EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L1437

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2023/1437 4 ta’ Mejju 2023 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fit-trasdutturi tal-pressjoni tat-tidwib għal reometri kapillari f’ċerti kundizzjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/2830

ĠU L 176, 11.7.2023, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2023/1437/oj

11.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/14


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1437

4 ta’ Mejju 2023

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fit-trasdutturi tal-pressjoni tat-tidwib għal reometri kapillari f’ċerti kundizzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Fis-26 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni magħmula f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE biex tiġi elenkata eżenzjoni fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva, għall-użu tal-merkurju fit-trasdutturi tal-pressjoni tat-tidwib għal reometri kapillari f’temperaturi ogħla minn 300 °C u pressjonijiet ogħla minn 1 000 bar (“l-eżenzjoni mitluba”).

(5)

It-trasduttur tal-pressjoni użat, inkorporat f’reometri kapillari, huwa magħmul minn komponenti elettriċi u huwa apparat tal-kejl elettriku fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE. Ir-reometri kapillari deskritti fl-eżenzjoni mitluba jaqgħu taħt il-kategorija 9 “strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll” tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, li kienet tinkludi studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika (2), ikkonkludiet li s-sostituzzjoni tal-merkurju fi trasdutturi tal-pressjoni tat-tidwib għal reometri kapillari f’temperaturi ogħla minn 300 °C u pressjonijiet ogħla minn 1 000 bar bħalissa mhijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kif meħtieġ mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(7)

Waħda mill-kundizzjonijiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2011/65/UE hija ssodisfata, jiġifieri dik li l-eliminazzjoni u s-sostituzzjoni mhumiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku.

(8)

Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE b’rabta mat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 9.

(9)

Sabiex tinżamm il-konformità mar-restrizzjonijiet futuri fuq il-prodotti miżjudin bil-merkurju skont ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jeħtieġ li l-perjodu tal-validità tal-eżenzjoni jiġi limitat sal-31 ta’ Diċembru 2025. Il-perjodu huwa stabbilit f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn tal-31 ta' Jannar 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn tal-21 ta' Jannar 2024.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kif trid issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Mejju 2023

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Studju biex jiġu vvalutati t-talbiet għal żewġ (-2-) eżenzjonijiet, għall-użu tal-merkurju fit-trasdutturi tal-pressjoni u tad-DEHP f’materjal bażi tal-PVC, fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE (Pakkett 25)

(3)  Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il- merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1)


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 49 li ġej:

“49

L-użu tal-merkurju fit-trasdutturi tal-pressjoni tat-tidwib għal reometri kapillari f’temperaturi ogħla minn 300 °C u pressjonijiet ogħla minn 1 000 bar

Tapplika għall-kategorija 9 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.”


Top