EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0738

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/738 tas-27 ta' Frar 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta' potenzjometri trimmer (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/1081

ĠU L 123, 18.5.2018, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/738/oj

18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/100


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/738

tas-27 ta' Frar 2018

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta' potenzjometri trimmer

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb.

(2)

Il-punt 34 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu taċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta' potenzjometri trimmer- sal-21 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)

Il-potenzjometri trimmer huma reżisters varjabbli. Jaħdmu b'wajper biex jaġġustaw ir-reżistenza taċ-ċirkwit. Huma applikati f'firxa wiesgħa ta' prodotti bħal perżempju t-tagħmir awdjoviżiv-, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, il-ġugarelli u l-istrumenti tal-kejl, l-apparat domestiku elettriku. Fihom iċ-ċomb bħala l-ossidu taċ-ċomb fil-linek reżistenti fejn jaġixxi bħala aġent li jgħaqqad.

(4)

Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli mingħajr ċomb disponibbli u għalhekk is-sostituzzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli.

(5)

Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati fil-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli biżżejjed jew alternattiva li x'aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, il-perjodu ta' validità sal-21 ta' Lulju 2021 huwa ġġustifikat. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' tgħodd skont il-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2019 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 34 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“34

Iċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta' potenzjometri trimmer

Japplika għall-kategoriji kollha; jiskadi fi:

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1-7 u l-kategorija 10;

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali;

il-21 ta' Lulju 2023 għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

il-21 ta' Lulju 2024 għall-kategorija 9 l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.”


Top