EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0539

Regolament (UE) Nru 539/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar importazzjonijiet ta' ross li joriġina mill-Bangladexx u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90

ĠU L 158, 27.5.2014, p. 125–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/539/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/125


REGOLAMENT (UE) Nru 539/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar importazzjonijiet ta' ross li joriġina mill-Bangladexx u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fil-kuntest tar-Rawnd tal-Urugwaj, l-Unjoni impenjat ruħha li toffri arranġamenti preferenzjali ta' importazzjoni għar-ross li joriġina mill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Wieħed mill-pajjiżi li għalih dik l-offerta kienet indirizzata, il-Bangladexx, wera l-interess tiegħu fl-iżvilupp tal-kummerċ tar-ross. Għal dak il-għan, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 (2).

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 3491/90 jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, dawk is-setgħat għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa xieraq li r-Regolament (KEE) Nru 3491/90 jiġi mħassar u jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament.

(3)

L-arranġament preferenzjali tal-importazzjoni jinvolvi tnaqqis fid-dazju tal-importazzjoni fil-limitu ta' ċerta kwantità ta' ross bla ħliefa. Il-kwantitajiet ekwivalenti fl-istadji ta' tħin għajr l-istadju tar-ross bla ħliefa għandhom jiġu kkalkolati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 (3).

(4)

Sabiex ikunu stabbiliti l-obbligi tal-importazzjoni applikabbli għar-ross li joriġina mill-Bangladexx importat skont dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-vantaġġi tal-arranġament preferenzjali ta' importazzjoni ikunu limitati għar-ross li joriġina mill-Bangladexx, għandu jinħareġ ċertifikat tal-oriġini.

(6)

Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-istabbiliment ta' regoli li jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-arranġament kundizzjonali fuq l-għoti ta' garanzija, skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(7)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat, ħlief fejn ikun espliċitament ipprovdut mod ieħor, għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, meta s-sospensjoni tal-arranġament preferenzjali ta' importazzjoni ssir neċessarja, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni mingħajr ma tapplika dak ir-Regolament.

(8)

Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni, li għandha tkun konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif spjegat fl-Artikolu 208 TFUE, b'mod partikolari l-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkun konformi wkoll mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b'mod partikolari mad-Deċiżjoni dwar it-Trattament Differenzjat u Aktar Favorevoli, ir-Reċiproċità u l-Parteċipazzjoni Aktar Sħiħa tal-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw (il-'Klawsola ta' Abilitazzjoni'), adottata taħt il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ fl-1979, li skontha l-Membri tad-WTO jistgħu jagħtu trattament differenzjat u aktar favorevoli lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat ukoll fuq ir-rikonoxximent tad-dritt li għandhom il-bdiewa żgħar u l-ħaddiema rurali għal dħul diċenti u għal ambjent tax-xogħol ħieles mill-periklu u san bħala objettiv fundamentali tal-preferenzi kummerċjali li jingħataw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati b'mod partikolari. L-Unjoni għandha l-għan li tiddefinixxi u ssegwi politika u azzjonijiet komuni bil-għan li trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan primarju li teqred l-faqar. F'dan il-kuntest, ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien ambjentali u l-governanza tajba, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huma essenzjali biex jiġi appoġġjat il-progress lejn l-iżvilupp sostenibbli, kif rifless mill-arranġament ta' inċentiv speċjali li jipprovdi għal preferenzi tariffarji addizzjonali skont dak ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi arranġament preferenzjali ta' importazzjoni għal importazzjonijiet ta' ross li joriġina mill-Bangladexx u li jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 1006 10 (minbarra l-kodiċi NM 1006 10 10), 1006 20 u 1006 30.

2.   L-arranġament preferenzjali ta' importazzjoni għandu jkun limitat għal kwantità ekwivalenti għal 4 000 tunnellata ta' ross bla ħliefa għal kull sena kalendarja.

Il-kwantitajiet ta' ross fl-istadji tal-ipproċessar minbarra r-ross bla ħliefa għandhom jiġu kkonvertiti skont ir-rati ta' konverżjoni stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1312/2008.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jissospendi l-applikazzjoni tal-arranġament preferenzjali ta' importazzjoni previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ladarba tiżgura li, matul is-sena li tkun għaddejja, l-importazzjonijiet li jikkwalifikaw taħt l-arranġament imsemmi jkunu laħqu l-kwantità indikata fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 2

Dazju tal-importazzjoni

1.   Fil-limitu tal-kwantità stabbiliti fl-Artikolu 1(2), id-dazju tal-importazzjoni fuq ir-ross għandu jkun ekwivalenti għal dan ġej:

(a)

għar-ross bil-ħliefa li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 10, ħlief għall-kodiċi NM 1006 10 10, id-dazji tad-dwana ffissati fit-Tariffa Komuni tad-Dwana, imnaqqsa b'50 % u mnaqqsa iktar bl-ammont ta' EUR 4,34;

(b)

għar-ross bla ħliefa li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 20, id-dazju ffissat skont l-Artikolu 183 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, imnaqqas b'50 % u mnaqqas iktar bl-ammont ta' EUR 4,34,

(c)

għar-ross nofsu mitħun u ross mitħun li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 30, id-dazju ffissat f'konformità mal-Artikolu 183 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, imnaqqas bl-ammont ta' EUR 16,78, imnaqqas aktar b'50 % u mnaqqas b'ammont addizzjonali ta' EUR 6,52.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika suġġett għall-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Bangladexx tkun ħarġet ċertifikat tal-oriġini.

Artikolu 3

Setgħat delegati

Bil-għan li jiġu żgurati l-affidabilità u l-effiċjenza tal-arranġament preferenzjali tal-importazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 4 li jistabbilixxi regoli li jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-arranġament preferenzjali ta' importazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1 kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta' garanzija.

Artikolu 4

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-28 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b' xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 5

Setgħat ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddeterminaw il-miżuri neċessarji fir-rigward ta':

(a)

il-metodu amministrattiv li għandu jintuża għall-ġestjoni ta' arranġament preferenzjali tal-importazzjoni;

(b)

il-mezzi sabiex tkun iddeterminata l-oriġini ta' prodott kopert bl-arranġament preferenzjali tal-importazzjoni;

(c)

il-forma u l-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat tal-oriġini msemmi fl-Artikolu 2(2);

(d)

il-perjodu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni, fejn xieraq;

(e)

l-ammont ta' garanzija li huwa meħtieġ li jkun ippreżentat f'konformità mal-Artikolu 3;

(f)

in-notifikazzjonijiet li għandhom isiru lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 6

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit permezz tal-Artikolu 229(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 tkun se tingħata permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat hekk jiddeċiedi jew mill-inqas kwart tal-membri tal-kumitat jitolbu li jsir dan.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 3491/90 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 3491/90 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 tas-26 ta' Novembru 1990 dwar l-importazzjoni ta' ross li joriġina fil-Bangladexx (ĠU L 337, 4.12.1990, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 tad-19 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-rati ta' konverżjoni, l-ispejjeż tal-ipproċessar u l-valur tal-prodotti derivati għall-istadji varji tal-ipproċessar tar-ross (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 56).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347.20.12.2013, p. 549).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).


ANNESS

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KEE) Nru 3491/90

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 3

L-Artikoli 3 sa 6


DIKJARAZZJONI DWAR ATTI DELEGATI

Fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 539/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar importazzjonijiet ta' ross li joriġina fil-Bangladexx u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 (1), il-Kummissjoni tfakkar l-impenn li ħadet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sħaħ dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-ħidma tagħha dwar it-tħejjija ta' atti delegati.


(1)  Ara paġna 125 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top