EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0041

Id-Direttiva 2001/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2001 li temenda, għall-wieħed u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u dr;-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, fir-rigward ta' sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni

ĠU L 194, 18.7.2001, p. 36–37 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2009; Impliċitament imħassar minn 32006R1907

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/41/oj

32001L0041



Official Journal L 194 , 18/07/2001 P. 0036 - 0037


Id-Direttiva 2001/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Ġunju 2001

li temenda, għall-wieħed u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u dr;-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, fir-rigward ta' sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) l-Artikolu 14 tat-Trattat jipprovdi għall-istabbiliment ta' żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat.

(2) Fid-29 ta' Marzu 1996 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni 646/96/KE li tadotta pjan ta' azzjoni biex jiġi miġġieled il-kanċer fil-qafas ta' azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (1996 sa 2000) [4].

(3) Sabiex jitjiebu l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur, is-sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, u l-preparazzjonijiet li jikkontjenuhom m’ għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-użu tal-pubbliku ġenerali.

(4) Id-Direttiva 94/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1994 li temenda għall-erbatax-il darba id-Direttiva 76/769/KEE [5] tistabilixxi, fil-forma ta' Appendiċi li jikkonċerna l-punti 29, 30 u 31 ta' l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE [6], lista li fiha sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni f'kategorija 1 jew 2. Dawn is-sustanzi u preparazzjonijiet m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-użu mill-pubbliku ġenerali.

(5) Id-Direttiva 94/60/KE tipprovvdi li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta biex din il-lista tiġi estiża sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni ta' adattament għall-progress tekniku ta' l-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi [7], li tikkontjeni sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni fil-kategorija 1 jew 2.

(6) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/69/KE tal-5 ta' Diċembru 1997 li tadatta għat-tlieta u għoxrin darba d-Direttiva 67/548/KEE, u b'mod partikolari l-Anness I tagħha, għall-progress tekniku, fiha sustanza waħda kklassifikata ġdida bħala karċinoġenika fil-kategorija 2 u d-Direttiva tal-Kummissjoni 98/73/KE [8] tat-18 ta' Settembru 1998 li tadatta għall-erbgħa u għoxrin darba d-Direttiva 67/548/KEE [9], u b’mod partikolari l-Anness I tagħha, għall-progress tekniku, fiha sustanza waħda kklassifikata ġdida bħala karċinoġenika fil-kategorija 2 u sustanza waħda kklassifikata ġdida bħala tossika għar-riproduzzjoni fil-kategorija 2. Dawn is-sustanzi għandhom jiżdiedu ma l-Appendiċi li jikkonċerna l-punti 29 u 31 tal-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE.

(7) Ir-riskji u l-vantaġġi tas-sustanzi klassifikati ġodda, mid-Direttivi 97/69/KE u 98/73/EC, bħala karċinoġeniċi fil-kategorija 2 jew tossiċi għar-riproduzzjoni fil-kategorija 2 ġew ikkunsidrati.

(8) Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi ħtiġiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni tal-miżuri sabiex jiġi inkoraġġit titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [10], u direttivi individwali bbażati fuqha, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [11],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Appendiċi għall-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE għandu tiġi emendata kif ġej:

1. Fl-introduzzjoni, in-Nota R ta' hawn taħt għandha tiżdied:

"Nota R:

Il-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu mhix neċessarja li tapplika għall-fibri b'dijametru ġeometriku medju peżat skond it-tul, inqas żewġ żbalji standard, akbar minn 6 μm."

2. Is-sustanzi elenkati fl-Anness għal ma’ din id-Direttiva għandhom jiżdiedu ma dawk is-sustanzi elenkati fl-Appendiċi li jikkonċerna il-punti 29 u 31.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-18 ta' Lulju 2002. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mit-18 ta' Jannar 2003.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ġunju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

M. Winberg

[1] ĠU C 116, E tas-26.4.2000, p. 54,

[2] ĠU C 140, tat-18.5.2000, p. 1.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 (ĠU C 142, tal-15.5.2001, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2001.

[4] ĠU L 95, tas-16.4.1996, p. 9.

[5] ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 1.

[6] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/77/KEE (ĠU L 207, tas-6.8.1999, p. 18).

[7] ĠU C 196 J, tas-16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/33/KE (ĠU L 136, tat-8.6.2000, p. 90).

[8] ĠU L 343, tat-13.12.1997, p. 19.

[9] ĠU L 305, tas-16.11.1998, p. 1.

[10] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[11] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/38/KE (ĠU L 138, ta' l-1.6.1999, p. 66).

--------------------------------------------------

ANNESS

Punt 29 - Karċinoġeni: kategorija 2

Sustanzi | Numru ta' l-indiċi | Numru KE | Numru CAS | Noti |

4-chloraniline | 612-137-00-9 | 203-401-0 | 106-47-8 | |

Fibri taċ-ċeramika refrattarji; Fibri għal Skopijiet Speċjali, bl-eċċezzjoni ta' dawk speċifikati xi mkien ieħor fl-Anness I għad-Direttiva 67/548/KEE; [Fibri tal-ħġieġ magħmula mill-bniedem (bis-silika) b'orjentazzjoni saltwarja b'kontenut ta' ossidu ta' l-alkalin u ossidu ta' l-alkali earth (Na2O + K2O + CaO + MgO + BaO) inqas jew daqs 18 % skond il-piż] | 650-017-00-8 | | | R |

Punt 31 - Tossiku għar-riproduzzjoni: kategorija 2

Sustanzi | Numru ta' l-indiċi | Numru KE | Numru CAS | Noti |

6-(2-chloroethyl)-6(2-methoxyethoxy)-2,5,7,10-tetraoxa-6-silaundecane; etacelasil | 014-014-00-X | 253-704-7 | 37894-46-5 | |

--------------------------------------------------

Top