EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0541

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 541/2010 tat- 3 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

ĠU L 155, 22.6.2010, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/12/2012; Imħassar b' 32012R1273

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/541/oj

22.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/19


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 541/2010

tat-3 ta’ Ġunju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 74 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2).

(2)

Il-kondizzjonijiet, proċeduri u responsabbiltajiet applikabbli għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 (3) u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (4). Madankollu, dawn l-istrumenti ser jiskadu mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010.

(3)

Il-prekondizzjonijiet għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II mhumiex ser jiġu ssodisfati sat-30 ta’ Ġunju 2010. Sabiex is-SIS II tkun tista’ ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-iżvilupp u l-migrazzjoni sabiex il-proċess ikun jista’ jitlesta. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-SIS II tas-26-27 ta’ Frar 2009 u l-4-5 ta’ Ġunju 2009, ġie stabbilit korp informali li jikkonsisti f’esperti tal-Istati Membri u msejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jingħata appoġġ dirett mill-Istati Membri lill-proġett ċentrali tas-SIS II. Ir-riżultat pożittiv tal-ħidma tal-grupp u l-ħtieġa li jissaħħu aktar il-kooperazzjoni u t-trasparenza tal-proġett jiġġustifikaw l-integrazzjoni formali tal-gupp fl-istruttura tal-ġestjoni tas-SIS II. Għadaqstant għandu jiġi stabbilit formalment grupp ta’ esperti, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm sabiex jikkomplementa l-istruttura organizzattiva attwali. Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza kif ukoll il-kost-effettività n-numru ta’ esperti għandu jkun limitat. Il-grupp ta’ esperti għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għas-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. Huwa meħtieġ li tinżamm u fejn ikun adatt, li tkompli tiġi żviluppata, is-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. L-iżvilupp addizzjonali tas-SIS II Ċentrali għandu jinkludi dejjem il-korrezzjoni tal-iżbalji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-koordinazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet konġunti.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu li għas-SIS II Ċentrali għandha tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi kost-effettività. L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4-5 ta’ Ġunju 2009 stabbilixxa miri importanti li għandhom jintlaħqu sabiex jitkompla l-proġett attwali tas-SIS II. B’mod parallel, twettaq studju dwar l-elaborazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv għall-iżvilupp tas-SIS II abbażi tal-evoluzzjoni tas-SIS 1+ (SIS 1+ RE) bħala l-pjan ta’ kontinġenza, f’każ li t-testijiet juru nonkonformità mar-rekwiżiti tal-miri importanti. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-Kummissjoni biex taqleb għax-xenarju tekniku alternattiv.

(7)

Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tippermetti soluzzjoni teknika oħra, u b’mod partikolari s-SIS 1+ RE dwar l-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali. Is-SIS 1+ RE hija soluzzjoni teknika possibbli biex tiġi żviluppata s-SIS II Ċentrali u jinkisbu l-objettivi tas-SIS II stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(8)

Is-SIS 1+ RE hija karatterizzata b’mezzi uniċi bejn l-iżvilupp tas-SIS II u s-SIS 1+. Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għall-arkitettura teknika tas-SIS II u għall-proċess ta’ migrazzjoni għandhom għalhekk, f’każ ta’ implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv, jinqraw bħala r-referenzi għas-SIS II abbażi ta’ soluzzjoni teknika oħra, kif applikata mutatis mutandis għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ din is-soluzzjoni, waqt li jinżamm l-objettiv li tiġi żviluppata SIS II Ċentrali.

(9)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali abbażi ta’ soluzzjoni teknika alternattiva, dan għandu jkun kopert mill-baġit ġenerali tal-Unjoni filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda. F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), il-Kummissjoni tista’ tiddelega l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil korpi nazzjonali tas-settur pubbliku. Wara l-orjentazzjoni politika u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni tkun mistiedna, f’każ li wieħed jaqleb għas-soluzzjoni alternattiva, biex tiddelega lil Franza l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit relatati mal-iżvilupp tas-SIS II abbażi tas-SIS 1+ RE.

(10)

Fi kwalunkwe xenarju tekniku, ir-riżultat ta’ migrazzjoni f’livell ċentrali għandu jkun d-disponibbiltà tad-database tas-SIS 1+ u funzjonalitajiet ġodda tas-SIS II, li jinkludu kategoriji ta’ data addizzjonali, fis-SIS II Ċentrali.

(11)

L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għas-sistemi nazzjonali tagħhom (N.SIS II). Jibqa’ meħtieġ li ssir il-manutenzjoni tal-N.SIS II u, fejn ikun adatt, li jsir żvilupp ulterjuri tagħhom.

(12)

Franza għandha tibqa’ responsabbli għall-funzjoni ta’ appoġġ tekniku (C.SIS).

(13)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ arkitettura interim għall-migrazzjoni u l-migrazzjoni tad-data mis-SIS 1+ għas-SIS II, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f’perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill iddeċieda dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (6); ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(16)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (7); l-Irlanda għalhekk mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u tal-Irlanda fl-acquis ta’ Schengen, kif stabbiliti rispettivament bid-Deċiżjoni 2000/365/KE u d-Deċiżjoni 2002/192/KE.

(18)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (9).

(19)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimetazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(20)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostittwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (12).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud fl-Artikolu 1:

“3.   L-iżvilupp tas-SIS II jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv karatterizzat bl-ispeċifiċitajiet tekniċi tiegħu.”;

(2)

fl-Artikolu 4 il-frażi ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’din li ġejja:

“Sabiex tiġi żgurata l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II, il-komponenti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli safejn neċessarju:”;

(3)

l-Artikolu 10(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Safejn huwa meħtieġ, il-konvertitur għandu jaqleb id-data f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali u jżomm is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali sinkronizzati.”;

(4)

l-Artikolu 11(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni.”;

(5)

l-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 17a

Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17, Franza, u l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+, grupp ta’ esperti tekniċi, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm (minn hawn ‘il quddiem ‘il-Bord’), huwa b’dan stabbilit. Il-Bord għandu jkun korp konsultattiv ta’ assistenza għall-proġett tas-SIS II ċentrali u għandu jiffaċilita l-konsistenza bejn il-proġetti tas-SIS II ċentrali u tas-SIS II nazzjonali. Il-Bord ma għandu jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni jew l-Istati Membri.

2.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn 10 membri, li jiltaqgħu fuq bażi regolari. L-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jaħtru mhux aktar minn 8 esperti u numru ugwali ta’ membri supplenti. Mhux aktar minn żewġ esperti u żewġ membri supplenti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni.

Jistgħu jattendu għall-laqgħat tal-Bord, esperti ta’ Stati Membri oħrajn u l-uffiċjali tal-Kummissjoni involuti direttament fl-iżvilupp tal-proġetti SIS II, bi spejjeż għall-amministrazzjoni jew l-istituzzjoni rispettiva tagħhom.

Il-Bord jista’ jistieden lil esperti oħrajn biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord kif definit fit-termini ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5, bi spejjeż għall-amministrazzjoni, l-istituzzjoni jew il-kumpannija rispettiva tagħhom.

3.   L-esperti maħtura mill-Istati Membri li jaġixxu bħala l-Presidenza u l-Presidenza li jmiss għandhom dejjem ikunu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord.

4.   Is-segretarjat tal-Bord għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

5.   Il-Bord għandu jfassal it-termini ta’ referenza tiegħu stess li għandhom jinkludu b’mod partikolari proċeduri dwar:

funzjoni ta’ president li talterna bejn il-Kummissjoni u l-Presidenza,

postijiet tal-laqgħat,

preparazzjoni tal-laqgħat,

ammissjoni ta’ esperti oħrajn,

pjan ta’ komunikazzjoni li jiżgura informazzjoni sħiħa lil Stati Membri li mhumiex qed jipparteċipaw.

It-termini ta’ referenza għandhom jieħdu effett wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u mill-Istati Membri li jiltaqgħu fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17.

6.   Il-Bord għandu jippreżenta rapporti bil-miktub fuq bażi regolari dwar il-progress tal-proġett li jinkludu l-pariri li ngħataw, u l-ġustifikazzjoni tagħhom, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 jew, kif meħtieġ, lill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-Bord għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, safejn dawn ma jkunux irrimburżati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri fil-Bord innominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li jirriżultaw b’konnessjoni mal-ħidma tal-Bord, ir-‘Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f’kapaċità ta’ esperti tal-Kummissjoni’ għandhom japplikaw.”;

(6)

fl-Artikolu 19, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Huwa għandu jiskadi f’data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi konformement mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2013 jew fil-31 ta’ Diċembru 2013 f’każ li ssir bidla għal xenarju tekniku alternattiv kif imsemmi fl-Artikolu 1(3).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(2)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(3)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


Top