EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0027

Direttiva 2008/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

ĠU L 81, 20.3.2008, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/27/oj

20.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 81/45


DIRETTIVA 2008/27/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/18/KE (3) tipprovdi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li daħħlet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawn l-elementi jew billi jiġi ssupplimentat l-istrument b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regulatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li diġà daħlu fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata is-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE. Dawk il-miżuri huma maħsuba li jadattaw ċerti annessi, tistabbilixxi kriterji għan-notifika u tistabbilixxi l-limiti minimi. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2001/18/KE, inter alia billi jissupplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2001/18/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(6)

Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2001/18/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura ta’ kumitat, m’hemmx il-ħtieġa li dawn ikunu trasposti mill-Istati Membri. Għalhekk m’hemmx il-ħtieġa li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2001/18/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 16(2) u 16(3) għandhu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll kull rekwiżit xieraq għas-sommarju tad-dossier, għandhom jiġu stabbiliti. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku rilevanti, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għandhom ikunu tali li jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika disponnibli fuq din is-sigurtà u mill-esperjenza miksuba mir-rilaxx ta’ GMOs komparabbli.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) għandhom jiġu mibdula b’dawk adottati skond l-ewwel subparagrafu, u għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(3), (4), (5) u (6) u l-Artikoli 14 u 15.

3.   Qabel tinbeda il-proċedura bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3) għal deċiżjoni fuq il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ser tagħmel il-proposta aċċessibbli għall-pubbliku. Il-pubbliku jista’ jagħmel kummenti lill-Kummissjoni fi żmien 60 jum. Il-Kummissjoni għandha tressaq dawn il-kummenti, flimkien ma’ analiżi, lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30.”;

(2)

l-Artikolu 21(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għal prodotti fejn traċċi tekniċi jew vantaġġużi li ma jistgħux jiġu evitati ta’ GMOs awtorizzati ma jistgħux jiġu esklużi, jista’ jiġi stabbilit limitu minimu li anqas minnu dawn il-prodotti m’għandhomx għalfejn jiġu ttikketjati skond id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1.

Il-livelli għandhom jiġu stabbiliti skond il-prodott ikkonċernat. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3).”;

(3)

l-Artikolu 21(3), għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Għall-prodotti maħsuba għall-ipproċessar dirett, il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal traċċi ta’ GMOs awtorizzati fi proporzjoni li ma tkunx ogħla minn 0,9 % jew limiti aktar baxxi, kemm-il darba dawn it-traċċi ikunu aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

Il-livelli massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ qabel jistgħu jiġu stabbiliti. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3).”;

(4)

l-Artikolu 23(2), għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Fi żmien 60 jum mid-data li jiġi irċevut it-tagħrif trażmess mill-Istat Membru għandha titteħed deċiżjoni dwar il-miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2). Biex jiġi kkalkulat iż-żmien ta’ 60 jum, m’għandhux jittieħed kont ta’ kwalunkwe perjodu ta’ żmien li matulu l-Kummissjoni tkun qed tistenna iktar tagħrif li setgħet talbet mingħand min għamel in-notifika jew li matulhu tkun qed tfittex l-opinjoni tal-Kumitat jew Kumitati Xjentifiċi li jkun ġie jew li jkunu ġew ikkonsultati. Il-perjodu ta’ żmien li matulu l-Kummissjoni tkun qed tistenna l-opinjoni tal-Kumitat jew Kumitati Xjentifiċi li ġew ikkunsultati ma għandux ikun iktar minn 60 jum.

Bl-istess mod, m’għandux jittieħed kont tal-perjodu ta’ żmien li l-Kunsill jieħu biex jaġixxi skond il-proċedura bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(2).”;

(5)

l-Artikolu 26(2), għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom jitniżżlu, mingħajr ma jidduplikaw jew joħolqu inkonsistenzi ma’ dispożizzjonijiet ta’ tikkettar stabbiliti fil-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità. Dawk il-miżuri li jagħmlu dan, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3). Meta dan isir, għandu jittieħed kont, kif xieraq, tad-dispożizzjonijiet dwar ittikkettar stabbiliti mill-Stati Membri skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità.”;

(6)

l-Artikolu 27 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Adattazzjoni ta’ l-Annessi għal progress tekniku

L-adattazzjoni mal-progress tekniku ta’ Sezzjoni C u D ta’ l-Anness II, l-Annessi III sa VI, u sezzjoni C ta’ l-Anness VII, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adattati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 30(3).”;

(7)

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(8)

fl-Anness II, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Dan l-Anness jiddeskrivi f’termini ġenerali l-għan li jrid jinkiseb, l-elementi li għandhom jitqiesu u l-prinċipji ġenerali u l-metodoloġija li għandhom jiġu segwiti biex titwettaq l-istima ta’ riskju ambjentali (e.r.a.) imsemmija fl-Artikoli 4 u 13. Jistgħu jinħolqu noti ta’ għajnuna teknika skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 30(2) sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-ispjegazzjoni ta’ dan l-Anness”;

(9)

fl-Anness IV, il-kliem introduttiv għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Dan l-Anness jiddeskrivi f’termini ġenerali t-tagħrif addizzjonali li għandu jiġi pprovdut f’każ ta’ notifika ta’ tqegħid fis-suq u tagħrif dwar rekwiżiti ta’ tikkettar dwar GMOs bħala prodotti li għandhom jitpoġġew fis-suq jew f’tali prodotti, u GMOs eżentati skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(4). Jistgħu jiġu żviluppati noti ta’ għajnuna teknika, fir-rigward, inter alia, ta’ deskrizzjoni ta’ kif il-prodott huwa maħsub li jintuża, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-ispjegazzjoni ta’ dan l-Anness. Ir-rekwiżiti ta’l-ittikkettjar ta’ organiżmi eżentati kif stabblilit mill-Artikolu 26 għandu jiġi osservat billi jkunu pprovduti rakkomandazzjonijiet xierqa għall-użu u restrizzjonijiet għal tali użu:”;

(10)

fl-Anness VII, l-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Dan l-Anness jiddeskrivi f’termini ġenerali l-għan li jrid jinkiseb u l-prinċipji ġenerali li jridu jkunu segwiti fit-tfassil tal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikoli 13(2), 19(3) u 20. Jistgħu jinħolqu noti ta’ għajnuna teknika skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-ispjegazzjoni ta’ dan l-Anness.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

F’isem il-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(3)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top