EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0276

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 276/2010 tal- 31 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), fir-rigward tal-Anness XVII (id-diklorometan, iż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill u l-komposti organostanniċi) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 86, 1.4.2010, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/276/oj

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 276/2010

tal-31 ta’ Marzu 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), fir-rigward tal-Anness XVII (id-diklorometan, iż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill u l-komposti organostanniċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni b’mod partikulari l-Artikolu 131 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (2) stabbiliet fl-Anness I tagħha r-restrizzjonijiet għal ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi. Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ħassar u ħa post id-Direttiva 76/769/KEE b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2009. L-Anness XVII ta’ dan ir-Regolament jieħu post l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 455/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tad-diklorometan (3) ġiet adottata fis-6 ta’ Mejju 2009.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/424/KE li temenda, għall-għan tal-addattament għall-progress tekniku, l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-użu taż-żjut tal-lampi u l-fluwidi tal-lajter tal-grill (4) ġiet adottata fit-28 ta’ Mejju 2009.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/425/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti komposti organostanniċi bl-għan li l-Anness I tagħha jiġi adattat għall-progress tekniku (5) ġiet adottata fit-28 ta’ Mejju 2009.

(5)

Wara d-dispożizzjonijiet dwar miżuri tranżitorji fl-Artikolu 137 tar-REACH, jixraq li jiġi emendat l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 bil-għan li jiġu inkorporati r-restrizzjonijiet previsti mid-Deċiżjonijiet 455/2009/KE, 2009/424/KE u 2009/425/KE.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’mod urġenti biex dawn ir-restrizzjonijiet jiġu inklużi fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 mill-aktar fis possibbli.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat b’mod konformi mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

(3)  ĠU L 137, 3.6.2009, p. 3.

(4)  ĠU L 138, 4.6.2009, p. 8.

(5)  ĠU L 138, 4.6.2009, p. 11.


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, it-tabella li tiffissa d-deżinjazzjoni tas-sustanzi, il-gruppi ta’ sustanzi u t-taħlitiet u l-kundizzjonijiet ta’ restrizzjoni hija emendata kif ġej:

(1)

L-iskrizzjoni 3 hija sostitwita permezz ta’ dan li ġej:

“3.

Sustanzi jew taħlitiet likwidi, meqjusin bħala perikolużi skont id-definizzjonijiet fid-Direttiva 67/548/KEE u d-Direttiva 1999/45/KE.

1.

Ma għandhomx jintużaw fi:

oġġetti ornamentali, maħsuba biex jipproduċu d-dawl jew effetti tal-kulur permezz ta’ fażijiet differenti, pereżempju f’bozoz għat-tiżjin u axtrejs,

bużullotti u ċajt,

logħob għal parteċipant wieħed jew aktar, jew kull oġġett maħsub li jintuża bħala tali, anke b’aspetti għat-tiżjin.

2.

L-oġġetti li ma jkunux konformi mal-paragrafu 1 ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

3.

Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk dawn ikollhom aġent tal-kulur, sakemm jinħtieġ għal finijiet fiskali jew bħala fwieħa jew għat-tnejn u jekk dawn:

jistgħu jintużaw bħala pitrolju f’lampi dekorattivi għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, u,

jippreżentaw periklu ta’ teħid man-nifs u jkollhom it-tikketta R65 jew H304.

4.

Lampi taż-żejt dekorattivi għall-forniment tal-pubbliku ġenerali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq sakemm ma jikkonformawx mal-Istandard Ewropew dwar il-lampi taż-żejt Dekorattivi (EN 14059) adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

5.

Bla ħsara għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn relatati mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi, min iforni għandu jiżgura, qabel it-tqegħid fis-suq, li dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti:

(a)

iż-żjut tal-lampi, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma viżibbli, jinqraw u mmarkati b’mod li ma jitħassarx kif ġej: ‘Żomm il-lampi mimlijin b’dan il-likwidu ‘l hinn milli jintlaħqu mit-tfal’; u, sal-1 ta’ Diċembru 2010, ‘Belgħa biss miż-żejt tal-lampa — jew anki jekk issoffi il-ftila tal-lampi bil-ħalq — tista’ tikkawża ħsara lill-pulmun li taf twassal għall-mewt’;

(b)

il-fluwidi tal-lajter tal-grill, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma viżibbli, jinqraw u mmarkati b’mod li ma jitħassarx sal-1 ta’ Diċembru 2010 kif ġej: ‘Belgħa biss mil-lajter tal-grill tista’ tikkawża ħsara lill-pulmun li taf twassal għall-mewt’;

(c)

iż-żjut tal-lampi u l-lajters tal-grill, ittikkettjati b’R65 jew H304, maħsuba għall-forniment tal-pubbliku ġenerali huma ppakkjati f’kontenituri suwed opaki li ma jaqbżux il-litru sal-1 ta’ Diċembru 2010.

6.

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimiċi biex tħejji dossier, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament preżenti sabiex jiġu pprojbiti, jekk xieraq, il-fluwidi tal-lajter tal-grill u l-fjuwil għal-lampi dekorattivi, ittikkettjati R65 jew H304, maħsuba għall-forniment fost il-pubbliku ġenerali.

7.

Il-persuni naturali u legali li jqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq żjut tal-lampi jew fluwidi tal-lajter tal-grill, ittikkettjati R65 jew H304, għandhom sal-1 ta’ Diċembru 2011, u kull sena wara dan, jipprovdu dejta dwar l-alternattivi għaż-żjut tal-lampi u fluwidi tal-lajter tal-grill ittikkettjati R65 jew H304 lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jagħmlu din id-dejta disponibbli għall-Kummissjoni.”

(2)

Fl-Entratura 20, il-paragrafi li ġejjin 4, 5 u 6 jiżdiedu mat-tieni kolonna:

 

“4.

Komposti organostanniċi trisostitwiti:

(a)

Il-komposti organostanniċi trisostitwiti bħall-komposti tributiltin (TBT) u trifeniltin (TPT) m’għandhomx jintużaw wara l-1 ta’ Lulju 2010 f’oġġetti fejn il-konċentrazzjoni fl-oġġett, jew parti minnu, huwa ikbar mill-ekwivalenti ta’ 0,1 % skont il-piż tal-landa.

(b)

L-oġġetti li ma jikkonformawx mal-punt (a) ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2010, ħlief oġġetti li diġà kienu qed jintużaw fil-Komunità qabel dik id-data.

5.

Komposti tad-Dibutyltin (DBT):

(a)

Il-komposti tad-dibutyltin (DBT) ma għandhomx jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2012 f’taħlitiet u oġġetti għal provvista lill-pubbliku ġenerali fejn il-konċentrazzjoni fit-taħlita jew l-oġġett, jew parti minnu, hija ikbar mill-ekwivalenti ta’ 0,1 % skont il-piż tal-landa.

(b)

L-oġġetti u t-taħlitiet li ma jikkonformawx mal-punt (a) ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2012, ħlief oġġetti li diġà kienu qed jintużaw fil-Komunità qabel dik id-data.

(c)

B’deroga, il-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2015 għall-oġġetti u t-taħlitiet li ġejjin għall-provvista lill-pubbliku ġenerali:

adeżivi u siġillanti tal-vulkanizzar ta’ temperatura ambjentali b’komponent wieħed u b’żewġ komponenti (siġillanti RTV-1 u RTV-2),

żebgħa u kisi li fihom il-komposti DBT bħala katalizzaturi meta jiġu applikati fuq l-oġġetti,

profili tal-polyvinyl chloride (PVC) rotob kemm jekk waħedhom jew koetrużi mal-PVC iebes,

tessuti miksija bil-PVC li fih il-komposti DBT bħala stabilizzaturi meta jkunu magħmula għall-applikazzjoni esterna,

pajpijiet għall-ilma tax-xita għall-użu estern, kanali għall-miżieb u tagħmir għalihom, kif ukoll materjal ta’ kisi għas-soqfa u l-faċċati.

(d)

B’deroga, il-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw għall-materjali u l-oġġetti regolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

6.

Il-kompost Dioctyltin (DOT):

(a)

Il-komposti dioctyltin (DOT) ma għandhomx jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2012 fl-oġġetti li ġejjin għall-provvista, jew l-użu mill-pubbliku ġenerali fejn il-konċentrazzjoni fl-oġġett, jew f’parti minnu, hija ikbar mill-ekwivalenti ta’ 0,1 % skont il-piż tal-landa:

l-oġġetti tessili maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ġilda,

ingwanti,

xidd is-saqajn, jew parti minnhom maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ġilda,

kisi tal-art jew tal-ħajt,

oġġetti għall-kura tat-tfal,

prodotti tal-iġjene tan-nisa,

ħrieqi,

moulding kits tal-vulkanizzar ta’ temperatura ambjentali b’ żewġ komponenti (RTV-2 moulding kits).

(b)

L-oġġetti li ma jikkonformawx mal-punt (a) ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2012, ħlief oġġetti li diġà kienu qed jintużaw fil-Komunità qabel dik id-data.”

(3)

L-entratura 59 li ġejja tiġi miżjuda:

“59.

Id-diklorometan

CAS Nru 75-09-2

Nru tal-KE: 200-838-9

1.

Prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom diklorometan f’konċentrazzjoni daqs jew akbar minn 0,1 % skont il-piż ma għandhomx:

(a)

jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba għall-provvista lill-pubbliku ġenerali jew lill-professjonisti wara s-6 ta’ Diċembru 2010;

(b)

jitqiegħdu fis-suq għall-provvista lill-pubbliku ġenerali jew lill-professjonisti wara s-6 ta’ Diċembru 2011;

(c)

jintużaw minn professjonisti wara s-6 ta’ Ġunju 2012.

Għall-finijiet ta’ din l-iskrizzjoni:

(i)

‘professjonist’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, inklużi ħaddiema u ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li fl-attività professjonali tagħhom jagħmlu xogħol ta’ tqaxxir ta’ żebgħa li ma jsirx fi stabbiliment industrijali;

(ii)

‘stallazzjoni industrijali’ tfisser faċilità li tintuża għall-attivitajiet ta’ tqaxxir taż-żebgħa.

2.

Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu fuq it-territorji tagħhom, u għal ċerti attivitajiet, l-użu minn professjonisti mħarrġa apposta ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-diklorometan u jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa biex jiġu pprovduti lil dawn il-professjonisti.

L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jiddefinixxu miżuri xierqa għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza ta’ dawk il-professjonisti li jużaw prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li jkun fihom id-diklorometan u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu r-rekwiżit li professjonist ikollu ċertifikat li jkun aċċettat minn Stat Membru fejn jaħdem dak il-professjonist, jew jipprovdi provi dokumentati oħrajn li jixhdu dan, jew li jkollu l-approvazzjoni b’xi mod ieħor mill-Istat Membru, ħalli jkun jista’ juri t-taħriġ u l-kompetenza xierqa biex juża b’mod sigur prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li jkun fihom id-diklorometan.

Il-Kummissjoni għandha tħejji lista tal-Istati Membri li għamlu użu minn din id-deroga f’dan il-paragrafu u jqegħduha għad-dispożizzjoni pubblika fuq l-Internet.

3.

Professjonist li jibbenefika mid-deroga li jirreferi għaliha l-paragrafu 2, għandu jopera biss fl-Istati Membri li għamlu użu minn din id-deroga It-taħriġ li jirrreferi għalih l-paragrafu 2 bħala minimu għandu jkopri:

(a)

l-għarfien, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa, inkluż informazzjoni dwar alternattivi jew proċessi eżistenti li skont il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom huma ta’ anqas periklu għas-saħħa u s-sikurezza tal- ħaddiema;

(b)

l-użu ta’ ventilazzjoni adegwata;

(c)

l-użu ta’ tagħmir protettiv personali xieraq konformi mad-Direttiva 89/686/KEE.

Min iħaddem u ħaddiema li jaħdmu għal rasu għandhom preferibbilment jissostitwixxi d-diklorometan b’aġent jew proċess kimiku li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu, mhuwiex perikoluż, jew huwa inqas perikoluż, għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

Il-professjonisti, fil-prattika, għandhom japplikaw kull miżura tas-sikurezza relevanti, inkluż l-użu ta’ tagħmir protettiv personali.

4.

Bla ħsara għal leġiżlazzjoni Komunitarja oħra dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom diklorometan f’konċentrazzjonijiet daqs jew akbar minn 0,1 % skont il-piż jistgħu jintużaw biss fi stallazzjonijiet industrijali jekk, bħala minimu, jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ventilazzjoni effettiva fl-oqsma tal-ipproċessar kollha, b’mod partikulari għall-ipproċessar bit-tixrib u t-tnixxif ta’ oġġetti mqaxxra: ventilazzjoni lokali tal-egżost fit-tankijiet tat-tqaxxir issupplimentata minn ventilazzjoni forzata f’dawn iz-zoni, biex jiġi minimizzat l-esponiment u biex tiġi żgurata l-konformità, fejn ikun teknikament possibbli, mal-limiti relevanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol;

(b)

miżuri biex tiġi minimizzata l-evaporazzjoni minn tankijiet għat-tqaxxir, li jinkludu: għotjien biex jgħattu t-tankijiet għat-tqaxxir ħlief waqt it-tgħabbija u l-ħatt; arranġamenti xierqa għat-tgħabbija u l-ħatt ta’ tankijiet għat-tqaxxir; u tankijiet għall-ħasil bl-ilma jew b’ilma mielaħ biex jitneħħa s-solvent żejjed wara l-ħatt;

(c)

miżuri biex jiġi mmaniġġjat b’mod sigur id-diklorometan f’tankijiet għat-tqaxxir li jinkludu: pompi u sistema ta’ pajpijiet biex jittrasferixxu prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa mit-tankijiet u għal ġo fihom; u arranġamenti xierqa biex jitnaddfu t-tankijiet u jitneħħa r-residwu bla perikli;

(d)

tagħmir ta’ protezzjoni personali li jikkonforma mad-Direttiva 89/686/KEE u li jkun jinkludi: ingwanti protettivi, maskli tas-sikurezza u lbies protettiv xierqa; kif ukoll tagħmir ta’ respirazzjoni protettiv xieraq għal fejn il-konformità mal-limiti relevanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol ma tkunx jista’ tinkiseb b’xi mod ieħor;

(e)

informazzjoni, tagħlim u taħriġ adegwati għall-operaturi fl-użu ta’ dan it-tagħmir.

5.

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar ta’ sustanzi u taħlitiet, sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2011 il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom konċentrazzjoni ta’ diklorometan daqs jew akbar minn 0,1 % skont il-piż għandhom jiġu mmarkati b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx kif ġej:

‘Ristrett għall-użu industrijali u għall-professjonisti approvati f’ċerti Stati Membri tal-UE – ivverifika fejn jista’ jintuża.’ ”


Top