EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0037

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 37/2005 tat- 12 ta' Jannar 2005 dwar il-monitoraġġ tat-temperatura f’mezzi ta’ trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen maħsub għall-konsum uman Test b’relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 10, 13.1.2005, p. 18–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 275M, 6.10.2006, p. 17–18 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/37/oj

6.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 37/2005

tat-12 ta' Jannar 2005

dwar il-monitoraġġ tat-temperatura f’mezzi ta’ trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen maħsub għall-konsum uman

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropeja,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/108/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l- approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-ikel quick-frozen għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/1/KEE tat-13 ta’ Jannar 1992, dwar il-monitoraġġ tat-temperaturi f’mezzi ta’ trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen maħsub għall-konsum uman (2), tipprovdi l-kondizzjonijiet mitluba sabiex jiġi assigurat li t-temperaturi mitluba mid-Direttiva 89/108/KEE jinżammu b’mod sħiħ.

(2)

Meta d-Direttiva tal-Kummissjoni 92/1/KEE kienet adottata, ebda standard Ewropew għall-istrumenti għall-monitoraġġ tat-temperaturi f’mezzi ta’ trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen ma kien stabbilit.

(3)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni stabilixxa standards dwar l-istrumenti biex jinqraw temperaturi ta’ l-arja u termometri fl-1999 u fl-2001. L-użu ta’ dawk l-istandards uniformi se jassigura li l-għodda użata għall-monitoraġġ tat-temperaturi ta’ l-ikel huwa konformi ma’ l-armonizzazzjoni tas-sett tal-kondizzjonijiet tekniċi mitluba.

(4)

Sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni gradwali ta’ dawk il-miżuri mill-operaturi, l-użu ta’ istrumenti ta’ tkejjil installati skond il-leġislazzjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi permess waqt perijodu transizzjonali.

(5)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/1/KEE tipprovdi għal deroga fir-rigward tat-trasport ta’ ikel quick-frozen bil-ferrovija. Din id-deroga m’għadhiex iġġustifikata u għandha tintemm wara l-perijodu transizzjonali.

(6)

L-impożizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-qari tat-temperatura fuq għodod żgħar użati fin-negozju bl-imnut se tkun eċċessiva u għalhekk id-derogi preżenti għal vettrini ta’ l-imnut u kmamar żgħar kesħin użati għall-ħżin ta’ stokks fi ħwienet tan-negozju għall-bejgħ bl-imnut għandhom jiġu miżmuma.

(7)

Huwa rakkomandat li tiġi assigurata l-applikabilità diretta ta’ l-istandards il-ġodda għall-għodod tat-tkejjil u tar-regoli tekniċi li jistgħu jiġu diġà misjuba fid-Direttiva 92/1/KEE. Fl-interess tal-konsistenza u ta’ l-uniformità tal-liġi tal-Komunità huwa xieraq li titħassar id-Direttiva 92/1/KEE u tiġi sostitwita b’dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri li huma provduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimal,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u għan

Dan ir-Regolament jikkonċerna l-monitoraġġ tat-temperatura fil-mezzi tat-trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen.

Artikolu 2

Monitoraġġ u qari tat-temperatura

1.   Il-mezzi tat-trasport, ħżin u magazzinaġġ ta’ ikel quick-frozen għandhom jiġu armati bi strumenti tal-qari adattati għall-monitoraġġ, f’intervalli frekwenti u regolari, tat-temperatura ta’ l-arja li għaliha l-ikel quick-frozen ikun suġġett.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2006, l-istrumenti tal-qari kollha użati għall-iskop tal-monitoraġġ tat-temperatura, kif ġie provdut f’paragrafu 1, se jkunu konformi ma’ l-istandards EN 12830, EN 13485 u EN 13486. L-operaturi ta’ l-ikel se jżommu d-dokumenti kollha relevanti li jippermettu l-verifikazzjoni li l-istrumenti li għalihom ġie referut hawn fuq huma konformi ma’ l-istandard EN relevanti.

Madanakollu, l-istrumenti tal-qari li jiġu installati sal-31 ta’ Diċembru 2005 skond il-liġi fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jkomplu jiġu wżati sal-31 ta’ Diċembru 2009 l-aktar tard.

3.   Il-qari tat-temperatura għandu jiġi ddatat u maħżun mill-operatur ta’ l-ikel għal perijodu ta’ għall-inqas sena, jew għal perijodu itwal jekk wieħed jikkunsidra n-natura u t-tul ta’ żmien li fih l-ikel quick-frozen maħżun jista’ jibqa’ tajjeb biex jittiekel.

Artikolu 3

Derogi minn Artikolu 2

1.   Skond id-deroga minn Artikolu 2, it-temperatura ta’ l-arja waqt il-ħżin f’vettrini ta’ l-imnut, u waqt id-distribuzzjoni lokali, se jiġi mkejjel biss b’ta’ l-inqas termometru wieħed li jkun faċilment viżibbli.

Fil-każ ta’ vettrini ta’ l-imnut miftuħa:

a)

il-linja tat-tagħbija massima tal-vettrina għandha tkun immarkata b’mod ċar;

b)

it-termometru għandu jitpoġġa mal-livell ta’ dik il-marka.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tikkonċedi derogi mill-kundizzjoni mitluba mniżżla f’Artikolu 2 fil-każ ta’ faċilitajiet ta’ ħżin fil-friża ta’ qies ta’ inqas minn 10 metri kubi għall-ħżin ta’ l-istokk fi ħwienet tan-negozju għall-bejgħ bl-imnut, sabiex ikun possibbli li t-temperatura ta’ l-arja tiġi mkejla b’termometru li huwa faċilment viżibbli.

Artikolu 4

Tħassir

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/1/KEE hi mħassra.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, għat-trasport bil-ferrovija, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar it-12 ta' Jannar 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 34, tal-11.2.1992, p. 30.


Top