EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1119

Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)

PE/27/2021/REV/1

ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj

9.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1119 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-theddida eżistenzjali mit-tibdil fil-klima tirrikjedi ambizzjoni msaħħa u azzjoni klimatika akbar min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri. L-Unjoni hija impenjata li żżid l-isforzi biex tindirizza t-tibdil fil-klima u twettaq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) (4), iggwidata mill-prinċipji tiegħu u abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, fil-kuntest tal-għan fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 bl-isem “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (il-‘Patt Ekoloġiku Ewropew’), il-Kummissjoni stabbiliet strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan ukoll li jipproteġi, jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u l-impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, din it-tranżizzjoni trid tkun waħda ġusta u inklużiva biex ħadd ma jitħalla lura.

(3)

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC), fir-Rapport Speċjali tiegħu tal-2018 dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi relatati tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, u l-isforzi biex jinqered il-faqar, jipprovdi bażi xjentifika soda biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima u juri l-ħtieġa li tiżdied malajr l-azzjoni klimatika u titkompla t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dak ir-rapport jikkonferma li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jridu jitnaqqsu b’mod urġenti, u li t-tibdil fil-klima jrid ikun limitat għal tisħin ta’ 1,5 °C, b’mod partikulari biex titnaqqas il-probabbiltà li jkun hemm avvenimenti estremi tat-temp u li jintlaħqu l-punti kritiċi. Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) uriet fir-Rapport ta’ Valutazzjoni Globali tagħha tal-2019 dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi erożjoni dinjija tal-bijodiversità, bit-tibdil fil-klima bħala t-tielet l-aktar mutur importanti tat-telf tal-bijodiversità.

(4)

Objettiv fiss fit-tul huwa importanti ferm biex jingħata kontribut għat-trasformazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà, għall-impjiegi ta’ kwalità għolja, għat-tkabbir sostenibbli u għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll biex jintlaħaq b’mod ġust, soċjalment ibbilanċjat, ekwu u kosteffettiv l-għan fit-tul dwar it-temperatura stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa relatati mal-klima li qed jikbru, inklużi mewġiet ta’ sħana, nirien fil-foresti u għargħar aktar frekwenti u intensi, theddid għas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel u tal-ilma, u t-tfaċċar u t-tixrid ta’ mard infettiv. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Frar 2021 intitolata “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima”, il-Kummissjoni nediet osservatorju Ewropew dwar il-klima u s-saħħa fl-ambitu tal-Pjattaforma Ewropea ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima Climate-ADAPT, biex it-theddid għas-saħħa kkawżat mit-tibdil fil-klima jiġu mifhum aħjar, antiċipat u mminimizzat.

(6)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha li huwa maħsub biex jippromwovi l-integrazzjoni fil-politiki tal-Unjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent f’konformità mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

(7)

L-azzjoni dwar il-klima jenħtieġ li tkun opportunità, għas-setturi kollha tal-ekonomija fl-Unjoni, biex jingħata kontribut għall-iżgurar ta’ tmexxija industrijali fl-innovazzjoni globali. Abbażi tal-qafas regolatorju tal-Unjoni u l-isforzi mwettqa mill-industrija, huwa possibbli li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Pereżempju, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni tnaqqsu b’24 % bejn l-1990 u l-2019, filwaqt li l-ekonomija kibret b’60 % fl-istess perjodu. Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni vinkolanti u inizjattivi oħra adottati fil-livell tal-Unjoni, is-setturi kollha tal-ekonomija – inklużi l-enerġija, l-industrija, it-trasport, it-tisħin u t-tkessiħ u l-bini, l-agrikoltura, l-iskart u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, irrispettivament minn jekk dawk is-setturi jkunux koperti mis-skema għan-negozjar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fi ħdan l-Unjoni (“EU ETS”) – jenħtieġ li jkollhom rwol fil-kontribut għall-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050. Sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-atturi ekonomiċi kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita djalogi u s-sħubijiet dwar il-klima speċifiċi għas-settur billi tlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin b’mod inklużiv u rappreżentattiv, sabiex tħeġġeġ lis-setturi nfushom ifasslu pjanijiet direzzjonali volontarji indikattivi u jippjanaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn il-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sal-2050. Tali pjanijiet direzzjonali jistgħu jagħtu kontribut siewi biex is-setturi jiġu assistiti fl-ippjanar tal-investimenti meħtieġa favur it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jistgħu jservu wkoll biex jissaħħaħ l-impenn settorjali fit-tfittxija għal soluzzjonijiet newtrali għall-klima. Tali pjanijiet direzzjonali jistgħu jikkomplementaw ukoll inizjattivi eżistenti, inklużi l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif, li jrawmu l-kollaborazzjoni industrijali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

(8)

Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi għan fit-tul dwar it-temperatura fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tiegħu, u għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima billi jżid il-kapaċità ta’ adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tiegħu u billi jagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tiegħu. Bħala l-qafas ġenerali għall-kontribut tal-Unjoni għall-Ftehim ta’ Pariġi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jikkontribwixxu għar-rispons globali għat-tibdil fil-klima kif imsemmi fil-Ftehim ta’ Pariġi.

(9)

L-għan tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni u tal-Istati Membri huwa li tipproteġi lin-nies u lill-pjaneta kif ukoll il-benesseri, il-prosperità, l-ekonomija, is-saħħa, is-sistemi tal-ikel, l-integrità tal-ekosistemi u l-bijodiversità mit-theddida tat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp sostenibbli u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li tiżdied kemm jista’ jkun il-prosperità fil-limiti tal-pjaneta u li tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà b’rabta mat-tibdil fil-klima u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha għal dan it-tibdil. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri jkunu ggwidati mill-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ “min iniġġes iħallas” stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li jqisu wkoll il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” tal-Unjoni tal-Enerġija u l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(10)

Jenħtieġ li s-setturi ekonomiċi kollha, li għalihom l-emissjonijiet jew l-assorbimenti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra huma regolati fil-liġi tal-Unjoni, ikunu obbligati jikkontribwixxu għall-kisba tan-newtralità klimatika.

(11)

Fid-dawl tal-importanza tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija għal-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, huwa essenzjali li tiġi żgurata tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sikura, sostenibbli, affordabbli u sigura li tiddependi fuq l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jitnaqqas il-faqar enerġetiku. Trasformazzjoni diġitali, innovazzjoni teknoloġika, u riċerka u żvilupp ukoll huma fatturi importanti biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika.

(12)

L-Unjoni implimentat qafas regolatorju biex tikseb il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030 li ġiet maqbula fl-2014, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi. Fost il-leġiżlazzjoni li timplimenta dik il-mira nsibu d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li tistabbilixxi l-EU ETS, ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li daħħal miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030, u r-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jitlob lill-Istati Membri jibbilanċjaw l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija.

(13)

L-EU ETS hija pedament tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u tikkostitwixxi l-għodda ewlenija tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mod kosteffettiv.

(14)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2018 bl-isem “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, il-Kummissjoni ppreżentat viżjoni biex sal-2050 tinkiseb il-mira ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra żero netti fl-Unjoni permezz ta’ tranżizzjoni soċjalment ekwa li tkun kosteffiċjenti.

(15)

Permezz tal-pakkett dwar l-“Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” tat-30 ta’ Novembru 2016, l-Unjoni ilha żmien issegwi programm ambizzjuż ta’ dekarbonizzazzjoni, b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ Unjoni b’saħħitha tal-Enerġija li tinkludi l-għanijiet għall-effiċjenza enerġetika u għall-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għall-2030 fid-Direttivi 2012/27/UE (8) u (UE) 2018/2001 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u bit-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluża d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(16)

L-Unjoni hija mexxejja globali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u hija deċiża li tgħin biex tiżdied l-ambizzjoni globali u biex jissaħħaħ ir-rispons globali għat-tibdil fil-klima, billi tuża l-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom id-diplomazija dwar il-klima.

(17)

Jenħtieġ li l-Unjoni tkompli għaddejja bl-azzjoni klimatika tagħha u tkompli tkun mexxejja internazzjonali fil-qasam tal-klima wara l-2050, sabiex tipproteġi lin-nies u lill-pjaneta mit-theddida ta’ tibdil perikoluż fil-klima, hija u tfittex li tilħaq l-għan fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi u filwaqt li ssegwi l-valutazzjonijiet xjentifiċi tal-IPCC, tal-IPBES u tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-valutazzjonijiet ta’ korpi internazzjonali oħra.

(18)

Għad hemm riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward ta’ dawk is-sħab internazzjonali li ma għandhomx l-istess standards ta’ protezzjoni tal-klima bħal dawk tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għal setturi magħżula, biex dawn ir-riskji jitnaqqsu b’mod li jkun kompatibbli mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Barra minn hekk, huwa importanti li jinżammu inċentivi ta’ politika effettivi b’appoġġ għal innovazzjonijiet u soluzzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu t-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni kompetittiva u newtrali għall-klima, filwaqt li tiġi pprovduta ċ-ċertezza tal-investiment.

(19)

Il-Parlament Ewropew appella, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, għat-tranżizzjoni meħtieġa lejn soċjetà newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050 u biex din tkun storja Ewropea ta’ suċċess u, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali, iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali. Appella ripetutament ukoll lill-Unjoni biex iżżid il-mira klimatika tagħha għall-2030, u biex dik il-mira aktar ambizzjuża tkun parti minn dan ir-Regolament. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew qabel dwar l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li rrikonoxxa wkoll li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta’ abilitazzjoni li minnu jibbenefikaw l-Istati Membri kollha u li jinkludi strumenti, inċentivi, appoġġ u investimenti adegwati biex tiġi żgurata tranżizzjoni kosteffettiva, ġusta, kif ukoll soċjalment ibbilanċjata u ekwa, filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti f’termini ta’ punti tat-tluq. Huwa nnota wkoll li t-tranżizzjoni se tkun tirrikjedi investimenti pubbliċi u privati sinifikanti. Fis-6 ta’ Marzu 2020, l-Unjoni ppreżentat l-istrateġija fit-tul tagħha għal żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u, fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tagħha, għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), wara li dawn ġew approvati mill-Kunsill.

(20)

Jenħtieġ li l-Unjoni timmira li tilħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mill-oqsma ekonomiċi kollha minn fonti u l-assorbimenti minn bjar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fuq livell domestiku fi ħdan l-Unjoni sal-2050 u sussegwentement, kif xieraq, tikseb emissjonijiet negattivi. Dak l-objettiv jenħtieġ li jinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni kollha rregolati mil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali emissjonijiet u assorbimenti jiġu indirizzati fil-kuntest tar-rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-klima u l-enerġija. Il-bjar jinkludu soluzzjonijiet naturali u teknoloġiċi, kif irrapportat lill-UNFCCC fl-inventarji tal-Unjoni ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġiji ta’ ġbir u ħżin tal-karbonju (CCS) u ta’ ġbir u użu tal-karbonju (CCU) jista’ jkollhom rwol fid-dekarbonizzazzjoni, speċjalment għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet mill-proċessi fl-industrija, għall-Istati Membri li jagħżlu din it-teknoloġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jaħdmu flimkien biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 u li l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu li dan jinkiseb. Il-miżuri fil-livell tal-Unjoni se jkunu jiffurmaw parti importanti mill-miżuri meħtieġa biex jinkiseb dan l-objettiv.

(21)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007 u tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020 u l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, rispettivament. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar id-determinazzjoni tal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kunsill Ewropew, kif stabbilit fit-Trattati, fid-definizzjoni tad-direzzjoni politika ġenerali tal-Unjoni u l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima.

(22)

Il-bjar tal-karbonju għandhom rwol essenzjali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fl-Unjoni, u b’mod partikolari s-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tal-użu tal-art jagħtu kontribut importanti f’dak il-kuntest. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 2020 bl-isem “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”, il-Kummissjoni se tippromwovi mudell ġdid ta’ negozju ekoloġiku biex tippremja lill-maniġers tal-art għat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti tal-karbonju fl-inizjattiva li jmiss dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Marzu 2020 bl-isem “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tiżviluppa qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni ta’ assorbimenti tal-karbonju abbażi tal-kontabbiltà tal-karbonju robusta u trasparenti għall-monitoraġġ u l-verifika tal-awtentiċità tal-assorbimenti tal-karbonju, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-bijodiversità, fuq is-saħħa pubblika jew fuq objettivi soċjali jew ekonomiċi.

(23)

Ir-restawr tal-ekosistemi jikkontribwixxi għaż-żamma, il-ġestjoni u t-titjib tal-bjar naturali u jippromwovi l-bijodiversità filwaqt li jiġġieled it-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, ir-“rwol triplu” tal-foresti, jiġifieri, bħala bjar, ħżin u sostituzzjoni tal-karbonju, jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera, filwaqt li jiżgura li l-foresti jkomplu jikbru u jipprovdu ħafna servizzi oħra.

(24)

L-għarfien espert xjentifiku u l-aqwa evidenza aġġornata disponibbli, flimkien ma’ informazzjoni dwar it-tibdil fil-klima li tkun kemm fattwali kif ukoll trasparenti huma fundamentali u jeħtieġ li jsejsu l-azzjoni u l-isforzi klimatiċi tal-Unjoni biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050. Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Bord Konsultattiv”) biex iservi bħala punt ta’ referenza dwar l-għarfien xjentifiku relatat mat-tibdil fil-klima minħabba l-indipendenza u l-għarfien espert xjentifiku u tekniku tiegħu. Il-Bord Konsultattiv jenħtieġ li jikkomplementa l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) filwaqt li jaġixxi b’mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li l-missjoni tiegħu tevita kwalunkwe duplikazzjoni mal-missjoni tal-IPCC fil-livell internazzjonali. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jiġi stabbilit il-Bord Konsultattiv. Il-korpi konsultattivi nazzjonali dwar il-klima jista’ jkollhom rwol importanti, fost l-oħrajn, fl-għoti ta’ pariri xjentifiċi esperti dwar il-politika dwar il-klima lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kif preskritt mill-Istat Membru kkonċernat f’dawk l-Istati Membri fejn jeżistu. Għalhekk, l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan huma mistiedna jistabbilixxu korp konsultattiv nazzjonali dwar il-klima.

(25)

It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tirrikjedi bidliet fl-ispettru kollu tal-politika u sforz kollettiv min-naħa tas-setturi ekonomiċi kollha u tas-setturi kollha tas-soċjetà, kif hu enfasizzat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni jridu jkunu konsistenti mat-twettiq tal-objettiv tan-newtralità klimatika u jikkontribwixxu għalih, filwaqt li jħarsu l-kundizzjonijiet ekwi, u stieden lill-Kummissjoni teżamina jekk dan jirrikjedix aġġustament tar-regoli eżistenti.

(26)

Kif imħabbar fil-Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni vvalutat il-mira tal-Unjoni għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fil-komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2020 bl-isem “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt komprensiva u filwaqt li qieset l-analiżi tagħha tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati lilha f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Fid-dawl tal-objettiv tan-newtralità klimatika għall-2050, sal-2030 l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jenħtieġ li jitnaqqsu u l-assorbimenti jiżdiedu, sabiex l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jiġifieri l-emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti, jitnaqqsu fl-ekonomija kollha u fuq livell domestiku b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Kunsill Ewropew approva dik il-mira fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2020. Huwa pprovda wkoll gwida inizjali dwar l-implimentazzjoni tagħha. Dik il-mira klimatika l-ġdida tal-Unjoni għall-2030 hija mira sussegwenti għall-finijiet tal-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u għaldaqstant tissostitwixxi l-mira tal-Unjoni kollha għall-2030 għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra stabbilita f’dak il-punt. Barra minn hekk jenħtieġ li, sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni tivvaluta kif ikun meħtieġ li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimenta dik il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet netti. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-klima u l-enerġija li se tiġi adottata f’pakkett li jkopri, fost l-oħrajn, is-sorsi rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-użu tal-art, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi ħfief, il-kondiviżjoni tal-isforzi u l-EU ETS.

Il-Kummissjoni biħsiebha tivvaluta l-impatti tal-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali tal-Unjoni li jistgħu jikkomplementaw il-miżuri eżistenti, bħal pereżempju miżuri bbażati fuq is-suq li jinkludu mekkaniżmu ta’ solidarjetà b’saħħtu.

(27)

Skont il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-impenji eżistenti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841 jirriżultaw f’bir tal-karbonju nett ta’ 225 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fl-2030. Sabiex jiġi żgurat li jsiru biżżejjed sforzi ta’ mitigazzjoni sal-2030, huwa xieraq li l-kontribut tal-assorbimenti netti għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 jiġi limitat għal dak il-livell. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tintlaħaq il-mira.

(28)

In-nefqa fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (13) tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi, billi tiddedika mill-inqas 30 % tal-ammont totali tan-nefqa għall-appoġġ tal-objettivi klimatiċi, abbażi ta’ metodoloġija effettiva u f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali.

(29)

Fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u fid-dawl tal-impenji internazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-enerġija li huma inkompatibbli ma’ dak l-objettiv, b’mod partikolari għall-fjuwils fossili, mingħajr ma jkun hemm impatt fuq l-isforzi biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku.

(30)

Sabiex jiġu pprovduti prevedibbiltà u fiduċja għall-atturi ekonomiċi kollha, fosthom in-negozji, il-ħaddiema, l-investituri u l-konsumaturi, biex jiġi żgurat tnaqqis gradwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra maż-żmien u li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tkun irreversibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi mira klimatika intermedja tal-Unjoni għall-2040, kif xieraq, sa mhux aktar tard minn sitt xhur mill-ewwel rendikont globali mwettaq skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposti għar-reviżjoni tal-mira intermedja, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-valutazzjonijiet tal-progress u l-miżuri tal-Unjoni u tal-miżuri nazzjonali kif ukoll l-eżiti tar-rendikont globali u tal-iżviluppi internazzjonali, inkluż fuq l-iskedi ta’ żmien komuni għall-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali. Bħala għodda biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-politiki tal-Unjoni dwar il-klima, jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta tagħmel il-proposta leġiżlattiva tagħha għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040, tippubblika l-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra għall-perjodu 2030 – 2050, definit bħala l-volum totali indikattiv tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li mistennija jiġu emessi f’dak il-perjodu mingħajr ma jitqiegħdu f’riskju l-impenji tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll il-metodoloġija li fuqha huwa bbażat dak il-baġit indikattiv.

(31)

L-adattament huwa komponent ewlieni tar-rispons globali fit-tul għat-tibdil fil-klima. L-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima jistgħu potenzjalment jisbqu l-kapaċitajiet ta’ adattament tal-Istati Membri. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jtejbu l-kapaċità ta’ adattament tagħhom, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll li dawn iżidu kemm jista’ jkun il-benefiċċji kollaterali ma’ politiki u leġiżlazzjoni oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta strateġija tal-Unjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw strateġiji u pjanijiet ta’ adattament komprensivi fuq livell nazzjonali, abbażi ta’ analiżijiet sodi, valutazzjonijiet tal-progress u indikaturi dwar it-tibdil fil-klima u l-vulnerabbiltà, u ggwidati mill-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti. Jenħtieġ li l-Unjoni tipprova toħloq ambjent regolatorju favorevoli għall-politiki u l-miżuri nazzjonali implimentati mill-Istati Membri biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. It-titjib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-kapaċitajiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġu sforzi kondiviżi mis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà, kif ukoll koerenza u konsistenza tal-politika fil-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti kollha.

(32)

L-ekosistemi, in-nies u l-ekonomiji fir-reġjuni kollha tal-Unjoni se jiffaċċjaw impatti kbar mit-tibdil fil-klima, bħal sħana estrema, għargħar, nixfiet, skarsezza tal-ilma, żieda fil-livell tal-baħar, tidwib tal-glaċieri, nirien tal-foresti, qlugħ ta’ siġar mill-għeruq ikkawżat mir-riħ u telf agrikolu. L-avvenimenti estremi reċenti diġà kellhom impatti sostanzjali fuq l-ekosistemi, u affettwaw il-kapaċitajiet ta’ sekwestru u ħżin tal-karbonju tal-foresti u tal-art agrikola. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ adattament u r-reżiljenza, b’kont meħud tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jgħin biex jiġu minimizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima, biex jiġu indirizzati l-impatti inevitabbli b’mod soċjalment ibbilanċjat u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien f’żoni milquta. It-tħejjija bikrija għal tali impatti hija kosteffettiva u tista’ wkoll iġġib benefiċċji kollaterali konsiderevoli għall-ekosistemi, is-saħħa u l-ekonomija. B’mod partikolari, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

(33)

Il-programmi rilevanti stabbiliti fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jipprevedu l-iskrinjar ta’ proġetti biex jiġi żgurat li tali proġetti jkunu reżiljenti għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima permezz ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u tar-riskji klimatiċi, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ adattament rilevanti, u li huma jintegraw il-kostijiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-analiżi kost-benefiċċji. Dan jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-adattament għat-tibdil fil-klima fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-ippjanar fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni.

(34)

Huma u jieħdu l-miżuri rilevanti fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità klimatika, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu, fost affarijiet oħra: il-kontribut tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għas-saħħa pubblika, il-kwalità tal-ambjent, il-benesseri taċ-ċittadini, il-prosperità tas-soċjetà, l-impjiegi u l-kompetittività tal-ekonomija; it-tranżizzjoni enerġetika, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku; is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-ikel; l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ mobbiltà u trasport sostenibbli u intelliġenti; l-ekwità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri u fi ħdanhom, fid-dawl tal-kapaċità ekonomika tagħhom, iċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom, bħal pereżempju l-ispeċifiċitajiet tal-gżejjer, u l-ħtieġa li jkun hemm il-konverġenza maż-żmien; il-ħtieġa li t-tranżizzjoni tkun waħda xierqa u soċjalment ekwa permezz ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ xierqa; l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti, b’mod partikolari s-sejbiet tal-IPCC; il-ħtieġa li r-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima jiġu integrati fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment u dwar l-ippjanar; il-kosteffettività u n-newtralità teknoloġika fil-kisba tat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-assorbimenti tagħhom u fiż-żieda tar-reżiljenza; u l-progress li jkun qed isir maż-żmien b’rabta mal-integrità ambjentali u mal-livell ta’ ambizzjoni.

(35)

Kif indikat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni adottat fid-9 ta’ Diċembru 2020 komunikazzjoni bl-isem “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”. L-istrateġija tistabbilixxi pjan direzzjonali għal futur sostenibbli u intelliġenti għat-trasport Ewropew, bi pjan ta’ azzjoni lejn objettiv ta’ kisba ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet mis-settur tat-trasport sal-2050.

(36)

Biex ikun żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri jibqgħu mexjin fit-triq it-tajba biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità klimatika u biex jagħmlu progress fl-adattament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b’mod regolari l-progress li jkun qed isir, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni kif stabbilit f’dan ir-Regolament, inkluża l-informazzjoni ppreżentata u rrappurtata skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Sabiex tkun tista’ ssir tħejjija fil-ħin għar-rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-konklużjonijiet ta’ din il-valutazzjoni jenħtieġ li jiġu ppubblikati sat-30 ta’ Settembru kull ħames snin, mill-2023 ’il quddiem. Dan jimplika li r-rapporti skont l-Artikoli 29(5) u l-Artikoli 35 ta’ dak ir-Regolament u, fis-snin applikabbli, ir-rapporti relatati skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin bħall-konklużjonijiet ta’ dik il-valutazzjoni. Fil-każ li l-progress kollettiv li l-Istati Membri jkunu għamlu biex jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament ma jkunx biżżejjed jew li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza jew biex inaqqsu l-vulnerabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll b’mod regolari l-miżuri nazzjonali rilevanti u tagħmel rakkomandazzjonijiet meta ssib li l-miżuri ta’ xi Stat Membru ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza u biex inaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima.

(37)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura valutazzjoni oġġettiva soda li tkun ibbażata fuq l-iktar sejbiet xjentifiċi, tekniċi u soċjoekonomiċi aġġornati u li tkun tirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ għarfien espert indipendenti, u li hija ssejjes il-valutazzjoni tagħha fuq informazzjoni rilevanti, fosthom l-informazzjoni li l-Istati Membri jibagħtu u jirrappurtaw dwarha, ir-rapporti tal-EEA, tal-Bord Konsultattiv u taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti, fosthom ir-rapporti l-aktar aġġornati tal-IPCC, tal-IPBES u ta’ korpi internazzjonali oħra, kif ukoll id-data ta’ osservazzjoni tad-dinja pprovduta mill-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja Copernicus. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tibbaża l-valutazzjonijiet tagħha fuq trajettorja lineari indikattiva li torbot il-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2040, meta jiġu adottati, mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u sservi bħala għodda indikattiva biex jiġi stmat u evalwat il-progress kollettiv lejn il-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. It-trajettorja lineari indikattiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi ddeterminata mira klimatika tal-Unjoni għall-2040. Minħabba li l-Kummissjoni ntrabtet li tesplora kif is-settur pubbliku jista’ juża t-tassonomija tal-UE fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jenħtieġ li din tkun tinkludi informazzjoni dwar investiment sostenibbli mil-lat tal-ambjent min-naħa tal-Unjoni jew min-naħa ta’ Stati Membri, b’mod konsistenti mar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), meta t-tali informazzjoni ssir disponibbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-istatistika u d-data Ewropej u globali meta dawn ikunu disponibbli, u li din titlob li jsir skrutinju min-naħa tal-esperti. Jenħtieġ li l-EEA tgħin lill-Kummissjoni kif xieraq, skont il-programm ta’ ħidma annwali tagħha.

(38)

Minħabba li ċ-ċittadini u l-komunitajiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex imexxu ’l quddiem it-trasformazzjoni lejn in-newtralità klimatika, jenħtieġ li tiġi kemm imħeġġa kif ukoll iffaċilitata parteċipazzjoni qawwija pubblika u soċjali b’rabta mal-azzjoni klimatika fil-livell kollha, inkluż fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-qafas ta’ proċess inklużiv u aċċessibbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkollabora mal-partijiet kollha tas-soċjetà, inklużi partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw setturi differenti tal-ekonomija, biex tippermettilhom jieħdu azzjoni favur soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex tagħtihom is-setgħa jagħmlu dan, inkluż permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew.

(39)

Jenħtieġ li l-istrumenti tal-Unjoni marbutin mat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra jkunu koerenti bejniethom biex il-Kummissjoni tkompli żżomm mal-prinċipji dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Jenħtieġ li s-sistema użata biex jitkejjel il-progress li jkun qed isir biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika, kif ukoll biex titkejjel il-konsistenza tal-miżuri li jkunu ttieħdu ma’ dak l-objettiv, tissejjes fuq il-qafas ta’ governanza stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1999 u tkun konsistenti miegħu, b’kont meħud tal-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija. B’mod partikulari, jenħtieġ li s-sistema ta’ rappurtar regolari u t-tqegħid tal-valutazzjoni u tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni f’sekwenza abbażi tar-rappurtar ikunu allinjati mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1999 biex l-Istati Membri jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu r-rapporti. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1999 jiġi emendat biex l-objettiv tan-newtralità klimatika jiddaħħal fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

(40)

Min-natura tagħha, l-isfida tat-tibdil fil-klima hija waħda transkonfinali u hemm bżonn ta’ azzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni biex jissaħħu u jiġu ssupplementati b’mod effettiv il-politiki nazzjonali. Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas biex jitnaqqsu bil-mod il-mod u b’mod irriversibbli l-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn fonti u biex jitjieb l-assorbiment permezz ta’ bjar irregolati mil-liġi tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika sal-2050 fl-Unjoni sabiex jinkiseb l-għan fit-tul dwar it-temperatura stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Pariġi, u jipprevedi qafas biex isir progress fl-ilħuq tal-għan ta’ adattament globali stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dak il-Ftehim. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku nett fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030.

Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet antropoġeniċi minn fonti u l-assorbiment minn bjar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra elenkati fil-Parti 2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 2

Objettiv tan-newtralità klimatika

1.   L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill-2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.

2.   L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, rispettivament, biex ikun jista’ jinkiseb b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu kemm l-ekwità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri kif ukoll il-kosteffettività fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv.

Artikolu 3

Pariri xjentifiċi dwar it-tibdil fil-klima

1.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit fl-ambitu tal-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 (il-“Bord Konsultattiv”) għandu jservi bħala punt ta’ referenza għall-Unjoni dwar l-għarfien xjentifiku relatat mat-tibdil fil-klima minħabba l-indipendenza u l-għarfien espert xjentifiku u tekniku tiegħu.

2.   Il-kompiti tal-Bord Konsultattiv għandhom jinkludu:

(a)

il-kunsiderazzjoni tal-aħħar sejbiet xjentifiċi tar-rapporti tal-IPCC u d-data xjentifika dwar il-klima, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni rilevanti għall-Unjoni;

(b)

l-għoti ta’ pariri xjentifiċi u l-ħruġ ta’ rapporti dwar miżuri eżistenti u proposti tal-Unjoni, il-miri klimatiċi u l-baġits indikattivi għall-gassijiet b’effett ta’ serra, u l-koerenza tagħhom mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi;

(c)

il-kontribut għall-iskambju ta’ għarfien xjentifiku indipendenti fil-qasam tal-immudellar, il-monitoraġġ, ir-riċerka promettenti u l-innovazzjoni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew għaż-żieda fl-assorbimenti;

(d)

l-identifikazzjoni tal-azzjonijiet u l-opportunitajiet meħtieġa biex il-miri klimatiċi tal-Unjoni jintlaħqu b’suċċess;

(e)

is-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu, kif ukoll l-istimolu tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-korpi xjentifiċi fl-Unjoni, li jikkomplementaw il-ħidma u l-isforzi eżistenti.

3.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun iggwidat fil-ħidma tiegħu mill-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u dik l-aktar reċenti, inklużi l-aħħar rapporti tal-IPCC, tal-IPBES u ta’ korpi internazzjonali oħra. Għandu jsegwi proċess kompletament trasparenti u jagħmel ir-rapporti tiegħu disponibbli pubblikament. Jista’ jqis, meta tkun disponibbli, il-ħidma tal-korpi konsultattivi nazzjonali dwar il-klima kif imsemmi fil-paragrafu 4.

4.   Fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rwol tax-xjenza fil-qasam tal-politika dwar il-klima, kull Stat Membru huwa mistieden jistabbilixxi korp konsultattiv nazzjonali dwar il-klima, responsabbli għall-għoti ta’ pariri xjentifiċi esperti dwar il-politika dwar il-klima lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kif preskritt mill-Istat Membru kkonċernat. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi tali korp konsultattiv, għandu jinforma lill-EEA b’dan.

Artikolu 4

Miri klimatiċi tal-Unjoni intermedji

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-mira msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet rapidu u prevedibbli u, fl-istess ħin, isaħħu l-assorbimenti minn bjar naturali.

Sabiex jiġi żgurat li jsiru biżżejjed sforzi ta’ mitigazzjoni sal-2030, għall-fini ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għar-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-kontribut tal-assorbimenti netti għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 għandu jkun limitat għal 225 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Sabiex ittejjeb il-bir tal-karbonju tal-Unjoni skont l-objettiv li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tikseb volum ogħla tal-bir tal-karbonju nett fl-2030.

2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni biex tippermetti l-kisba tal-mira stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u tikkunsidra li tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, f’konformità mat-Trattati.

Fil-qafas tar-rieżami msemmi fl-ewwel subparagrafu u dawk futuri, il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod partikolari d-disponibbiltà skont il-liġi tal-Unjoni ta’ strumenti u inċentivi adegwati sabiex timmobilizza l-investimenti meħtieġa, u tipproponi miżuri kif meħtieġ.

Mill-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni, hija għandha timmonitorja l-proċeduri leġiżlattivi għall-proposti differenti u tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk l-eżitu previst ta’ dawk il-proċeduri leġiżlattivi, ikkunsidrati flimkien, jilħaqx il-mira stabbilita fil-paragrafu 1. Jekk l-eżitu previst ma jkunx jagħti riżultat f’konformità mal-mira stabbilita fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-adozzjoni ta’ proposti leġislattivi, f’konformità mat-Trattati.

3.   Bl-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi stabbilita mira tal-Unjoni kollha għall-klima għall-2040. Għal dak il-għan, mhux aktar tard minn sitt xhur mill-ewwel rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva, kif xieraq, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt dettaljata, biex temenda dan ir-Regolament biex jinkludi l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040, filwaqt li tqis il-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament u l-eżiti tar-rendikont globali.

4.   Meta tagħmel il-proposta leġiżlattiva tagħha għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tippubblika f’rapport separat il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra għall-perjodu 2030-2050, definit bħala l-volum totali indikattiv tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (espress bħala ekwivalenti ta’ CO2 u inkluża informazzjoni separata dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti) li huwa mistenni li jiġu emessi f’dak il-perjodu mingħajr ma jitqiegħdu f’riskju l-impenji tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra għandu jkun ibbażat fuq l-aqwa xjenza disponibbli, iqis il-pariri tal-Bord Konsultattiv kif ukoll, meta tkun adottata, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li timplimenta l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030. Il-Kummissjoni għandha ukoll tippubblika l-metodoloġija sottostanti għall-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra.

5.   Meta tipproponi l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan li ġej:

(a)

l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u dik l-aktar reċenti, inklużi l-aħħar rapporti tal-IPCC u tal-Bord Konsultattiv;

(b)

l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inklużi l-kostijiet ta’ nuqqas ta’ azzjoni;

(c)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u soċjalment ekwa għal kulħadd;

(d)

il-kosteffettività u l-effiċjenza ekonomika;

(e)

il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji u s-setturi l-aktar esposti għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

(f)

l-aqwa teknoloġiji kosteffettivi, sikuri u skalabbli disponibbli;

(g)

l-effiċjenza enerġetika u l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, l-affordabbiltà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista;

(h)

l-ekwità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

(i)

il-ħtieġa li jiġu żgurati l-effettività ambjentali u l-fatt li jsir progress maż-żmien;

(j)

il-ħtieġa li l-bjar naturali jinżammu, jiġu ġestiti u jiġu mtejba fit-tul u li l-bijodiversità tiġi mħarsa u rrestawrata;

(k)

il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet b’rabta mal-investiment;

(l)

l-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv aħħari tal-UNFCCC;

(m)

l-informazzjoni eżistenti dwar il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet b’effett ta’ serra għall-perjodu 2030-2050 imsemmi fil-paragrafu 4.

6.   Fi żmien sitt xhur mit-tieni rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 tiġi riveduta skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.

7.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż fir-rigward tal-eżiti tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar skedi ta’ żmien komuni għal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali.

Artikolu 5

Adattament għat-tibdil fil-klima

1.   L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw progress kontinwu fit-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, fit-tisħiħ tar-reżiljenza u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta strateġija tal-Unjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u għandha tirrieżaminaha regolarment fil-kuntest tar-rieżami previst fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki dwar l-adattament fl-Unjoni u fl-Istati Membri jkunu koerenti, jappoġġaw lil xulxin, jipprovdu kobenefiċċji għall-politiki settorjali, u jaħdmu favur integrazzjoni aħjar tal-adattament għat-tibdil fil-klima b’mod konsistenti fl-oqsma kollha tal-politika, inklużi l-politiki u l-azzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali rilevanti, meta jkun xieraq, kif ukoll fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. Għandhom jiffukaw, b’mod partikolari, fuq il-popolazzjonijiet u s-setturi l-aktar vulnerabbli u milquta, u jidentifikaw nuqqasijiet f’dan ir-rigward f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.

4.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw strateġiji u pjanijiet nazzjonali ta’ adattament, filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-Unjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u li jkunu bbażati fuq analiżijiet sodi dwar it-tibdil fil-klima u l-vulnerabbiltà, valutazzjonijiet tal-progress u indikaturi u ggwidati mill-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti. Fl-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-vulnerabbiltà partikolari tas-setturi rilevanti, inter alia l-agrikoltura u s-sistemi tal-ilma u tal-ikel kif ukoll is-sigurtà tal-ikel, u għandhom jippromwovu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u adattament ibbażat fuq l-ekosistemi. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw l-istrateġiji regolarment u jinkludu l-informazzjoni aġġornata relatata fir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

5.   Sat-30 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida li jistabbilixxu prinċipji u prattiki komuni għall-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-ġestjoni prudenzjali tar-riskji fiżiċi materjali b’rabta mal-klima waqt l-ippjanar, l-iżvilupp, it-twettiq u l-monitoraġġ ta’ proġetti u programmi għal proġetti.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-progress li tkun għamlet l-Unjoni u tal-miżuri li din tkun ħadet

1.   Sat-30 ta’ Settembru 2023, u kull ħames snin wara dik id-data, flimkien mal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-affarijiet li ġejjin:

(a)

il-progress kollettiv li l-Istati Membri kollha jkunu għamlu biex jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-progress kollettiv li l-Istati Membri kollha jkunu għamlu b’rabta mal-adattament, kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-konklużjonijiet ta’ dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mar-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija li tkun ħejjiet fis-sena kalendarja rispettiva skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   Sat-30 ta’ Settembru 2023, u kull ħames snin wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina:

(a)

il-konsistenza tal-miżuri tal-Unjoni mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-konsistenza tal-miżuri tal-Unjoni mal-iżgurar ta’ progress b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5.

3.   Meta, abbażi tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) jew ma jkunux konsistenti mal-iżgurar ta’ progress b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5, jew li l-progress li jkun qed isir biex jintlaħaq dak l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5 ma jkunx biżżejjed, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konsistenza ta’ kwalunkwe abbozz ta’ miżura jew proposta leġiżlattiva, inklużi l-proposti baġitarji, mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2040 qabel ma dawn jiġu adottati, u għandha tinkludi dik il-valutazzjoni fi kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dawn il-miżuri jew dawn il-proposti, u tagħmel ir-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni disponibbli pubblikament meta dawn jiġu adottati. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk dawk l-abbozzi ta’ miżuri jew proposti leġiżlattivi, inklużi l-proposti baġitarji, humiex konsistenti mal-iżgurar ta’ progress b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5. Meta tagħmel l-abbozzi ta’ miżuri u l-proposti leġiżlattivi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tallinjahom mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ ta’ nonallinjament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-raġunijiet bħala parti mill-valutazzjoni tal-konsistenza msemmija f’dan il-paragrafu.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-miżuri nazzjonali

1.   Sat-30 ta’ Settembru 2023, u kull ħames snin wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha tivvaluta:

(a)

il-konsistenza tal-miżuri nazzjonali identifikati, abbażi tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, l-istrateġiji nazzjonali fit-tul u r-rapporti biennali ta’ progress li jkunu ntbagħtulha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, kif rilevanti biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament ma’ dak l-objettiv;

(b)

il-konsistenza tal-miżuri nazzjonali rilevanti mal-iżgurar ta’ progress b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament imsemmija fl-Artikolu 5(4).

Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-konklużjonijiet ta’ dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mar-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija li tkun ħejjiet fis-sena kalendarja rispettiva skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   Meta, wara li tqis kif xieraq il-progress kollettiv li tkun ivvalutat skont l-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni ssib li l-miżuri ta’ Stat Membru ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) jew ma jkunux konsistenti mal-iżgurar ta’ progress b’rabta mal-adattament kif imsemmi fl-Artikolu 5, hija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lil dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tagħmel tali rakkomandazzjonijiet disponibbli pubblikament.

3.   Meta jinħarġu rakkomandazzjonijiet skont il-paragrafu 2, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat, fi żmien sitt xhur mindu jirċievi r-rakkomandazzjonijiet, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kif biħsiebu jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-Unjoni u bejn l-Istati Membri;

(b)

wara l-preżentazzjoni tan-notifika msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat, fir-rapport nazzjonali integrat sussegwenti tiegħu tal-progress dwar l-enerġija u l-klima ppreżentat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999, fis-sena wara s-sena li fiha nħarġu r-rakkomandazzjonijiet, għandu jiddeskrivi kif ikun qies kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet; jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li ma jiħux azzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet jew dwar parti sostanzjali minnhom, għandu jipprovdi r-raġunament tiegħu għal dan lill-Kummissjoni;

(c)

ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu komplementari għall-aħħar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet komuni dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-ewwel u t-tieni valutazzjonijiet tagħha msemmija fl-Artikoli 6 u 7 fuq trajettorja indikattiva u lineari li tistabbilixxi l-perkors għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti fil-livell tal-Unjoni u li torbot il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 msemmija fl-Artikolu 4(1), il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040, meta tiġi adottata, u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1).

2.   Wara l-ewwel u t-tieni valutazzjonijiet tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tibbaża kwalunkwe valutazzjoni sussegwenti fuq trajettorja indikattiva u lineari li torbot il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040, meta tiġi adottata, u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1).

3.   Minbarra l-miżuri nazzjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1), il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjonijiet tagħha msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-inqas fuq l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni li tintbagħat u li jsiru rapporti dwarha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999;

(b)

ir-rapporti tal-EEA, il-Bord Konsultattiv u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni;

(c)

l-istatistika u d-data Ewropej u globali, fosthom statistika u data mill-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja Copernicus, id-data dwar it-telf irrapportat u projettat minħabba l-impatti negattivi tal-klima u l-istimi dwar il-kostijiet ta’ nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ dewmien fit-teħid ta’ azzjoni, meta dawn ikunu disponibbli;

(d)

l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u l-aktar reċenti, fosthom l-aħħar rapporti tal-IPCC, IPBES u korpi internazzjonali oħra; u

(e)

kwalunkwe informazzjoni supplementari dwar l-investiment sostenibbli mil-lat tal-ambjent min-naħa tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, fosthom, meta disponibbli, l-investiment li jkun konsistenti mar-Regolament (UE) 2020/852.

4.   L-EEA għandha tgħin lill-Kummissjoni tħejji l-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7, skont il-programm ta’ ħidma annwali tagħha.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni pubblika

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkollabora mas-setturi kollha tas-soċjetà biex tippermettilhom jieħdu azzjoni favur tranżizzjoni ġusta u ekwa mil-lat soċjali lejn soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita proċess inklużiv u aċċessibbli fil-livelli kollha, fosthom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-sħab soċjali, l-akkademja, il-komunità kummerċjali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili biex jiġu skambjati l-aqwa prattiki u biex jiġu identifikati l-azzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u għad-djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   Il-Kummissjoni għandha tuża l-istrumenti xierqa kollha, inkluż il-Patt Klimatiku Ewropew, biex tinvolvi liċ-ċittadini, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati, u trawwem id-djalogu u t-tixrid ta’ informazzjoni bbażata fuq ix-xjenza dwar it-tibdil fil-klima u l-aspetti soċjali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiegħu.

Artikolu 10

Pjanijiet direzzjonali settorjali

Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lis-setturi tal-ekonomija fl-Unjoni li jagħżlu li jħejju pjanijiet direzzjonali volontarji indikattivi favur l-ilħuq tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1). Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżvilupp ta’ tali pjanijiet direzzjonali. L-involviment tagħha għandu jinkludi l-faċilitazzjoni tad-djalogu fil-livell tal-Unjoni, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 11

Rieżami

Fi żmien sitt xhur minn kull rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis:

(a)

l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u dik l-aktar reċenti, inklużi l-aħħar rapporti tal-IPCC u tal-Bord Konsultattiv;

(b)

l-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jista’ jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, minn proposti leġiżlattivi biex dan ir-Regolament jiġi emendat.

Artikolu 12

Emendi tar-Regolament (KE) Nru 401/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

1.   Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Bord Konsultattiv”) huwa b’dan stabbilit.

2.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun magħmul minn 15-il espert xjentifiku ta’ livell għoli li jkopru firxa wiesgħa ta’ dixxiplini rilevanti. Il-membri tal-Bord Konsultattiv għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3. Ma għandux ikun hemm aktar minn żewġ membri tal-Bord Konsultattiv li jkollhom in-nazzjonalità tal-istess Stat Membru. Ma għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tal-membri tal-Bord Konsultattiv.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar il-membri tal-Bord Konsultattiv għal terminu ta’ erba’ snin, li għandu jkun jista’ jiġġedded darba, wara proċedura ta’ selezzjoni miftuħa, ekwa u trasparenti. Fl-għażla tiegħu tal-membri tal-Bord Konsultattiv, il-Bord tat-Tmexxija għandu jfittex li jiżgura għarfien espert dixxiplinari u settorjali varjat, kif ukoll bilanċ bejn il-ġeneri u ġeografiku. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

eċċellenza xjentifika;

(b)

esperjenza fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet xjentifiċi u fl-għoti ta’ pariri xjentifiċi fl-oqsma tal-għarfien espert;

(c)

għarfien espert wiesa’ fil-qasam tax-xjenzi klimatiċi u ambjentali jew f’oqsma xjentifiċi oħra rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni;

(d)

esperjenza professjonali f’ambjent interdixxiplinari f’kuntest internazzjonali.

4.   Il-membri tal-Bord Konsultattiv għandhom jinħatru f’kapaċità personali u għandhom iwettqu l-inkarigu tagħhom b’mod kompletament indipendenti mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi l-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ erba’ snin u huwa għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5.   Il-Bord Konsultattiv għandu jikkomplementa l-ħidma tal-Aġenzija filwaqt li jaġixxi b’mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-Bord Konsultattiv għandu jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma annwali tiegħu b’mod indipendenti, u meta jagħmel dan għandu jikkonsulta lill-Bord tat-Tmexxija. Il-president tal-Bord Konsultattiv għandu jinforma lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur Eżekuttiv dwar dak il-programm u l-implimentazzjoni tiegħu.”;

(2)

fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jinkludi wkoll in-nefqa relatata mal-Bord Konsultattiv.”.

Artikolu 13

Emendi tar-Regolament (UE) 2018/1999

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jiġu implimentati strateġiji u miżuri mfassla biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija u l-impenji fit-tul tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’mod konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u, għall-ewwel perjodu ta’ għaxar snin, mill-2021 sal-2030, b’mod partikulari l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030;

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (‘il-Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (7), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

“projezzjonijiet” tfisser il-previżjonijiet tal-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar jew tal-iżviluppi tas-sistema tal-enerġija, inklużi minn tal-inqas l-istimi kwantitattivi għal sekwenza ta’ sitt snin futuri li tintemm b’0 jew b’5, immedjatament wara s-sena ta’ rapportar;”;

(3)

fl-Artikolu 3(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

valutazzjoni tal-impatti tal-politiki u tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, inkluż il-konsistenza tagħhom mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, mal-objettivi tat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra skont il-Ftehim ta’ Pariġi u mal-istrateġiji fit-tul kif imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament;”;

(4)

fl-Artikolu 8(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

il-mod kif il-politiki u l-miżuri eżistenti u l-politiki u l-miżuri ppjanati jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119.”;

(5)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija skont ir-regoli nazzjonali, fejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità kummerċjali, l-investituri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra kif ukoll il-pubbliku ġenerali jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod attiv u jiddiskutu l-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u x-xenarji differenti previsti għall-politiki dwar l-enerġija u l-klima, inkluż fuq perjodu ta’ żmien fit-tul, u għandu jeżamina mill-ġdid il-progress, sakemm ma jkollux diġà struttura li sservi l-istess skop. Il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima jistgħu jiġu diskussi fil-qafas ta’ dan id-djalogu.”;

(6)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sal-1 ta’ Jannar 2020, u sussegwentement sal-1 ta’ Jannar 2029 u minn hemm ’il quddiem kull 10 snin, kull Stat Membru għandu jħejji u jippreżenta lill-Kummissjoni l-istrateġija fit-tul tiegħu b’perspettiva ta’ 30 sena u b’mod konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun neċessarju, jaġġornaw dawk l-istrateġiji kull ħames snin.”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

biex jinkisbu tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u tisħiħ fit-tul tal-assorbimenti minn bjar fis-setturi kollha skont l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, fil-kuntest tat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-titjib meħtieġ tal-assorbimenti minn bjar skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) biex b’mod kosteffikaċi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni u jiżdiedu l-assorbimenti minn bjar ħalli jintlaħaq l-għan fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbimenti minn bjar tal-gassijiet b’effett ta’ serra fi ħdan l-Unjoni u, kif xieraq, sussegwentement jinkisbu emissjonijiet negattivi;”;

(7)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-informazzjoni dwar il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi, inkluż il-progress lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, il-miri u l-kontributi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima, u biex jiġu ffinanzjati u implimentati l-politiki u l-miżuri meħtieġa biex dawn jintlaħqu, inkluż rieżami tal-investiment reali vis à vis s-suppożizzjonijiet ta’ investiment inizjali;”;

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 44(1), għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-istruttura, il-format, id-dettalji tekniċi u l-proċess tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inkluż metodoloġija għar-rapportar dwar it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-enerġija, b’mod partikolari għall-fjuwils fossili, skont il-punt (d) tal-Artikolu 25.”;

(8)

fl-Artikolu 29(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-progress li jkun sar minn kull Stat Membru biex jintlaħqu l-objettivi, inkluż il-progress lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, il-miri u l-kontributi tiegħu u biex jiġu implimentati l-politiki u l-miżuri stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat tiegħu dwar l-enerġija u l-klima;”;

(9)

l-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien sitt xhur dwar kull rendikont globali maqbul skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament, il-kontribut tiegħu għall-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-kontribut tiegħu għall-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-progress lejn il-kisba tal-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, objettivi addizzjonali tal-Unjoni tal-Enerġija u l-konformità tad-dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar, ir-rapportar u l-monitoraġġ stabbiliti f’dan ir-Regolament ma’ liġijiet jew ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Unjoni marbutin mal-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi. Ir-rapporti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn proposti leġiżlattivi meta jkun xieraq.”;

(10)

Il-Parti 1 tal-Anness I hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 3.1.1 tat-Taqsima A, il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“i.

Politiki u miżuri għall-kisba tal-mira stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2018/842 kif jissemma fil-punt 2.1.1 ta’ din it-Taqsima u politiki u miżuri għall-konformità mar-Regolament (UE) 2018/841, li jkopru s-setturi kollha ewlenin tal-emissjonijiet u s-setturi li jtejbu l-assorbimenti, bi prospetti għall-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119”;

(b)

fit-Taqsima B, jiżdied il-punt li ġej:

“5.5.

Il-kontribut tal-politiki u tal-miżuri ppjanati biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119”;

(11)

fil-punt (c) tal-Anness VI, il-punt (viii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(viii)

valutazzjoni tal-kontribut tal-politika jew tal-miżura biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u biex tinkiseb l-istrateġija fit-tul imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament;”.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. MATOS FERNANDES


(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143, u ĠU C 10, 11.1.2021, p. 69.

(2)  ĠU C 324, 1.10.2020, p. 58.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2021.

(4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(5)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(10)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).


Top