl-investiment għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Itejbu l-aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għall-kumpaniji innovattivi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, permezz ta' aktar progress fl-approfondiment u t-tisħiħ tal-unjoni tas-swieq kapitali. Jiżguraw li l-appoġġ pubbliku għas-setturi strateġiċi rilevanti jkun immirat, mingħajr ebda distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kompetittività taż-żona tal-euro u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni. Ikomplu jsaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro u jsir aktar progress fil-ħidma dwar l-euro diġitali.

5.

Jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja, iżommu l-kanali ta' kreditu għall-ekonomija u jevitaw ir-riskju ta' frammentazzjoni finanzjarja. Jimmonitorjaw ir-riskji marbuta ma' kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti, b'mod partikolari r-riskji li huma relatati mal-kwalità tal-assi u mal-korrezzjonijiet potenzjali fil-prezzijiet tal-assi, inkluż fis-swieq tal-proprjetà immobbli. Jimmonitorjaw l-iżviluppi fis-settur bankarju u fl-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta' riskju sistemiku u effetti konsegwenzjali negattivi għall-ekonomija. Titlesta l-unjoni bankarja billi titkompla l-ħidma fuq l-elementi pendenti kollha.

6.

Passi ulterjuri fl-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) jenħtieġ li jqisu t-tagħlimiet meħuda mit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rispons komprensiv tal-politika ekonomika tal-Unjoni għall-kriżi tal-COVID-19. Il-progress fl-approfondiment tal-UEM jenħtieġ li jitkompla b'rispett sħiħ għas-suq intern tal-Unjoni u b'mod miftuħ u trasparenti lejn l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN PETEGHEM


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/806/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top