EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1805

Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/26/2023/INIT

ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj

22.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/48


REGOLAMENT (UE) 2023/1805 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Settembru 2023

dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-trasport marittimu jirrappreżenta madwar 75 % tal-kummerċ barrani tal-Unjoni u 31 % tal-kummerċ intern tagħha f’termini ta’ volum. 400 miljun passiġġier jimbarkaw jew jiżbarkaw kull sena f’portijiet tal-Istati Membri, inkluż madwar 14-il miljun fuq bastimenti tal-kruċiera. Għalhekk, it-trasport marittimu huwa komponent essenzjali tas-sistema ta’ trasport tal-Unjoni u għandu rwol kritiku għall-ekonomija tal-Unjoni. Is-suq tat-trasport marittimu huwa soġġett għal kompetizzjoni qawwija bejn atturi ekonomiċi fi ħdan u barra l-Unjoni, li għalihom huma indispensabbli kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. L-istabbiltà u l-prosperità tas-suq tat-trasport marittimu u tal-atturi ekonomiċi tiegħu jiddependu minn qafas ta’ politika ċar u armonizzat li fi ħdanu l-operaturi fit-trasport marittimu, il-portijiet u atturi oħra fis-settur jistgħu joperaw abbażi ta’ opportunitajiet indaqs. Fejn iseħħu distorsjonijiet tas-suq, dawn jirriskjaw li jqiegħdu lill-operaturi tat-trasport marittimu jew lill-portijiet fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri fis-settur tat-trasport marittimu jew f’setturi oħra tat-trasport. Min-naħa tiegħu, huwa possibbli li dak l-iżvantaġġ jirriżulta f’telf ta’ kompetittività tal-industrija tat-trasport marittimu, inqas impjiegi u f’telf ta’ konnettività għaċ-ċittadini u għan-negozji.

(2)

Skont ir-Rapport dwar l-Ekonomija Blu tal-UE, 2022, l-Ekonomija Blu tal-UE ħolqot total ta’ madwar 5,7 miljun impjieg fl-2014, li minnhom 3,2 miljun inħolqu permezz ta’ impjiegi diretti fis-setturi stabbiliti u 2,5 miljun addizzjonali ġew iġġenerati permezz tal-ktajjen tal-provvista rispettivi. Dak ir-rapport jgħid ukoll li l-portijiet marittimi tal-Unjoni waħedhom ħolqu madwar 2,5 miljun impjieg (dirett u indirett) fl-2014. Minn dak l-ammont ta’ impjiegi, madwar 0,5 miljun biss jinqabdu mill-istatistika settorjali, minħabba li l-portijiet marittimi jiġġeneraw impjiegi u benefiċċji ekonomiċi f’setturi oħra bħal-loġistika, u servizzi tat-tbaħħir marittimu. Is-seba’ setturi stabbiliti tal-Ekonomija Blu tal-UE ġġeneraw valur miżjud gross ta’ EUR 183,9 biljun fl-2019 (3).

(3)

Skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu ‘Sustainable and Smart Mobility Strategy – putting European transport on track for the future’, meta mqabbel ma’ modi oħra ta’ trasport, it-trasport marittimu jibqa’ l-aktar mod ta’ trasport effiċjenti fl-użu tal-karbonju għal kull tunnellata u km. Fl-istess ħin, it-traffiku marittimu minn jew lejn portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea jikkaġuna madwar 11 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) tal-Unjoni mit-trasport u minn 3 sa 4 % tal-emissjonijiet totali ta’ CO2 tal-Unjoni. L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu mistennija jiżdiedu, sakemm ma titteħidx azzjoni ulterjuri. Jeħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija tal-Unjoni jikkontribwixxu għat-tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) san-newtralità sa mhux aktar tard mill-2050, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Għalhekk huwa essenzjali li l-Unjoni tistabbilixxi perkors xieraq għat-tranżizzjoni ekoloġika rapida tas-settur tat-trasport marittimu, li jikkontribwixxi wkoll biex jinżamm u jiġi promoss aktar ir-rwol ta’ tmexxija globali tal-Unjoni fir-rigward tat-teknoloġija, is-servizzi u s-soluzzjonijiet ekoloġiċi, u biex ikompli jiġi stimulat il-ħolqien tal-impjiegi fil-ktajjen tal-valur relatati filwaqt li tinżamm il-kompetittività.

(4)

Sabiex isaħħaħ l-impenn tal-Unjoni għall-klima skont il-Ftehim ta’ Pariġi (5), adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), ir-Regolament (UE) 2021/1119 għandu l-għan li sal-2030 inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u jqiegħed lill-Unjoni fit-triq li ssir newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050. Barra minn hekk, huma meħtieġa diversi strumenti ta’ politika komplementari biex jiġi promoss u aċċellerat l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju prodotti b’mod sostenibbli, inkluż fis-settur tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Jeħtieġ li l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa u l-varar tagħha ikunu qed iseħħu sal-2030 biex minn hemm ‘il quddiem issir tħejjija għal bidla ħafna aktar rapida. Huwa essenzjali wkoll li titrawwem l-innovazzjoni u li tiġi appoġġata r-riċerka għal innovazzjoni emerġenti u futura bħall-karburanti alternattivi emerġenti, l-ekodisinn, il-materjali b’bażi bijoloġika, il-propulsjoni tar-riħ u l-propulsjoni assistita mir-riħ.

(5)

Fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-karburanti lejn karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u sorsi alternattivi tal-enerġija, huwa essenzjali li jiġu żgurati l-funzjonament xieraq tas-suq tat-trasport marittimu tal-Unjoni u l-kompetizzjoni ġusta fih fir-rigward tal-karburanti marittimi, li jirrappreżentaw sehem sostanzjali mill-kostijiet tal-kumpaniji u l-operaturi. Il-miżuri ta’ politika għandhom għalhekk ikunu kosteffettivi. Id-differenzi fir-rekwiżiti tal-karburanti madwar l-Istati Membri jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-prestazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-bastimenti u jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq. Minħabba n-natura internazzjonali tat-tbaħħir, l-operaturi tal-bastimenti jistgħu jwettqu bunkering faċilment f’pajjiżi terzi u jittrasportaw ammonti kbar ta’ karburant, u dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal riskju ta’ telf ta’ kompetittività tal-portijiet tal-Unjoni meta mqabbla ma’ portijiet mhux tal-Unjoni. Dik is-sitwazzjoni tista’ twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għal effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-settur jekk id-disponibbiltà ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-portijiet marittimi taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ma tkunx akkumpanjata minn rekwiżiti għall-użu tagħhom li japplikaw għall-bastimenti kollha li jkunu qed jaslu u jitilqu minn portijiet marittimi taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi miżuri biex jiġi żgurat li l-penetrazzjoni tal-karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-suq tal-karburanti marittimi ssir skont il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-trasport marittimu tal-Unjoni.

(6)

Is-settur tat-trasport marittimu huwa soġġett għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija. Id-differenzi kbar fil-piżijiet regolatorji bejn l-istati tal-bandiera sikwit wasslu għal prattiki mhux mixtieqa bħall-bdil tal-bandiera tal-bastimenti. Il-karattru globali intrinsiku tas-settur jissottolinja l-importanza ta’ approċċ newtrali f’termini tal-bandiera u ta’ ambjent regolatorju favorevoli, li jgħin biex jiġu attirati investimenti ġodda u biex tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-portijiet u tas-sidien tal-bastimenti u l-operaturi tal-bastimenti tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jiġi prodott effett fuq l-attivitajiet kollha fis-settur tat-trasport marittimu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal nofs l-enerġija użata minn bastiment li jwettaq vjaġġi li jaslu f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru minn port barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, nofs l-enerġija użata minn bastiment li jwettaq vjaġġi li jitilqu minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u li jaslu f’port barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, l-enerġija kollha użata minn bastiment li jwettaq vjaġġi li jaslu f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, u l-enerġija użata f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Dan il-qafas ta’ applikazzjoni jiżgura l-effettività ta’ dan ir-Regolament, inkluż billi jżid l-impatt pożittiv fuq l-ambjent ta’ dan il-qafas. Jenħtieġ li dak il-qafas jillimita r-riskju ta’ waqfiet evażivi f’port u r-riskju ta’ delokalizzazzjoni jew ta’ ridirezzjonar tar-rotta tal-attivitajiet barra mill-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat tħaddim mingħajr xkiel tat-traffiku marittimu u jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern, il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi tat-trasport marittimu u fost il-portijiet rigward il-vjaġġi kollha li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll is-soġġorn ta’ bastimenti f’dawk il-portijiet, jenħtieġ li jkunu żgurati minn regoli uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(8)

Huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw kontinwament li l-proċeduri amministrattivi tagħhom jirriflettu l-aħjar prattiki u jieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-konsistenza, jevitaw id-duplikazzjoni fil-leġiżlazzjoni settorjali u jissimplifikaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, biex b’hekk il-piż amministrattiv fuq is-sidien tal-bastimenti, l-operaturi tal-bastimenti, il-portijiet u l-verifikaturi jinżamm f’livell minimu.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun konsistenti mar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (11), u Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (riformulazzjoni) sabiex jiġi żgurat il-grad meħtieġ ta’ ċertezza legali u għall-investiment. Din il-konsistenza tiżgura qafas leġiżlattiv koerenti għas-settur tat-trasport marittimu, li jikkontribwixxi għal żieda sinifikanti fil-produzzjoni ta’ karburanti alternattivi sostenibbli, jiżgura l-varar tal-infrastruttura meħtieġa u jinċentiva l-użu ta’ dawk il-karburanti f’porzjon dejjem jikber ta’ bastimenti.

(10)

Jenħtieġ li jsiru konsultazzjonijiet bejn il-korp maniġerjali tal-port u l-utenti tal-port u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, kif previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), sabiex tiġi kkoordinata d-disponibbiltà tas-servizzi portwarji fir-rigward tal-provvista tal-karburant alternattiv li hija ppjanata u użata fil-portijiet, kif ukoll fir-rigward tad-domanda mistennija mill-bastimenti li jidħlu f’dawk il-portijiet.

(11)

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod mhux diskriminatorju għall-bastimenti, irrispettivament mill-bandiera tagħhom. Għal raġunijiet ta’ koerenza mar-regoli tal-Unjoni u dawk internazzjonali fil-qasam tat-trasport marittimu, u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal bastimenti b’tunellaġġ gross li jkun ogħla minn tunnellaġġ gross (GT) ta’ 5 000, iżda jenħtieġ li ma japplikax għal bastimenti tal-gwerra, awżiljarji navali, bastimenti li jaqbdu l-ħut jew li jipproċessaw il-ħut, bastimenti tal-injam b’binja primittiva, bastimenti li ma jitħaddmux b’mezzi mekkaniċi, jew bastimenti tal-Istat li jintużaw għal skopijiet mhux kummerċjali. Minkejja li l-bastimenti ta’ aktar minn 5 000 GT jirrappreżentaw biss madwar 55 % tal-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), dawn huma responsabbli għall-madwar 90 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 mis-settur tat-trasport marittimu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni mill-ġdid regolarment, bil-ħsieb li eventwalment testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal bastimenti ta’ inqas minn 5 000 GT.

(12)

L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi fit-territorju tagħhom, l-ebda verifikatur akkreditat, l-ebda bastiment li jtajjar il-bandiera tagħhom li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u li mhumiex stat amministrattiv skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament ma għandhom bżonn jieħdu l-ebda azzjoni dwar ir-rekwiżiti rispettivi f’dan ir-Regolament sakemm dawk iċ-ċirkostanzi jkunu preżenti.

(13)

Minħabba ż-żieda fl-ispejjeż għal bastimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, in-nuqqas ta’ miżura globali jaggrava r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni. Waqfiet evażivi f’portijiet barra mill-Unjoni u r-rilokazzjoni ta’ attivitajiet ta’ trażbord lejn portijiet barra mill-Unjoni mhux biss ser inaqqsu l-benefiċċji ambjentali tal-internalizzazzjoni tal-ispiża tal-emissjonijiet minn attivitajiet ta’ trasport marittimu iżda jistgħu jwasslu għal emissjonijiet addizzjonali minħabba d-distanza addizzjonali li jivvjaġġaw il-bastimenti biex jevadu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk huwa xieraq li ċerti waqfiet f’portijiet mhux tal-Unjoni jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “port tal-waqfa”. Jenħtieġ li din l-esklużjoni timmira portijiet fil-viċinanza tal-Unjoni fejn ir-riskju ta’ evażjoni huwa l-akbar. Limitu ta’ 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru jikkostitwixxi rispons proporzjonat għal imġiba evażiva, u jibbilanċja l-piż addizzjonali u r-riskju ta’ evażjoni. Barra minn hekk, l-esklużjoni mill-kunċett ta’ port tal-waqfa jenħtieġ li timmira biss waqfiet minn bastimenti tal-kontejners f’ċerti portijiet mhux tal-Unjoni, fejn it-trażbord ta’ kontejners jirrappreżenta l-biċċa l-kbira tat-traffiku tal-kontejners. Għal tali vjeġġi, ir-riskju ta’ evażjoni, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, jikkonsisti wkoll f’ċaqliq taċ-ċentru portwarju lejn portijiet barra mill-Unjoni li jaggrava l-effetti tal-evażjoni. Biex jiġu żgurati l-proporzjonalità u t-trattament ugwali tal-miżura globali, jenħtieġ li jitqiesu l-miżuri f’pajjiżi terzi li huma ekwivalenti għal dan ir-Regolament.

(14)

Sabiex titqies is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni insulari, kif issottolinjat mill-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-konnettività bejn il-gżejjer u r-reġjuni periferiċi tal-Unjoni mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni, jenħtieġ li jkunu permessi eżenzjonijiet temporanji għal vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri għajr bastimenti tal-kruċiera bejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istess Stat Membru li jinsab fuq gżira b’inqas minn 200 000 resident permanenti.

(15)

Filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-distanza u l-insularità tagħhom, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-preservazzjoni tal-aċċessibbiltà u l-konnettività effiċjenti tagħhom permezz tat-trasport marittimu. Għalhekk, għal bastimenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss nofs l-enerġija użata fuq vjaġġi li jitilqu minn jew jaslu f’port tal-waqfa li jinsab f’reġjun ultraperiferiku. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li jkunu permessi eżenzjonijiet temporanji għal vjaġġi bejn port tal-waqfa li jinsab f’reġjun ultraperiferiku u port tal-waqfa ieħor li jinsab f’reġjun ultraperiferiku, u fir-rigward tal-enerġija użata mill-bastimenti matul is-soġġorn tagħhom fil-portijiet tal-waqfa tar-reġjuni ultraperiferiċi korrispondenti.

(16)

L-Istati Membri li ma jaqsmu l-ebda fruntiera tal-art ma’ Stat Membru ieħor huma partikolarment dipendenti fuq il-konnessjoni marittima tagħhom mal-bqija tal-Unjoni, b’mod partikolari biex iżommu l-konnettività meħtieġa għaċ-ċittadini tagħhom. Tali Stati Membri għandhom jiddependu fuq kuntratti ta’ servizz pubbliku jew obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jilħqu l-għan li jżommu l-konnettività permezz ta’ bastimenti tal-passiġġieri. Jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni temporanja sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtieġa qawwija li jiġi pprovdut servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jiġu żgurati l-konnettività kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(17)

Minbarra l-possibbiltà ġenerali għall-Istati Membri li jeżentaw vjaġġi li jagħmlu bastimenti tal-passiġġieri, għajr bastimenti tal-passiġġieri tal-kruċieri, lejn gżejjer b’inqas minn 200 000 resident permanenti, jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni simili fir-rigward ta’ vjaġġi domestiċi lejn gżejjer li jsiru fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jew soġġetti għal obbligu ta’ servizz pubbliku. Tali kuntratti u obbligi ġew stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ konnettività mar-reġjuni insulari bi prezzijiet affordabbli, li kieku ma kinux jinkisbu mill-forzi tas-suq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu intitolati li jeżentaw temporanjament tali vjaġġi li jsiru minn bastimenti tal-passiġġieri bejn il-kontinent tagħhom u gżira tal-istess Stat Membru, sabiex jinżammu l-kondizzjonijiet li taħthom ġew stabbiliti l-kuntratti ta’ servizz pubbliku jew l-obbligi ta’ servizz pubbliku u tiġi żgurata l-konnettività sostnuta, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, tal-gżira kkonċernata.

(18)

L-Artikolu 2, il-punt 1, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (14) jistabbilixxi li l-portijiet li jinsabu f’Ceuta u Melilla għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal portijiet ta’ gżejjer. Għalkemm min-natura tagħhom mhumiex portijiet ta’ gżejjer, il-pożizzjoni ġeografika tagħhom fl-Afrika kontinentali u n-nuqqas ta’ rabtiet tal-art ma’ Spanja jfissru li, b’rabta mal-Ewropa kontinentali u b’mod partikolari ma’ Spanja, dawk il-portijiet huma komparabbli ma’ portijiet ta’ gżejjer. Għalhekk, jenħtieġ li Ceuta u Melilla jitqiesu bħala portijiet ta’ gżejjer b’rabta mal-eżenzjoni temporanja għall-kabotaġġ marittimu bejn il-kontinent ta’ Stat Membru u l-gżejjer taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

(19)

It-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ, speċjalment fil-partijiet tat-Tramuntana tal-Baħar Baltiku, u l-proprjetajiet tekniċi tal-bastimenti tal-klassi tas-silġ jikkawżaw spejjeż addizzjonali għat-trasport marittimu u tali spejjeż jistgħu jiżdiedu aktar b’dan ir-Regolament. Spejjeż addizzjonali bħal dawn għal bastimenti tal-klassi tas-silġ minħabba t-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ u minħabba l-proprjetajiet tekniċi tagħhom jenħtieġ li jittaffew sabiex jinżammu kondizzjonijiet ekwi. Għalhekk jenħtieġ li l-kumpaniji jitħallew temporanjament japplikaw ammont aġġustat limitat ta’ enerġija użata abbord għal bastimenti tal-klassi tas-silġ. Barra minn hekk, għal perjodu limitat ta’ żmien, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti li sehem mill-enerġija addizzjonali użata matul it-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ jiġi eżentat għall-perjodi speċifiċi li matulhom il-bastimenti tal-klassi tas-silġ jiffaċċjaw kondizzjonijiet ta’ navigazzjoni fis-silġ. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija verifikabbli li biha tkun tista’ ssir korrelazzjoni bejn is-sehem eżentat ta’ enerġija u l-kondizzjonijiet attwali ta’ navigazzjoni fis-silġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid din il-metodoloġija, b’mod partikolari fid-dawl tar-robustezza tal-monitoraġġ tad-data meħtieġa biex tiġi rrapportata d-distanza u l-enerġija addizzjonali ta’ navigazzjoni f’kondizzjonijiet ta’ silġ, bil-ħsieb li possibbilment tiġi estiża din il-miżura.

(20)

L-entità responsabbli milli tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun il-kumpanija, definita bħala sid il-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew in-noleġġatur ta’ bastiment mingħajr ekwipaġġ, li jkun assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment minn sid il-bastiment u li, meta jieħu din ir-responsabbiltà, ikun qabel li jieħu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis kif implimentata fl-Unjoni mir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Id-definizzjoni ta’ kumpanija skont dan ir-Regolament hi konformi mas-sistema globali għall-ġbir ta’ data stabbilita fl-2016 mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

(21)

L-iżvilupp u l-użu ta’ karburanti u soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda jeħtieġu approċċ koordinat biex ikun hemm qbil bejn il-provvista, id-domanda u l-forniment ta’ infrastruttura ta’ distribuzzjoni xierqa. Filwaqt li l-qafas regolatorju attwali tal-Unjoni diġà jindirizza parzjalment il-produzzjoni tal-karburant permezz tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u d-distribuzzjoni tal-karburant permezz tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), hija meħtieġa wkoll għodda li tistabbilixxi livelli dejjem akbar ta’ domanda għal karburanti marittimi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

(22)

Filwaqt li strumenti bħall-ipprezzar tal-karbonju jew miri għall-intensità tal-karbonju ta’ attività jippromwovu titjib fl-effiċjenza enerġetika, dawn mhumiex adattati biex iwasslu għal bidla sinifikanti għal karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fuq terminu qasir u medju. Għalhekk huwa meħtieġ approċċ regolatorju speċifiku ddedikat għall-użu ta’ karburanti marittimi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija, bħar-riħ jew l-elettriku.

(23)

L-intervent ta’ politika biex tiġi stimulata d-domanda għal karburanti marittimi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-għanijiet u jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti fuq l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ kwalunkwe karburant jew teknoloġija partikolari. Tali limiti jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’rabta ma’ valur referenzjarju, li jikkorrispondi għall-intensità medja tal-flotta tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti fl-2020, determinata abbażi tad-data monitorjata u rappurtata fil-qafas tar-Regolament (UE) 2015/757, tal-metodoloġija u tal-valuri prestabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament.

(24)

Jenħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp u l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’potenzjal għoli għal sostenibbiltà, maturità kummerċjali u potenzjal għoli għall-innovazzjoni u t-tkabbir biex jinqdew ħtiġijiet futuri. Dan ser jappoġġa l-ħolqien ta’ swieq tal-karburanti innovattivi u kompetittivi u jiżgura provvista suffiċjenti ta’ karburanti marittimi sostenibbli fit-terminu qasir u fit-tul, biex jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tal-Unjoni filwaqt li jsaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni għal livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jkunu eliġibbli karburanti marittimi sostenibbli prodotti mill-materja prima elenkata fil-Partijiet A u B tal-Anness IX għad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif ukoll karburanti marittimi sintetiċi. B’mod partikolari, il-karburanti marittimi sostenibbli prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX għad-Direttiva (UE) 2018/2001 huma essenzjali, billi l-aktar teknoloġija kummerċjalment matura għall-produzzjoni ta’ tali karburanti marittimi bil-ħsieb tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu ser tkun diġà disponibbli fit-terminu qasir.

(25)

Tibdil indirett fl-użu tal-art iseħħ meta l-kultivazzjoni tal-għelejjel għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali tal-għelejjel għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Din id-domanda addizzjonali żżid il-pressjoni fuq l-art u tista’ twassal għall-estensjoni tal-art agrikola f’żoni b’ħażna għolja ta’ karbonju, bħal foresti, artijiet mistagħdra u torbiera, li jikkawża emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra u telf tal-bijodiversità. Ir-riċerka wriet li l-iskala tal-effett tiddependi minn varjetà ta’ fatturi, inkluż it-tip ta’ materja prima użata għall-produzzjoni tal-karburant, il-livell ta’ domanda addizzjonali għal materja prima skattata mill-użu ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa, u l-punt sa fejn l-art b’ħażna ta’ karbonju għolja hija protetta madwar id-dinja. Il-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżat minn bidla indiretta fl-użu tal-art ma jistax jiġi ddeterminat inekwivokament bil-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ għall-ħolqien ta’ fatturi ta’ emissjoni meħtieġa mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, hemm evidenza li l-karburanti kollha prodotti mill-materja prima jikkawżaw tibdil indirett fl-użu tal-art f’diversi gradi. Minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mat-tibdil indirett fl-użu tal-art, li hu kapaċi jelimina xi ffrankar jew l-iffrankar kollu ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti tal-bijomassa individwali, it-tibdil indirett fl-użu tal-art joħloq riskji għall-bijodiversità. Dawk ir-riskji huma partikolarment serji b’rabta ma’ espansjoni potenzjalment kbira tal-produzzjoni ddeterminata minn żieda konsiderevoli fid-domanda. Għaldaqstant, l-użu ta’ karburanti ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf m’għandux jiġi promoss skont dan ir-Regolament. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 diġà tillimita u tistabbilixxi limitu massimu fuq il-kontribut ta’ dawn il-bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa għall-miri tal-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija meta jitqiesu l-benefiċċji ambjentali aktar baxxi tagħhom, il-prestazzjoni aktar baxxa f’termini ta’ potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tħassib usa’ dwar is-sostenibbiltà.

(26)

Sabiex jinħoloq qafas legali ċar u prevedibbli u b’hekk jiġu mħeġġa l-iżvilupp bikri tas-suq u l-użu tal-aktar teknoloġiji tal-karburanti sostenibbli u innovattivi b’potenzjal ta’ tkabbir biex jiġu sodisfatti ħtiġijiet futuri, huwa meħtieġ inċentiv dedikat għal karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO). Dan l-inċentiv huwa ġġustifikat mill-fatt li dawk it-tipi ta’ karburanti għandhom potenzjal għoli li jintroduċu enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-karburant tal-bunker marittimu, mill-potenzjal sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom, kif ukoll mill-ispejjeż tal-produzzjoni stmati tagħhom fuq terminu qasir u medju. Meta jiġu prodotti mill-elettriku rinnovabbli u mill-karbonju li jinqabad direttament mill-arja, il-karburanti sintetiċi jistgħu jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet sa 100 % meta mqabbel mal-karburanti fossili. Għandhom ukoll vantaġġi konsiderevoli meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ karburanti sostenibbli fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi tal-proċess ta’ produzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsum tal-ilma. Madankollu, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-RFNBO bħalissa huma ħafna ogħla mill-prezz tas-suq tal-karburant konvenzjonali u huma mistennija jkomplu jkollhom spejjeż ogħla fuq terminu medju. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi taħlita ta’ miżuri biex jiżgura l-appoġġ għall-adozzjoni ta’ RFNBO sostenibbli, inkluż il-possibbiltà li jintuża ‘multiplikatur’ sat-tmiem l-2033, li jippermetti li l-enerġija mill-RFNBO tgħodd darbtejn. Barra minn hekk, jenħtieġ li mill-2034 ‘l quddiem tapplika sottomira ta’ 2 % tal-RFNBO jekk, wara l-monitoraġġ tas-suq, il-Kummissjoni tirrapporta li s-sehem tal-RFNBO fil-karburanti tal-bastimenti marittimi użati minn bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun inqas minn 1 % sal-2031. Dik it-taħlita ta’ miżuri li jappoġġaw l-RFNBO hija maħsuba biex tagħti lill-operaturi tal-bastimenti u l-fornituri tal-karburant sinjal ta’ opportunità għall-investiment għall-użu ta’ dak it-tip ta’ karburant rinnovabbli, skalabbli u sostenibbli, peress li tipprovdi kemm mira aħħarija li tagħti lill-fornituri tal-karburant ċertezza fir-rigward tad-domanda minima futura kif ukoll l-opportunità għas-suq biex isib l-aktar mod effiċjenti biex jaġġusta kif xieraq. Peress li għad irid jiġi żviluppat suq għall-RFNBO marittimu, dan ir-Regolament jinkludi salvagwardji u flessibbiltà għal xenarji differenti possibbli ta’ użu mis-suq.

(27)

Għalkemm l-RFNBO jippreżenta potenzjal għoli biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dekarbonizzazzjoni fis-settur marittimu, huwa possibbli li karburanti oħra jippreżentaw ukoll potenzjal ta’ dekarbonizzazzjoni komparabbli. Fatturi bħall-maturità tat-teknoloġija jew id-disponibbiltà għas-settur marittimu jistgħu jaffettwaw l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’portijiet differenti. Għalhekk, huwa essenzjali li tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika u tiġi evitata diskriminazzjoni bla bżonn kontra karburanti oħra li jiksbu tnaqqis simili tal-intensità tal-gassijiet serra bħall-RFNBO, kif ukoll li jiġi evitat li jiġu penalizzati l-bastimenti li jużaw tali karburanti. Għal dan il-għan, huwa importanti li wieħed jinnota l-livell limitu tal-iffrankar tal-gassijiet serra ta’ 70 % meħtieġ għall-RFNBO, kif stabbilit minn Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652. Tali livell limitu jista’ jintlaħaq ukoll minn karburanti oħra għajr RFNBO, ta’ oriġini bijoloġika jew sintetika.

(28)

Is-settur marittimu bħalissa għandu livelli insinifikanti ta’ domanda għal bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, billi aktar minn 99 % mill-karburanti marittimi użati bħalissa huma ta’ oriġini fossili. In-nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ karburanti ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf biex jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jimminimizza wkoll kull riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, li nkella jista’ jirriżulta minn bidla ta’ bijokarburanti ibbażati fuq l-għelejjel mit-trasport bit-triq għat-trasport marittimu. Huwa essenzjali li tiġi minimizzata din il-bidla, peress li t-trasport bit-triq bħalissa għadu bil-bosta l-aktar settur tat-trasport li jniġġes u t-trasport marittimu bħalissa juża prinċipalment karburanti ta’ oriġini fossili. Għalhekk huwa xieraq li jiġi evitat il-ħolqien ta’ domanda potenzjalment kbira għal bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf billi jiġi promoss l-użu tagħhom skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, l-emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra u t-telf ta’ bijodiversità kkawżati mit-tipi kollha ta’ karburanti ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf jeħtieġu li dawk il-karburanti jitqiesu li għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-inqas alternattiva favorevoli.

(29)

Iż-żminijiet twal assoċjati mal-iżvilupp u l-użu ta’ karburanti u soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda għat-trasport marittimu, kif ukoll it-tul tal-ħajja medja twila tal-bastimenti, li tipikament tvarja bejn 25 u 30 sena, jeħtieġu azzjoni rapida u l-ħolqien ta’ qafas regolatorju dejjiemi ċar u prevedibbli li jiffaċilita l-ippjanar u l-investiment mill-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati. Tali qafas regolatorju ser jiffaċilita l-iżvilupp u l-użu ta’ karburanti u soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda għat-trasport marittimu, u jħeġġeġ l-investiment mill-partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ ukoll li dan il-qafas regolatorju jiddefinixxi l-limiti għall-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti sal-2050. Jenħtieġ li dawk il-limiti jsiru aktar ambizzjużi maż-żmien biex jirriflettu l-iżvilupp teknoloġiku mistenni u ż-żieda fil-produzzjoni ta’ karburanti marittimi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

(30)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodoloġija u l-formula għall-kalkolu tal-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment. Jenħtieġ li dik il-formula tkun ibbażata fuq il-konsum tal-karburant irrappurtat mill-bastimenti u tqis il-fatturi ta’ emissjoni rilevanti tal-karburanti ikkunsmati. Jenħtieġ li l-użu ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija, bħar-riħ jew l-elettriku, jiġi rifless ukoll fil-metodoloġija.

(31)

Sabiex tingħata stampa aktar sħiħa tal-prestazzjoni ambjentali tad-diversi sorsi tal-enerġija, jenħtieġ li l-prestazzjoni tal-gassijiet serra tal-karburanti tiġi vvalutata fuq bażi well-to-wake, billi jitqiesu l-impatti tal-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija abbord. Dan għandu jipprovdi inċentivi rigward it-teknoloġiji u l-perkorsi ta’ produzzjoni li jipprovdu impronta tal-gassijiet serra aktar baxxa u benefiċċji reali meta mqabbla mal-karburanti konvenzjonali eżistenti.

(32)

Jenħtieġ li l-prestazzjoni well-to-wake tal-karburanti marittimi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tiġi stabbilita permezz ta’ fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti jew attwali u ċċertifikati li jkopru l-emissjonijiet well-to-tank u tank-to-wake. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jintużaw biss fatturi ta’ emissjoni well-to-tank u l-fatturi ta’ emissjoni ta’ CO2 tank-to-wake għall-karburanti fossili prestabbiliti.

(33)

Fil-każ ta’ progress teknoloġiku fir-rigward ta’ teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, bħall-qbid tal-karbonju abbord, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tirrifletti, fil-formuli tal-bilanċ tal-intensità tal-gassijiet serra u tal-konformità li tinsab fl-Annessi I u IV rispettivament, il-kontribut ta’ tali teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet diretti tal-gassijiet serra abbord il-bastimenti.

(34)

Huwa meħtieġ approċċ komprensiv għall-aktar emissjonijiet rilevanti ta’ gassijiet serra (CO2, CH4 u N2O) biex jiġi promoss l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jipproduċu impronta ta’ gassijiet serra aktar baxxa inġenerali. Għalhekk, sabiex jiġi rifless il-potenzjal ta’ tisħin globali tal-metan u tal-ossidi nitrużi, jenħtieġ li l-limitu stabbilit minn dan ir-Regolament jiġi espress f’termini ta’ “ekwivalenti ta’ CO2”.

(35)

L-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ propulsjoni alternattiva, bħall-enerġija mir-riħ u mix-xemx, inaqqas ħafna l-intensità tal-gassijiet serra tal-użu ġenerali tal-enerġija tal-bastiment. Jenħtieġ li d-diffikultà biex dawk is-sorsi ta’ enerġija jitkejlu u jiġu kkwantifikati b’mod preċiż (intermittenza tal-użu tal-enerġija, trasferiment dirett bħala propulsjoni, eċċ.) ma xxekkilx ir-rikonoxximent tagħhom fl-użu ġenerali tal-enerġija mill-bastiment permezz ta’ approssimazzjonijiet tal-kontribut tagħhom għall-bilanċ ta’ konformità tal-bastiment.

(36)

It-tniġġis tal-arja prodott mill-bastimenti (ossidi tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u materja partikolata) fil-portijiet huwa ta’ tħassib sinifikanti għaż-żoni kostali u għall-bliet b’portijiet. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu imposti obbligi speċifiċi u stretti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn bastimenti rmiġġati mal-moll.

(37)

L-obbligu li l-portijiet jipprovdu provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS - on-shore power supply), stabbilit fir-Regolament (UE) 2023/1804, jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn obbligu korrispondenti stabbilit f’dan ir-Regolament li l-bastimenti jikkonnettjaw mal-infrastruttura tal-provvista tal-elettriku mix-xatt waqt li jkunu rmiġġati mal-moll, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dik l-infrastruttura u jiġi evitat ir-riskju ta’ assi mhux rekuperabbli.

(38)

L-użu ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt inaqqas it-tniġġis tal-arja prodott mill-bastimenti u jnaqqas l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mit-trasport marittimu. Il-provvista tal-elettriku mix-xatt tirrappreżenta provvista tal-enerġija dejjem aktar nadifa disponibbli għall-bastimenti, fid-dawl tas-sehem dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli u ta’ sorsi ta’ enerġija mhux fossili fit-taħlita tal-elettriku tal-Unjoni. Filwaqt li huwa biss il-forniment ta’ punti ta’ konnessjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt li huwa kopert mid-Direttiva 2014/94/UE, id-domanda għal din it-teknoloġija, u, b’riżultat ta’ dan, l-użu tagħha, baqgħu limitati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi biex l-użu tal-provvista tal-elettriku mix-xatt minn bastimenti tal-kontejners u minn bastimenti tal-passiġġieri jsir obbligatorju, billi dawn huma l-kategoriji tal-bastimenti li qed jipproduċu l-ogħla ammont ta’ emissjonijiet għal kull bastiment waqt li jkunu rmiġġati mal-moll, skont id-data miġbura fl-2018 fil-qafas tar-Regolament (UE) 2015/757.

(39)

Minbarra l-provvista tal-elettriku mix-xatt, teknoloġiji oħra jistgħu jkunu kapaċi joffru benefiċċji ambjentali ekwivalenti fil-portijiet. Meta jintwera li l-użu ta’ teknoloġija alternattiva huwa ekwivalenti għall-użu tal-provvista tal-elettriku mix-xatt, jenħtieġ li bastiment ikun eżentat mill-obbligu li juża l-provvista tal-elettriku mix-xatt.

(40)

Ġew ittestjati proġetti u soluzzjonijiet differenti tal-provvista tal-elettriku mix-xatt għall-bastimenti ankrati, iżda bħalissa ma hemm l-ebda soluzzjoni teknika matura u skalabbli disponibbli. Għal dik ir-raġuni, l-obbligu li tintuża l-provvista tal-elettriku mix-xatt jenħtieġ li jkun, fil-prinċipju, limitat għal bastimenti rmiġġati mal-moll. Madankollu, il-Kummissjoni jenħtieġ li terġa’ tivvaluta s-sitwazzjoni regolarment, bil-ħsieb li testendi dak l-obbligu għall-bastimenti li jkunu ankrati, meta t-teknoloġiji meħtieġa jkunu suffiċjentement maturi. Sadanittant, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jimponu, f’ċerti każijiet, l-obbligu li tintuża l-provvista tal-elettriku mix-xatt fuq bastimenti ankrati, pereżempju f’portijiet li diġà huma mgħammra b’tali teknoloġija jew li jinsabu f’żoni fejn jenħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe tniġġis.

(41)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll eċċezzjonijiet mill-obbligu li tintuża l-provvista tal-elettriku mix-xatt għal għadd ta’ raġunijiet oġġettivi, soġġetti għal verifika mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa jew kwalunkwe entità debitament awtorizzata, wara konsultazzjoni mal-entitajiet rilevanti fejn xieraq. Tali eċċezzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati għal waqfiet mhux skedati f’portijiet, li ma jsirux fuq bażi sistematika, għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ salvataġġ tal-ħajja fuq il-baħar, għal soġġorni qosra ta’ bastimenti rmiġġati mal-moll ta’ inqas minn sagħtejn peress li dan huwa l-ħin minimu meħtieġ għall-konnessjoni, għal każijiet ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà jew inkompatibbiltà tal-provvista tal-elettriku mix-xatt, għall-użu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija abbord f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u għall-manutenzjoni u t-testijiet funzjonali.

(42)

F’portijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1804, jenħtieġ li l-eċċezzjonijiet applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà jew ta’ inkompatibbiltà tal-provvista tal-elettriku mix-xatt ikunu limitati wara li s-sidien tal-bastimenti u l-operaturi tal-portijiet ikunu ngħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa, sabiex jiġu pprovduti l-inċentivi meħtieġa għal dawk l-investimenti u tiġi evitata kompetizzjoni inġusta. Jenħtieġ li l-operaturi tal-bastimenti jippjanaw bir-reqqa l-waqfiet tagħhom f’portijiet biex jiżguraw li jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom meta jkunu rmiġġati mal-moll mingħajr l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u ta’ gassijiet serra, sabiex iħarsu l-ambjent fiż-żoni kostali u fil-bliet b’portijiet. Jenħtieġ li jiġi previst għadd limitat ta’ eċċezzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà jew inkompatibbiltà tal-provvista tal-elettriku mix-xatt biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-provvista tal-elettriku mix-xatt ma tkunx ġiet ipprovduta, għal raġunijiet li l-operatur tal-bastiment ma jkollux kontroll fuqhom. Sabiex jittaffa r-riskju ta’ assi mhux rekuperabbli, l-inkompatibbiltà tal-infrastruttura tal-provvista tal-elettriku mix-xatt abbord u fl-irmiġġ kif ukoll id-domanda għall-karburant alternattiv u l-iżbilanċi fil-provvista, jenħtieġ li jiġu organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni frekwenti bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiddiskutu u jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rekwiżiti u l-pjanijiet futuri.

(43)

Ir-rekwiżit li l-portijiet jipprovdu provvista tal-elettriku mix-xatt, stabbilit fir-Regolament (UE) 2023/1804, iqis it-tipi ta’ bastimenti moqdija u l-volumi ta’ traffiku rispettivi tal-portijiet marittimi. Jenħtieġ li r-rekwiżit li l-bastimenti jikkonnettjaw ma’ provvista tal-elettriku mix-xatt waqt l-irmiġġ ma japplikax għall- bastimenti meta jieqfu f’portijiet li mhumiex koperti mir-rekwiżit ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt stabbilit f’dak ir-Regolament, sakemm il-port ma jkollux provvista tal-elettriku mix-xatt installata u disponibbli fil-moll miżjur, f’liema każ, jenħtieġ li l-bastiment ikun meħtieġ li jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt mill-1 ta’ Jannar 2035.

(44)

Meta jitqiesu l-effetti pożittivi tal-użu tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fuq it-tniġġis tal-arja lokali u l-ħtieġa li jiġi inċentivat l-użu ta’ dik it-teknoloġija fuq perjodu qasir, l-intensità tal-karbonju tal-produzzjoni tal-elettriku pprovdut fl-irmiġġ jenħtieġ li tingħadd bħala żero. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi l-possibbiltà li tqis l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra attwali relatati mal-elettriku mwassal permezz tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fi stadju aktar tard.

(45)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tqis kif xieraq il-mudelli ta’ governanza diversi għall-portijiet fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ħruġ ta’ ċertifikat li jeżenta lil bastiment mill-obbligu ta’ konnessjoni ma’ provvista tal-elettriku mix-xatt.

(46)

Il-koordinament bejn il-portijiet u l-operaturi tal-bastimenti huwa kruċjali biex jiġu żgurati proċeduri ta’ konnessjoni bla xkiel mal-enerġija fuq l-art fil-portijiet. L-operaturi tal-bastimenti jenħtieġ li jinfurmaw lill-portijiet li jidħlu fihom dwar l-intenzjoni tagħhom li jikkonnettjaw mal-enerġija fuq l-art u dwar l-ammont ta’ enerġija li jeħtieġu matul il-waqfa speċifika, b’mod partikolari meta dan l-ammont jaqbeż il-ħtiġijiet stmati għal dik il-kategorija ta’ bastiment.

(47)

Mill-2035, l-għadd ta’ eċċezzjonijiet mogħtija skont dan ir-Regolament mill-obbligu ta’ konnessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt, li japplikaw għal ċerti każijiet fejn il-bastiment ma jkunx jista’ jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt, jenħtieġ li jkun limitat għal kull bastiment matul perjodu ta’ rappurtar. Biex jiġi żgurat trattament ġust tal-bastimenti u biex jiġu riflessi d-differenzi fil-profili operattivi tagħhom, l-għadd ta’ eċċezzjonijiet jenħtieġ li jirrifletti l-frekwenza tal-waqfiet tagħhom f’port iżda jenħtieġ li qatt ma jammonta għal aktar minn għaxar waqfiet f’port għal kull perjodu ta’ rappurtar. Madankollu, jenħtieġ li bastiment ma jiġix penalizzat u jenħtieġ li l-waqfiet f’port ma jingħaddux mal-għadd massimu ta’ eċċezzjonijiet fejn, qabel il-wasla f’port, il-bastiment ikun talab li jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt u dik it-talba tkun ġiet aċċettata mill-port jew mill-entità debitament awtorizzata, iżda l-bastiment ma jkunx jista’ jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt, u jkun jista’ juri li ma setax raġonevolment ikun jaf li ma setax jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt.

(48)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema robusta u trasparenti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika permezz ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi traċċata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Jenħtieġ li din is-sistema tapplika b’mod mhux diskriminatorju għall-bastimenti kollha u teħtieġ verifika minn parti terza biex tiġi żgurata l-akkuratezza tad-data sottomessa f’dik is-sistema. Sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li kwalunkwe data diġà rrappurtata għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/757 tintuża, fejn ikun meħtieġ, biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dan ir-Regolament sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv impost fuq il-kumpaniji, il-verifikaturi u l-awtoritajiet kompetenti.

(49)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu responsabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-ammont u t-tip ta’ enerġija użata abbord minn bastimenti fin-navigazzjoni u rmiġġati, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra, bħal informazzjoni dwar it-tip ta’ magna abbord jew il-preżenza ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni assistita mir-riħ, bil-għan li tintwera l-konformità mal-limitu fuq l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment stipulat minn dan ir-Regolament. Biex jiġi ffaċilitat l-issodisfar ta’ dawk l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ verifika mill-verifikaturi, b’mod simili għar-Regolament (UE) 2015/757, jenħtieġ li l-kumpaniji jiddokumentaw il-metodu ta’ monitoraġġ previst u jipprovdu aktar dettalji dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi pjan ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li l-pjan ta’ monitoraġġ, kif ukoll il-modifiki sussegwenti tiegħu, jekk applikabbli, jiġu sottomessi lill-verifikatur u vvalutati minnu.

(50)

Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema unika ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-kumpaniji għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu. Għal dak il-għan, ftit wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-konsistenza ta’ dan ir-Regolament mar-Regolament (UE) 2015/757 u d-duplikazzjoni possibbli bejn dawn iż-żewġ regolamenti u, fejn xieraq, tħejji proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) 2015/757.

(51)

Ċertifikazzjoni u monitoraġġ robusti tal-karburanti huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u biex tiġi ggarantita l-integrità ambjentali tal-karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li huma mistennija jintużaw fis-settur marittimu. Din iċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li ssir permezz ta’ proċedura trasparenti u mhux diskriminatorja. Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata ċ-ċertifikazzjoni u jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li ċ-ċertifikazzjoni tal-karburanti definita f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, fejn applikabbli, mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ att legali tal-Unjoni li jikkonċerna s-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu tiddependi fuq ir-regoli stabbiliti minn dawk l-atti legali tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni. Jenħtieġ li dak l-approċċ għaċ-ċertifikazzjoni japplika wkoll għall-bunkering ta’ karburanti barra mill-Unjoni, li jenħtieġ li jitqiesu bħala karburanti importati, b’mod simili bħal fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Meta l-kumpaniji jkun biħsiebhom ma jżommux mal-valuri prestabbiliti previsti minn dawk l-atti legali tal-Unjoni jew minn dan il-qafas il-ġdid, jenħtieġ li dak isir biss meta l-valuri jkunu jistgħu jiġu ċċertifikati minn waħda mill-iskemi volontarji rikonoxxuti skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, fejn applikabbli, skont att legali tal-Unjoni li jikkonċerna s-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu, u li jistabbilixxi ċerti livelli limiti massimi ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll metodoloġiji għall-kalkolu tagħhom (għal valuri well-to-tank).

(52)

Jenħtieġ li tkun disponibbli għall-kumpaniji l-possibbiltà li jiġu kkalkulati l-fatturi attwali ta’ emissjonijiet tank-to-wake, li jiddevjaw minn dawk definiti fl-Anness II, dment li tali kalkolu jiġi determinat f’konformità ma’ standards internazzjonali rikonoxxuti rilevanti għas-suġġett, u appoġġat minnhom. Jenħtieġ li tali kalkolu tal-fatturi tal-emissjonijiet tank-to-wake jiġi applikat primarjament għall-ittestjar fil-laboratorji jew għall-kejl dirett tal-emissjonijiet ta’ emissjonijiet mhux ikkalkulati minn konvertituri tal-enerġija, inkluż magni b’kombustjoni interna, ċelloli tal-karburant u unitajiet ta’ riforma assoċjati, turbini tal-gass jew bojlers. Peress li l-fatturi attwali tal-emissjonijiet ta’ CO2 tank-to-wake huma relatati mal-kompożizzjoni tal-karburant aktar milli mal-konvertitur tal-enerġija, jenħtieġ li ma jkunux differenti mill-valuri prestabbiliti li jinsabu fl-Anness II. Jenħtieġ li dawk il-fatturi tal-emissjonijiet tank-to-wake jiġu kkalkulati mill-ġdid, b’mod partikolari għall-karburanti sintetiċi jew għall-bijokarburanti, fil-każ biss li jiġi żviluppat standard internazzjonali rilevanti għal dak l-għan. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li ssir devjazzjoni mill-valuri prestabbiliti ppreżentati għall-fatturi tal-emissjonijiet ta’ kombustjoni CO2 għall-karburanti fossili.

(53)

L-attivitajiet ta’ verifika jitwettqu minn verifikaturi. Sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-effettività, jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu entitajiet ġuridiċi indipendenti u kompetenti u jenħtieġ li jiġu akkreditati minn korpi nazzjonali ta’ akkreditament stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Il-verifikaturi jenħtieġ li jkunu mgħammra b’mezzi u b’persunal proporzjonati għad-daqs tal-flotta li għaliha jwettqu attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-verifika tiżgura l-akkuratezza u l-kompletezza tal-monitoraġġ u tar-rappurtar mill-kumpaniji, kif ukoll il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

(54)

Fuq il-bażi tad-data u l-informazzjoni mmonitorjati u rrappurtati mill-kumpaniji, jenħtieġ li l-verifikaturi jikkalkulaw u jistabbilixxu l-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment u l-bilanċ ta’ konformità tal-bastiment fir-rigward tal-limitu, inkluż kwalunkwe eċċess jew defiċit ta’ konformità, kif ukoll jiddeterminaw jekk il-bastiment ikunx ħares l-obbligu li juża l-provvista tal-elettriku mix-xatt. Jenħtieġ li l-verifikatur jinnotifika dik l-informazzjoni lill-kumpanija kkonċernata. Meta l-verifikatur ikun l-istess entità bħall-verifikatur għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/757, din in-notifika tista’ ssir flimkien mar-rapport ta’ verifika skont dak ir-Regolament.

(55)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tiżgura l-funzjonament ta’ bażi tad-data elettronika li tirreġistra l-prestazzjoni ta’ kull bastiment u tiżgura l-konformità tiegħu ma’ dan ir-Regolament (il-“bażi tad-data FuelEU”). Il-bażi tad-data FuelEU jenħtieġ li tintuża għall-azzjonijiet kollha l-aktar importanti meħtieġa biex jitwettqu l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar u sabiex il-piż amministrattiv jiġi limitat għall-kumpaniji, il-verifikaturi u utenti oħrajn, jenħtieġ li l-bażi tad-data FuelEU tibni fuq il-modulu THETIS-MRV eżistenti jew li, sa fejn hu possibbli, tiġi żviluppata bħala verżjoni aġġornata tiegħu. Il-bażi tad-data FuelEU jenħtieġ li tippermetti wkoll il-possibbiltà li jintużaw l-informazzjoni u d-data miġburin għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/757.

(56)

Il-konformità ma’ dan ir-Regolament ser tiddependi minn elementi li jistgħu ma jkunux fil-kontroll tal-kumpanija, bħal kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-karburant jew mal-kwalità tal-karburant. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji jingħataw il-flessibbiltà li jirriportaw surplus ta’ konformità minn sena għal oħra jew li, fi ħdan ċerti limiti, jissellfu antiċipu ta’ surplus ta’ konformità mis-sena sussegwenti. Billi huwa ta’ importanza kbira għall-kwalità tal-arja lokali fil-bliet b’portijiet u fiż-żoni kostali, jenħtieġ li l-użu tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fl-irmiġġ ma jkunx eliġibbli għal dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà simili.

(57)

Sabiex jiġi evitat il-lock-in teknoloġiku u jkompli jiġi appoġġat il-varar tas-soluzzjonijiet bl-aħjar prestazzjoni, jenħtieġ li l-kumpaniji jitħallew jakkomunaw il-prestazzjoni ta’ bastimenti differenti. F’dak is-sens, jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-prestazzjoni aħjar ta’ bastiment wieħed biex tiġi kkumpensata l-prestazzjoni agħar ta’ bastimenti oħrajn, sakemm il-konformità akkomunata totali tkun pożittiva. Dan joħloq il-possibbiltà li tiġi ppremjata l-konformità żejda u jagħti inċentivi għal investiment f’teknoloġiji aktar avvanzati. Jenħtieġ li l-possibbiltà ta’ għażla ta’ konformità akkomunata tibqa’ volontarja u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-qbil tal-kumpaniji kkonċernati.

(58)

Dokument ta’ konformità (id-“dokument ta’ konformità FuelEU”) maħruġ minn verifikatur jew, fejn applikabbli, mill-awtorità kompetenti tal-Istat responsabbli, skont il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinżamm mill-bastimenti bħala evidenza ta’ konformità mal-limiti fuq l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment u mal-obbligu li tintuża l-provvista tal-elettriku mix-xatt. Jenħtieġ li l-verifikaturi jew, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat responsabbli, jirreġistraw il-ħruġ ta’ dokument ta’ konformità FuelEU fil-bażi tad-data FuelEU.

(59)

L-għadd ta’ waqfiet mhux konformi f’portijiet jenħtieġ li jiġi ddeterminat minn verifikaturi f’konformità ma’ sett ta’ kriterji ċari u oġġettivi filwaqt li jqisu l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż it-tul tas-soġġorn, l-ammont u t-tip ta’ enerġija kkunsmata, u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe eċċezzjoni, għal kull waqfa f’port li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-verifikaturi mill-kumpaniji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-konformità.

(60)

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ konformità permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà u ta’ akkomunament, il-bastimenti li ma jissodisfawx il-limiti fuq l-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord jenħtieġ li jkunu soġġetti għal penali li jkollha effett dissważiv, li tkun proporzjonata għan-nuqqas ta’ konformità u li telimina kwalunkwe vantaġġ ekonomiku tan-nuqqas ta’ konformità, u b’hekk jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-settur (“il-penali FuelEU”). Il-penali FuelEU jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ammont u l-kost tal-karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li l-bastimenti kien jenħtieġ li jużaw biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(61)

Penali FuelEU jenħtieġ li tiġi imposta wkoll fuq kull waqfa mhux konformi f’port. Dik il-penali FuelEU jenħtieġ li tkun proporzjonata għall-kost tal-użu tal-elettriku f’livell suffiċjenti, jenħtieġ li jkollha effett dissważiv fir-rigward tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija aktar niġġiesa u jenħtieġ li tiġi espressa f’ammont fiss ta’ EUR, multiplikat bit-total stabbilit tad-domanda għall-enerġija elettrika tal-bastiment fl-irmiġġ u bl-għadd totali ta’ sigħat, ittondjati ‘l fuq lejl l-eqreb siegħa, li l-bastiment idum irmiġġat waqt li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-provvista tal-elettriku mix-xatt. Minħabba n-nuqqas ta’ ċifri preċiżi dwar il-kost tal-forniment ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt fl-Unjoni, din ir-rata jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz medju tal-elettriku fl-Unjoni għall-konsumaturi mhux domestiċi mmultiplikat b’fattur ta’ tnejn biex jitqiesu imposti oħrajn relatati mal-forniment tas-servizz, inkluż, fost oħrajn, il-kostijiet tal-konnessjoni u elementi tal-irkupru tal-investiment.

(62)

Id-dħul iġġenerat mill-ħlas ta’ penali FuelEU u miġbur mill-Istati responsabbli jenħtieġ li jintuża biex jippromwovi d-distribuzzjoni u l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tat-trasport marittimu u biex jgħin lill-operaturi tat-trasport marittimu jilħqu l-għanijiet klimatiċi u ambjentali tagħhom.

(63)

Filwaqt li l-kumpanija jenħtieġ li tibqa’ responsabbli li twettaq l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont dan ir-Regolament, kif ukoll li tħallas il-penali FuelEU, skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” u sabiex tippromwovi l-użu ta’ karburanti aktar nodfa, l-entità responsabbli mix-xiri tal-karburant u/jew mit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali li jaffetwaw l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata mill-bastiment tista’, permezz ta’ ftehimiet kuntrattwali mal-kumpanija, fil-każ ta’ defiċit ta’ konformità, titqiegħed taħt l-obbligu li tirrimborża jew tikkumpensa b’mod ieħor lill-kumpanija fir-rigward tal-kost tal-penali FuelEU li jirriżultaw mit-tħaddim tal-bastiment. Jenħtieġ li dik il-kumpanija tkun tista’, fuq bażi kuntrattwali, titlob lill-verifikatur jikkalkula l-ammont tal-penali FuelEU li jikkorrispondi għat-tħaddim tal-bastiment mill-entità l-oħra matul il-perjodu ta’ rappurtar. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li t-tħaddim tal-bastiment jinftiehem li jfisser id-determinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr, ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment. Bl-istess mod, filwaqt li jenħtieġ li l-kumpanija tibqa’ responsabbli mit-twettiq tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont dan ir-Regolament, kif ukoll mill-ħlas tal-penali FuelEU, jenħtieġ li l-kumpaniji u l-fornituri tal-karburant ikunu jistgħu, permezz ta’ ftehimiet kuntrattwali, jaqblu dwar impenji reċiproċi li jipproduċu, jipprovdu u jixtru kwantitajiet predeterminati ta’ ċerti karburanti. Tali ftehimiet kuntrattwali jistgħu jipprevedu r-responsabbiltà tal-fornituri tal-karburant li jikkumpensaw lill-kumpanija għall-ħlas ta’ penali f’każijiet fejn il-karburanti ma jkunux saru disponibbli għall-kumpanija kif miftiehem.

(64)

Jenħtieġ li l-infurzar tal-obbligi relatati ma’ dan ir-Regolament ikun ibbażat fuq strumenti eżistenti, fosthom dawk stabbiliti skont id-Direttivi 2009/16/KE (18) u 2009/21/KE (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex tiġi evitata piena mhux mistħoqqa jew doppja għall-istess ksur, jenħtieġ li tali sanzjonijiet ma jidduplikawx il-penali FuelEU applikati f’każ li bastiment ikollu defiċit ta’ konformità jew ikun għamel waqfiet mhux konformi f’port. Id-dokument li jikkonferma l-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżdied mal-lista ta’ ċertifikati u dokumenti msemmijin fl-Anness IV għad-Direttiva 2009/16/KE.

(65)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li għal kull kumpanija, Stat Membru wieħed biss ikun responsabbli għas-superviżjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) japplikaw biex jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli fir-rigward ta’ kull kumpanija. Jenħtieġ li l-Istat responsabbli jitħalla jwettaq kontrolli addizzjonali dwar il-konformità ta’ bastiment speċifiku ma’ dan ir-Regolament, għaż-żewġ perjodi ta’ rappurtar preċedenti u jenħtieġ li jiżgura wkoll li l-penali tal-FuelEU jitħallsu fi żmien debitu.

(66)

Minħabba l-importanza tal-konsegwenzi li jista’ jkollhom il-miżuri meħuda mill-verifikaturi skont dan ir-Regolament għall-kumpaniji kkonċernati, b’mod partikolari rigward id-determinazzjoni ta’ waqfiet mhux konformi f’port, il-kalkolu tal-ammonti ta’ penali tal-FuelEU u r-rifjut li jinħareġ dokument tal-konformità FuelEU, jenħtieġ li dawk il-kumpaniji jkunu intitolati japplikaw għal rieżami ta’ dawn il-miżuri mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ġie akkreditat il-verifikatur. Fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami minn qorti tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti, imwettaq f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu.

(67)

Sabiex jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti permezz tal-funzjonament effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta’: l-emendar tal-lista tal-fatturi ta’ emissjoni well-to-wake; l-informazzjoni dwar is-submira RFNBO; l-emendar tat-tabella eżistenti stipulata fl-Anness III billi żżid teknoloġiji oħra b’emissjonijiet żero; l-istabbiliment ta’ aktar metodi u kriterji ta’ akkreditazzjoni tal-verifikaturi; l-adattament tal-penali FuelEU abbażi tal-iżviluppi fil-kost tal-enerġija; u l-emenda tal-ammont tal-fattur numeriku tal-penali FuelEU, abbażi tal-indiċjar tal-kost medju tal-elettriku fl-Unjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, anki fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (21). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(68)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li terġa’ tuża l-informazzjoni u d-data miġbura għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/757 meta tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-lista tal-portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien li huma esklużi mid-definizzjoni ta’ portijiet tal-waqfa; il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni u d-disponibbiltà tal-RFNBO fis-settur tat-trasport marittimu u l-metodu għall-kalkolu tal-fattur tad-differenza fil-prezz bejn l-RFNBO u l-karburanti fossili; l-ispeċifikazzjoni tar-regoli għall-applikazzjoni tas-submira RFNBO, jekk applikabbli; il-kriterji dettaljati għall-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji u l-mod kif joperaw biex jitqiesu bħala teknoloġiji b’emissjonijiet żero; l-informazzjoni mill-bastimenti li biħsiebhom jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt jew jużaw teknoloġija b’emissjonijiet żero fil-portijiet u l-proċedura għall-għoti ta’ tali informazzjoni; il-mudelli għal pjanijiet ta’ monitoraġġ standardizzati, fosthom ir-regoli tekniċi għall-applikazzjoni uniformi tagħhom; il-lista ta’ standards internazzjonali u referenzi ta’ ċertifikazzjoni biex jintwerew il-fatturi attwali ta’ emissjoni tank-to-wake; speċifikazzjonijiet ulterjuri tar-regoli għall-attivitajiet ta’ verifika msemmija f’dan ir-Regolament; regoli għad-drittijiet tal-aċċess għall-bażi tad-data FuelEU u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tagħha; u mudelli għad-dokument tal-konformità FuelEU.

(69)

Minħabba d-dimensjoni internazzjonali tas-settur tat-trasport marittimu, huwa preferibbli approċċ globali għal-limitazzjoni tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata mill-bastimenti, peress li approċċ bħal dan ikun aktar effettiv minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tiegħu. F’dan il-kuntest, u bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ regoli internazzjonali fl- IMO, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mal-IMO u ma’ korpi internazzjonali rilevanti oħra, u jenħtieġ li jsiru s-sottomissjonijiet rilevanti lill-IMO, bit-tkomplija tal-isforzi tal-Unjoni biex tippromwovi miri tad-dekarbonizzazzjoni marittima ambizzjużi fuq livell internazzjonali. Meta jintlaħaq ftehim dwar approċċ globali dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament bl-għan li tallinjah, fejn ikun xieraq, mar-regoli internazzjonali.

(70)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni u d-disponibbiltà tal-għodod għall-kollaborazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki għas-settur tat-trasport marittimu, kif definit fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar”.

(71)

Minħabba li dan ir-Regolament ser jirriżulta fi spejjeż ta’ aġġustament addizzjonali u f’kostijiet amministrattivi, jenħtieġ li l-piż regolatorju ġenerali għas-settur tat-trasport marittimu jinżamm taħt rieżami mill-qrib. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta f’dak ir-rapport il-punt sa fejn intlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u sa liema punt dan kellu impatt fuq il-kompetittività tas-settur. Jenħtieġ li dak ir-rapport ikopri wkoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni, fosthom azzjonijiet u miżuri possibbli li ttieħdu jew li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-kost totali fuq is-settur tat-trasport marittimu.

(72)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija minn bastimenti li jaslu fi, ikunu fi jew jitilqu minn portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri mingħajr ma jirriskjaw li jintroduċu ostakli għas-suq intern u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-portijiet u bejn l-operaturi tat-trasport marittimu, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar bl-introduzzjoni ta’ regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni li joħolqu inċentivi ekonomiċi għall-operaturi marittimi biex ikomplu joperaw mingħajr tfixkil filwaqt li jissodisfaw l-obbligi dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u objettiv

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi li jimponu:

(a)

limitu fuq l-intensità tal-gassijiet serra (GHG) tal-enerġija użata abbord minn bastiment li jasal, ikun fi jew jitlaq minn portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru; u

(b)

obbligu li tintuża provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS) jew teknoloġija b’emissjonijiet żero fil-portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

L-objettiv tiegħu huwa li jiżdied l-użu konsistenti ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u sorsi alternattivi tal-enerġija fit-trasport marittimu madwar l-Unjoni, f’konformità mal-objettiv li tintlaħaq in-newtralità klimatika fl-Unjoni kollha sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jiġi żgurat it-tħaddim bla xkiel tat-trasport marittimu, filwaqt li tinħoloq ċertezza regolatorja għall-adozzjoni ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u teknoloġiji sostenibbli u jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti kollha b’tunnellaġġ gross ta’ 5 000 li l-iskop tagħhom hu li jittrasportaw passiġġieri jew merkanzija għal skopijiet kummerċjali, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, fir-rigward ta’:

(a)

l-enerġija użata matul is-soġġorn tagħhom f’port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(b)

l-enerġija kollha użata fuq vjaġġi minn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru lejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

minkejja l-punt (b), nofs l-enerġija użata fuq vjaġġi li jaslu fi jew jitilqu minn port tal-waqfa li jinsab f’reġjun ultraperiferiku taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru; u

(d)

nofs l-enerġija li użata fuq vjaġġi li jaslu fi jew jitilqu minn ‘port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, fejn il-port tal-waqfa preċedenti jew dak sussegwenti jkun taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta’ portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dik il-lista sal-31 ta’ Diċembru kull sentejn wara.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jelenkaw port bħala port tat-trażbord tal-kontejners ġar fejn is-sehem tat-trażbord tal-kontejners, imkejjel f’unitajiet ekwivalenti ta’ 20 pied, jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta’ dak il-port matul l-aktar perjodu reċenti ta’ 12-il xahar li għalih tkun disponibbli data rilevanti u fejn dak il-port ikun jinsab barra mill-Unjoni iżda inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

Għall-fini ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-kontejners għandhom jitqiesu li jkunu trażbordati meta jinħattu minn bastiment għall-port għall-iskop uniku li jitgħabbew fuq bastiment ieħor.

Il-lista tal-portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien stabbilita mill-Kummissjoni ma għandhiex tinkludi portijiet li jinsabu f’pajjiż terz li għalih dak il-pajjiż terz japplika b’mod effettiv miżuri ekwivalenti għal dan ir-Regolament.

L-atti ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw rotot u portijiet speċifiċi mill-applikazzjoni tal-paragrafi 1, il-punti (a) u (b), fir-rigward tal-enerġija użata fuq vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri minbarra bastimenti tal-kruċiera bejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istess Stat Membru li jinsab fi gżira b’inqas minn 200 000 resident permanenti, u fir-rigward tal-enerġija użata matul is-soġġorn tagħhom f’waqfa f’port ta’ dik il-gżira. L-ebda eżenzjoni bħal din ma għandha tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2029. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-eżenzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-eżenzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw rotot u portijiet speċifiċi mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-punti (a) u (c), fir-rigward tal-enerġija użata mill-bastimenti fuq vjaġġi bejn port tal-waqfa li jinsab f’reġjun ultraperiferiku u port tal-waqfa ieħor li jinsab f’reġjun ultraperiferiku, u fir-rigward tal-enerġija użata matul is-soġġorn tagħhom fil-portijiet tal-waqfa ta’ dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi. L-ebda eżenzjoni bħal din ma għandha tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2029. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-eżenzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-eżenzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   L-Istati Membri li ma jikkondividux fruntiera fuq l-art ma’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 bastimenti tal-passiġġieri li jwettqu vjaġġi tranżnazzjonali taħt l-obbligi ta’ servizz pubbliku jew kuntratti pubbliċi ta’ servizz għall-portijiet tal-waqfa ta’ Stati Membri oħra. L-ebda eżenzjoni bħal din ma għandha tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2029. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-eżenzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-eżenzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 bastimenti tal-passiġġieri li jipprovdu servizzi ta’ trasport marittimu fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 taħt obbligi ta’ servizz pubbliku jew kuntratti pubbliċi ta’ servizz, li joperaw qabel it-12 ta’ Ottubru 2023, għar-rotot speċifiċi bejn il-portijiet tal-waqfa tal-art kontinentali tagħhom u l-portijiet tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom li jinsabu fi gżira jew fil-bliet ta’ Ceuta u Melilla. L-ebda eżenzjoni bħal din ma għandha tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2029. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-eżenzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-eżenzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, il-bliet ta’ Ceuta u Melilla għandhom jitqiesu bħala portijiet tal-waqfa li jinsabu fuq gżira.

7.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal bastimenti tal-gwerra, awżiljarji navali, bastimenti li jaqbdu l-ħut jew bastimenti li jipproċessaw il-ħut, bastimenti tal-injam b’binja primittiva, bastimenti li ma jitħaddmux b’mezzi mekkaniċi, jew bastimenti proprjetà tal-gvern jew li jiġu operati mill-gvern u jintużaw biss għal skopijiet mhux kummerċjali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emissjonijiet ta’ gassijiet serra” jew “emissjonijiet GHG” tfisser ir-rilaxx tad-diossidu tal-karbonju (CO2), tal-metan (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O) fl-atmosfera;

(2)

“bijokarburanti” tfisser bijokarburanti kif iddefinit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (33), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(3)

“bijogass” tfisser bijogass kif iddefinit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (28), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(4)

“karburanti tal-karbonju riċiklat” tfisser karburanti tal-karbonju riċiklat kif iddefinit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(5)

“karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika” (RFNBO) tfisser karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kif iddefinit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (36), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(6)

“għelejjel tal-ikel u tal-għalf” tfisser għelejjel tal-ikel u tal-għalf kif iddefinit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (40), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(7)

“teknoloġija b’emissjonijiet żero” tfisser teknoloġija li, meta tintuża biex tipprovdi l-enerġija, ma tirriżultax fir-rilaxx fl-atmosfera tal-gassijiet serra u s-sustanzi li jniġġsu fl-arja li ġejjin mill-bastimenti: id-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), l-ossidi tal-kubrit (SOx), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-materja partikolata (PM);

(8)

“sorsi alternattivi tal-enerġija” tfisser enerġija rinnovabbli ġġenerata abbord jew elettriku fornut minn provvista tal-elettriku mix-xatt;

(9)

“propulsjoni assistita mir-riħ” tfisser propulsjoni, kemm parzjali kif ukoll sħiħa, ta’ bastiment permezz tal-enerġija mir-riħ armata permezz ta’ sistemi ta’ propulsjoni assistita mir-riħ bħal, fost oħrajn, qlugħ rotor, tjur, qlugħ iebes jew riġidu, qlugħ artab, ġwienaħ tal-ġbid jew turbini;

(10)

“port tal-waqfa” tfisser port fejn il-bastimenti jieqfu jgħabbu jew iħottu merkanzija jew jimbarkaw jew jiżbarkaw passiġġieri bl-esklużjoni ta’ waqfiet għall-finijiet biss ta’ riforniment, kisba ta’ provvisti, bdil ta’ ekwipaġġ, dħul f’baċir imbattal mill-ilma jew tiswijiet lill-bastiment, lit-tagħmir tiegħu jew lit-tnejn li huma; waqfiet fil-port minħabba li l-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew ikun f’diffikultà; trasferimenti minn bastiment għal bastiment li jsiru barra mill-portijiet; waqfiet għall-iskop uniku ta’ kenn minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minn attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ; u waqfiet ta’ bastimenti tal-kontejners f’port ta’ trażbord tal-kontejners ġar elenkat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 2(2);

(11)

“vjaġġ” tfisser vjaġġ kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2015/757;

(12)

“reġjun ultraperiferiku” tfisser territorju msemmi fl-Artikolu 349 TFUE;

(13)

“kumpanija” tfisser sid il-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew in-noleġġatur ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu assumew ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li jkunu aċċettaw li jassumu d-doveri u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis;

(14)

“tunnellaġġ gross” (GT) tfisser tunnellaġġ gross kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2015/757;

(15)

“bastiment fl-irmiġġ” tfisser bastiment fl-irmiġġ kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (n), tar-Regolament (UE) 2015/757;

(16)

“bastiment fl-ankraġġ” tfisser bastiment fl-irmiġġ li ma jkunx irmiġġat mal-moll;

(17)

“enerġija użata abbord” tfisser l-ammont ta’ enerġija, espress f’mega joules (MJ), użat minn bastiment għall-propulsjoni u għat-tħaddim ta’ kwalunkwe tagħmir abbord, fuq il-baħar jew fl-irmiġġ;

(18)

“well-to-wake” tfisser metodu għall-kalkolu tal-emissjonijiet li jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija abbord, inkluż matul il-kombustjoni;

(19)

“intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord” tfisser l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, espress fi grammi ta’ ekwivalenti ta’ CO2 stabbiliti fuq bażi well-to-wake, għal kull MJ ta’ enerġija użata abbord;

(20)

“fattur ta’ emissjoni” tfisser ir-rata ta’ emissjoni medja ta’ gassijiet serra relattiva għad-data dwar l-attivitajiet ta’ fluss minn sors, bil-preżunzjoni ta’ ossidazzjoni kompleta għall-kombustjoni u ta’ konverżjoni kompleta għar-reazzjonijiet kimiċi l-oħrajn kollha;

(21)

“klassi tas-silġ” tfisser in-notazzjoni mogħtija lill-bastiment mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat tal-bandiera, jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta minn dak l-Istat, li turi li l-bastiment ġie mfassal għan-navigazzjoni f’kondizzjonijiet ta’ silġ fuq il-baħar;

(22)

“limitu tas-silġ” tfisser id-demarkazzjoni fi kwalunkwe ħin bejn il-baħar miftuħ u s-silġ tal-baħar ta’ kwalunkwe tip, kemm jekk fiss kif ukoll jekk iżomm f’wiċċ l-ilma, kif stabbilit fil-paragrafu 4.4.8 tan-Nomenklatura tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija dwar il-Baħar u s-Silġ, Marzu 2014;

(23)

“tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ” tfisser it-tbaħħir minn bastiment tal-klassi tas-silġ f’żona tal-baħar fil-limitu tas-silġ;

(24)

“provvista tal-elettriku mix-xatt” (OPS) tfisser is-sistema ta’ provvista tal-elettriku lill-bastimenti rmiġġati, b’voltaġġ baxx jew għoli u b’kurrent alternat jew dirett, inklużi installazzjonijiet fuq in-naħa tal-bastiment u fuq il-port, meta tkun qed tiġi alimentata direttament l-iswiċċbord ta’ distribuzzjoni ewlenija tal-bastiment biex tingħata enerġija lit-tagħbijiet tal-lukanda u tas-servizz, jew biex jiġu ċċarġjati l-batteriji sekondarji;

(25)

“domanda għall-enerġija elettrika fl-irmiġġ” tfisser id-domanda għall-elettriku minn bastiment fl-irmiġġ biex jissodisfa l-ħtiġijiet kollha tal-enerġija abbażi tal-elettriku abbord;

(26)

“domanda totali stabbilita għall-enerġija elettrika tal-bastiment fl-irmiġġ” tfisser l-ogħla valur, espress f’kilowatts, tad-domanda totali għall-elettriku tal-bastiment fl-irmiġġ, inkluż it-tagħbijiet tax-xogħol tal-lukandi u tal-maniġġ ta’ merkanzija;

(27)

“verifikatur” tfisser entità ġuridika li twettaq attivitajiet ta’ verifika, li tiġi akkreditata minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament;

(28)

“dokument tal-konformità FuelEU” tfisser dokument speċifiku għal bastiment, maħruġ lil kumpanija minn verifikatur, li jikkonferma li dak il-bastiment ikun ikkonforma ma’ dan ir-Regolament għal perjodu speċifiku ta’ rappurtar;

(29)

“bastiment tal-passiġġieri” tfisser bastiment tal-passiġġieri kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (i), tad-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

(30)

“bastiment tal-kruċiera” tfisser bastiment tal-passiġġieri li ma jkollux gverta tal-merkanzija u huwa ddisinjat esklużivament għat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri f’akkomodazzjoni matul il-lejl fuq vjaġġ bil-baħar;

(31)

“bastiment tal-kontejners” tfisser bastiment imfassal esklużivament għat-trasport ta’ kontejners fl-istivi u fuq il-gverta;

(32)

“waqfa mhux konformi f’port” tfisser waqfa f’port li matulha l-bastiment ma jikkonformax mar-rekwiżit li jinsab l-Artikolu 6(1), u ma tkun tapplika l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5);

(33)

“perkors l-inqas favorevoli” tfisser l-aktar perkors ta’ produzzjoni intensiv fil-karbonju użat għal kwalunkwe karburant partikolari;

(34)

“ekwivalenti ta’ CO2” tfisser il-kejl metriku użat biex jiġu kkomputati l-emissjonijiet mis-CO2, CH4 u N2O abbażi tal-potenzjal ta’ tisħin globali tagħhom, billi l-ammonti ta’ CH4 u N2O jiġu konvertiti għall-ammont ekwivalenti ta’ CO2 bl-istess potenzjal ta’ tisħin globali;

(35)

“bilanċ ta’ konformità” tfisser il-kejl ta’ konformità żejda jew insuffiċjenti ta’ bastiment fir-rigward tal-limiti għall-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment jew is-submira RFNBO, li tiġi kkalkulata f’konformità mal-Parti A tal-Anness IV;

(36)

“surplus ta’ konformità” tfisser bilanċ ta’ konformità b’valur pożittiv;

(37)

“defiċit ta’ konformità” tfisser bilanċ ta’ konformità b’valur negattiv;

(38)

“bilanċ totali ta’ konformità akkomunata” tfisser is-somma tal-bilanċi ta’ konformità tal-bastimenti kollha inklużi fl-akkomunament;

(39)

“korp ta’ ġestjoni tal-port” tfisser korp ta’ ġestjoni tal-port kif definit fil-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2017/352;

(40)

“Stat responsabbli” tfisser Stat Membru appuntat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3gf(1) tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta’ kumpanija skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għall-għażla tal-awtoritajiet kompetenti inkarigati fl-Istat Membru rilevanti;

(41)

“perjodu ta’ rappurtar” tfisser perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena li matulha l-informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament tiġi mmonitorjata u rreġistrata, li fiha d-data għal vjaġġi li jibdew u jintemmu f’sentejn kalendarji differenti titqies taħt is-sena kalendarja kkonċernata;

(42)

“perjodu ta’ verifika” tfisser is-sena kalendarja direttament wara l-perjodu ta’ rappurtar.

Kapitolu II

Rekwiżiti għall-enerġija użata abbord mill-bastimenti

Artikolu 4

Il-limitu tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment

1.   L-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment matul perjodu ta’ rappurtar ma għandhiex taqbeż il-limitu stipulat fil-paragrafu 2.

2.   Il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi l-valur referenzjarju ta’ 91,16 grammi ta’ ekwivalenti ta’ CO2 għal kull MJ jitnaqqas bil-perċentwal li ġej:

2 % mill-1 ta’ Jannar 2025;

6 % mill-1 ta’ Jannar 2030;

14,5 % mill-1 ta’ Jannar 2035;

31 % mill-1 ta’ Jannar 2040;

62 % mill-1 ta’ Jannar 2045;

80 % mill-1 ta’ Jannar 2050.

3.   L-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment għandha tiġi kkalkulata bħala l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal kull unità ta’ enerġija f’konformità mal-metodoloġija stipulata fl-Anness I.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 biex temenda l-Anness II sabiex tinkludi l-fatturi ta’ emissjoni well-to-wake relatati ma’ kwalunkwe sors ġdid ta’ enerġija, jew biex tadatta l-fatturi ta’ emissjoni eżistenti biex tiżgura l-konsistenza mal-istandards internazzjonali futuri jew mal-atti legali tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, f’konformità mal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli.

Artikolu 5

L-użu ta’ Fjuwils Rinnovabbli ta’ Oriġini Mhux Bijoloġika

1.   Għall-kalkolu tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment, mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2033 jista’ jintuża multiplikatur ta’ “2” biex il-bastiment jiġi ppremjat għall-użu ta’ RFNBO. Il-metodoloġija għal dan il-kalkolu hija stipulata fl-Anness I.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja, tikkalkula u kull sena tippubblika, abbażi tad-data rreġistrata fil-bażi tad-data FuelEU msemmija fl-Artikolu 19 u sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rappurtar, is-sehem ta’ RFNBO fl-enerġija annwali użata abbord mill-bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   Jekk is-sehem ta’ RFNBO msemmi fil-paragrafu 2 ikun inqas minn 1 % għall-perjodu ta’ rappurtar 2031, għandha tapplika submira ta’ 2 % għal dawn il-karburanti fl-enerġija annwali użata abbord minn bastiment mill-1 ta’ Jannar 2034, soġġett għall-paragrafu 5.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika meta r-riżultati tal-monitoraġġ previsti fil-paragrafu 2 li jkunu disponibbli qabel l-1 ta’ Jannar 2033 juru li s-sehem imsemmi fil-paragrafu 2 ikun ogħla minn 2 %.

5.   Jekk, abbażi tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 2 u wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, ikun hemm evidenza ta’ kapaċità ta’ produzzjoni u disponibbiltà insuffiċjenti ta’ RFNBO għas-settur marittimu, distribuzzjoni ġeografika mhux uniformi jew prezz għoli wisq għal dawk il-karburanti, is-submira prevista fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni previsti fil-paragrafu 5 u l-metodu biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ differenza fil-prezz bejn RFNBO u l-karburanti fossili użati fiċ-ċellola 14 tat-tabella fil-Parti B tal-Anness IV. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 sabiex:

(a)

tissupplimenta l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu b’elementi addizzjonali;

(b)

tagħti informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tas-submira msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li tirriżulta mill-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew mill-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn tapplika s-submira msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sal-31 ta’ Diċembru 2033, atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika aktar ir-regoli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’:

(a)

il-verifika u l-kalkolu kif imsemmija fl-Artikolu 16;

(b)

il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà applikabbli stipulati fl-Artikoli 20 u 21;

(c)

il-penali ta’ FuelEU applikabbli kif imsemmi fl-Artikolu 23 u fl-Anness IV.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

9.   Is-submira msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk applikabbli, ma għandhiex tapplika għal bastiment li juri li l-istess sehem tal-enerġija annwali użata abbord jintlaħaq minn karburanti oħra li jipprovdu ffrankar ekwivalenti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li huma ċċertifikati skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, eskluż il-bijokarburanti msemmija fil-Parti B tal-Anness IX għad-Direttiva (UE) 2018/2001.

10.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għas-sehem tal-enerġija annwali użata abbord mill-bastimenti mill-provvista tal-elettriku mix-xatt.

Artikolu 6

Rekwiżiti addizzjonali ta’ emissjonijiet żero għall-enerġija użata fl-irmiġġ

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2030, bastiment li jkun irmiġġat mal-moll f’port tal-waqfa li jkun kopert mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1804 u li jinsab taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandu jikkonnettja ma’ provvista tal-elettriku mix-xatt u jużaha għad-domanda tal-enerġija elettrika kollha tiegħu waqt li jkun irmiġġat.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2035, bastiment li jkun irmiġġat mal-moll f’port tal-waqfa li ma jkunx kopert mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1804, li jinsab taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru u fejn il-moll ikun mgħammar bi provvista tal-elettriku mix-xatt disponibbli, għandu jikkonnettja ma’ dik il-provvista tal-elettriku mix-xatt u jużaha għad-domanda tal-enerġija elettrika kollha tiegħu waqt li jkun irmiġġat.

3.   Mill-1 ta’ Jannar 2030 u sal-31 ta’ Diċembru 2034, u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż, fejn xieraq, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li bastiment li jkun irmiġġat mal-moll f’port tal-waqfa fil-ġuriżdizzjoni tiegħu li ma jkunx kopert mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1804, jew f’ċerti partijiet ta’ dan il-port, għandu jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt u jużaha għad-domanda tal-enerġija elettrika kollha tiegħu waqt li jkun irmiġġat. L-Istat Membru għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu li jimponi t-tali rekwiżit lill-Kummissjoni sena qabel l-applikazzjoni tiegħu. Tali deċiżjoni trid applika mill-bidu ta’ perjodu ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tagħmel disponibbli għall-pubbliku lista aġġornata tal-portijiet ikkonċernati. Din il-lista għandha tkun faċilment aċċessibbli.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal:

(a)

bastimenti tal-kontejners;

(b)

bastimenti tal-passiġġieri.

5.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal bastimenti li:

(a)

jkunu rmiġġati mal-moll għal inqas minn sagħtejn, ikkalkulati abbażi tas-siegħa tal-wasla u l-ħin tat-tluq mmonitorjati u rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15;

(b)

jużaw teknoloġiji b’emissjonijiet żero li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali għal tali teknoloġiji previsti fl-Anness III u li huma elenkati u speċifikati fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu, għad-domanda tal-enerġija elettrika kollha tagħhom waqt li jkunu rmiġġati mal-moll;

(c)

minħabba ċirkostanzi mhux previsti lil hinn mill-kontroll tal-bastiment, ikollhom jagħmlu waqfa mhux skedata f’port, li ma ssirx fuq bażi sistematika, għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ salvataġġ ta’ ħajja fuq il-baħar, għajr dawk diġà esklużi taħt l-Artikolu 3, il-punt (10);

(d)

ma jkunux jistgħu jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ punti ta’ konnessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt f’port;

(e)

ma jkunux jistgħu jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt minħabba li eċċezzjonalment l-istabbiltà tal-grilja elettrika tkun f’riskju, minħabba li l-elettriku disponibbli mix-xatt ikun insuffiċjenti biex jissodisfa d-domanda għall-enerġija elettrika meħtieġa tal-bastiment waqt li jkun irmiġġat;

(f)

ma jkunux jistgħu jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt minħabba li l-installazzjoni fuq ix-xatt fil-port ma tkunx kompatibbli mat-tagħmir tal-elettriku abbord għall-konnessjoni max-xatt, dment li l-installazzjoni għall-konnessjoni max-xatt abbord il-bastiment tkun iċċertifikata f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2023/1804 għas-sistemi ta’ konnessjoni max-xatt tal-bastimenti li jbaħħru;

(g)

għal perjodu ta’ żmien limitat, jeħtieġu l-użu ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija abbord, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jirrappreżentaw riskju immedjat għall-ħajja, il-bastiment, l-ambjent jew għal raġunijiet oħra ta’ force majeure;

(h)

filwaqt li jibqgħu ikkonnettjati mal-provvista tal-elettriku mix-xatt, għal perjodu ta’ ħin limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, jeħtieġu l-użu ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija abbord għal testijiet ta’ manutenzjoni jew għal testijiet funzjonali mwettqa fuq talba ta’ uffiċjal ta’ awtorità kompetenti jew mir-rappreżentant ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta li tkun qed twettaq stħarriġ jew spezzjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta u taġġorna regolarment atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 sabiex temenda t-tabella mhux eżawrjenti stipulata fl-Anness III billi żżid teknoloġiji b’emissjonijiet żero oħra, skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (7).

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-kriterji dettaljati għall-aċċettazzjoni, inkluż id-definizzjoni tal-konfini tas-sistema u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, li għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero previsti fl-Anness III, inkluż l-aġġornamenti futuri tagħhom.

Għal-lista ta’ teknoloġiji eżistenti prevista fl-Anness III, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ Ġunju 2024, fejn applikabbli. Għal kwalunkwe teknoloġija ġdida, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati, meta teknoloġiji oħra kif imsemmi fl-Anness III isiru disponibbli, mingħajr dewmien żejjed.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

8.   Il-bastimenti għandhom jinfurmaw minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa jew lil kwalunkwe entità debitament awtorizzata qabel jidħlu fil-portijiet dwar l-intenzjoni tagħhom li jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt jew l-intenzjoni tagħhom li jużaw teknoloġija b’emissjonijiet żero fl-applikazzjoni tal-paragrafu 5, il-punt (b). Il-bastimenti li beħsiebhom jikkonnettjaw mal-provvista tal-elettriku mix-xatt għandhom jindikaw ukoll l-ammont ta’ enerġija li jistennew li jeħtieġu matul dik il-waqfa fil-port.

Malli tirċievi l-informazzjoni minn bastiment rigward il-konessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa jew kwalunkwe entità debitament awtorizzata għandha tikkonferma lill-bastiment jekk il-konnessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt hijiex disponibbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi, kif ukoll il-proċedura biex tingħata dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

9.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa jew kwalunkwe entità debitament awtorizzata, wara konsultazzjoni mal-korp ta’ ġestjoni tal-port fejn xieraq, għandha tiddetermina u tirreġistra fil-bażi tad-data FuelEU, mingħajr dewmien, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni stipulata fil-paragrafu 5;

(b)

in-nuqqas ta’ konformità ta’ bastiment mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 3 meta ma tapplika l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafu 5.

10.   Mill-1 ta’ Jannar 2035, fil-portijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1804, għandu jkun possibbli li jiġu applikati biss l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 5, il-punti (d), (e) u (f) għal numru massimu ta’ waqfiet f’portijiet li jikkorrispondi għal 10 % tan-numru totali ta’ waqfiet f’portijiet ta’ bastiment li jkunu seħħew matul perjodu ta’ rappurtar, aġġustat sal-eqreb numru sħiħ, fejn ikun rilevanti, jew għal massimu ta’ 10 waqfiet f’portijiet matul il-perjodu ta’ rappurtar rilevanti, skont liema jkun l-aktar baxx.

Waqfa f’port ma għandhiex tingħadd għall-finijiet ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni fejn il-kumpanija turi, abbażi tal-iskambju ta’ informazzjoni previst fil-paragrafu 8, li ma setgħetx tkun taf b’mod raġonevoli li l-bastiment mhux ser ikun jista’ jikkonnettja mal-provvista tal-elettriku mix-xatt għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-punti (d), (e) jew (f).

11.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li, f’port jew f’ċerti partijiet ta’ port fil-ġuriżdizzjoni tiegħu, bastimenti tal-kontejners jew bastimenti tal-passiġġieri fl-ankraġġ ikunu koperti mill-istess obbligi stipulati f’dan ir-Regolament applikabbli għall-bastimenti li jkunu rmiġġati mal-moll. L-Istat Membru għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu li timponi t-tali rekwiżit lill-Kummissjoni sena qabel l-applikazzjoni tagħha. Tali deċiżjoni trid applika mill-bidu ta’ perjodu ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tagħmel disponibbli għall-pubbliku lista aġġornata tal-portijiet ikkonċernati. Din il-lista għandha tkun faċilment aċċessibbli.

Kapitolu III

Prinċipji komuni u ċertifikazzjoni

Artikolu 7

Prinċipji komuni għall-monitoraġġ u r-rappurtar

1.   F’konformità mal-Artikoli 8, 9 u 10, għal kull bastiment tagħhom, il-kumpaniji għandhom jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar id-data rilevanti matul perjodu ta’ rappurtar. Huma għandhom iwettqu l-monitoraġġ u r-rappurtar fil-portijiet kollha fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u għal kwalunkwe vjaġġ imsemmi fl-Artikolu 2(1).

2.   Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu kompleti u għandhom ikopru l-enerġija użata abbord mill-bastimenti fil-ħinijiet kollha, kemm meta jkunu qed ibaħħru kif ukoll meta jkunu rmiġġati. Il-kumpaniji għandhom japplikaw miżuri xierqa biex jevitaw kull lakuna fid-data fil-perjodu ta’ rappurtar.

3.   Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu konsistenti u kumparabbli tul iż-żmien. Għal dak il-għan, il-kumpaniji għandhom jużaw l-istess metodoloġiji ta’ monitoraġġ u l-istess settijiet ta’ data, soġġett għal modifiki vvalutati mill-verifikatur. Il-kumpaniji għandhom jippermettu aċċertament raġonevoli tal-integrità tad-data li għandha tiġi mmonitorjata u rrappurtata.

4.   Il-kumpaniji għandhom jiksbu, janalizzaw u jaħżnu, għal mill-inqas ħames snin, id-data u d-dokumentazzjoni kollha tal-monitoraġġ, inkluż is-suppożizzjonijiet, ir-referenzi, il-fatturi ta’ emissjoni, in-noti ta’ kunsinna tal-bunker kif ikkomplementati f’konformità mal-Anness I u d-data dwar l-attivitajiet, u kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod trasparenti u preċiż, fuq karta jew f’forma elettronika, sabiex il-verifikatur ikun jista’ jiddetermina l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti.

5.   Fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u rappurtar stipulati fl-Artikoli 8, 9, 10 u 15 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jintużaw fejn xieraq l-informazzjoni u d-data miġbura għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 8

Pjan ta’ monitoraġġ

1.   Sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-kumpaniji għandhom jissottomettu lill-verifikaturi pjan ta’ monitoraġġ għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom li fih jindikaw il-metodu magħżul minn fost il-metodi stipulati fl-Anness I biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-ammont, it-tip u l-fattur ta’ emissjoni tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti u informazzjoni rilevanti oħra.

2.   Għal bastimenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Awwissu 2024, il-kumpaniji għandhom jissottomettu pjan ta’ monitoraġġ lill-verifikatur mingħajr dewmien mhux iġġustifikat u mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ewwel waqfa f’port ta’ kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

3.   Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni kompleta u trasparenti u għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni u t-tip tal-bastiment, inkluż l-isem, in-numru tal-identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tiegħu, il-port tar-reġistrazzjoni jew il-port tad-domiċilju tiegħu, u isem sid il-bastiment;

(b)

l-isem tal-kumpanija u l-indirizz, id-dettalji tat-telefown u tal-email ta’ persuna ta’ kuntatt;

(c)

deskrizzjoni tas-sistemi ta’ konverżjoni tal-enerġija installati abbord, u l-kapaċità tal-potenza relatata espressa f’megawatts (MW);

(d)

għall-bastimenti msemmija fl-Artikolu 6(4), il-punt (b), deskrizzjoni tal-istandards u l-karatteristiċi tat-tagħmir li jippermetti l-konnessjoni mal-provvista tal-enerġija mix-xatt, jew ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero;

(e)

il-valur tad-domanda totali stabbilita għall-enerġija elettrika tal-bastiment fl-irmiġġ, kif ipprovdut fil-bilanċ tat-tagħbija elettrika jew fl-istudju tat-tagħbija elettrika tiegħu li juża biex juri l-konformità mar-Regolamenti 40 u 41 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), kif approvat mill-amministrazzjoni tal-bandiera tiegħu jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta kif definit fil-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti adottat bir-riżoluzzjonijiet MEPC.237(65) u MSC.349(92). F’każ li l-bastiment ma jkunx jista’ jipprovdi dik ir-referenza, il-valur ikkunsidrat ikun 25 % tat-total tal-klassifikazzjonijiet kontinwi massimi tal-magni ewlenin tal-bastiment kif speċifikat fiċ-ċertifikat EIAPP tagħhom mogħti b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL) jew, jekk il-magni ma jkunux meħtieġa li jkollhom ċertifikat EIAPP, fuq il-pjanċa tal-isem tal-magni;

(f)

deskrizzjoni tas-sorsi intenzjonati ta’ enerġija li għandhom jintużaw abbord waqt in-navigazzjoni u mal-irmiġġ biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 6;

(g)

deskrizzjoni tal-proċeduri għall-monitoraġġ tal-konsum tal-karburant tal-bastiment, kif ukoll tal-enerġija pprovduta minn sorsi alternattivi tal-enerġija jew teknoloġija b’emissjonijiet żero;

(h)

deskrizzjoni tal-proċeduri għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-fatturi ta’ emissjoni well-to-tank u tank-to-wake tal-enerġija li għandha tintuża abbord, f’konformità mal-metodi speċifikati fl-Artikolu 10 u fl-Annessi I u II;

(i)

deskrizzjoni tal-proċeduri użati biex tiġi mmonitorjata l-kompletezza tal-lista ta’ vjaġġi;

(j)

deskrizzjoni tal-proċeduri użati biex tiġi ddeterminata d-data dwar l-attivitajiet għal kull vjaġġ, inklużi l-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġi ddeterminat u rreġistrat il-ħin imqatta’ fuq il-baħar bejn il-port tat-tluq u l-port tal-wasla, u l-ħin imqatta’ fl-irmiġġ;

(k)

deskrizzjoni tal-proċeduri, is-sistemi u r-responsabbiltajiet użati biex tiġi aġġornata kwalunkwe data inkluża fil-pjan ta’ monitoraġġ matul il-perjodu ta’ rappurtar;

(l)

deskrizzjoni tal-metodu li għandu jintuża biex tiġi ddeterminata d-data ta’ sostituzzjoni li tista’ tintuża għall-eliminazzjoni ta’ lakuni fid-data jew għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fid-data;

(m)

folja ta’ reġistrazzjoni tar-reviżjonijiet biex jiġu rreġistrati d-dettalji kollha tal-istorja tar-reviżjonijiet;

(n)

meta l-kumpanija titlob li l-enerġija addizzjonali użata minħabba l-klassi tas-silġ tal-bastiment tiġi eskluża mill-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità stipulat fl-Anness IV, informazzjoni dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment;

(o)

meta l-kumpanija titlob li l-enerġija addizzjonali użata minħabba t-tbaħħir f’kondizzjonijiet tas-silġ tiġi eskluża mill-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità stipulat fl-Anness IV, informazzjoni dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment u deskrizzjoni ta’ proċedura verifikabbli għall-monitoraġġ tad-distanza vvjaġġata għall-vjaġġ kollu kif ukoll tad-distanza vvjaġġata waqt it-tbaħħir f’kondizzjonijiet tas-silġ, id-data, il-ħin u l-pożizzjoni mad-dħul u l-ħruġ mill-kondizzjonijiet tas-silġ u l-konsum tal-karburant waqt it-tbaħħir f’kondizzjonijiet tas-silġ;

(p)

għal bastiment mgħammar bi propulsjoni assistita mir-riħ, deskrizzjoni tat-tagħmir ta’ propulsjoni bir-riħ installat abbord u l-valuri ta’ PWind u PProp kif iddefinit fl-Anness I.

4.   Il-kumpaniji għandhom jużaw pjanijiet ta’ monitoraġġ standardizzati bbażati fuq mudelli. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw dawk il-mudelli, inkluż ir-regoli tekniċi għall-applikazzjoni uniformi tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

Artikolu 9

Modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ

1.   Il-kumpaniji għandhom jiċċekkjaw regolarment, u mill-inqas kull sena, jekk il-pjan ta’ monitoraġġ ta’ bastiment jirriflettix in-natura u l-funzjonament tal-bastiment u jekk kwalunkwe data inkluża fih tistax tiġi mtejba, ikkoreġuta jew aġġornata.

2.   Il-kumpaniji għandhom jimmodifikaw il-pjan ta’ monitoraġġ mingħajr dewmien mhux iġġustifikat meta sseħħ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

bidla fil-kumpanija;

(b)

jibdew jintużaw sistemi ġodda ta’ konverżjoni tal-enerġija, tipi ġodda ta’ enerġija, sistemi ġodda għall-konnessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt, jew sorsi alternattivi ġodda tal-enerġija jew teknoloġiji b’emissjonijiet żero;

(c)

bidla fid-disponibbiltà tad-data minħabba l-użu ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir tal-kejl, metodi ta’ kampjunar jew metodi ta’ analiżi ġodda, jew inkella għal raġunijiet oħra, tista’ taffettwa l-akkuratezza tad-data miġbura;

(d)

kumpaniji, verifikaturi jew awtoritajiet kompetenti jkunu sabu li d-data li tirriżulta mill-metodu ta’ monitoraġġ applikat ma tkunx korretta;

(e)

verifikaturi jkunu identifikaw kwalunkwe parti mill-pjan ta’ monitoraġġ bħala li mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u l-kumpanija tkun meħtieġa tirrevediha mill-verifikatur skont l-Artikolu 11(1);

(f)

kumpaniji, verifikaturi jew awtoritajiet kompetenti jkunu sabu li l-metodi għall-prevenzjoni tal-lakuni fid-data u l-identifikazzjoni ta’ żbalji tad-data mhumiex adegwati biex jiżguraw l-akkuratezza, il-kompletezza u t-trasparenza tad-data.

3.   Il-kumpaniji għandhom jinnotifikaw lill-verifikaturi mingħajr dewmien mhux iġġustifikat bi kwalunkwe proposta għal modifika fil-pjan ta’ monitoraġġ.

Artikolu 10

Ċertifikazzjoni ta’ karburanti u ta’ fatturi ta’ emissjoni

1.   Fejn, kif iddefinit fid-Direttiva (UE) 2018/2001, il-bijokarburanti, il-bijogass, l-RFNBO u l-karburanti tal-karbonju riċiklat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

bijokarburanti u bijogass li ma jikkonformawx mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew li jkunu prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf għandhom jitqiesu li għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-perkors l-inqas favorevoli tal-karburanti fossili għal dak it-tip ta’ karburant;

(b)

RFNBO u karburanti tal-karbonju riċiklat li ma jikkonformawx mal-livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom jitqiesu li għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-perkors l-inqas favorevoli tal-karburanti fossili għal dak it-tip ta’ karburant.

2.   Karburanti mhux koperti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li għandhom l-istess fatturi ta’ emissjoni bħall-perkors l-inqas favorevoli tal-karburanti fossili għat-tip ta’ karburant inkwistjoni, dment li ma jkunux ġew iċċertifikati f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu, li jistabbilixxu livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u metodoloġija assoċjata biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produzzjoni ta’ dawn il-karburanti.

3.   Abbażi tan-noti ta’ kunsinna tal-bunker tal-karburant ikkomplementati f’konformità mal-Anness I għal dan ir-Regolament, il-kumpaniji għandhom jipprovdu data preċiża, kompluta u affidabbli dwar l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-karburanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament li jkunu ġew iċċertifikati skont skema li tkun rikonoxxuta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, fejn applikabbli, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti legali tal-Unjoni dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu.

4.   Il-kumpaniji ma għandhomx jiddevjaw mill-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta’ emissjoni well-to-tank stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament għall-karburanti fossili. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-kumpaniji għandhom ikunu intitolati li jiddevjaw mill-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta’ emissjoni well-to-tank stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament, dment li l-valuri reali jiġu ċċertifikati skont skema li tkun rikonoxxuta mill-Kummissjoni. Għall-bijokarburanti, il-bijogass, l-RFNBO u l-karburanti tal-karbonju riċiklat, dik iċ-ċertifikazzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti legali tal-Unjoni dwar is-swieq intern tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu.

5.   Il-kumpaniji għandhom ikunu intitolati li jiddevjaw mill-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta’ emissjoni tank-to-wake stipulati fl-Anness II, bl-eċċezzjoni tal-fatturi ta’ emissjoni tas-CO2 tank-to-wake għal karburanti fossili, dment li l-valuri reali jiġu ċċertifikati permezz ta’ ttestjar fil-laboratorju jew kejl dirett tal-emissjonijiet.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex jispeċifikaw liema standards u referenzi taċ-ċertifikazzjoni internazzjonali huma aċċettati biex jiġu ddimostrati l-fatturi ta’ emissjoni tank-to-wake reali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

Kapitolu IV

Verifika u akkreditament

Artikolu 11

Valutazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ u tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat

1.   Għal kull bastiment u f’każ ta’ bidla tal-verifikatur, il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tal-pjan ta’ monitoraġġ mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 9. Fejn il-valutazzjoni tal-verifikatur tidentifika nuqqasijiet ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, il-kumpanija kkonċernata għandha tirrevedi mingħajr dewmien mhux iġġustifikat il-pjan ta’ monitoraġġ tagħha kif meħtieġ u tissottometti l-pjan rivedut għal valutazzjoni finali mill-verifikatur qabel ma jibda l-perjodu ta’ rappurtar. Il-kumpanija kkonċernata għandha taqbel mal-verifikatur dwar il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jiġu introdotti dawk ir-reviżjonijiet. Fi kwalunkwe każ, dak il-perjodu ta’ żmien ma għandux jiskorri l-bidu tal-perjodu ta’ rappurtar.

2.   Il-modifiki fil-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 9(2), il-punti (b), (c) u (d) għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni mill-verifikatur. Wara dik il-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpanija kkonċernata dwar jekk dawk il-modifiki jkunux f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 9.

3.   Ladarba l-pjan ta’ monitoraġġ u l-pjan ta’ monitoraġġ modifikat ikunu ġew ivvalutati b’mod sodisfaċenti, il-verifikatur għandu jirreġistrahom fil-bażi tad-data FuelEU. Il-pjan ta’ monitoraġġ u l-pjan ta’ monitoraġġ modifikat għandhom ikunu aċċessibbli għall-Istat responsabbli.

Artikolu 12

Obbligi u prinċipji ġenerali għall-verifikaturi

1.   Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-kumpanija jew mill-operatur ta’ bastiment u għandu jwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak l-iskop u sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali, la l-verifikatur u lanqas xi parti minn entità ġuridika li jkun jagħmel parti minnha ma għandhom ikunu kumpanija, operatur ta’ bastiment jew sid ta’ kumpanija. Barra minn hekk, il-verifikatur ma għandux ikun proprjetà ta’ kumpanija, operatur ta’ bastiment jew sid ta’ kumpanija, u lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet ma’ kumpanija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

2.   Il-verifikatur għandu jivvaluta l-affidabbiltà, il-kredibbiltà, l-akkuratezza u l-kompletezza tad-data u tal-informazzjoni relatati mal-ammont, it-tip u l-fattur ta’ emissjoni tal-enerġija użata abbord mill-bastimenti, b’mod partikolari:

(a)

l-attribuzzjoni tal-konsum tal-karburant u l-użu ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija għall-vjaġġi u fl-irmiġġ;

(b)

id-data dwar il-konsum tal-karburant irrappurtata u l-kejl u l-kalkoli relatati;

(c)

l-għażla u l-użu tal-fatturi ta’ emissjoni;

(d)

l-użu ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt jew l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-eċċezzjonijiet irreġistrati fil-bażi tad-data FuelEU f’konformità mal-Artikolu 6(9), il-punt (a);

(e)

id-data meħtieġa skont l-Artikolu 10(3).

3.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk id-data rrappurtata tkunx koerenti b’rabta mad-data stmata li tkun ibbażata fuq id-data ta’ traċċar tal-bastiment u karatteristiċi bħall-potenza tal-magna installata;

(b)

jekk id-data rrappurtata tkunx ħielsa minn inkonsistenzi, b’mod partikolari meta jitqabblu l-volum totali tal-karburant mixtri kull sena minn kull bastiment u l-konsum aggregat tal-karburant matul il-vjaġġi;

(c)

jekk il-ġbir tad-data jkunx twettaq f’konformità mar-regoli applikabbli; u

(d)

jekk ir-reġistri rilevanti tal-bastiment ikunux kompleti u konsistenti.

Artikolu 13

Proċeduri ta’ verifika

1.   Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-proċess ta’ monitoraġġ u rappurtar billi jqabbel l-ammont, it-tip u l-fattur ta’ emissjoni rrappurtati tal-enerġija użata abbord minn bastimenti mad-data stmata abbażi tad-data ta’ traċċar tal-bastimenti u karatteristiċi bħall-potenza tal-magna installata. Fejn jinstabu diverġenzi sinifikanti, il-verifikatur għandu jwettaq analiżijiet ulterjuri.

2.   Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-passi differenti tal-kalkolu billi jirrieżamina s-sorsi tad-data u l-metodoloġiji kollha użati mill-kumpanija kkonċernata.

3.   Il-verifikatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull metodu effettiv ta’ kontroll tar-riskju applikat mill-kumpanija kkonċernata biex jitnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza assoċjati mal-akkuratezza speċifika għall-metodi ta’ monitoraġġ użati.

4.   Fuq talba tal-verifikatur, il-kumpanija kkonċernata għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tippermetti lill-verifikatur iwettaq l-attivitajiet ta’ verifika tiegħu. Fejn meħtieġ biex jiġu ddeterminati l-affidabbiltà, il-kredibbiltà, l-akkuratezza u l-kompletezza tad-data u tal-informazzjoni rappurtati, il-verifikatur għandu jwettaq kontrolli matul il-proċess ta’ verifika. F’każ ta’ dubju, il-verifikatur jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-bini tal-kumpanija jew abbord il-bastiment. Il-kumpanija għandha tippermetti lill-verifikatur jaċċessa l-bini tal-kumpanija jew il-bastiment sabiex tiffaċilita l-attivitajiet ta’ verifika.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika aktar ir-regoli għall-attivitajiet ta’ verifika msemmija f’dan ir-Regolament, mill-inqas dwar l-elementi li ġejjin: il-kompetenzi tal-verifikaturi; id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti mill-kumpaniji lill-verifikaturi; il-valutazzjoni tal-konformità tal-pjan ta’ monitoraġġ u tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat; il-valutazzjoni tar-riskju, inkluż il-kontrolli, li għandhom jitwettqu mill-verifikaturi; il-verifika tar-rapport FuelEU msemmi fl-Artikolu 15(3); il-livell ta’ materjalità; l-assigurazzjoni raġonevoli mill-verifikaturi; id-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nuqqasijiet ta’ konformità; il-kontenut tar-rapport ta’ verifika; ir-rakkomandazzjonijiet għal titjib; iż-żjarat fuq il-post; u l-komunikazzjoni bejn il-kumpaniji, il-verifikaturi, l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni. Ir-regoli speċifikati f’dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikoli 11 u 12 u f’dan l-Artikolu u fuq standards rilevanti aċċettati fil-livell internazzjonali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

Artikolu 14

Akkreditament tal-verifikaturi

1.   Il-verifikaturi għandhom jiġu akkreditati għall-attivitajiet ta’ verifika li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Sa tmiem ta’ kull sena, il-korp nazzjonali ta’ akkreditament għandu jinnotifika l-lista ta’ verifikaturi akkreditati lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni ta’ kuntatt kollha rilevanti.

2.   Fejn f’dan ir-Regolament ma jkunux stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-akkreditament tal-verifikaturi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   Il-verifikaturi għandhom dejjem ikollhom biżżejjed mezzi u persunal biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-daqs tal-flotta li għaliha jwettqu attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-verifikaturi għandhom dejjem ikollhom biżżejjed għarfien espert, b’mod partikolari fit-trasport marittimu, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti meħtieġa skont dan ir-Regolament. Huma għandhom ikunu kapaċi jassenjaw il-mezzi u l-persunal għal kull post tax-xogħol, meta u kif meħtieġ biex iwettqu l-kompiti meħtieġa skont dan ir-Regolament.

4.   Awtorità kompetenti li tidentifika n-nuqqas ta’ konformità tal-attivitajiet ta’ verifikatur fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-korp nazzjonali ta’ akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-korp nazzjonali ta’ akkreditament għandha titlob lill-korp nazzjonali ta’ akkreditament tiegħu biex iqis dik l-informazzjoni bħala parti mill-attivitajiet ta’ sorveljanza tiegħu.

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi metodi u kriterji ulterjuri ta’ akkreditament tal-verifikaturi, mill-inqas dwar l-elementi li ġejjin: it-talba għal akkreditament għall-attivitajiet ta’ verifika fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; il-valutazzjoni ta’ verifikaturi mill-korpi nazzjonali ta’ akkreditament; l-attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mill-korpi nazzjonali ta’ akkreditament biex jikkonfermaw il-kontinwazzjoni tal-akkreditament; il-miżuri amministrattivi li għandhom jiġu adottati f’każ li l-verifikatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament; u r-rekwiżiti għall-korpi nazzjonali ta’ akkreditament sabiex ikunu kompetenti biex jipprovdu l-akkreditament lill-verifikaturi għall-attivitajiet ta’ verifika fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż referenza għal standards armonizzati. Il-metodi u l-kriterji speċifikati f’dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikoli 11, 12 u 13 u fuq standards rilevanti aċċettati fil-livell internazzjonali.

Kapitolu V

Reġistrazzjoni, verifika, rappurtar u valutazzjoni tal-konformità

Artikolu 15

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, abbażi tal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 8, u wara l-valutazzjoni ta’ dak il-pjan mill-verifikatur, il-kumpaniji għandhom jimmonitorjaw u jirreġistraw għal kull bastiment li jasal fi jew jitlaq minn port tal-waqfa, u għal kull vjaġġ imsemmi fl-Artikolu 2(1), l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-port tat-tluq u l-port tal-wasla, inklużi d-data u l-ħin tat-tluq u tal-wasla u l-ħin imqatta’ fl-irmiġġ;

(b)

għal kull bastiment li għalih japplika l-Artikolu 6(1), il-konnessjoni ma’ u l-użu ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt jew l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5) kif ikkonfermat skont l-Artikolu 6(9), il-punt (a), fejn applikabbli;

(c)

l-ammont ta’ kull tip ta’ karburant ikkunsmat fl-irmiġġ u fuq il-baħar;

(d)

l-ammont ta’ elettriku kkonsenjat lill-bastiment permezz ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt;

(e)

għal kull tip ta’ karburant ikkunsmat fl-irmiġġ u fil-baħar, il-fattur ta’ emissjoni well-to-tank, il-fatturi ta’ emissjoni tank-to-wake tal-karburant maħruq u l-fatturi ta’ emissjoni tank-to-wake ta’ karburant mhux ikkalkulat assoċjati mal-konsumaturi differenti tal-karburant abbord, li jkopru l-gassijiet serra rilevanti kollha;

(f)

l-ammont ta’ kull tip ta’ sors alternattiv tal-enerġija kkunsmat fl-irmiġġ u fuq il-baħar;

(g)

informazzjoni dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment, jekk il-kumpanija titlob li l-enerġija addizzjonali użata minħabba l-klassi tas-silġ tal-bastiment tiġi eskluża mill-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità stipulat fl-Anness IV bl-użu tar-Rakkomandazzjoni 25/7 tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku (HELCOM) dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni fix-xitwa fil-Baħar Baltiku biex tiġi stabbiilta l-korrispondenza bejn il-klassijiet tas-silġ;

(h)

il-klassi tas-silġ tal-bastiment, id-data, il-ħin u l-pożizzjoni meta wieħed jidħol u joħroġ mill-kundizzjonijiet tas-silġ, l-ammont ta’ kull tip ta’ karburant ikkunsmat u d-distanza vvjaġġata waqt it-tbaħħir f’kundizzjonijiet tas-silġ kif ukoll id-distanza totali vvjaġġata għall-vjaġġi kollha matul il-perjodu ta’ rapportar jekk il-kumpanija titlob li teskludi l-enerġija addizzjonali użata minħabba t-tbaħħir f’kundizzjonijiet tas-silġ mill-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità stipulat fl-Anness IV.

2.   Il-kumpaniji għandhom jirreġistraw l-informazzjoni u d-data elenkati fil-paragrafu 1 fil-ħin u b’mod trasparenti u jikkompilawhom fuq bażi annwali b’tali mod li jippermettu lill-verifikatur jivverifika l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   Sal-31 ta’ Jannar tal-perjodu ta’ verifika, il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-verifikatur rapport speċifiku għall-bastiment (ir-“rapport FuelEU”) li jkun fih l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u d-data ta’ monitoraġġ u d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4) għall-perjodu ta’ rappurtar.

4.   F’każ ta’ trasferiment ta’ bastiment minn kumpanija għal oħra:

(a)

il-kumpanija li tittrasferixxi għandha tinnotifika lill-verifikatur bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għaż-żmien li matulu kienet assumiet ir-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment;

(b)

kemm jista’ jkun prattiku qrib il-jum ta’ tlestija tat-trasferiment u mhux aktar tard minn xahar wara dan, l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tiġi verifikata u rreġistrata fil-bażi tad-data FuelEU f’konformità mal-Artikolu 16 mill-verifikatur li wettaq attivitajiet ta’ verifika għall-bastiment taħt il-kumpanija li tittrasferixxi; u

(c)

mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b), il-kumpanija li għandha tassumi r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment fil-31 ta’ Diċembru tal-perjodu ta’ rappurtar għandha tkun responsabbli għall-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikoli 4 u 6 għall-perjodu kollu ta’ rappurtar li matulu jkun sar it-trasferiment jew it-trasferimenti multipli.

Artikolu 16

Verifika u kalkolu

1.   Wara l-verifika kif stipulat fl-Artikoli 11, 12 u 13, il-verifikatur għandu jivvaluta l-kwalità, il-kompletezza u l-akkuratezza tar-rapport FuelEU. Għal dak il-għan, il-verifikatur għandu juża kwalunkwe informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data FuelEU, inkluż l-informazzjoni pprovduta dwar waqfiet f’port f’konformità mal-Artikolu 6.

2.   Fejn il-valutazzjoni tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1 tikkonkludi, b’assigurazzjoni raġonevoli mill-verifikatur, li r-rapport FuelEU jkun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti jew nuqqasijiet ta’ konformità materjali, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpanija kkonċernata b’rapport ta’ verifika li jindika li r-rapport FuelEU jikkonforma ma’ dan ir-Regolament. Ir-rapport ta’ verifika għandu jispeċifika l-kwistjonijiet kollha rilevanti għall-ħidma mwettqa mill-verifikatur.

3.   Fejn il-valutazzjoni tal-verifika tidentifika dikjarazzjonijiet skorretti jew nuqqasijiet ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, il-verifikatur għandu jinforma lill-kumpanija kkonċernata dwar dan f’waqtu. Il-kumpanija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tikkoreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta’ konformità sabiex tippermetti li jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ verifika fil-ħin u għandha tippreżenta lill-verifikatur rapport FuelEU emendat u kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex tikkoreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew n-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati. Fir-rapport ta’ verifika tiegħu, il-verifikatur għandu jindika jekk ir-rapport FuelEU emendat jikkonformax ma’ dan ir-Regolament. Fejn id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta’ konformità kkomunikati ma jkunux ġew ikkoreġuti u dawn iwasslu għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpanija b’rapport ta’ verifika li jindika li r-rapport FuelEU ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

4.   Abbażi tar-rapport FuelEU li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, il-verifikatur għandu jikkalkula:

(a)

bl-użu tal-metodu speċifikat fl-Anness I, l-intensità medja annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord mill-bastiment ikkonċernat;

(b)

bl-użu tal-formula speċifikata fil-Parti A tal-Anness IV, il-bilanċ ta’ konformità tal-bastiment;

(c)

l-għadd ta’ waqfiet f’port mhux konformi fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti inkluż il-ħin imqatta’ rmiġġat mal-moll u, fejn applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 6(9), fl-ankraġġ, għal kull waqfa f’port tal-bastiment mhux konformi mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 6;

(d)

l-ammont ta’ enerġija annwali użata abbord minn bastiment, eskluż il-provvista tal-elettriku mix-xatt;

(e)

l-ammont ta’ enerġija annwali użata abbord minn bastiment mill-RFNBO.

5.   Sal-31 ta’ Marzu tal-perjodu ta’ verifika, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpanija bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u jirreġistra fil-bażi tad-data FuelEU r-rapport FuelEU konformi ma’ dan ir-Regolament, ir-rapport ta’ verifika u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-informazzjoni kollha rreġistrata fil-bażi tad-data FuelEU għandha tkun aċċessibbli għall-Istat amministrattiv.

Artikolu 17

Kontrolli addizzjonali minn awtorità kompetenti

1.   Fi kwalunkwe ħin, l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv fir-rigward ta’ kumpanija tista’, għal kwalunkwe wieħed mill-bastimenti tagħha, fir-rigward taż-żewġ perjodi ta’ rapportar preċedenti, twettaq kontrolli addizzjonali ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-rapport FuelEU li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament stabbilit f’konformità mal-Artikoli 15 u 16;

(b)

ir-rapport ta’ verifika stabbilit f’konformità mal-Artikolu 16;

(c)

il-kalkoli magħmula mill-verifikatur f’konformità mal-Artikolu 16(4).

2.   Fuq talba tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, il-kumpanija għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti meħtieġa li jippermettu lill-awtorità kompetenti twettaq kontrolli addizzjonali u għandha tippermetti aċċess għall-bini tal-kumpanija jew għall-bastiment biex tiffaċilita tali kontrolli addizzjonali.

3.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha toħroġ rapport ta’ kontrolli addizzjonali li jinkludi, fejn applikabbli, il-kalkoli aġġornati magħmula fl-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1), il-punt (c), l-ammont aġġornat tas-surplus ta’ konformità jew tal-antiċipu tas-surplus ta’ konformità u l-ammont aġġornat tal-penali FuelEU.

4.   Meta r-rapport ta’ kontrolli addizzjonali msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nuqqasijiet ta’ konformità jew kalkoli ħżiena li jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 jew 6 u, konsegwentement, f’penali FuelEU jew modifika tal-ammont ta’ penali FuelEU diġà mħallas, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinnotifika lill-kumpanija kkonċernata bl-ammont korrispondenti tal-penali FuelEU jew tal-penali FuelEU modifikata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija responsabbli għall-bastiment matul il-perjodu soġġett għall-kontrolli addizzjonali għandha tħallas ammont ugwali għall-penali FuelEU jew il-penali FuelEU modifikata fi żmien xahar wara n-notifika tagħha, f’konformità mal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 23.

5.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tneħħi mingħajr dewmien mill-bażi tad-data FuelEU d-dokument tal-konformità FuelEU ta’ bastiment li fir-rigward tiegħu l-kumpanija tiegħu ma tkunx ħallset fil-ħin il-penali FuelEU msemmija fil-paragrafu 4 u għandha tinnotifika fil-ħin dik it-tneħħija lill-kumpanija kkonċernata. Hija għandha toħroġ mill-ġdid id-dokument tal-konformità FuelEU rilevanti biss meta jkun tħallas ammont ugwali għall-penali FuelEU, dment li l-kondizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament għaż-żamma tad-dokument tal-konformità FuelEU ikunu ssodisfati mill-kumpanija.

6.   Il-paragrafu 5 ma għandux japplika għal bastiment li jkun ġie trasferit lil kumpanija oħra ħlief il-kumpanija li tkun assumiet ir-responsabbiltà għat-tħaddim tiegħu matul il-perjodu soġġett għall-kontrolli addizzjonali.

7.   L-azzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, ir-rapport ta’ kontrolli addizzjonali msemmi fil-paragrafu 3 u l-prova tal-pagamenti tal-penali FuelEU għandhom jiġu rreġistrati mingħajr dewmien fil-bażi tad-data FuelEU mill-entitajiet li wettqu dawk l-azzjonijiet jew għamlu dak ir-rapport jew pagament.

Artikolu 18

Għodod ta’ appoġġ u gwida

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa għodod ta’ monitoraġġ xierqa, kif ukoll għodod ta’ gwida u ta’ mmirar ibbażat fuq ir-riskju, biex tiffaċilita u tikkoordina l-attivitajiet ta’ verifika u ta’ infurzar relatati ma’ dan ir-Regolament. Sa fejn ikun prattikabbli, tali gwida u għodod għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri, il-verifikaturi u l-korpi nazzjonali ta’ akkreditament għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u sabiex jiġi żgurat aħjar l-infurzar robust ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Bażi tad-data FuelEU u rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, tiżgura l-funzjonament ta’ u taġġorna bażi tad-data elettronika għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament (il-“bażi tad-data FuelEU”). Il-bażi tad-data FuelEU għandha tintuża biex jinżamm rekord ta’ azzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ verifika, tal-bilanċ ta’ konformità tal-bastimenti, inkluż l-użu tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21, tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(5), ta’ azzjonijiet relatati mal-ħlas tal-penali FuelEU imposti skont l-Artikolu 23 u tal-ħruġ tad-dokument tal-konformità FuelEU. Hija għandha tkun aċċessibbli għall-kumpaniji, il-verifikaturi, l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe entità debitament awtorizzata, il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u l-Kummissjoni, bi drittijiet ta’ aċċess u funzjonalitajiet xierqa li jikkorrispondu għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Kwalunkwe element reġistrat jew modifikat fil-bażi tad-data FuelEU għandu jiġi nnotifikat lill-entitajiet li għalihom ikun aċċessibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli għad-drittijiet ta’ aċċess u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, inkluż regoli ta’ notifika u filtraġġ, tal-bażi tad-data FuelEU. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(3).

Artikolu 20

L-ibbankjar u t-teħid b’self tas-surplus ta’ konformità bejn il-perjodi ta’ rappurtar

1.   Abbażi tal-kalkoli mwettqa f’konformità mal-Artikolu 16(4), meta l-bastiment ikollu, għall-perjodu ta’ rapportar, surplus ta’ konformità fuq l-intensità tal-gassijiet serra tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) jew, jekk applikabbli, fuq is-submira RFNBO kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), il-kumpanija tista’ tibbankjah għall-bilanċ ta’ konformità tal-istess bastiment għall-perjodu ta’ rapportar ta’ wara. Il-kumpanija għandha tirreġistra l-ibbankjar tas-surplus ta’ konformità għall-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti fil-bażi tad-data FuelEU, soġġett għall-approvazzjoni mill-verifikatur tagħha. Il-kumpanija ma tistax tibqa’ tibbankja s-surplus ta’ konformità ladarba jkun inħareġ id-dokument tal-konformità FuelEU.

2.   Abbażi tal-kalkolu li jkun sar f’konformità mal-Artikolu 16(4), meta l-bastiment ikollu, għall-perjodu ta’ rapportar, defiċit ta’ konformità, il-kumpanija tista’ tissellef antiċipu tas-surplus ta’ konformità tal-ammont korrispondenti mill-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti. L-antiċipu tas-surplus ta’ konformità għandu jiżdied mal-bilanċ ta’ konformità tal-bastiment fil-perjodu ta’ rappurtar u l-antiċipu tas-surplus ta’ konformità multiplikat b’1,1 għandu jitnaqqas mill-bilanċ ta’ konformità tal-istess bastiment fil-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti. L-antiċipu tas-surplus ta’ konformità ma jistax jittieħed b’self:

(a)

għal ammont li jaqbeż b’aktar minn 2 % il-limitu stipulat fl-Artikolu 4(2), immultiplikat bil-konsum tal-enerġija tal-bastiment ikkalkulat f’konformità mal-Anness I;

(b)

għal żewġ perjodi ta’ rappurtar konsekuttivi.

3.   Sat-30 ta’ April tal-perjodu ta’ verifika, il-kumpanija għandha tirreġistra l-antiċipu tas-surplus ta’ konformità, wara approvazzjoni mill-verifikatur tagħha, fil-bażi tad-data FuelEU.

4.   Meta bastiment ma jkollu l-ebda waqfa f’port fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar u jkun issellef antiċipu tas-surplus ta’ konformità fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv għandha tinnotifika sal-1 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika lill-kumpanija kkonċernata bl-ammont tal-penali FuelEU kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) li inizjalment ikun evitat permezz tas-self ta’ dak l-antiċipu tas-surplus ta’ konformità, multiplikat b’1,1.

Artikolu 21

Akkomunament tal-konformità

1.   Il-bilanċi ta’ konformità għall-intensità tal-gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 4(2) u, jekk applikabbli, is-submira tal-RFNBO kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ żewġ bastimenti jew aktar, kif ikkalkolati f’konformità mal-Artikolu 16(4), jistgħu jinġabru flimkien għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 u jekk applikabbli, fl-Artikolu 5(3). Il-bilanċ ta’ konformità ta’ bastiment ma jistax jiġi inkluż f’aktar minn akkomunament wieħed fl-istess perjodu ta’ rappurtar.

Jistgħu jintużaw żewġ akkomunamenti separati għall-mira tal-intensità tal-gassijiet serra u għas-submira għall-RFNBO.

2.   Il-kumpanija għandha tirreġistra lill-bażi tad-data FuelEU l-intenzjoni tagħha li tinkludi l-bilanċ ta’ konformità tal-bastiment f’akkomunament, l-allokazzjoni tal-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament għal kull bastiment individwali u l-għażla tal-verifikatur magħżul għall-verifika ta’ dik l-allokazzjoni.

3.   Meta l-bastimenti li jipparteċipaw fl-akkomunament ikunu kkontrollati minn żewġ kumpaniji jew aktar, id-dettalji tal-akkomunament rreġistrati fil-bażi tad-data FuelEU, inkluż l-allokazzjoni tal-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament lill-bastimenti tal-akkomunament u l-għażla tal-verifikatur magħżul għall-verifika tal-allokazzjoni tal-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament għal kull bastiment individwali, għandha tiġi vvalidati fil-bażi tad-data FuelEU mill-kumpaniji kollha kkonċernati fl-akkomunament.

4.   Akkomunament ikun validu biss jekk il-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament ikun pożittiv, jekk il-bastimenti li kellhom defiċit ta’ konformità kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 16(4) ma jkollhomx defiċit ta’ konformità ogħla wara l-allokazzjoni tal-akkomunament tal-konformità u jekk il-bastimenti li kellhom surplus ta’ konformità kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 16(4) ma jkollhomx defiċit ta’ konformità wara l-allokazzjoni tal-akkomunament tal-konformità.

5.   Bastiment ma għandux jiġi inkluż f’akkomunament jekk ma jikkonformax mal-obbligu stipulat fl-Artikolu 24.

6.   Jekk il-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament jirriżulta f’surplus ta’ konformità għal bastiment individwali, għandu japplika l-Artikolu 20(1).

7.   L-Artikolu 20(2) ma għandux japplika għal bastiment li jipparteċipa fl-akkomunament.

8.   Sat-30 ta’ April tal-perjodu ta’ verifika, il-verifikatur magħżul għandu jirreġistra fil-bażi tad-data FuelEU l-kompożizzjoni definittiva tal-akkomunament u l-allokazzjoni tal-bilanċ totali ta’ konformità tal-akkomunament għal kull bastiment individwali.

Artikolu 22

Dokument tal-konformità FuelEU

1.   Sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika, il-verifikatur għandu joħroġ dokument tal-konformità FuelEU għall-bastiment ikkonċernat, dment li l-bastiment ma jkollux defiċit ta’ konformità wara l-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 20 u 21, ma jkollux waqfiet mhux konformi f’port u jikkonforma mal-obbligu stipulati fl-Artikolu 24.

2.   Meta jkunu dovuti penali FuelEU imsemmija fl-Artikolu 23(2) jew 23(5), l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv għandha, sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika, toħroġ dokument tal-konformità FuelEU għall-bastiment ikkonċernat, dment li jkun tħallas ammont ugwali għall-penali FuelEU.

3.   Id-dokument tal-konformità FuelEU għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru tal-identifikazzjoni tal-IMO u l-port tar-reġistrazzjoni jew il-port tad-domiċilju);

(b)

l-isem, l-indirizz u l-post ewlieni tan-negozju ta’ sid il-bastiment;

(c)

l-identità tal-verifikatur;

(d)

id-data tal-ħruġ ta’ dak id-dokument, il-perjodu ta’ validità tiegħu u l-perjodu ta’ rappurtar li jirreferi għalih.

4.   Id-dokument tal-konformità FuelEU għandu jkun validu għal perjodu ta’ 18-il xahar wara tmiem il-perjodu ta’ rappurtar, jew sakemm jinħareġ dokument tal-konformità FuelEU ġdid, skont liema sseħħ l-ewwel.

5.   Il-verifikatur jew, fejn applikabbli l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv għandhom jirreġistraw mingħajr dewmien, fil-bażi tad-data FuelEU, id- dokument tal-konformità FuelEU maħruġ.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli għad-dokument tal-konformità FuelEU, inkluż mudelli elettroniċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 23

Penali FuelEU

1.   Qabel l-1 ta’ Mejju tal-perjodu ta’ verifika, abbażi tal-kalkoli mwettqa skont l-Artikolu 16(4) u wara l-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 20 u 21, il-verifikatur għandu jirreġistra fil-bażi tad-data FuelEU l-bilanċi ta’ konformità vverifikati tal-bastiment għall-intensità tal-gassijiet serra kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u, jekk applikabbli, għas-submira għall-RFNBO kif imsemmi fl-Artikolu 5(3).

Jekk bastiment ikollu defiċit ta’ konformità għas-submira tal-RFNBO kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), il-penali FuelEU għandha tiġi kkalkulata f’konformità mal-formula speċifikata fil-Parti B tal-Anness IV.

2.   L-Istat amministrattiv fir-rigward ta’ kumpanija għandu jiżgura li, għal kwalunkwe wieħed mill-bastimenti tagħha li jkollu defiċit ta’ konformità għall-intensità tal-gassijiet serra kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) jew, jekk applikabbli, għas-submira għall-RFNBO kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) fl-1 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika, wara validazzjoni possibbli mill-awtorità kompetenti tiegħu, il-kumpanija għandha tħallas sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika ammont ugwali għall-penali FuelEU li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formuli speċifikati fil-Parti B tal-Anness IV. Jekk bastiment ikollu defiċit ta’ konformità għal żewġ perjodi ta’ rapportar konsekuttivi jew aktar, dak l-ammont għandu jiġi mmultiplikat b’1 + (n -1)/10, fejn n huwa l-għadd ta’ perjodi ta’ rapportar konsekuttivi li għalihom il-kumpanija hija soġġetta għal penali FuelEU għal dak il-bastiment.

3.   L-Istat amministrattiv fir-rigward ta’ kumpanija għandu jiżgura li, għal kwalunkwe wieħed mill-bastimenti tagħha li jkun fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(4), il-kumpanija tħallas sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika ammont ugwali għall-penali FuelUE notifikata skont dak il-paragrafu.

4.   Qabel l-1 ta’ Mejju tal-perjodu ta’ verifika, fejn applikabbli abbażi tal-kalkoli mwettqa f’konformità mal-Artikolu 16(4), il-verifikatur għandu jirreġistra fil-bażi tad-data FuelEU l-għadd totali ta’ sigħat li l-bastiment ikun qatta’ rmiġġat mal-moll f’nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6.

5.   L-Istat amministrattiv fir-rigward ta’ kumpanija għandu jiżgura li għal kwalunkwe wieħed mill-bastimenti tagħha li jkun għamel mill-inqas waqfa waħda f’port mhux konformi, wara validazzjoni possibbli mill-awtorità kompetenti tiegħu, il-kumpanija għandha tħallas sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ verifika ammont ugwali għall-penali tal-FuelEU li tirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ EUR 1,5 bit-total stabbilit tad-domanda għall-enerġija elettrika tal-bastiment fl-irmiġġ u bl-għadd total ta’ sigħat aġġustati sal-eqreb siegħa sħiħa, li l-bastiment idum irmiġġat f’nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6.

6.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-qafas legali u amministrattiv meħtieġ stabbilit fil-livell nazzjonali biex jiżguraw l-issodisfar tal-obbligi dwar l-impożizzjoni, il-ħlas u l-ġbir tal-penali ta’ FuelEU.

7.   L-azzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, kif ukoll il-prova tal- ħlasijiet tal-penali ta’ FuelEU għandhom jiġu rreġistrati mingħajr dewmien fil-bażi tad-data ta’ FuelEU mill-entitajiet li jwettqu dawk l-azzjonijiet jew għamlu dak il-pagament.

8.   Il-kumpanija għandha tibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-penali ta’ FuelEU, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-kumpanija tikkonkludi ftehimiet kuntrattwali mal-operaturi kummerċjali tal-bastiment li jipprevedu r-responsabbiltà tal-operaturi kummerċjali li jirrimborżaw lill-kumpanija għall-ħlas tal-penali ta’ FuelEU, meta r-responsabbiltà għax-xiri tal-karburant jew it-tħaddim tal-bastiment tkun assunta mill-operatur kummerċjali. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-tħaddim tal-bastiment għandu jfisser id-determinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr, ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment.

9.   Il-kumpanija għandha tibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-penali ta’ FuelEU, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-kumpanija li tikkonkludi ftehimiet kuntrattwali ma’ fornituri tal-karburant li jipprevedu r-responsabbiltà tal-fornituri tal-karburant li jirrimborżaw lill-kumpanija għall-ħlas tal-penali ta’ FuelEU.

10.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 biex temenda l-Anness IV sabiex tadatta l-fattur indikat fiċ-ċellola 7 u, fejn applikabbli, fiċ-ċellola 14 tat-tabella fil-Parti B ta’ dak l-Anness u użat fil-formula msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, abbażi tal-iżviluppi fil-kost tal-enerġija, u biex temenda l-fattur ta’ multiplikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, abbażi tal-indiċjar tal-kost medju tal-elettriku fl-Unjoni.

11.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiżguraw li d-dħul iġġenerat mill-penali ta’ FuelEU, jew il-valur finanzjarju ekwivalenti tiegħu, jintuża biex jappoġġa l-iskjerament u l-użu rapidu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur marittimu, billi jistimulaw il-produzzjoni ta’ kwantitajiet akbar ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għas-settur marittimu, jiffaċilitaw il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet xierqa ta’ bunkering jew infrastruttura tal-provvista tal-elettriku mix-xatt xierqa fil-portijiet, u jappoġġaw l-iżvilupp, l-ittestjar u l-introduzzjoni tal-aktar teknoloġiji innovattivi fil-flotta biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet.

Sat-30 ta’ Ġunju 2030, u kull ħames snin minn hemm’ il quddiem, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw rapport dwar l-użu tad-dħul iġġenerat mill-penali ta’ Fuel EU matul il-perjodu ta’ ħames snin qabel is-sena ta’ kull rapport bħal dan, inkluż informazzjoni dwar il-benefiċjarji u l-livell ta’ nfiq li jikkonċerna l-objettivi elenkati fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 24

Obbligu li jinżamm dokument tal-konformità FuelEU validu

1.   Sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu ta’ verifika, il-bastimenti li jidħlu f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, li jaslu f’port, jidħlu fih jew jitilqu minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, jew li jkunu wettqu vjaġġi matul dak il-perjodu ta’ rappurtar korrispondenti, għandu jkollhom dokument tal-konformità FuelEU validu.

2.   Id-dokument tal-konformità FuelEU maħruġ għall-bastiment ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 22 għandu jikkostitwixxi evidenza ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe spezzjoni ta’ bastiment f’port taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu mwettqa f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tinkludi l-iċċekkjar li l-bastiment għandu dokument tal-konformità FuelEU validu.

3.   Meta bastiment ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 24 għal żewġ perjodi ta’ rappurtar konsekuttivi jew aktar, u meta miżuri ta’ infurzar oħra ma jkunux żguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa tista’ toħroġ ordni ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ bastiment li ma jtajjarx il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru u wara li tagħti l-opportunità lill-kumpanija kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa tiddeċiedi li toħroġ ordni ta’ tkeċċija, din għandha tinnotifika dik l-ordni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat permezz tal-bażi tad-data FuelEU. Kull Stat Membru, għajr l-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastiment li jkun soġġett għall-ordni ta’ tkeċċija fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sakemm il-kumpanija tissodisfa l-obbligi tagħha. Meta bastiment jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 24 għal żewġ perjodi ta’ rappurtar konsekuttivi jew aktar u jidħol f’port tal-Istat Membru li tiegħu jtajjar il-bandiera, l-Istat Membru kkonċernat għandu, filwaqt li dak il-bastiment ikun f’wieħed mill-portijiet tiegħu, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija kkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, jordna detenzjoni tal-bandiera sakemm il-kumpanija tissodisfa l-obbligi tagħha.

4.   Il-kumpanija kkonċernata għandha tikkonferma l-konformità mal-obbligu li jkollha dokument tal-konformità FuelEU validu billi tinnotifika dokument tal-konformità FuelEU validu lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ħarġet l-ordni ta’ tkeċċija. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali applikabbli f’każ ta’ bastimenti f’diffikultà.

5.   Sanzjonijiet fil-konfront ta’ bastiment speċifiku minn kwalunkwe Stat Membru għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat permezz tal-bażi tad-data FuelEU.

Artikolu 26

Dritt ta’ rieżami

1.   Il-kumpaniji għandhom ikunu intitolati japplikaw għal rieżami tal-kalkoli u l-miżuri indirizzati lilhom mill-verifikatur skont dan ir-Regolament, inkluż ir-rifjut li jinħareġ dokument tal-konformità FuelEU skont l-Artikolu 22(1).

L-applikazzjoni għal rieżami għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun akkreditat fi żmien xahar min-notifika tar-riżultat tal-kalkolu jew tal-miżura mill-verifikatur.

2.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn qorti tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti.

Artikolu 27

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament (“awtoritajiet kompetenti”) u tikkomunika isimhom u l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-awtoritajiet kompetenti.

Kapitolu VI

Setgħat ta’ delega u ta’ implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 28

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 4(4), 5(7), 6(6), 14(5) u 23(10) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-12 ta’ Ottubru 2023.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 4(4), 5(7), 6(6), 14(5) u 23(10) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(4), 5(7), 6(6), 14(5) u 23(10) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 29

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

Rapporti u rieżami

1.   Sat-23 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-interazzjoni u l-konverġenza bejn dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2015/757 jew kwalunkwe att legali settorjali ieħor. Fejn xieraq, dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027, u kull ħames snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-impatti possibbli tad-distorsjonijiet tas-suq jew tal-evażjoni tal-portijiet; fir-rigward tal-evoluzzjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero fit-trasport marittimu u s-suq tagħhom, kif ukoll l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq għall-karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u għall-provvista tal-elettriku mix-xatt, inkluż fl-ankraġġ; fir-rigward tal-użu tad-dħul iġġenerat mill-penali FuelEU; u fir-rigward tal-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetittività tas-settur marittimu fl-Unjoni.

F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis, fost l-oħrajn:

(a)

il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tat-tnaqqis tal-livell limitu ta’ tunnellaġġ gross imsemmi fl-Artikolu 2(1) jew l-espansjoni tas-sehem ta’ enerġija użata minn bastimenti fi vjaġġi lejn u minn pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (d);

(b)

il-limitu msemmi fl-Artikolu 4(2), bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119;

(c)

it-tipi ta’ bastimenti u d-daqs li għalihom japplika l-Artikolu 6(1) u estensjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(1) għall-bastimenti fl-ankraġġ;

(d)

l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5);

(e)

l-għadd tal-elettriku mwassal permezz tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fl-Anness I u l-fattur ta’ emissjoni well-to-tank assoċjat ma’ dak l-elettriku definit fl-Anness II;

(f)

il-possibbiltà li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu inklużi mekkaniżmi ddedikati għall-aktar teknoloġiji tal-karburanti sostenibbli u innovattivi b’potenzjal sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni, sabiex jinħoloq qafas legali ċar u prevedibbli u jitħeġġu l-iżvilupp tas-suq u l-introduzzjoni ta’ tali teknoloġiji tal-karburanti;

(g)

il-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità għall-bastimenti li jitolbu li tiġi eskluża l-enerġija addizzjonali użata minħabba tbaħħir f’kundizzjonijiet ta’ silġ stabbiliti fl-Annessi IV u V, u l-estensjoni possibbli tal-validità ta’ dawk id-dispożizzjonijiet wara l-31 ta’ Diċembru 2034;

(h)

il-possibbiltà li l-enerġija pprovduta mir-riħ tiġi inkluża fil-kalkolu tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord stabbilita fl-Anness I, soġġett għad-disponibbiltà ta’ metodu verifikabbli għall-monitoraġġ u l-kontabbiltà tal-enerġija tal-propulsjoni mir-riħ;

(i)

il-possibbiltà li jiġu inklużi teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, bħall-qbid tal-karbonju abbord, fil-kalkolu tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord u tal-bilanċ tal-konformità kif stabbilit fl-Annessi I u IV rispettivament, soġġett għad-disponibbiltà ta’ metodu verifikabbli għall-monitoraġġ u l-kontabbiltà tal-karbonju maqbud;

(j)

il-possibbiltà li jiġu inklużi elementi addizzjonali f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-emissjonijiet tal-karbonju iswed;

(k)

il-ħtieġa ta’ miżuri biex jiġu indirizzati tentattivi minn kumpaniji biex jevadu r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, jekk ikun xieraq, jekk għandhiex takkumpanja dak ir-rapport bi proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport previst fil-paragrafu 2 evalwazzjoni tal-impatti soċjali ta’ dan ir-Regolament fis-settur marittimu, inkluż fuq il-forza tax-xogħol tiegħu.

4.   Fit-tħejjija tar-rapport tagħha msemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-punt sa fejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament laħqet l-objettivi tiegħu u sa liema punt din kellha impatt fuq il-kompetittività tas-settur marittimu. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni u tidentifika kwalunkwe dispożizzjoni li tista’ tiġi aġġornata u ssimplifikata, kif ukoll l-azzjonijiet u l-miżuri li ttieħdu jew li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-kostijiet totali fuq is-settur marittimu. Bħala parti mill-analiżi tal-Kummissjoni tal-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament, ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-piż li dan ir-Regolament jimponi fuq in-negozji.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, jekk ikun xieraq, jekk għandhiex takkumpanja dak ir-rapport bi proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament, fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu.

5.   Fil-każ tal-adozzjoni mill-IMO ta’ standard globali dwar il-gassijiet serra tal-karburanti jew limiti globali tal-intensità tal-gassijiet serra għall-enerġija użata abbord mill-bastimenti, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina dik il-miżura globali fir-rigward tal-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-integrità ambjentali ġenerali tiegħu. Għandha teżamina wkoll kwalunkwe kwistjoni relatata mal-artikolazzjoni jew l-allinjament possibbli ta’ dan ir-Regolament ma’ dik il-miżura globali, inkluż il-ħtieġa li tiġi evitata d-dupplikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell internazzjonali.

Fejn xieraq, dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b’mod konsistenti mal-impenji tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha, u bil-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tat-trasport marittimu, b’mod partikolari biex tidentifika mġiba evażiva sabiex tipprevjeni tali mġiba fi stadju bikri, u inkluż fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jiġu riflessi fir-rapport li għandu jsir kull sentejn imsemmi fl-Artikolu 3gg(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 31

Emenda għad-Direttiva 2009/16/KE

Il-punt li ġej għandu jiżdied mal-lista stabbilita fl-Anness IV għad-Direttiva 2009/16/KE:

“51.

Id-dokument ta’ konformità ta’ FuelEU maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 8 u 9, li għandhom japplikaw mill-31 ta’ Awwissu 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Settembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. M. ALBARES BUENO


(1)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 145.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 2023.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Addamo, A., Calvo Santos, A., Guillén, J., et al., The EU blue economy report 2022, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2771/793264.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(5)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ karburanti alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 tal-20 ta’ April 2015 li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (ĠU L 107, 25.4.2015, p. 26).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-Komunità u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(18)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(19)  Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132).

(20)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(21)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).

(24)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).


ANNESS I

Metodoloġija għall-istabbiliment tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord minn bastiment, għandha tapplika l-formula li ġejja, imsejħa l-Ekwazzjoni (1):

Formula

) Ekwazzjoni (1)

WtT

Formula

TtW

Formula

fwind

Fattur ta’ premju għall-propulsjoni assistita mir-riħ

Għall-finijiet tal-Ekwazzjoni (1), it-termini u n-notazzjonijiet differenti użati huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:

Terminu

Spjegazzjoni

i

Indiċi li jikkorrispondi għat-tipi ta’ karburanti ikkonsenjati lill-bastiment fil-perjodu ta’ rappurtar

j

Indiċi li jikkorrispondi għall-unitajiet tal-konsum tal-karburant abbord il-bastiment. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-unitajiet tal-konsum tal-karburant meqjusa huma l-magna ewlenija/magni ewlenin, il-magna awżiljarja/magni awżiljarji, il-bojlers, iċ-ċelloli tal-karburant u l-inċineraturi tal-iskart

k

Indiċi li jikkorrispondi għall-punti ta’ konnessjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt

n

Għadd totali ta’ tipi ta’ karburant ikkonsenjati lill-bastiment fil-perjodu ta’ rappurtar

c

Għadd totali ta’ punti ta’ konnessjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt

m

Għadd totali ta’ unitajiet tal-konsum tal-karburant

Mi,j

Massa tal-karburant i kkunsmata minn kull unità tal-konsum tal-karburant j [gFuel]

Ek

Elettriku kkonsenjat lill-bastiment għal kull punt ta’ konnessjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt k [MJ]

CO2eqWtT,i

Fattur tal-emissjoni tal-gassijiet serra WtT tal-karburant i [gCO2eq/MJ]

Formula

Fattur tal-emissjoni tal-gassijiet serra WtT assoċjat mal-elettriku kkonsenjat lill-bastiment fl-irmiġġ għal kull punt ta’ konnessjoni tal-provvista tal-enerġija mix-xatt k [gCO2eq/MJ]

LCVi

Valur kalorifiku aktar baxx tal-karburant i [MJ/gFuel]

RWDi

Fejn il-karburant huwa ta’ oriġini mhux bijoloġika, jista’ jiġi applikat fattur ta’ premju ta’ 2 mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2033. Inkella RWDi = 1.

Cslipj

Koeffiċjent ta’ karburant mhux maħruq bħala perċentwal tal-massa tal-karburant i kkunsmat mill-unità tal-konsum tal-karburant j [%]. Cslip tinkludi emissjonijiet aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati.

Formula

Formula

Fatturi tal-emissjoni tal-gassijiet serra TtW mill-karburant maħruq i f’unitajiet tal-konsum tal-karburant j [gGHG/gFuel]

CO2eq,TtWi,j

TtW CO2 emissjonijiet ekwivalenti ta’ karburant maħruq i f’unità tal-konsum tal-karburant j [gCO2eq/gFuel]

Formula

Ekwazzjoni (2)

Formula

Formula

Fatturi tal-emissjoni tal-gassijiet serra TtW mill-karburant mhux ikkalkulat i fir-rigward ta’ unitajiet tal-konsum tal-karburant j [gGHG/gFuel]

CO2eq,TtWslipi,j

TtW CO2 emissjonijiet ekwivalenti ta’ karburant mhux ikkalkulat i f’unità tal-konsum tal-karburant j [gCO2eq/gFuel]

Formula

Fejn: Csf CO2, u Csf N2O, = 0.

CsfCH4j = 1.

Formula

Formula

Il-Potenzjal tat-Tisħin Globali ta’ CO2, CH4, N2O fuq 100 sena, li huwa definit fid-Direttiva (UE) 2018/2001, il-paragrafu 4 tal-Parti C tal-Anness V

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu

Formula
fin-numeratur tal-Ekwazzjoni (1) għandu jiġi stabbilit għal żero.

Metodu għad-determinazzjoni ta’ [Mi]

Il-massa tal-karburant [Mi] għandha tiġi ddeterminata bl-użu tal-ammont irrappurtat skont il-qafas tar-rappurtar tar-Regolament (UE) 2015/757 għall-vjaġġi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ magħżula mill-kumpanija.

Metodu għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ emissjoni tal-gassijiet serra WtT

L-emissjonijiet WtT huma ddeterminati abbażi tal-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness kif previst fl-Ekwazzjoni (1).

Il-valuri prestabbiliti tal-fatturi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra WtT (CO2eqWtT,i) jinsabu fl-Anness II.

Fil-każ tal-karburanti fossili, għandhom jintużaw biss il-valuri prestabbiliti fl-Anness II.

Il-valuri reali jistgħu jintużaw dment li jkunu ċċertifikati taħt skema rikonoxxuta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-bijokarburanti, il-bijogass, l-RFNBO u l-karburanti tal-karbonju riċiklat, jew, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti legali tal-Unjoni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament.

Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker tal-Fjuwil (BDN)

Skont ir-regolamenti eżistenti tal-Anness VI tal-MARPOL, il-BDN hija mandatorja u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-BDN hija speċifikata.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

Il-BDNs, inkluż il-karburanti għajr il-karburanti fossili użati abbord, għandhom jiġu kkomplementati bl-informazzjoni li ġejja dwar dawk il-karburanti:

Valur kalorifiku aktar baxx [MJ/g],

Għall-bijokarburanti, il-valuri E kif stabbiliti skont il-metodoloġiji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, il-Parti C tal-Anness V u l-Parti B tal-Anness VI [gCO2eq/MJ] u evidenza relatata ta’ konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-Direttiva għal dawk il-karburanti, li tidentifika l-perkors tal-produzzjoni tal-karburant,

Għall-karburanti għajr il-karburanti fossili u l-bijokarburanti, il-fattur tal-emissjoni tal-gassijiet serra WtT [gCO2eq/MJ] u ċ-ċertifikat relatat li jidentifika l-perkors tal-produzzjoni tal-karburant.

2.

Meta hemm taħlit tal-prodott, għandha tingħata l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament għal kull prodott.

Nota ta’ Kunsinna tal-Elettriku (EDN)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-EDNs rilevanti għall-elettriku kkonsenjat lill-bastiment għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

1.

il-fornitur: l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-email, ir-rappreżentant;

2.

il-bastiment riċeventi: in-numru tal-IMO (MMSI), l-isem tal-bastiment, it-tip tal-bastiment, il-bandiera, ir-rappreżentant tal-bastiment;

3.

il-port: l-isem, il-post (LOCODE), it-terminal/l-irmiġġ;

4.

il-punt ta’ konnessjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt: dettalji tal-punt ta’ konnessjoni;

5.

il-ħin tal-provvista tal-elettriku mix-xatt: id-data/il-ħin tal-bidu/tal-finalizzazzjoni;

6.

l-enerġija fornuta: il-frazzjoni tal-elettriku allokata lill-punt tal-provvista (jekk applikabbli) [kW], konsum tal-elettriku (kWh) għall-perjodu ta’ fatturar, informazzjoni dwar l-ogħla potenza (jekk disponibbli);

7.

il-metraġġ.

Metodu għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ emissjoni tal-gassijiet serra TtW

L-emissjonijiet TtW huma ddeterminati abbażi tal-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness kif previst fl-Ekwazzjoni (1) u fl-Ekwazzjoni (2)

Il-valuri prestabbiliti tal-fatturi (CO2eq,TtW,j) tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra TtW jinsabu fl-Anness II.

F’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 8 u wara l-valutazzjoni mill-verifikatur, kumpanija tista’ tuża metodi oħra, bħall-kejl dirett ta’ CO2eq, jew l-ittestjar fil-laboratorju, jekk dawn itejbu l-akkuratezza ġenerali tal-kalkolu, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(5).

Metodu għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet TtW aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati

Emissjonijiet aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati huma emissjonijiet ikkawżati mill-ammont ta’ karburant li ma jilħaqx il-kompartiment tal-kombustjoni tal-unità tal-kombustjoni jew li ma jiġix ikkunsmat mill-unità tal-konsum tal-karburant minħabba li jkun mhux maħruq, ivventjat jew imnixxi mis-sistema. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-emissjonijiet aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati huma meqjusa bħala perċentwal tal-massa tal-karburant użat mill-unità tal-konsum tal-karburant. Il-valuri prestabbiliti jinsabu fl-Anness II.

Metodi għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ premju marbuta mal-propulsjoni assistita mir-riħ

Meta l-propulsjoni assistita mir-riħ tiġi installata abbord, jista’ jiġi applikat fattur ta’ premju, iddeterminat kif ġej:

Fattur ta’ premju għall-propulsjoni assistita mir-riħ - WIND (fwind)

Formula

0,99

0,05

0,97

0,1

0,95

≥ 0,15

Fejn:

PWind hija l-enerġija effettiva disponibbli tas-sistemi ta’ propulsjoni assistiti mir-riħ u tikkorrispondi għal feff * Peff kif ikkalkulata skont il-gwida tal-2021 dwar it-trattament ta’ teknoloġiji innovattivi tal-effiċjenza fl-enerġija għall-kalkolu u l-verifika tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tad-disinn (EEDI) u l-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti eżistenti (EEXI) miksuba (MEPC.1/Circ.896);

PProp hija l-potenza tal-propulsjoni tal-bastiment u tikkorrispondi għal PME kif definit fil-linji gwida tal-2018 dwar il-metodu tal-kalkolu tal-EEDI miksub għal bastimenti ġodda (ir-riżoluzzjoni tal-IMO MEPC.364(79)) u l-linji gwida tal-2021 dwar il-metodu tal-kalkolu EEXI miksub (ir-riżoluzzjoni tal-IMO MEPC.333(76)). Fejn ikunu installati muturi tax-xaft, PProp = PME + PPTI(i),shaft.

L-indiċi tal-intensità tal-gassijiet serra tal-bastiment imbagħad jiġi kkalkulat billi r-riżultat tal-Ekwazzjoni (1) jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ premju.


ANNESS II

Fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti

Il-fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti li jinsabu fit-tabella ta’ hawn taħt għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-indiċi tal-intensità tal-gassijiet serra msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ħlief meta l-kumpaniji jiddevjaw minn dawk il-fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament.

Fit-tabella ta’ hawn taħt:

TBM tfisser To Be Measured (Irid jitkejjel),

N/A tfisser Not Available (Mhux disponibbli),

Is-sing ifisser mhux applikabbli,

E hija stabbilita skont il-metodoloġiji stipulati fid-Direttiva (UE) 2018/2001, il-Parti C tal-Anness V u l-Parti B tal-Anness VI.

Meta ċellola tindika jew TBM jew N/A, sakemm ma jintweriex valur skont l-Artikolu 10, għandu jintuża l-ogħla valur prestabbilit tal-klassi tal-karburant fl-istess kolonna.

Fejn, għal klassi ta’ karburant partikolari, iċ-ċelloli kollha fl-istess kolonna jindikaw jew TBM jew N/A, sakemm ma jintweriex valur skont l-Artikolu 10, għandu jintuża l-valur prestabbilit tal-perkors l-inqas favorevoli tal-karburanti fossili. Din ir-regola ma tapplikaw għall-kolonna 9, fejn TBM jew N/A jirreferu għal valuri mhux disponibbli għall-konsumatur tal-karburant. Fil-każ ta’ ebda valur prestabbilit, għandu jintuża valur ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 10(5).

1

2

3

4

5

6

7

8

9

 

WtT

TtW

Klassi tal-Fjuwil

Isem tal-perkors

LCV

Formula

CO2eq WtT

Formula

Klassi tal-Unità tal-Konsum tal-Fjuwil

Formula

Formula

Formula

Formula

Formula

Formula

Cslip

Bħala % tal-massa tal-karburant użat mill-magna

Fossili

HFO

Gradi tal-ISO 8217 RME għal RMK

0,0405

13,5

L-ICEs KOLLHA

3,114

0,00005

0,00018

-

LFO

Gradi tal-ISO 8217 RMA għal RMD

0,041

13,2

L-ICEs KOLLHA

3,151

0,00005

0,00018

-

MDO

MGO

Gradi tal-ISO 8217 DMX għal DMB

0,0427

14,4

L-ICEs KOLLHA

3,206

0,00005

0,00018

-

Fossili

LNG

0,0491

18.5

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità medja)

2,750

0

0,00011

3,1

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità baxxa)

1,7

LNG Diesel (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità baxxa)

0,2

LBSI

2,6

LPG

0,046

7,8

L-ICEs KOLLHA

3,030 Butan

3,000 Propan

TBM

TBM

Mhux applikabbli (N/A)

H2

(gass naturali)

0,12

132

Ċelloli tal-Karburant

0

0

-

-

ICE

0

0

TBM

NH3

(gass naturali)

0,0186

121

Ċelloli tal-Karburant

0

Mhux applikabbli (N/A)

TBM

Mhux applikabbli (N/A)

ICE

0

Mhux applikabbli N/A

TBM

Mhux applikabbli N/A

Metanol

(gass naturali)

0,0199

31,3

L-ICEs KOLLHA

1,375

TBM

TBM

-

Bijokarburanti

Perkorsi ta’ Produzzjoni ta’ Etanol tad-Direttiva (UE) 2018/2001

Valur kif stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2018/2001

Formula

L-ICEs KOLLHA

1,913

TBM

TBM

-

Bijodiżil

Perkorsi ta’ Produzzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001

L-ICEs KOLLHA

2,834

TBM

TBM

-

Żejt Veġetali Idrotrattat (HVO)

Perkorsi ta’ Produzzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001

L-ICEs KOLLHA

3,115

0,00005

0,00018

-

Bijometan likwifikat bħala karburant għat-trasport

(Bijo-LNG)

Perkorsi ta’ Produzzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità medja)

2,750

0

0,00011

3,1

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità baxxa)

1,7

LNG Diesel (żewġ tipi ta’ karburanti)

0,2

LBSI

2,6

Perkorsi ta’ Produzzjoni ta’ Bijometan tad-Direttiva (UE) 2018/2001

L-ICEs KOLLHA

1,375

TBM

TBM

-

Perkorsi ta’ Produzzjoni oħra tad-Direttiva (UE) 2018/2001

L-ICEs KOLLHA

3,115

0,00005

0,00018

-

Bijokarburanti

Bijo-H2

Perkorsi ta’ Produzzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001

Valur kif stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2018/2001

Mhux applikabbli (N/A)

Ċelloli tal-Karburant

0

0

0

-

ICE

0

0

TBM

Fjuwils Rinnovabbli ta’ Oriġini mhux Bijoloġika (RFNBO)

-

e-Fjuwils

e-Diżil

0,0427

Ref. għad-Direttiva (UE) 2018/2001)

L-ICEs kollha

3,206

0,00005

0,00018

-

e-Metanol

0,0199

Ref. għad-Direttiva (UE) 2018/2001)

L-ICEs kollha

1,375

TBM

TBM

-

e-LNG

0,0491

Ref. għad-Direttiva (UE) 2018/2001)

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità medja)

2,750

0

0,00011

3,1

LNG Otto (żewġ tipi ta’ karburanti b’veloċità baxxa)

1,7

LNG Diesel (żewġ tipi ta’ karburanti)

0,2

LBSI

2,6

e-H2

0,12

Ref. għad-Direttiva (UE) 2018/2001)

Ċelloli tal-Karburant

0

0

0

-

ICE

0

0

TBM

e-NH3

0,0186

Mhux applikabbli (N/A)

Ċelloli tal-Karburant

0

Mhux applikabbli (N/A)

TBM

Mhux applikabbli (N/A)

ICE

0

Mhux applikabbli (N/A)

TBM

Mhux applikabbli (N/A)

e-LPG

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

 

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

e-DME

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

 

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

Mhux applikabbli (N/A)

-

Oħrajn

Elettriku

-

TAĦLITA TAL-ENERĠIJA TAL-UE

Provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS)

-

-

-

-

Il-Kolonna 1 tidentifika l-klassi tal-karburanti, b’mod partikolari l-karburanti fossili, il-bijokarburanti likwidi, il-bijokarburanti gassużi u l-e-karburanti.

Il-Kolonna 2 tidentifika l-isem jew il-perkorsi tal-karburanti rilevanti fi ħdan il-klassi.

Il-Kolonna 3 fiha l-valur kalorifiku aktar baxx tal-karburanti f’[MJ/g]. Għall-bijokarburanti likwidi, il-valuri tal-kontenut ta’ enerġija skont il-piż (valur kalorifiku aktar baxx, MJ/kg) kif stipulati fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom jiġu kkonvertiti f’[MJ/g] u jintużaw.

Il-kolonna 4 fiha l-fatturi ta’ emissjoni tal-gassijiet serra WtT f’[gCO2eq/MJ]:

(a)

Għall-bijokarburanti likwidi, il-valuri prestabbiliti għandhom jiġu kkalkulati bl-użu tal-valuri ta’ E stabbiliti f’konformità mal-metodoloġiji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, il-Parti C tal-Anness V għal dik id-Direttiva għall-bijokarburanti likwidi kollha ħlief il-bijo-LNG u l-Parti B tal-Anness VI għal dik id-Direttiva għall-bijo-LNG, u abbażi tal-valuri prestabbiliti relatati mal-bijofjuwil partikolari użat bħala karburant għat-trasport u l-perkors tal-produzzjoni tiegħu, stabbiliti f’dik id-Direttiva, fil-Partijiet D u E tal-Anness V għal dik id-Direttiva għall-bijokarburanti likwidi kollha minbarra l-bijo-LNG u fil-Parti D tal-Anness VI għal dik id-Direttiva għall-bijo-LNG. Madankollu, il-valuri ta’ E jeħtieġ li jiġu aġġustati billi jitnaqqas il-proporzjon tal-valuri li jinsabu fil-kolonna 6 (Cf_CO2) u fil-kolonna 3 (LCV). Dan huwa meħtieġ skont dan ir-Regolament, li jissepara l-kalkoli WtT u TtW, biex jiġi evitat l-għadd doppju tal-emissjonijiet;

(b)

Għall-RFNBO u karburanti oħra mhux imsemmija fil-punt (a) li għandhom jitqiesu għall-fini msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, il-valuri prestabbiliti għandhom jiġu kkalkulati jew bl-użu tal-metodoloġija tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 28(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, inkella, jekk applikabbli, metodoloġija simili jekk definita skont att legali tal-Unjoni li jikkonċerna s-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu, skont l-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kolonna 5 tidentifika t-tipi/klassijiet ewlenin tal-unitajiet tal-konsum tal-karburant bħal Magni ta’ Kombustjoni Interna (ICE) 2 jew 4 stroke Diesel jew b’ċiklu Otto, il-magni b’Taħlita Fqira Mqabbda bi Spark (LBSI), iċ-ċelloli tal-karburanti, eċċ.

Il-Kolonna 6 fiha l-fattur tal-emissjoni Cf għal CO2 f’[gCO2/gfuel]. Għandhom jintużaw il-valuri tal-fatturi ta’ emissjoni kif speċifikati fir-Regolament (UE) 2015/757. Għal dawk il-karburanti kollha li ma jinsabux fir-Regolament (UE) 2015/757, il-valuri prestabbiliti huma speċifikati fit-tabella.

Il-Kolonna 7 fiha l-fattur tal-emissjoni Cf għall-metan f’[gCH4/gfuel]. Għall-karburanti LNG, is-Cf għall-metan huma stabbiliti għal żero.

Il-Kolonna 8 fiha l-fattur tal-emissjoni Cf għall-ossidu nitruż f’[gN2O/gfuel].

Il-Kolonna 9 tidentifika l-parti tal-karburant li tintilef bħala emissjonijiet aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati (Cslip) imkejla bħala % tal-massa tal-karburant użata mill-unità tal-konsum tal-karburant. Għall-karburanti bħal-LNG li għalihom jeżistu l-emissjonijiet aċċidentali u dawk mhux ikkalkulati, l-ammont ta’ emissjonijiet aċċidentali u mhux ikkalkulati kif ippreżentati fit-tabella huwa espress f’% tal-massa tal-karburant użat (Kolonna 9).Il-valuri ta’ Cslip fit-tabella huma kkalkulati għal 50 % tat-tagħbija sħiħa tal-magna.


ANNESS III

Rekwiżiti ġenerali għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero

It-tabella mhux eżawrjenti li ġejja tidentifika t-tipi ta’ teknoloġiji kif ukoll ir-rekwiżiti ġenerali għat-tħaddim tagħhom li għandhom jitqiesu bħala teknoloġiji b’emissjonijiet żero skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (7).

Tipi ta’ teknoloġija

Rekwiżiti ġenerali għat-tħaddim

Ċelloli tal-karburant

Enerġija fornuta minn ċelloli tal-karburant abbord b’ karburant jew b’sistema li jiżguraw li, meta jintużaw biex jipprovdu l-enerġija, ma jirrilaxxawx fl-atmosfera ebda emissjoni msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (7)

Ħżin tal-enerġija elettrika abbord

Enerġija fornuta minn sistemi ta’ ħżin tal-enerġija elettrika abbord iċċarġjati minn qabel permezz ta’:

ġenerazzjoni tal-enerġija abbord fuq il-baħar

iċċarġjar tal-batteriji mix-xatt

tpartit ta’ batteriji

Ġenerazzjoni tal-enerġija abbord mill-enerġija mir-riħ u mix-xemx

Enerġija fornuta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli abbord, li jew ifornu direttament lill-grilja tal-bastiment inkella permezz ta’ ċċarġjar ta’ ħżin intermedju tal-enerġija elettrika abbord

L-enerġija fornuta minn teknoloġiji abbord mhux identifikati f’din it-tabella li jiksbu emissjonijiet żero, skont l-Artikolu 3, il-punt (7), tista’ tiżdied ma’ din it-tabella permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6(6).

L-issodisfar tar-rekwiżiti ġenerali indikati hawn fuq u fl-Artikolu 6(6) għal teknoloġiji oħra kif ukoll tal-kriterji dettaljati għall-aċċettazzjoni speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(7), għandu jintwera permezz ta’ dokumentazzjoni rilevanti.


ANNESS IV

Formuli għall-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità u tal-penali fueleu stabbiliti fl-Artikolu 23(2)

A.   Formuli għall-kalkolu tal-BILANĊ TA’ KONFORMITÀ TAL-BASTIMENT

(a)

Għal-fini tal-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità ta’ bastiment għall-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif imsemmija fl-Artikolu 4(2), għandha tapplika l-formula li ġejja:

Bilanċ ta’ konformità [gCO2eq] =

(GHGIEtarget - GHGIEactual) x [

Formula

]

Fejn:

gCO2eq

Grammi ta’ ekwivalenti ta’ CO2

GHGIEtarget

Limitu tal-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-enerġija użata abbord bastiment skont l-Artikolu 4(2)

GHGIEactual

Medja annwali tal-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-enerġija użata abbord bastiment ikkalkulata għall-perjodu ta’ rapportar rilevanti

Għal kwalunkwe bastiment li jkollu klassi tas-silġ IC, IB, IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti, il-kumpanija tista’ titlob, sal-31 ta’ Diċembru 2034, li teskludi l-konsum addizzjonali tal-enerġija, minħabba tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ.

Għal kwalunkwe bastiment li jkollu klassi tas-silġ IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti, il-kumpanija tista’ titlob li teskludi l-konsum addizzjonali tal-enerġija, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tal-bastiment.

Għaż-żewġ każijiet li fihom il-konsum addizzjonali tal-enerġija huwa eskluż, il-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità ta’ hawn fuq, bastimentiil-valuri ta’ Mi għandhom jiġu sostitwiti bil-massa aġġustata tal-karburant MiA definita fl-Anness V u l-valur ta’ GHGIEactual li għandu jintuża għall-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid bil-valuri korrispondenti tal-MiA.

(b)

Għal-fini tal-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità ta’ bastiment fir-rigward tas-submira għall-RFNBO skont l-Artikolu 5(3), għandha tapplika l-formula li ġejja:

CBRFNBO[MJ] =

Formula

Fejn:

CBRFNBO

Bilanċ ta’ konformità f’MJ tas-submira tal-RFNBO msemmija fl-Artikolu 5(3)

Formula

It-total annwali ta’ enerġija użata minn RFNBO u/jew minn karburanti li jipprovdu ffrankar ekwivalenti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 5

B.   Formula għall-kalkolu tal-Penali FuelEU stabbiliti fl-Artikolu 23(2)

L-ammont tal-penali FuelEU stabbiliti fl-Artikolu 23(2) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

Penali FuelEU fir-rigward tal-bilanċ ta’ konformità għall-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-bastiment, skont l-Artikolu 4(2)

Penali FuelEU =

Formula

1.

Penali FuelEU

2.

Hija f’EUR

3.

Formula

4.

Huwa l-valur assolut tal-bilanċ ta’ konformità

5.

41 000

6.

Hija tunnellata metrika waħda ta’ VLSFO li hija ekwivalenti għal 41 000 MJ

7.

2 400

8.

Huwa l-ammont li għandu jitħallas f’EUR għal kull tunnellata metrika ekwivalenti ta’ VLSFO

(b)

Penali FuelEU fir-rigward tas-submira għal RFNBO skont l-Artikolu 5(3)

Jekk

Formula
, l-ammont tal-penali FuelEU kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Penali FuelEU (RFNBO) =

Formula

9.

Penali FuelEU

10.

Hija f’EUR

11.

CBRFNBO

12.

Huwa l-valur tal-bilanċ ta’ konformità għall-RFNBO

13.

Pd

14.

Id-differenza fil-prezz bejn l-RFNBO u l-karburant fossili kompatibbli mal-installazzjoni tal-bastiment

15.

41 000

16.

Hija tunnellata metrika waħda ta’ VLSFO li hija ekwivalenti għal 41 000 MJ


ANNESS V

Kalkolu tal-massa aġġustata tal-karburant għan-navigazzjoni fuq is-silġ

Dan l-Anness jiddeskrivi kif tiġi kkalkulata:

il-konsum addizzjonali tal-enerġija minħabba l-karatteristiċi tekniċi ta’ bastiment li jkollu l-klassi tas-silġ IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti

il-konsum addizzjonali tal-enerġija ta’ bastiment li jkollu l-klassijiet tas-silġ IC, IB, IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti minħabba t-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ

il-massa aġġustata [Mi A] wara t-tnaqqis tal-enerġija addizzjonali, allokata għal kull karburant i

Enerġija addizzjonali minħabba l-klassi tas-silġ

L-enerġija addizzjonali minħabba l-karatteristiċi tekniċi ta’ bastiment li jkollu l-klassi tas-silġ IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti hija kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Evoyages, total

tirrappreżenta l-enerġija totali kkunsmata għall-vjaġġi kollha u;

Eadditional due to ice conditions

jirrappreżenta il-konsum addizzjonali ta’ enerġija minħabba tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ.

L-enerġija totali kkunsmata għall-vjaġġi kollha tiġi kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Mi, voyages, total

tirrappreżenta l-massa tal-karburant i kkunsmat għall-vjaġġi kollha skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u;

LCVi

il-valur kalorifiku aktar baxx ta’ fuel i.

Enerġija addizzjonali minħabba t-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ

Il-konsum addizzjonali tal-enerġija ta’ bastiment li jkollu l-klassijiet tas-silġ IC, IB, IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti minħabba t-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ huwa kkalkulat kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Evoyages,open water

tirrappreżenta l-enerġija kkunsmata fuq vjaġġi f’ilma miftuħ u;

Evoyages,ice conditions, adjusted

tirrappreżenta l-enerġija aġġustata kkunsmata f’kondizzjonijiet ta’ silġ.

Eadditional due to ice conditions

ma tistax tkun ogħla minn

Formula

L-enerġija kkunsmata għall-vjaġġi li jinkludu t-tbaħħir f’ilma miftuħ biss hija kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

E voyages,ice conditions

tirrappreżenta l-enerġija kkunsmata għat-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ, li tiġi kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Mi,voyages,ice conditions

tirrappreżenta l-massa tal-karburant i kkunsmat għat-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ, skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-enerġija aġġustata kkunsmata f’kondizzjonijiet ta’ silġ hija kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Dice conditions

tirrappreżenta d-distanza aggregata vvjaġġata waqt it-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Formula

hija l-enerġija kkunsmata skont id-distanza vvjaġġata fl-ilma miftuħ kkalkulata kif ġej:

 

Formula

Fejn:

Evoyages,ice conditions

jirrappreżenta l-konsum tal-enerġija waqt f’kondizzjonijiet ta’ silġ u;

D total

hija d-distanza annwali aggregata vvjaġġata skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Enerġija addizzjonali totali mis-silġ minħabba l-klassi tas-silġ u t-tbaħħir f’kondizzjonijiet ta’ silġ

 

Formula

Massa aġġustata [Mi,A]

Il-kumpanija għandha talloka l-enerġija addizzjonali totali mis-silġ E i additional ice għall-karburanti i differenti użati matul is-sena, bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

 

Σ E i additional ice = E additional ice

Għal kull karburant i,

 

Formula

Il-[Mi A] massa aġġustata tal-karburant tiġi kkalkulata kif ġej:

 

Formula


Top