EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0289

2011/289/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Mejju 2011 li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

ĠU L 132, 19.5.2011, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/289/oj

19.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Mejju 2011

li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

(2011/289/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat Dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 143 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Ir-Rumanija implimentat programm ta’ riforma sostanzjali sa mill-2009. Il-finanzi pubbliċi treġġgħu lura fi triq aktar sostenibbli u l-aċċess tal-gvern għal finanzjament ibbażat fuq is-suq tjieb ħafna. Hekk kif l-aġġustament fiskali għadu għaddej u r-rata tal-kambju tal-valuta nazzjonali Rumena (RON) flimkien mal-valuti tas-sħab kummerċjali ewlenin saret aktar stabbli u l-istituzzjonijiet prinċipali tal-banek b’sieda barranija żammew l-iskopertura tagħhom għar-Rumanija, is-settur bankarju baqa’ stabbli u kkapitalizzat sew, u d-defiċit estern tar-Rumanija trażżan.

(2)

Jeħtieġ li titwettaq konsolidazzjoni fiskali kontinwa sabiex jiġi stabilizzat aktar il-proporzjon dejn-PDG u tiġi żgurata s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi f’soċjetà li qed tixjieħ malajr. Ir-Rumanija bdiet tibni struttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax, imma għalissal-finanzjament tad-defiċit tal-baġit kif ukoll ir-rifinanzjament tad-dejn li qed jimmatura għadu jiswa ħafna, u r-Rumanija tibqa’ sserraħ fuq l-istrumenti ta’ debitu l-aktar b’maturitajiet qosra. Filwaqt li l-istabilità tas-settur bankarju nżammet, iż-żieda fl-assi deboliti tista’ tkompli toħloq tensjoni fuq is-sistema.

(3)

F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-awtoritajiet Rumeni jsegwu politiki makroekonomiċi tajba u kredibbli biex jiġi evitat r-risorġiment ta’ stress kbir fis-swieq finanzjarji. Il-qofol tal-programm ekonomiku jibqa’ t-tnaqqis tad-defiċit fiskali b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill lir-Rumanija adottati skont il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Sabiex il-ksib ta’ defiċits baġitarji iżgħar isir sostenibbli, ir-Rumanija teħtieġ tkompli r-riformi tal-immaniġjar tal-fondi pubbliċi u l-ambjent tal-kontroll.

(4)

Il-Kunsill qed jirrivedi fuq bażi regolari l-politiki ekonomiċi implimentati mir-Rumanija, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ reviżjonijiet annwali tal-aġġornament tar-Rumanija tal-Programm ta’ Konverġenza u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll ir-reviżjoni regolari tal-progress magħmul mir-Rumanija fil-kuntest tar-Rapport ta’ Konverġenza.

(5)

Filwaqt li fix-xenarju bażi tal-programm ekonomiku, il-ħtiġijiet totali grossi ta’ finanzjament sa tmiem l-ewwel kwart tal-2013 ġew koperti totalment, u l-gvern baqa’ jikkonsolida l-aċċess tiegħu għal finanzjar ibbażat fuq is-suq, l-aġenda tar-riforma li għadha ma tlestietx u r-riskju sostanzjali li jdawwar ix-xenarju bażi jsostnu t-talba tar-Rumanija għal għajnuna finanzjarja ta’ natura prekawzjonarja b’segwitu tal-għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/458/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija (1).

(6)

L-awtoritajiet Rumeni talbu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti u biex jiżguraw li r-riżervi tal-valuti internazzjonali jinżammu f’livell prudenti anki fil-każ ta’ żviluppi ekonomiċi avversi.

(7)

Ir-Rumanija jibqgħalha theddida serja minħabba diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti tagħha, theddida li tkompli tiġġustifika l-għoti ta’ għajnuna reċiproka mill-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tkompli tagħti l-għajnuna reċiproka lir-Rumanija, u b’hekk tkompli l-għajnuna disposta skont id-Deċiżjoni 2009/458/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 6.


Top