EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0254

Direttiva (UE) 2015/254 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Frar 2015 li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 43, 18.2.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/254/oj

18.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/1


DIRETTIVA (UE) 2015/254 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Frar 2015

li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi qafas regolatorju sempliċi, ċar, stabbli u prevedibbli għan-negozji, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE (3) għandha l-għan li tiżgura t-tmexxija bla intoppi tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel billi tippromwovi l-appoġġ xjentifiku lil dak il-Kumitat mingħand l-Istati Membri u torganizza l-koperazzjoni mal-korpi nazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet xjentifiċi fir-rigward tas-sikurezza tal-oġġetti tal-ikel.

(3)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-kompiti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel imsemmija fid-Direttiva 93/5/KEE ġew trasferiti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), u dawk il-kompiti attwalment jipprevedihom ir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE (5) li stabbilixxiet il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE (6).

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-EFSA saret ukoll il-korp kompetenti li jippromwovi l-koperazzjoni xjentifika mal-Istati Membri u mal-korpi nazzjonali rilevanti li jaħdmu fl-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-missjoni tal-EFSA. B'mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprovdi li l-EFSA għandha taġixxi f'koperazzjoni mill-qrib mal-korpi kompetenti tal-Istati Membri u li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-EFSA biex ikun żgurat li titwettaq il-missjoni tagħha.

(6)

Id-Direttiva 93/5/KEE għaldaqstant saret obsoleta u għandha titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 93/5/KEE hija b'dan imħassra.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-29 ta' Frar 2016. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Frar 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 157.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2015.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel (ĠU L 52, 4.3.1993, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE tat-23 ta' Lulju 1997 li tistabbilixxi Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur u s-sikurezza tal-ikel (ĠU L 237, 28.8.1997, p. 18).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li twaqqaf Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45).


Top