EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0033

Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59–69 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016L0802

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/33/oj

22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

59


ID-DIRETTIVA 2005/33/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-politika ambjentali tal-Komunità, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u, b'mod partikolari, fis-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali adottata bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fuq il-bażi ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, hija intiża biex tikseb livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jagħtux lok għal impatti inaċċettabbli fuq is-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u riskji għalihom.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi (5) tistabbilixxi l-kontenut massimu ta' kubrit permess fiż-żejt karburant tqil, fil-gas oil, u fil-gas oil għal użu marittimu wżati fil-Komunità.

(3)

Id-Direttiva 1999/32/KE tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni mill-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu minbarra l-gas oils u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta.

(4)

L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu li jkun fihom kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja fil-forma ta' diossidju tal-kubrit u partikulati, li jagħmlu ħsara għas-saħħa tal-bniedem, huma ta' dannu għall-ambjent, il-proprjetà pubblika u privata u l-wirt kulturali u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni.

(5)

In-nies u l-ambjent naturali f'żoni tal-kosta u qrib il-portijiet huma partikularment milquta mit-tniġġis minn bastimenti li jużaw karburanti li fihom livelli għolja ta' kubrit. Għalhekk jinħtieġu miżuri speċifiċi f'dan ir-rigward.

(6)

Il-miżuri f'din id-Direttiva jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-limiti massimi ta' emissjonijiet ta' sostanzi li jniġġsu l-atmosfera stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

It-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għandu ċerti vantaġġi għall-bastimenti, f'termini ta' effiċjenza operazzjonali u spejjeż ta' manutenzjoni, u jiffaċilita l-użu effikaċi ta' ċerti teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet bħat-tnaqqis katalitiku selettiv.

(8)

It-Trattat jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni l-aktar estremi tal-Komunità, ċioé d-dipartimenti Franċiżi barranin, il-gżejjer ta' l-Ażores, Madeira u Gżejjer Kanari.

(9)

Fl-1997, ġie adottat Protokoll minn konferenza diplomatika biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut ma' l-istess Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “MARPOL”). Dan il-Protokoll iżid l-Anness VI ġdid mal-MARPOL, li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-arja mill-bastimenti. Il-Protokoll ta' l-1997, u konsegwentement l-Anness VI mal-MARPOL, daħlu fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2005.

(10)

L-Anness VI mal-MARPOL jagħmel provvediment sabiex ċerti żoni jkunu maħtura bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet ta' l-Ossidju tal-Kubrit (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx”). Huwa diġà jaħtar il-Baħar Baltiku bħala żona ta' dan it-tip. Xi diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wasslu għal ftehim dwar il-prinċipju li l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż jiġi maħtur bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI.

(11)

Minħabba n-natura globali tat-tbaħħir marittimu, għandu jsir kull sforz sabiex jinstabu soluzzjonijiet internazzjonali. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex fi ħdan l-IMO jiżguraw tnaqqis globali fil-kontenut massimu awtorizzat ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu, anki billi jeżaminaw il-vantaġġi li jiġu magħżula żoni ta' baħar ġodda bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond l-Anness VI għall-MARPOL.

(12)

L-infurzar ta' l-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. It-teħid effettiv ta' kampjuni u penali dissważivi tul il-Komunità huma meħtieġa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni kredibbli ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom. Huwa l-każ ukoll li l-Istati Membri jikkoperaw mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

(13)

Bil-għan li l-industrija marittima jkollha biżżejjed żmien biex tagħmel l-addattazzjoni teknika għal limitu massimu ta' 0.1 % kubrit bil-piż għall-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità, id-data li fiha jibda japplika dan ir-rekwiżit għandha tkun l-1 ta' Jannar 2010. Peress li din id-data tista' tkun teknikament problematika għall-Greċja, huwa l-każ li tingħata deroga temporanja lil ċerti bastimenti speċifiċi li joperaw fit-territorju tar-Repubblika Ellenika.

(14)

Din id-Direttiva għandha tiġi meqjusa bħala l-ewwel pass fi proċess kontinwu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi, li joffri prospettivi għal aktar tnaqqis ta' emissjonijiet permezz ta' limiti aktar baxxi ta' kubrit fil-karburanti u ta' teknoloġiji għat-tnaqqis, u għal strumenti ekonomiċi li għandhom jiġu żviluppati bħala inċentiv biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti.

(15)

Huwa essenzjali li l-posizzjonijiet ta' l-Istati Membri fin-negozjati ta' l-IMO jkunu rinforzati, speċjalment biex, fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-Anness VI mal-MARPOL, jiġu promossi miżuri aktar ambizzjużi dwar limiti aktar stretti fuq il-kubrit fiż-żejt karburant tqil li jintuża mill-bastimenti u l-użu ta' miżuri ekwivalenti alternattivi għat-tnaqqis.

(16)

Fir-riżoluzzjoni tagħha A.926(22), l-Assemblea ta' l-IMO stiednet lill-Gvernijiet, b'mod partikolari lil dawk f'reġjuni fejn ġew maħtura xi Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta' żejt karburant b'kontenut ta' kubrit baxx tal-bunkers f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u biex isejħu lill-industriji taż-żejt u tat-tbaħħir biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà u l-użu ta' żejt għal karburant tal-bunkers b'kontenut baxx ta' kubrit. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni skond il-każ biex jiżguraw li l-fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu jagħmlu disponibbli karburant konformi, fi kwantitajiet li jkunu biżżejjed biex tintlaħaq it-talba.

(17)

L-IMO adottat linji gwida għat-teħid ta' kampjuni taż-żejt karburant sabiex tiġi stabbilita l-osservanza ta' l-Anness VI mal-MARPOL, u sejra tiżviluppa linji gwida dwar is-sistemi tat-tnaddif tal-gassijiet ta' l-exhaust u metodi teknoloġiċi oħra intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet SOx f'Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx.

(18)

Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja ta' ċerti sostanzi li jniġġsu li joħorġu minn impjanti kbar tal-kombustjoni (7) tfassal mill-ġdid id-Direttiva 88/609/KEE tal-Kunsill (8). Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi riveduta, skond kif previst fl-Artikolu 3(4) tagħha.

(19)

Huwa xieraq li l-Kumitat attwali għall-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-approvazzjoni ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet.

(20)

It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, dejjem jekk dawn ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-ekosistemi u dejjem jekk huma jkunu żviluppati taħt sorveljanza ta' mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll, jistgħu jwasslu għal, ta' l-inqas, l-istess jew iktar riduzzjonijiet fl-emissjonijiet milli kieku jintuża karburant b'kontenut ta' kubrit baxx. Jeħtieġ li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet korretti sabiex jippromwovu l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis.

(21)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skond il-każ, fis-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(22)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (10).

(23)

Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/32/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(2) jinbidel bis-segwenti:

“2.

It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit f'tali karburanti bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi jew żoni ta' kontroll tat-tniġġis ta' l-Istati Membri.

Il-limitazzjonijiet fuq il-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt kif stabbiliti f'din id-Direttiva ma għandhomx, madankollu, japplikaw għal:

(a)

karburanti maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u ittestjar;

(b)

karburanti maħsuba għall-ipproċessar qabel il-kombustjoni finali;

(ċ)

karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinazzjoni;

(d)

karburanti wżati u mqiegħda fis-suq fir-reġjuni l-iktar estremi tal-Komunità biss jekk l-Istati Membri relevanti jiżguraw li f'dawk ir-reġjuni:

l-istandards tal-kwalità ta' l-arja huma osservati;

żjut karburanti tqal ma jkunux użati f'każ li l-kontenut tagħhom ta' kubrit jeċċedi t-3 % fil-massa;

(e)

karburanti wżati minn bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra f'servizz militari. Madankollu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu sabiex jiżgura, billi jadotta l-miżuri adegwati li ma jxekklux l-operazzjonijiet jew il-kapaċità operazzjonali ta' tali bastimenti, li dawn il-bastimenti joperaw b'mod konsistenti, safejn dan ikun raġonevoli u prattiku, ma' din id-Direttiva;

(f)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment meħtieġ għall-iskop speċifiku tal-protezzjoni tas-sigurtà ta' bastiment jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar;

(g)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment li jsir meħtieġ minħabba xi danni li jkun sofra l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu, biss jekk il-miżuri raġonevoli kollha jittieħdu wara l-okkorrenza tad-dannu sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw emissjonijiet eċċessivi u jekk jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-tiswija tad-dannu. Dan ma għandux japplika jekk is-sid jew il-kaptan ikun aġixxa bil-ħsieb li jikkawża d-dannu, jew bi traskuraġni;

(h)

karburant użat abbord bastimenti li jimpjegaw teknoloġiji approvati li jnaqqsu l-emissjonijiet skond l-Artikolu 4ċ.”;

2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel inċiż fil-punt 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“—

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 69, jew”;

(b)

l-ewwel subparagrafu fil-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

gas oil tfisser:

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 45 jew 2710 19 49; jew

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li minnu anqas minn 65 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mal-250 oC u li minnu ta' l-anqas 85 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mat-350 oC bil-metodu ASTM D86.”;

(ċ)

il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

karburant għal użu marittimu tfisser kull karburant likwidu derivanti miż-żejt maħsub għal użu jew użat abbord xi bastiment, inklużi dawk il-karburanti definiti fl-ISO 8217;”;

(d)

għandhom jiddaħħlu l-punti li gejjin:

“3a.

żejt diesel għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMB u DMC fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3b.

gas oil għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMX u DMA fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3ċ.

MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut magħha;

3d.

L-Anness VI għall-MARPOL tfisser l-Anness, intitolat ‘Regolamenti għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Bastimenti’, li l-Protokoll ta' l-1997 iżid mal-MARPOL;

3e.

Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx tfisser żoni ta' baħar definiti bħala tali mill-IMO fl-Anness VI għall-MARPOL;

3f.

Bastimenti tal-passiġġieri tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

(i)

il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta' dak il-bastiment, u

(ii)

tarbija taħt l-età ta' sena;

3g.

servizzi regolari tfisser serje ta' vjaġġi ta' bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess zewġ portijiet jew aktar, jew serje ta' vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

(i)

skond itinerarju ppubblikat, jew

(ii)

bi traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli;

3h.

bastiment tal-gwerra tfisser bastiment li huwa parti mill-forzi armati ta' xi Stat li jkollu marki esterni li jiddistingwu lil bastimenti bin-nazzjonalità tiegħu, taħt il-kmand ta' uffiċjal li jkun debitament imqabbad mill-Gvern ta' l-Istat u li ismu jkun jidher fil-lista adatta tas-servizz jew fl-ekwivalenti tagħha, u li jkun ekwipaġġat b'persunal taħt id-dixxiplina tal-forzi armati regolari;

3i.

bastimenti irmiġġati tfisser bastimenti li jkunu sorġuti jew ankrati sewwa f'port fil-Komunità filwaqt li jgħabbu, jħottu jew jkunu stazzjonarji (hotelling), inkluż il-ħin li fih ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet ta' tagħbija;

3j.

bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni tfisser bastiment maħsub b'mod partikolari għall-użu f'passaġġi ta' l-ilma interni kif definit fid-Direttiva 82/714/KEE tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni (*), inkluż kull bastiment li jġorr:

(i)

ċertifikat Komunitarju għan-navigazzjoni interna, kif stabbilit fid-Direttiva 82/714/KEE,

(ii)

ċertifikat maħruġ skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine;

3k.

tqegħid fis-suq tfisser il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord, lil terzi persuni, bi ħlas jew b'xejn, fi kwalunkwe parti fil-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri. Din teskludi il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-esportazzjoni f'tankijiet tat-tagħbija tal-bastimenti;

3l.

reġjuni l-aktar estremi tfisser id-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażores, Madeira u l-Gżejjer Kanari, kif stabbiliti fl-Artikolu 299 tat-Trattat;

3m.

teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet tfisser xi sistema li tnaddaf il-gass ta' l-exhaust, jew kull metodu teknoloġiku ieħor li huwa verifikabbli u inforzabbli.”

(*)  ĠU L 301, tat-28.10.1982, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003."

(e)

Il-punt 6 għandu jitħassar;

3)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 3

Kontenut massimu ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2003, żjut karburanti tqal ma jintużawx ġewwa t-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit tagħhom jeċċedi l-1 % fil-massa.

2.

(i)

Soġġett għas-sorveljanza adegwata ta' l-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal żjut karburanti tqal użati:

(a)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (**), li huma kkunsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' l-istess Direttiva u li jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni ta' diossidju tal-kubrit stabbiliti għal tali impjanti stipulati fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva u applikati skond l-Artikolu 4 tagħha;

(b)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma kkunsidrati impjanti eżistenti skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, fejn l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit minn dawn l-impjanti huma ugwali għal, jew anqas minn, 1 700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta, u fejn, mill-1 ta' Jannar 2008, l-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit mill-impjanti ta' kombustjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/80/KE huma ugwali, jew anqas, minn dawk li jirriżultaw mill-osservanza tal-valuri ta' limiti ta' l-emissjonijiet imposti għal impjanti ġodda msemmija fil-Parti A ta' l-Anness IV ma' dik id-Direttiva, u fejn ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5, 7 u 8 ta' l-istess;

(ċ)

f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta' (a) jew (b), fejn l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit minn dawk l-impjanti ma jeċċedux l-1 700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta;

(d)

għall-kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medji ta' emissjonijiet kull xahar ta' diossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta' karburant jew kombinazzjoni ta' karburanti wżati, taqa' f'limitu li għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru, li ma għandux jeċċedi l-1 700 mg/Nm3. Dan ma għandux japplika għall-impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu taħt (a) jew, mill-1 ta' Jannar 2008, għal dawk li jaqgħu taħt (b).

(ii)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburant tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 mhuwiex operat mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, jispeċifika l-limiti ta' l-emissjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti u, jekk xieraq, emendati fid-dawl ta' kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/80/KE.

(**)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.”"

4)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2010:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem “inkluż il-gas oil għal użu marittimu” għandhom jitħassru;

(ii)

il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(b)

B'effett minn 11 ta' Awwissu 2005, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jitħassru;

(5)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“L-Artikolu 4a

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx u minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn portijiet fil-Komunità Ewropea

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fiż-żoni ta' l-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u f'żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom li jaqgħu f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. Dan għandu japplika għall-bastimenti kollha li jtajru kwalunkwe bandiera, inklużi l-bastimenti li jibdew il-vjaġġ tagħhom minn barra l-Komunità.

2.   Id-dati tal-bidu ta' l-applikazzjoni għall-paragrafu 1 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għaż-żona tal-Baħar Baltiku msemmija fir-regolament 14(3)(a) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 11 ta' Awwissu 2006;

(b)

għall-Baħar tat-Tramuntana:

12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' l-indikazzjoni ta' l-IMO, skond proċeduri stabbiliti, jew

11 ta' Awwissu 2007,

liema minnhom tiġi l-ewwel;

(ċ)

għal kwalunkwe żona oħra tal-baħar, inklużi l-portijiet, li l-IMO sussegwentement tindika bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond ir-regolament 14(3)(b) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik l-għażla.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar tal-paragrafu 1 ta' l-inqas fir-rigward ta':

bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom; u

fil-każ ta' Stati Membri li jikkonfinaw ma' xi żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, il-bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni addizzjonali ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

4.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-rekwiżit ta' l-inqas fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

5.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-ikkompletar korrett tal-ġurnal uffiċjali ta' abbord, inklużi d-dettalji ta' l-operazzjonijiet tal-bdil tal-karburant, bħala kundizzjoni għad-dħul tal-bastiment fil-portijiet tal-Komunità.

6.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), u bi qbil mar-regolament 18 ta' l-Anness VI mal-MARPOL, l-Istati Membri għandhom:

iżommu reġistru ta' fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu,

jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu kollha mibjugħin fit-territorju tagħhom jiġi dokumentat mill-fornitur fuq nota ta' kunsinna tal-bunker, akkumpanjata minn kampjun issiġillat iffirmat mir-rappreżentant tal-vapur li rċieva l-kunsinna,

jieħdu azzjoni skond il-każ kontra fornituri ta' karburant għal użu marittimu li jinstabu li jkunu fornew karburant li ma jikkonformax ma' l-ispeċifikazzjoni ddikjarata fin-nota ta' kunsinna tal-bunker,

jiżguraw li tittieħed azzjoni ta' rimedju xierqa sabiex kwalunkwe karburant għal użu marittimu mhux konformi li jiġi skopert isir konformi.

7.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut diesel għal użu marittimu ma jiġux imqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk iż-żjut diesel għal użu marittimu jeċċedi l-1.5 % fil-massa.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-dati ta' applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u għandha tippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4b

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li ġejjin ma jagħmlux użu minn karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-0.1 % fil-massa:

(a)

bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni; u

(b)

bastimenti irmiġġati f'portijiet Komunitarji, wara li jingħata żmien suffiċjenti sabiex l-ekwipaġġ iwettaq kwalunkwe operazzjoni tal-bdil ta' karburant li tkun neċessarja kemm jista' jkun malajr wara l-wasla fl-irmiġġ u l-aktar tard possibbli qabel it-tluq.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ħin ta' l-operazzjoni tal-bdil tal-karburant jitniżżel fil-ġurnal uffiċjali ta' abbord.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

meta, skond l-itinerarji ppubblikati, il-bastimenti jkunu se jdumu irmiġġati għal inqas minn sagħtejn;

(b)

għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni li jkollhom ċertifikat li juri l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata, waqt li dawk il-bastimenti jkunu fuq il-baħar;

(ċ)

sa l-1 ta' Jannar 2012 għall-bastimenti elenkati fl-Anness u li joperaw esklussivament fit-territorju tar-Repubblika Ellenika;

(d)

għal vapuri li, waqt li jkunu fl-irmiġġ fil-portijiet, jitfu l-magni kollha u jużaw elettriku mix-xatt.

3.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gas oils għal użu marittimu ma jitqegħdux fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk l-istess gas oils għal użu marittimu jeċċedi l-0.1 % fil-massa.

Artikolu 4ċ

Provi u użu ta' teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu, b'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra, skond kif xieraq, japprovaw l-użu bi prova ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' bastimenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f'żoni ta' baħar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawn il-provi l-użu ta' karburanti għal użu marittimu li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b ma għandux ikun obbligatorju, bil-kundizzjoni li:

il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali konċernat jiġu notifikati bil-miktub ta' l-inqas 6 xhur qabel ma jibdew il-provi;

il-permessi għall-provi ma jeċċedux 18-il xahar fit-tul;

il-bastimenti kollha involuti jiġu mgħammra b'tagħmir protett mit-tbagħbis għas-sorveljanza kontinwa ta' emissjonijiet ta' gass miċ-ċumnija u jużawh matul il-perjodu ta' prova kollu;

il-bastimenti kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq bl-imposizzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

matul il-perjodu tal-prova kollu jkun hemm sistemi tajbin għall-immaniġġjar ta' l-iskart għal kwalunkwe skart ġenerat mit-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet;

matul il-perjodu tal-prova kollu issir stima ta' l-impatti fuq l-ambjent għal użu marittimu, b'mod partikolari fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa; u

fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-provi, ir-riżultati kompleti jingħataw lill-Kummissjoni u jingħata aċċess għalihom lill-pubbliku.

2.   It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru ta' l-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (***), b'kont meħud:

ta' linji gwida li għandhom jiġu żviluppati mill-IMO;

ta' riżultati ta' kwalunkwe provi magħmulin skond il-paragrafu 1;

ta' l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jista' jintlaħaq, u l-impatti fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa;

tal-vijabbiltà tas-sorveljanza u tal-verifiki.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet minn bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera f'portijiet u estwarji magħluqa fil-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-kriterji lill-IMO.

4.   Bħala alternattiva għall-użu ta' karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit baxx li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li bastimenti jużaw xi teknoloġija approvata għat-tnaqqis ta' emissjonijiet, kemm-il darba dawn il-bastimenti:

kontinwament jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li jkun inkiseb permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

ikollhom apparat installat li jikkontrolla kontinwament l-emissjonijiet; u

jiddokumentaw b'mod rigoruż li kwalunkwe flussi ta' skart rilaxxjati f'portijiet u estwarji magħluqa ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-ekosistemi, u dan fuq il-bażi ta' kriterji komunikati mill-awtoritajiet ta' l-Istati portwali lill-IMO.

(***)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).”"

6)

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 4a u 4b.

Kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' teħid ta' kampjuni, ta' analiżi u ta' ispezzjoni għandu jintuża skond kif xieraq:

teħid ta' kampjuni tal-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord meta jiġi kunsinnat lill-bastimenti, skond il-linji gwida ta' l-IMO, u l-analiżi tal-kontenut tiegħu ta' kubrit;

it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord li jkun qiegħed f'tankijiet, fejn ikun possibbli, u f'kampjuni siġillati tal-bunker abbord;

l-ispezzjoni tal-ġurnali uffiċjali ta' abbord u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker.

It-teħid ta' kampjuni għandu jibda mad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir bi frekwenza suffiċjenti, fi kwantitajiet suffiċjenti, u b'tali mod li l-kampjuni ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti meta dawn ikunu fiż-żoni ta' ibħra, fil-portijiet u fil-passaġġi ta' l-ilma interni relevanti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri raġonevoli, skond ir-rekwiżiti tal-każ, sabiex jissorveljaw il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu barra minn dawk li għalihom japplikaw l-Artikoli 4a u 4b.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jinbidel b'li ġej:

“(a)

Il-metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għaż-żejt karburant tqil u karburanti għal użu marittimu;”;

7)

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 7

Rapportar u reviżjoni

1.   Fuq il-bażi tar-riżultati tal-kampjuni, ta' l-analiżi u ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport qasir dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti likwidi li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva u wżati fit-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi reġistrazzjoni tan-numru totali ta' kampjuni eżaminati skond it-tip ta' karburant u għandu jindika l-kwantità korrispondenti ta' karburant użat, u l-kontenut medju ta' kubrit kalkulat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar in-numru ta' ispezzjonijiet magħmula abbord, u għandhom jirreġistraw il-kontenut medju ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fl-ambitu ta' din id-Direttiva fi 11 ta' Awwissu 2005.

2.   Fuq il-bażi, inter alia:

(a)

ta' rapporti annwali sottomessi skond il-paragrafu 1;

(b)

tat-tendenzi osservati fil-kwalità ta' l-arja, fl-aċidifikazzjoni, fl-ispejjeż tal-karburant u fil-bdil modali;

(ċ)

tal-progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidju tal-kubrit minn bastimenti permezz ta' mekkaniżmi ta' l-IMO fuq inizjattivi Komunitarji f'dan ir-rigward;

(d)

ta' analiżi ġdida ta' l-effettività fl-infiq, inklużi benefiċċji ambjentali diretti u indiretti, tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 4a(4), u ta' miżuri oħrajn possibbli għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet; u

(e)

ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4ċ,

il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2008.

Flimkien mar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta':

stadju ieħor ta' valuri ta' limiti fuq il-kubrit stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u,

b'kont meħud tax-xogħol fl-IMO, taż-żoni tal-baħar fejn għandhom jiġu wżati karburanti għal użu marittimu b'kontenut baxx ta' kubrit.

Il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari proposti:

(a)

biex jiġu indikati aktar żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx;

(b)

biex jiġu mnaqqsa l-limiti tal-kubrit fil-karburant għal użu marittimu wżat fiż-żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx, possibilment sa 0.5 %;

(ċ)

għal miżuri alternattivi jew kumplimentari.

3.   Sa l-31 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu possibbli ta' strumenti ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi bħal taxxi differenzjati u imposti fuq il-kilometri, permessi negozzjabli ta' l-emissjoni u tpaċija.

Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tippreżenta proposti dwar strumenti ekonomiċi bħala miżuri alternattivi jew kumplimentari fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-2008, kemm-il darba l-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa jistgħu jintwerew b'mod ċar.

4.   Kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa biex isiru adattamenti tekniċi fl-Artikolu 2, il-punti 1, 2, 3 a), 3 b), 3 ċ) u (4), jew fl-Artikolu 6(2) fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f'bidliet diretti ta' l-ambitu ta' din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva.”;

8)

L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 9

Il-Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (****), b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.”

(****)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23."

9)

It-test li jinsab fl-Anness għandu jiżdied ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 11 ta' Awwissu 2006. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva, jew jiġu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta' dan ir-riferiment.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 45 E, tal-25.2.2003, p. 277.

(2)  ĠU C 208, tat-3.9.2003, p. 27.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (ĠU C 68 E, tat-18.3.2004, p. 311), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 (ĠU C 63 E tal-15.3.2005, p. 26) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2005.

(4)  ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 22. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adezjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif ġiet emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 336, tas-7.12.1988, p. 1.

(9)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).

(10)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


L-ANNESS

“L-ANNESS

BASTIMENTI GRIEGI

ISEM TAL-BASTIMENT

SENA TAL-KUNSINNA

NUMRU TA' L-IMO

ARIADNE PALACE

2002

9221310

IKARUS PALACE

1997

9144811

KNOSSOS PALACE

2001

9204063

OLYMPIA PALACE

2001

9220330

PASIPHAE PALACE

1997

9161948

FESTOS PALACE

2001

9204568

EUROPA PALACE

2002

9220342

BLUE STAR I

2000

9197105

BLUE STAR II

2000

9207584

BLUE STAR ITHAKI

1999

9203916

BLUE STAR NAXOS

2002

9241786

BLUE STAR PAROS

2002

9241774

HELLENIC SPIRIT

2001

9216030

OLYMPIC CHAMPION

2000

9216028

LEFKA ORI

1991

9035876

SOPHOKLIS VENIZELOS

1990

8916607”


Top