EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0448

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 448/2013 tal- 15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza ta’ AIFM mhux mill-UE skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 132, 16.5.2013, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/448/oj

16.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 448/2013

tal-15 ta’ Mejju 2013

li jistabbilixxi proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza ta’ AIFM mhux mill-UE skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(14) tagħha,

Billi:

(1)

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punti (b), (c)(i), (e), (f), u (g)(i) tal-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE, iktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jitqiesu bħala l-Istat Membru ta’ referenza possibbli ta’ maniġer mhux mill-UE ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li beħsiebu jamministra fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) tal-UE u skont kif jista’ jkun il-każ, jew AIFs tas-suq ġestiti minnu fl-Unjoni. F’dawn il-każijiet, l-AIFM mhux mill-UE jrid jippreżenta talba lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri biex jiddeterminaw l-Istat Membru ta’ referenza tiegħu. It-talba għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha relevanti meħtieġa għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza għal dan l-AIFM. Għandha tiġi adottata deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza. Jeħtieġ li tiġi stabbilita proċedura li trid tiġi segwita mill-awtoritajiet kompetenti relevanti meta jiddeterminaw l-Istat Membru ta’ referenza. Filwaqt li l-għażla tal-Istat Membru ta’ referenza hija r-responsabilità konġunta tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) imwaqqfa mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandha tiżgura li l-Istati Membri ta’ referenza kollha possibbli jkunu involuti kif xieraq fit-teħid tad-deċiżjoni u għandhom jassistu biex jintlaħaq ta’ ftehim.

(2)

Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza hija differenti mill-proċedura għall-applikazzjoni għal passaport skont id-Direttiva 2011/61/UE. Ladarba l-Istat Membru ta’ referenza jkun ġie ddeterminat, l-AIFM mhux mill-UE kkonċernat irid japplika għal awtorizzazzjoni mal-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, billi jsegwi l-istess proċedura u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li huma applikabbli għall-AIFMs skont l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2011/61/UE.

(3)

Id-Direttiva 2011/61/UE tobbliga lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu dik id-Direttiva mit-22 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant, mingħajr ħsara għall-att iddelegat rikjest fl-Artikolu 67(6) tad-Direttiva 2011/61/UE, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija wkoll differita għall-istess data.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza minn fost bosta Stati Membri ta’ referenza possibbli

1.   Meta maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) mhux mill-UE li jkun beħsiebu jservi ta’ maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) mill-UE bla ma jqiegħdhom fis-suq jew li jkun beħsiebu jqiegħed fis-suq AIFs immaniġġati minnu fl-Unjoni, jippreżenta talba biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza tiegħu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE, dik it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tkun indirizzata lil kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma Stati Membri ta’ referenza possibbli. It-talba għandha telenka l-Istati Membri ta’ referenza possibbli kollha.

2.   It-talba minn AIFM mhux mill-UE għandha tinkludi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza.

3.   Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(4)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE, dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandha tinkludi:

(a)

indikazzjoni tal-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-AIFs immaniġġati minn AIFM mhux mill-UE;

(b)

indikazzjoni tal-Istati Membri fejn l-assi huma ġestiti minn AIFM mhux mill-UE;

(c)

l-ammonti ta’ assi mmaniġġati minn AIFM mhux mill-UE fl-Istati Membri differenti.

4.   Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE, dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandha tinkludi:

(a)

indikazzjoni tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-AIF immaniġġat minn AIFM mhux mill-UE;

(b)

indikazzjoni tal-Istati Membri fejn l-AIFM mhux mill-UE jkun beħsiebu jqiegħed l-AIF fis-suq.

5.   Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (e) u (g)(i) tal-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE, dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandha tinkludi:

(c)

indikazzjoni tal-Istati Memrbri fejn ikunu stabbiliti l-AIFs immaniġġati minn AIFM mhux mill-UE;

(d)

deskrizzjoni tal-istrateġija għat-tqegħid is-suq li kapaċi turi l-intenzjoni tal-AIFM mhux mill-UE biex iqiegħed fis-suq ċertu AIF jew bosta AIFs fi Stat Membru partikolari jew f’bosta Stati Membri, u biex jiżviluppa tqegħid fis-suq effettiv fi Stati Membri partikolari, li tal-inqas tindika:

(i)

l-Istati Membri fejn id-distributuri (u l-AIFM f’każ ta’ awtodistribuzzjoni) ser ikunu qed jippromwovu unitajiet jew ishma ta’ AIFs, li huma mmaniġġati mill-AIFM, inkluż is-sehem mistenni, f’termini ta’ assi mmaniġġati, fil-promozzjoni globali fl-Unjoni;

(ii)

stima tan-numru mistenni ta’ investituri fil-mira b’residenza fl-Istati Membri fejn l-AIFM ikun beħsiebu jqiegħed l-AIFs tiegħu fis-suq;

(iii)

il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li fihom ġew jew għandhom jiġu tradotti d-dokumenti tal-offerta u dawk promozzjonali;

(iv)

id-distribuzzjoni tal-attivitajiet ta’ tqegħid fis-suq bejn l-Istati Membri fejn l-AIFM ikun beħsiebu jqiegħed fis-suq l-AIFs tiegħu filwaqt li jikkunsidra l-prominenza u l-frekwenza partikolari tar-reklamar u r-road shows.

6.   Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(4)(f) tad-Direttiva 2011/61/UE, dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 5(b) ta’ dan l-Artikolu.

7.   L-awtoritajiet kompetenti indirizzati minn AIFM mhux mill-UE bħala awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri possibbli ta’ referenza għandhom, mal-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u mhux iktar tard minn tliet ijiem tax-xogħol wara l-wasla tat-talba, jikkuntattjaw lil xulxin u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) biex jiddeċiedu jekk humiex involuti xi awtoritajiet kompetenti oħrajn fl-Unjoni skont l-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE.

Fuq talba tal-AETS, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-AETS minnufih bit-talba sħiħa li ssir minn AIFM mhux mill-UE.

8.   Fejn jiġi deċiż li jistgħu jkunu involuti awtoritajiet kompetenti oħrajn fl-Unjoni, l-AETS għandha tgħarrafhom minnufih u tiżgura li tintbagħtilhom it-talba sħiħa li tkun saret minn AIFM mhux mill-UE.

9.   Kull awtorità kompetenti involuta fil-proċedura u l-AETS jistgħu jitolbu mingħand AIFM mhux mill-UE informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza.

Din it-talba għal iktar informazzjoni jew dokumentazzjoni għandha ssir bil-miktub, għandha tinkludi r-raġunijiet u għandha tiġi kkomunikata fl-istess ħin lill-awtoritajiet kompetenti kollha l-oħrajn u lill-AETS.

Ladarba l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba jew l-AETS jirċievu l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali, l-awtorità li tagħmel it-talba għandha tgħaddi dik l-informazzjoni jew dokumentazzjoni minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha l-oħrajn u lill-AETS, skont xi jkun il-każ.

10.   Fi żmien ġimgħa minn meta l-awtoritajiet ikkonċernati jew, fejn xieraq, kwalunkwe awtoritajiet kompetenti oħrajn fl-Unjoni skont il-paragrafu 8, jirċievu t-talba msemmija fil-paragrafu 1 indirizzata mill-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha għandhom jippreżentaw opinjoni lil xulxin u lill-AETS fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza xieraq.

11.   Sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt l-Istat Membru ta’ referenza. Id-determinazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn xahar wara li l-awtoritajiet kompetenti identifikati minn AIFM mhux mill-UE, jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn fl-Unjoni skont il-paragrafu 8, jirċievu t-talba mill-awtoritajiet kompetenti identifikati.

Meta tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi estiż sabiex jinkludi l-perjodu bejn it-talba għal informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 9 u l-wasla ta’ dik l-informazzjoni u dokumentazzjoni.

12.   L-AETS għandha tassisti lill-awtoritajiet kompetenti relevanti u, fejn ikun hemm bżonn, tħaffef id-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ referenza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

13.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li huwa ddeterminat bħala l-Istat Membru ta’ referenza għandha tgħarraf bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed lill-AIFM mhux mill-UE dwar dik id-determinazzjoni.

14.   F’każ li l-AIFM mhux mill-UE li jagħmel it-talba ma jkunx mgħarraf bil-miktub fi żmien sebat ijiem dwar id-determinazzjoni jew l-awtoritajiet kompetenti relevanti ma jkunux iddeterminaw l-Istat Membru ta’ referenza fi ħdan il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu, l-AIFM mhux mill-UE li jagħmel it-talba jista’ jagħżel huwa stess l-Istat Membru ta’ referenza tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-AIFM mhux mill-UE għandu jgħarraf bil-miktub minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kollha li huwa kien oriġinarjament indirizza u lill-AETS dwar l-għażla li ħa dwar l-Istat Membru ta’ referenza.

15.   Meta l-Istat Membru ta’ referenza magħżul minn AIFM mhux mill-UE u l-Istat Membru ta’ referenza ddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti jkunu differenti, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-AIFM mhux mill-UE dwar id-determinazzjoni malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux iktar tard minn jumejn ta’ xogħol wara li jkunu ġew mgħarrfa dwar l-għażla tal-AIFM skont il-paragrafu 14. F’dan il-każ, id-determinazzjoni għandha tirbaħ.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament japplika mit-22 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.


Top