EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019L0789
Directive (EU) 2019/789 of the European Parliament and of the Council of 17 April 2019 laying down rules on the exercise of copyright and related rights applicable to certain online transmissions of broadcasting organisations and retransmissions of television and radio programmes, and amending Council Directive 93/83/EEC (Text with EEA relevance.)
Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
PE/7/2019/REV/1
ĠU L 130, 17.5.2019, p. 82–91
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
17.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 130/82 |
DIRETTIVA (UE) 2019/789 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' April 2019
li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Bħala kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hemm bżonn li jitwessa' t-tixrid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-utenti madwar l-Unjoni, billi jeħfief il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu f'xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u r-radju. Il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju huma mezzi importanti li jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, il-koeżjoni soċjali u li jżidu l-aċċess għall-informazzjoni. |
(2) |
L-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali u l-Internet biddlu d-distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u l-aċċess għalihom. Kulma jmur l-utenti qed jistennew dejjem aktar li jkollhom aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju kemm diretti kif ukoll on-demand, permezz ta' mezzi tradizzjonali, bħas-satellita jew il-kejbil, u anki b'servizzi online. Għaldaqstant, minbarra x-xandiriet tagħhom stess tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, kulma jmur l-organizzazzjonijiet tax-xandir qed joffru dejjem aktar servizzi online anċillari għal tali xandiriet, bħalma huma s-servizzi tax-xandir simultanju u s-servizzi tar-ripetizzjoni. L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li jiġbru l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju f'pakketti u jipprovduhom lill-utenti b'mod simultanju mal-ewwel trażmissjoni ta' dawk ix-xandiriet, mingħajr bidla u mingħajr tqassir, jużaw diversi tekniki ta' ritrażmissjoni, bħall-kejbil, is-satellita, it-terrestri diġitali, u netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, kif ukoll l-Internet miftuħ. Barra minn hekk, l-operaturi li jiddistribwixxu l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju lill-utenti għandhom modi differenti biex jiksbu sinjali li jwasslu l-programmi ta' organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluż permezz ta' injezzjoni diretta. Kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal aċċess, min-naħa tal-utenti, għal xandiriet tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li ma joriġinawx biss fl-Istat Membru tagħhom iżda anki fi Stati Membri oħra. Dawn l-utenti jinkludu membri tal-minoranzi lingwistiċi tal-Unjoni, kif ukollpersuni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. |
(3) |
L-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu kuljum ħafna sigħat ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Dawk il-programmi jkun fihom varjetà ta' kontenut, bħal xogħol awdjoviżiv, mużikali, letterarju jew grafiku, protett skont il-liġi tal-Unjoni bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati jew bit-tnejn. Dan joħloq proċess kumpless biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet mingħand għadd kbir ta' detenturi tad-drittijiet għal kategoriji varji ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor. Ħafna drabi l-ikklerjar tad-drittijiet tkun meħtieġa fi żmien qasir, b'mod partikolari meta jkunu qed jitħejjew l-aħbarijiet jew programmi tal-programmi ta' ġrajjiet kurrenti. Sabiex is-servizzi tagħhom jagħmluhom disponibbli lil hinn mill-fruntieri, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom bżonn id-drittijiet meħtieġa għal xogħlijiet u materjal protett ieħor għal kull territorju rilevanti u dan iżid aktar il-kumplessità tal-awtorizzazzjoni ta' tali drittijiet. |
(4) |
L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li tipikament joffru bosta programmi magħmula minn diversi xogħlijiet u materjal protett ieħor, u jkollhom żmien qasir ħafna biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa u, għalhekk, ikollhom iġorru piż sinifikanti tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet. L-awturi, il-produtturi u detenturi oħrajn tad-drittijiet jirriskjaw ukoll li x-xogħlijiet tagħhom u materjal protett ieħor tagħhom jiġu użati mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom jew ħlas xieraq lilhom. Tali remunerazzjoni għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor hija importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm offerta ta' kontenut varjat, li tkun ukoll fl-interess tal-konsumaturi. |
(5) |
Id-drittijiet fejn jidħlu x-xogħlijiet u materjal protett ieħor huma armonizzati, fost l-oħrajn, bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jipprevedu livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet. |
(6) |
Id-Direttiva 93/83/KEE (5) tiffaċilita x-xandir transfruntier bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva dwar it-trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir huma limitati għat-trażmissjonijiet bis-satellita u għalhekk ma japplikawx għas-servizzi online anċillari għax-xandiriet. Barra minn hekk, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra huma limitati għat-trażmissjonijiet mill-ġdid simultanji, mhux mibdulin u mhux imqassrin bil-kejbil jew b'sistemi microwave u ma jkoprux trażmissjonijiet mill-ġdid permezz ta' teknoloġiji oħra. |
(7) |
Għaldaqstant, il-forniment transfruntier tas-servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet, u t-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, jenħtieġ li jeħfiefu billi jiġi adattat il-qafas ġuridiku dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawn l-attivitajiet. Dak l-adattament jenħtieġ li jsir billi jittieħed kont tal-finanzjament u l-produzzjoni ta' kontenut kreattiv, u b'mod partikolari, tax-xogħlijiet awdjoviżivi. |
(8) |
Din id-Direttiva għandha tkopri s-servizzi online anċillari li joffru l-organizzazzjonijiet tax-xandir li għandhom rabta ċara u subordinata max-xandiriet tal-organizzazzjoni tax-xandir. Dawk is-servizzi jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju b'mod strettament lineari, b'mod simultanju għax-xandir, u s-servizzi li jagħtu aċċess, fi żmien definit wara x-xandira, għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jkunu diġà xxandru mill-organizzazzjoni tax-xandir, l-hekk imsejħa “servizzi tar-ripetizzjoni”. Barra minn hekk, is-servizzi online anċillari koperti minn din id-Direttiva jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għal materjal li jarrekkixxi jew inkella jespandi l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju mxandramill-organizzazzjoni tax-xandir, fosthom bi previżjoni, estensjoni, supplimentar jew reviżjoni tal-kontenut tal-programm rilevanti. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal servizzi online anċillari li huma pprovduti lill-utenti minn organizzazzjonijiet tax-xandir flimkien mas-servizz tax-xandir. Jenħtieġ lia tapplika wkoll għal servizzi online anċillari li, filwaqt li jkollhom relazzjoni ċara u subordinata max-xandira, ikunu jistgħu jiġu aċċessati mill-utenti b'mod separat mis-servizz tax-xandir mingħajr ma jkun hemm prekundizzjoni għall-utent li jkollu jikseb aċċess għal dak is-servizz tax-xandir, pereżempju permezz ta' abbonament. Dan ma jaffetwax il-libertà tal-organizzazzjonijiet tax-xandir li joffru dawn is-servizzi online anċillari bla ħlas jew permezz tal-ħlas. L-għoti tal-aċċess għal xogħol individwali jew materjal protett ieħor li jkun inkorporat fi programm tat-televiżjoni jew tar-radju, jew għal xogħlijiet jew materjal protett ieħor li ma jkunu relatati ma' ebda xandira ta' programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir, bħalma huma s-servizzi li jagħtu aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, albums tal-mużika jew vidjos, pereżempju servizzi ta' video-on-demand, jenħtieġ li ma jaqax fl-ambitu tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva. |
(9) |
Sabiex teħfief l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment tas-servizzi online anċillari bejn il-fruntieri, hemm bżonn jiġi previst it-twaqqif tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-atti li jseħħu waqt il-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom. Dak il-prinċipju jenħtieġ li jkopri l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet kollha li huma meħtieġa biex l-organizzazzjoni tax-xandir tkun tista' tikkomunika mal-pubbliku jew tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-programmi tagħha meta tipprovdi servizzi online anċillari, inkluż l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe dritt tal-awtur u drittijiet relatati fix-xogħlijiet jew materjal protett ieħor użati fil-programmi, pereżempju d-drittijiet fil-fonogrammi jew il-prestazzjonijiet. Dak il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika esklussivament għar-relazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet (jew l-entitajiet li jirrappreżentawhom, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv) u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, u jenħtieġ li japplika biss għall-fini tal-forniment tas-servizzi online anċillari, tal-aċċess għalihom jew tal-użu tagħhom. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għal xi komunikazzjoni sussegwenti lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, jew għal kwalunkwe tqegħid sussegwenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawh minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, jew għal kwalunkwe riproduzzjoni sussegwenti ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor li jkunu jinsabu fis-servizz online anċillari. |
(10) |
Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi. Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet. Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom. |
(11) |
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma jirriżultax fl-ebda obbligu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir li jikkomunikaw jew jagħmlu disponibbli lill-pubbliku programmi fis-servizzi online anċillari tagħhom, jew li jipprovdu tali servizzi online anċillari fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni tagħhom. |
(12) |
Billi l-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom taħt din-id-Direttiva, jitqiesu li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha, filwaqt li de facto s-servizzi online anċillari jistgħu jiġu pprovduti bejn il-fruntieri lil Stati Membri oħra, huwa neċessarju li jkun żgurat li fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet inkwistjoni, il-partijiet iqisu l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari bħall-karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi inklużi fis-servizz, l-udjenza, inkluż l-udjenza fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha u fi Stati Membri oħra fejn jiġi aċċessat u użat is-servizz online anċillari, kif ukoll jiġu pprovduti l-verżjonijiet tal-lingwa. Madankollu jenħtieġ li jibqa' possibbli li jintużaw metodi speċifiċi għall-kalkolu tal-ammont tal-ħlas għad-drittijiet soġġetti għall-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, bħal metodi ibbażati fuq id-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir iġġenerat mis-servizz online, li huma użati, b'mod partikolari, mill-organizzazzjonijiet tax-xandir tar-radju. |
(13) |
Abbażi tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, se jibqa' jkun possibbli lijiġi limitat l-isfruttament tad-drittijiet milquta mill-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva, diment li tali limitazzjoni tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni. |
(14) |
L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jistgħu jużaw teknoloġiji differenti meta dawn jittrażmettu mill-ġdid b'mod simultanju, b'mod mhux mibdul u b'mod mhux imqassar, biex tasal għand il-pubbliku trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju. Is-sinjali li jwasslu l-programmi jistgħu jinkisbu minn operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni mingħand organizzazzjonijiet tax-xandir, li huma stess jittrażmettu dawk is-sinjali lill-pubbliku, b'modi differenti, pereżempju billi jinqabdu s-sinjali trażmessi mill-organizzazzjonijiet tax-xandir jew jirċievu s-sinjali direttament minnhom permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta. Is-servizzi ta' tali operaturi jistgħu jiġu offruti bis-satellita, bit-terrestri diġitali, b'netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, u b'netwerks simili jew permezz ta' servizzi tal-aċċess għall-Internet, kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-operaturi ta' servizzi ta' trażmissjoni mill-ġdid li jużaw tali teknoloġiji għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom jenħtieġ għalhekk li jkunu koperti minn din id-Direttiva u jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jintroduċi l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti kontra l-użu mhux awtorizzat ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta' servizzi bi ħlas, is-servizzi ta' ritrażmissjoni li jiġu offruti permezz ta' servizzi ta' aċċess għall-Internet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva biss meta dawk is-servizzi ta' ritrażmissjoni jiġu previsti f'ambjent fejn utenti awtorizzati biss ikunu jistgħu jaċċessaw it-trażmissjonijiet mill-ġdid, u l-livell ta' sigurtà tal-kontenut ikun komparabbli għal-livell ta' sigurtà għal kontenut trażmess fuq netwerks immaniġġjati, bħal kejbil jew netwerks taċ-ċirkwit magħluqin ibbażati fuq l-IPs, li fihom il-kontenut li huwa trażmess mill-ġdid ikun kriptat. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu fattibbli u adegwati. |
(15) |
Sabiex jittrażmettu mill-ġdid it-trażmissjonijiet inizjali tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għandhom jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor. Sabiex tingħata ċ-ċertezza legali lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u sabiex jingħelbu d-disparitajiet fil-liġi nazzjonali rigward dawn is-servizzi ta' ritrażmissjoni, jenħtieġ li japplikaw regoli simili għal dawk li japplikaw għar-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-Direttiva 93/83/KEE. Ir-regoli taħt dik id-Direttiva li jinkludu l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tingħata jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni lil xi operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni permezz ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. Taħt dawk ir-regoli, id-dritt ta' għoti jew ċaħda ta' awtorizzazzjoni bħala tali jibqa' intatt, u huwa biss l-eżerċizzju ta' dak id-dritt li huwa sa ċertu punt irregolat. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jirċievu remunerazzjoni xierqa għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor. Meta jiġu ddeterminati termini ta' liċenzjar raġonevoli, inkluża t-tariffa tal-liċenzja, għal ritrażmissjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li, fost l-oħrajn, jiġi kkunsidrat il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, inkluż il-valur allokat għall-mezzi ta' ritrażmissjoni. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kollettiv tad-dritt tal-ħlas ta' remunerazzjoni unika u ekwa għall-artisti u l-produtturi ta' fonogrammi għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' fonogrammi kummerċjali kif previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u d-Direttiva 2014/26/UE, b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tagħhali għandhomx'jaqsmu mad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fejn tidħol l-għażla ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. |
(16) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti li jiġu konklużi ftehimiet bejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv u operaturi ta' servizzi ta' ritrażmissjoni, għad-drittijiet li huma soġġetti għal immaniġġjar kollettiv obbligatorju skont din id-Direttiva, li jiġu estiżi biex japplikaw għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex rappreżentati minn dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, mingħajr ma dawk id-detenturi tad-drittijiet ikunu permessi jeskludu x-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor mill-applikazzjoni ta' dak il-mekkaniżmu. F'każijiet fejn ikun hemm aktar minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv waħda li timmaniġġja d-drittijiet tal-kategorija rilevanti għat-territorju tagħha, jenħtieġ li jkun għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ifittex awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, biex jiddetermina liema organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv għandhom id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni. |
(17) |
Kull dritt miżmum mill-organizzazzjonijiet tax-xandir stess fejn jidħlu x-xandiriet tagħhom, inkluż id-drittijiet fil-kontenut tal-programmi, jenħtieġ li ma jiġix suġġett għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet applikabbli għat-trażmissjonijiet mill-ġdid. Ġeneralment l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom relazzjonijiet kummerċjali kontinwi tant li l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ikunu jafu l-identità tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. Għaldaqstant, huwa relattivament sempliċi għal dawk l-operaturi li jawtorizzaw id-drittijiet mal-organizzazzjonijiet tax-xandir. B'hekk, biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa mingħand l-organizzazzjonijiet tax-xandir, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ma jġorrux l-istess piż daqs meta jkunu jfittxu li jiksbu liċenzji mingħand id-detenturi tad-drittijiet tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor li jkunu inklużi fil-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jittrażmettu mill-ġdid. Għalhekk il-proċess tal-liċenzjar ma jeħtieġx simplifikazzjoni fejn jidħlu d-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li fejn l-organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati, dawn jinnegozjaw in bona fide fir-rigward tal-liċenzjar tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti minn din id-Direttiva. Id-Direttiva 2014/26/UE tipprevedi regoli simili applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv. |
(18) |
Ir-regoli previsti f'din id-Direttiva li jikkonċernaw id-drittijiet f'ritrażmissjoni eżerċitati mill-organizzazzjonijiet tax-xandir fir-rigward tat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom stess jenħtieġ li ma jillimitawx l-għażla tad-detenturi tad-drittijiet li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom lil organizzazzjoni tax-xandir jew lil organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv u b'hekk jippermettulhom li jkollhom sehem dirett fir-remunerazzjoni mħallsa mill-operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni. |
(19) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar ir-ritrażmissjoni stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom. |
(20) |
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir. L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva. F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. |
(21) |
Meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom direttament lill-pubbliku, u b'hekk iwettqu att inizjali ta' trażmissjoni, u b'mod simultanju wkoll jitrażmettu dawk is-sinjali lil organizzazzjonijiet oħra permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta, pereżempju biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sinjali għall-finijiet ta' ritrażmissjoni, it-trażmissjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet l-oħra jikkostitwixxu att separat ta' komunikazzjoni lill-pubbliku minn dak imwettaq mill-organizzazzjoni tax-xandir. F'dawk is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw ir-regoli dwar it-trażmissjonijiet mill-ġdid stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva. |
(22) |
Sabiex jiġu żgurati l-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet u d-distribuzzjoni preċiża tad-dħul miġbur taħt il-mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju introdott minn din id-Direttiva, huwa importanti li l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv iżommu rekords xierqa ta' sħubija, liċenzji u l-użu ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, skont l-obbligi ta' trasparenza stipulati fid-Direttiva 2014/26/UE. |
(23) |
Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju. Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva. Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta. |
(24) |
F'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, jenħtieġ li jsir rieżami ta' din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-injezzjoni diretta, wara li Direttiva tkun ilha fis-seħħ għal ċertu perjodu ta' żmien, biex jiġu vvalutati, inter alia, il-benefiċċji tagħha għall-konsumaturi tal-Unjoni, l-impatt tagħha fuq l-industriji kreattivi fl-Unjoni u fuq il-livell ta' investiment fil-kontenut il-ġdid, u b'hekk ukoll il-benefiċċji rigward diversità kulturali mtejba fl-Unjoni. |
((25) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li din id-Direttiva tista'twassal għal indħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet sal-punt li jitwettaq l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju għall-eżerċizzju tad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta' ritrażmissjoni, huwa neċessarju li l-applikazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tiġi preskritta b'mod immirat u tkun limitata għal servizzi speċifiċi. |
(26) |
Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier. Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra. Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra. |
(27) |
Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli, li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess transfruntier għal numru akbar ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, billi jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment ta' servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, u għar-ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Jistabbilixxi wkoll regoli għat-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju permezz tal-proċess ta' injezzjoni diretta.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“servizz online anċillari” tfisser servizz online li jikkonsisti fil-forniment lill-pubbliku, minn organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kontroll u bir-responsabbiltà tagħha, ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju b'mod simultanju max-xandira tal-organizzazzjoni tax-xandir jew wara perjodu ta' żmien definit mix-xandira tagħhom, kif ukoll ta' kull materjal li jkun anċillari għal tali xandira; |
(2) |
“ritrażmissjoni” tfisser ir-ritrażmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra, minbarra r-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-Direttiva 93/83/KEE, bil-ħsieb li l-pubbliku jirċievi trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba biex jaslu għand il-pubbliku, fejn tali trażmissjoni inizjali ssir bil-fili jew fl-ajru, inkluż dik bis-satellita, iżda mhux bit-trażmissjoni online, sakemm:
|
(3) |
“ambjent immaniġġjat” tfisser ambjent fejn operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni jipprovdi ritrażmissjoni sikura lill-utenti awtorizzati; |
(4) |
“injezzjoni diretta” tfisser proċess tekniku li permezz tiegħu organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil organizzazzjonijiet li ma jkunux organizzazzjonijiet tax-xandir b'tali mod li s-sinjali li jwasslu l-programmi ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku waqt dik it-trażmissjoni. |
KAPITOLU II
Servizzi online anċillari tal-organizzazzjonijiet tax-xandir
Artikolu 3
L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini” għas-servizzi online anċillari
1. L-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u tad-disponibbiltà lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, li jseħħu waqt il-forniment lill-pubbliku:
(a) |
programmi tar-radju, u |
(b) |
programmi tat-televiżjoni li huma:
|
fil-każ ta' servizz online anċillari minn organizzazzjoni tax-xandir jew taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha, kif ukoll fil-każ tal-atti tar-riproduzzjoni ta' tali xogħlijiet jew materjal protett ieħor li huma meħtieġa għall-forniment ta' tali servizz online, l-aċċess għalih jew l-użu tiegħu għall-istess programmi, għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawk l-atti, li qed iseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha.
Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal xandiriet ta' avvenimenti u xogħlijiet sportivi u materjal protett ieħor inkluż fihom.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet li għalihom japplika l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini kif stabbilit fil-paragrafu 1, il-partijiet jikkunsidraw l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari, bħal karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi pprovduti f'dak is-servizz, l-udjenza, u l-verżjonijiet lingwistiċi pprovduti.
L-ewwel subparagrafu m'għandux jipprekludi il-kalkolu tal-ammont tal-ħlasijiet, fuq il-bażi tad-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir.
3. Il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet u tal-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jillimitaw l-isfruttament ta' dawk id-drittijiet, inklużi dawk stabbiliti fid-Direttiva 2001/29/KE.
KAPITOLU III
Ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju
Artikolu 4
L-eżerċizzju tad-drittijiet fir-ritrażmissjoni mid-detenturi tad-drittijiet għajr l-organizzazzjonijiet tax-xandir
1. Atti ta' ritrażmissjoni ta' programmi għandhom jiġu awtorizzati mid-detenturi tad-dritt esklussiv ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom biex jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni biss permezz ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv.
2. Meta detentur tad-drittijiet ma jkunx ittrasferixxa l-immaniġġjar tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 lil organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, l-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv li timmaniġġja d-drittijiet tal-istess kategorija fit-territorju tal-Istat Membru li għalih l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ikun qed jipprova jikseb awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, għandha titqies li għandha d-dritt li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni għal dak id-detentur tad-drittijiet.
Madankollu, fejn aktar minn organizzazzjoni waħda tal-immaniġġjar kollettiv tkun qed timmaniġġja d-drittijiet ta' dik il-kategorija fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, għandu jitħalla f'idejn l-Istat Membru li għat-territorju tiegħu l-operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni ikun qed jipprova jikseb awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, biex jiddeċiedi liema organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv ikollhom id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li detentur tad-drittijiet ikollu l-istess drittijiet u obbligi li joħorġu minn ftehim bejn operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv li jaġixxu skont il-paragrafu 2 jew 3, daqs id-detenturi tad-drittijiet li jkunu taw il-mandat lil dik l-organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li dak id-detentur tad-drittijiet ikun jista' jinvoka dawk id-drittijiet f'perjodu taż-żmien, stabbilit mill-Istat Membru konċernat, li ma jkunx iqsar minn tliet snin mid-data ta' ritrażmissjoni li tinkludi x-xogħol tiegħu jew tagħha jew materjal protett ieħor.
Artikolu 5
L-eżerċizzju tad-drittijiet fir-ritrażmissjoni mill-organizzazzjonijiet tax-xandir
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 4 ma japplikax għad-drittijiet fir-ritrażmissjoni eżerċitati minn organizzazzjoni tax-xandir għar-rigward ta' trażmissjoni tagħha stess, irrispettivament minn jekk id-drittijiet inkwistjoni jkunux tagħha jew ikunux ġew ittrasferiti lilha mingħand detenturi oħrajn tad-drittijiet tal-awtur jew ta' drittijiet relatati.
2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati rigward l-awtorizzazzjoni għar-ritrażmissjoni skont din id-Direttiva, dawk in-negozjati jsiru b'rieda tajba.
Artikolu 6
Medjazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li tintalab l-assistenza ta' medjatur wieħed jew aktar kif previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 93/83/KEE wkoll meta ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim bejn l-organizzazzjoni ta'mmaniġġjar kollettiv u l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, jew bejn l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u l-organizzazzjoni tax-xandir rigward awtorizzazzjoni għar-ritrażmissjoni ta' xandiriet.
Artikolu 7
Trażmissjonijiet mill-ġdid ta' trażmissjoni inizjali li toriġina fl-istess Stat Membru
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-regolif'dan il-Kapitolu u fil-Kapitolu III tad-Direttiva 93/83/KEE japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom.
KAPITOLU IV
Trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta
Artikolu 8
Trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta
1. Meta organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti b'injezzjoni diretta s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil distributur tas-sinjali, mingħajr ma l-organizzazzjoni tax-xandir innifisha tittrażmetti simultanjament dawk is-sinjali li jwasslu l-programmi direttament lill-pubbliku, u d-distributur tas-sinjali jittrażmetti dawk is-sinjali li jwasslu l-programm lill-pubbliku, l-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali għandhom jitqiesu li qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni uniku lill-pubbliku li għalih għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-Artikoli 4, 5 u 6 ta' din id-Direttiva japplikaw mutatis mutandis għall-eżerċizzju mid-detenturi tad-drittijiet tad-dritt biex tingħata jew tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni għal distributuri tas-sinjali għal trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 1, imwettqa minn wieħed mill-mezzi tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83/KEE jew il-punt (2) tal-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 9
Emendi għad-Direttiva 93/83/KEE
Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/83/KEE, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“3. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “ritrasmissjoni bil-cable” tfisser ir-ritrasmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra permezz ta' sistema tal-cable jew microwave għar-reception mill-pubbliku ta' trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-fili jew fl-arja, inkluż bis-satellita, tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku, irrispettivament mill-mod kif l-operatur ta' servizz ta' ritrasmissjoni bil-cable jikseb is-sinjali li jwasslu l-programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir għal finijiet ta' ritrasmissjoni.”
Artikolu 10
Rieżami
1. Sas-7 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport fuq is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
2. Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa lill-Kummissjoni.
Artikolu 11
Dispożizzjoni tranżitorja
Il-ftehimiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u d-disponibbiltà lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, li jseħħu waqt il-forniment ta' servizz online anċillari kif ukoll għall-atti tar-riproduzzjoni li huma meħtieġa għall-forniment ta' tali servizz online, l-aċċess għalih jew l-użu tiegħu li jkunu fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2021 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 3 mis-7 ta' Ġunju 2023, jekk dawn ikunu jiskadu wara dik id-data.
L-awtorizzazzjonijiet miksuba għall-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 u li huma fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2021, għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 8 mis-7 ta' Ġunju 2025 jekk jiskadu wara dik id-data.
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta' Ġunju 2021. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.
(3) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).
(4) Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).
(6) Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).