EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1293

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1293/2007 tat- 30 ta’ Ottubru 2007 li tirrevoka d-dazji ta’ antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw fit-Tajwan u li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom kif ukoll li jirrevoka d-dazji kompensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja, li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom u li jtemm il-proċediment li jirrigwardahom

ĠU L 288, 6.11.2007, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1293/oj

6.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 288/17


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1293/2007

tat-30 ta’ Ottubru 2007

li tirrevoka d-dazji ta’ antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw fit-Tajwan u li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom kif ukoll li jirrevoka d-dazji kompensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja, li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom u li jtemm il-proċediment li jirrigwardahom

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku ta’ l-antidumping”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju”), (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ u soġġetti għal reviżjoni

(1)

Dazji definittivi ta’ l-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw fit-Tajwan ġew imposti fit-18 ta’ Ġunju 2002 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw mit-Tajwan (3) (“il-proċediment oriġinali ta’ l-antidumping”). Huma kienu jifirxu minn 17,7 % sa 38,5 %. Dawn il-miżuri skadew ipso iure fit-18 ta’ Ġunju 2007 bi qbil ma’ l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-iskadenza ta’ ċerti miżuri ta’ anti-dumping (4).

(2)

Dazji definittivi kompensatorji fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom (“CD-Rs”) li joriġinaw mill-Indja ġew imposti fil-5 ta’ Ġunju 2003 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 tat-2 ta’ Ġunju 2003 li jimponi dazju definittiv kompensatorju fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw mill-Indja (5). Huma kienu jammontaw għal 7,3 %.

2.   Investigazzjonijiet preċedenti li jikkonċernaw importazzjonijiet ta’ CD-Rs mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minn Ħong Kong u l-Malażja

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni 2006/753/KE (6), il-Kummissjoni temmet proċediment ta’ l-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ CD-Rs li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’), Ħong Kong u l-Malażja fuq bażi ta’ nuqqas ta’ interess tal-Komunità fl-impożizzjoni ta’ miżuri (“Id-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni”). Ġie konkluż li minħabba s-sehem żgħir mis-suq li għandha l-industrija tal-Komunità ma kinitx probabbli li se tikseb xi benefiċċji sinifikanti mill-impożizzjoni tal-miżuri. Għalhekk l-impożizzjoni tal-miżuri tqieset bħala sproporzjonata fid-dawl ta’ l-effetti negattivi sostanzjali fuq importaturi, distributuri, sidien tal-ħwienet u konsumaturi

3.   L-inizjazzjoni tar-reviżjoni

(4)

L-inizjazzjoni ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta’ l-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jiġu rrekordjati li joriġinaw fit-Tajwan u ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jiġu rrekordjati li joriġinaw fl-Indja tħabbret fit-22 ta’ Marzu 2007 fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (“l-avviż ta’ inizjazzjoni”) (7).

(5)

Ir-reviżjonijiet, li ġew inizjati fuq inizjattiva proprja tal-Kummissjoni, kienu limitati t-tnejn fl-ambitu għall-eżaminazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità, bid-deċiżjoni dwarha possibilment b’effett retroattiv sa mill-5 ta’ Novembru 2006, jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni. Bl-għan ta’ effiċjenza proċedurali, ir-reviżjonijiet kemm ta’ dazji applikabbli ta’ l-antidumping għal importazzjonijiet ta’ CD-Rs mit-Tajwan kif ukoll ta’ dazji kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ CD-Rs mill-Indja ġew ikkumbinati f’investigazzjoni waħda.

(6)

Kif imsemmi hawn fuq, il-miżuri ta’ l-antidumping imposti fuq importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajwan skadew fit-18 ta’ Ġunju 2007. Bħala konsegwenza, ir-reviżjoni li għandha x’taqsam mat-Tajwan twaqqfet milli titkompla. Minkejja dan, hija twettqet formalment sa dik id-data u l-Kummissjoni notevolment qieset il-kwistjoni ta’ revoka retroattiva ta’ dazji mħallsa bejn il-5 ta’ Novembru 2006 u t-18 ta’ Ġunju 2007.

(7)

Minħabba l-ħtieġa għal effiċjenza proċedurali u sabiex tiżgura konsistenza globali ta’ l-azzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kkombinat il-konklużjonijiet taż-żewġ reviżjonijiet fir-Regolament attwali.

4.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(8)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment kemm lill-produtturi, importaturi u l-utenti tal-Komunità kif ukoll lill-esportaturi u lir-rappreżentanti ta’ l-Indja u t-Tajwan dwar l-inizjazzjoni tal-proċediment. Il-partijiet interessati kollha ngћataw l-opportunità sabiex jagћtu l-opinjonijiet tagћhom bil-miktub u sabiex jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ l-inizjazzjoni. Minħabba l-fatt li r-reviżjonijiet kienu limitati għall-aspetti ta’ l-interess tal-Komunità, il-Kummissjoni stiednet biss partijiet li jinsabu fil-Komunità, il-produtturi, l-importaturi u l-utenti tal-Komunità sabiex jimlew il-kwestjonarji. Tweġibiet għall-kwestjonarji waslu mingħand produttur wieħed, 14-il importatur, u 10 utenti.

(9)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ittra mill-Kumitat tal-Manifatturi Ewropej ta’ CD-Rs (“CECMA”) li kien jirrappreżenta l-kwerelant fil-proċedimenti oriġinali ta’ l-antidumping u ta’ kontra s-sussidju u fil-proċedimenti konklużi permezz tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni – kif ukoll ittra mill-ex rappreżentant tal-Kumpanija D fid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni.

(10)

Apparti dan, is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew preżentazzjonijiet minn partijiet oħra interessati notevolment minn distributuri u fornituri ta’ esportatur Indjan.

(11)

Is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw kif xieraq il-preżentazzjonijiet u l-argumenti kollha li tressqu mill-partijiet interessati. Minkejja dan, fid-dawl ta’ l-istat tal-produzzjoni tal-Komunità, il-konklużjonijiet tar-reviżjoni attwali għandhom ikunu limitati għall-identifikazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità.

5.   Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni

(12)

L-investigazzjoni ta’ aspetti ta’ interess tal-Komunità kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni’ jew ”PI’). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sat-tmiem tal-perijodu ta’ l-investigazzjoni (“il-perijodu meqjus”).

6.   Il-prodott ikkonċernat u prodott simili

6.1.   Prodott ikkonċernat

(13)

Il-prodott taħt reviżjoni huwa compact disks li jistgħu jiġu rrekordjati (CD-Rs) li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 8523 40 11. Din il-kodiċi NM qed tingħata biss bħala tagħrif.

(14)

L-istess prodott li joriġina fit-Tajwan kien taħt reviżjoni bejn it-22 ta’ Marzu 2007 meta l-avviż ta’ inizjazzjoni kien ippubblikat u t-18 ta’ Ġunju 2007 meta d-dazji ta’ l-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ CD-Rs mit-Tajwan skadew.

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa diska tal-polikarbonat, miksija b’saff ta’ żebgħa, saff ta’ materjal li jirrifletti u saff protettiv. Minkejja li rrekordjar fuq diski bħal dawn jista’ jsir f’diversi fażijiet, it-tagħrif irrekordjat ma jistax jitħassar. Id-diska hija strument ta’ ħażna ottika għal data jew ħoss diġitali.

(16)

Is-CD-Rs jistgħu jiġu differenzjati skond it-tip ta’ data maħżuna (CD-Rs tad-data meta mqabbla ma’ CD-Rs tal-mużika), il-volum tal-ħażna, is-saffa tal-metall li jirrifletti u skond jekk is-CD-Rs għandhomx stampar fuqhom jew le. It-tipi kollha ta’ CD-Rs għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u jintużaw għall-istess għanijiet. Għalhekk meqjusa li jikkostitwixxu prodott uniku wieħed.

6.2.   Prodott Simili

(17)

Fil-qafas tal-proċedimenti attwali ma saru l-ebda kummenti li sfidaw il-komparabilità ta’ CD-Rs importati lejn il-Komunità jew prodotti fiha. Fuq din il-bażi t-tipi kollha ta’ CD-Rs li joriġinaw fl-Indja jew it-Tajwan u li huma prodotti fil-Komunità huma meqjusa bħala simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku ta’ l-antidumping u l-Artikolu 1(5) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidju.

B.   PRODUZZJONI TAL-KOMUNITÀ U INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

1.   Il-produzzjoni tal-Komunità u l-industrija tal-Komunità fil-proċedimenti konklużi mid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni

(18)

F’dawn il-proċedimenti (ara l-premessa 28, u 58 et seq. tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni), is-servizzi tal-Kummissjoni stabbilew li l-produzzjoni tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku kienet ikkostitwita minn 10 produtturi. Wieħed minnhom biss tqies li jikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ta’ l-antidumping (Manufacturing Advanced Media (“MAM-E”).

2.   Il-produzzjoni tal-Komunità u l-industrija tal-Komunità fil-proċedimenti attwali

(19)

L-ebda produttur li tqies li jikkostitwixxi l-produzzjoni tal-Komunità fid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni ma kkoopera fil-proċediment attwali.

(20)

Barra minn dan, il-Kummissjoni rċeviet evidenza li l-unika kumpanija li tikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità fil-proċediment li wassal għad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni għaddiet mill-proċedimenti ta’ xoljiment. Dan kien ikkonfermat fl-ittra mibgħuta mill-ex rappreżentant tagħha. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kopja ta’ deċiżjoni tal-qorti li tat bidu għall-proċedimenti ta’ likwidazzjoni, li permezz tagħha ntemmu l-attivitajiet tal-kumpanija. Il-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni ntbagħat lura bl-annotazzjoni – “liquidation judiciaire”.

(21)

Barra minn dan, għalkemm CECMA stqarr li huwa jappoġġja l-impożizzjoni ssuktata ta’ miżuri, ma ppreżenta l-ebda kwestjonarju jew evidenza f’isem ebda produttur tal-Komunità – membru ta’ l-assoċjazzjoni.

(22)

Kumpanija oħra (il-Kumpanija A, kif identifikata fid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni) għarrfet lill-Kummissjoni li hija temmet il-produzzjoni fil-Komunità.

(23)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rċeviet ukoll tweġiba mill-Kumpanija B (kif identifikata fid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni). L-ebda evidenza ma ġiet ippreżentata li tista’ tikkontradixxi s-sejbiet stipulati fid-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni, jiġifieri li l-kumpanija B ma għandhiex tiġi inkluża fid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u li l-produzzjoni tagħha għandha tiġi eskluża mid-definizzjoni tal-produzzjoni tal-Komunità (ara l-premessa 40 tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni).

(24)

Fuq din il-bażi qed jiġi konkluż li ma fadal l-ebda industrija tal-Komunità, u konsegwentement l-ebda interess tal-Komunità.

Ċ.   APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

(25)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-miżuri ta’ l-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ CD-Rs li joriġinaw mit-Tajwan u l-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ CD-Rs li joriġinaw fl-Indja għandhom jiġu revokati b’effett retroattiv għad-data meta daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni.

(26)

Konsegwentement, id-dazji definittivi ta’ l-antidumping li tħallsu jew li ddaħlu bħala entrati fil-kontijiet skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ CD-Rs li joriġinaw mit-Tajwan u d-dazji kompensatorji definittivi mħallsa jew li ddaħħlu bħala entrati fil-kontijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ CD-Rs li joriġinaw mill-Indja, u rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa sa mill-5 ta’ Novembru 2006 għandhom jiġi rifużi jew rimessi.

(27)

Ir-rifużjoni jew ir-remissjoni għandha tiġi rikjesta mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazji ta’ l-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom (CD-Rs) li joriġinaw mit-Tajwan imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1050/2002 u d-dazji kompensatorji fuq importazzjonijiet compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom (CD-Rs) li joriġinaw mill-Indja imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 960/2003 huma permezz ta’ dan irrevokati.

Artikolu 2

Il-proċedimenti ta’ kontra s-sussidju li jikkonċernaw importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom (CD-Rs) li joriġinaw mill-Indja jintemmu permezz ta’ dan.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika mill-5 ta’ Novembru 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 30 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(3)  ĠU L 160, 18.6.2002, p. 2.

(4)  ĠU C 130, 12.6.2007, p. 17.

(5)  ĠU L 138, 5.6.2003, p. 1.

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/753/KE tat-3 ta’ Novembru 2006 li ttemm il-proċediment ta’ anti-dumping rigward importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’), il-Ħong Kong u l-Malażja (ĠU L 305, 4.11.2006, p. 15).

(7)  ĠU C 66, 22.3.2007, p. 16.


Top