EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0069

Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni 2014/69/UE tat- 13 ta' Marzu 2014 li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċomb f'ċeramika dielettrika f'kapasiters għal vultaġġ nominali ta' inqas minn 125 V AC jew 250 V DC użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 148, 20.5.2014, p. 72–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2014/69/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/72


DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2014/69/UE

tat-13 ta' Marzu 2014

li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċomb f'ċeramika dielettrika f'kapasiters għal vultaġġ nominali ta' inqas minn 125 V AC jew 250 V DC użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Kemm is-sostituzzjoni taċ-ċomb f'ċeramika dielettrika f'kapasiters għal vultaġġ nominali ta' inqas minn 125 V AC jew 250 V DC użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali (IMCIs), kif ukoll is-sostituzzjoni ta' dawn il-komponenti f'IMCIs għadhom mhumiex prattiċi mil-lat tekniku.

(3)

Għalkemm is-sostituzzjoni taċ-ċomb fil-kapasiters taċ-ċeramika b'vultaġġ baxx hija possibbli għal applikazzjonijiet oħra, l-użu ta' dawn il-komponenti mingħajr ċomb f'IMCIs jeħtieġ li l-manifatturi jiddisinjaw l-IMCIS tagħhom, jew partijiet minnhom, mill-ġdid, u li jikkwalifikaw id-disinji l-ġodda tagħhom mill-ġdid, sabiex dawn isiru prattiċi mil-lat tekniku u sabiex tintwera l-affidabbiltà tagħhom. Għaldaqstant, l-użu taċ-ċomb fil-kapasiters taċ-ċeramika b'vultaġġ baxx għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali għandu jiġi eżentat mill-projbizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2020. Minħabba ċ-ċikli ta' innovazzjoni tal-IMCIs, dan huwa perjodu ta' tranżizzjoni relattivament qasir li probabbilment ma għandux ikollu impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(4)

Skont il-prinċipju ta' “sewwi għal-livell tal-produzzjoni” (repair-as-produced) tad-Direttiva 2011/65/UE, li huwa maħsub biex il-ħajja ta' prodotti konformi tiġi estiża ladarba dawn jitqiegħdu fis-suq, il-partijiet ta' rikambju għandhom jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni anki wara d-data tat-tmiem tagħha, mingħajr restrizzjonijiet ta' żmien.

(5)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 40 li ġej:

“40.

Iċ-ċomb f'ċeramika dielettrika f'kapasiters għal vultaġġ nominali ta' inqas minn 125 V AC jew 250 V DC użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.

Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020. Jista' jintuża wara dik id-data f'partijiet ta' rikambju għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2021.”


Top