EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0395

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Mejju 2001 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mar-Regolament Nru 13-H tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni ta' komponent ta' karrozzi tal-passiġġieri fir-rigward ta' l-ibbrejkjar tagħhom

ĠU L 139, 23.5.2001, p. 14–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/395/oj

32001D0395



Official Journal L 139 , 23/05/2001 P. 0014 - 0015


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta' l-14 ta' Mejju 2001

dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mar-Regolament Nru 13-H tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni ta' komponent ta' karrozzi tal-passiġġieri fir-rigward ta' l-ibbrejkjar tagħhom

(2001/395/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bl-iskop ta' l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċerna l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jiġu armati ma' u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta' approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet ("Ftehim ta' l-1958 Rivedut" ) [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 4(2), it-tieni inċiż tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [2],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [3],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [4],

Billi:

(1) Il-ħtiġiet standardizzati tar-Regolament Nru 13-H tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni ta' komponent ta' karrozzi tal-passiġġieri fir-rigward ta' l-ibbrejkjar tagħhom huma maħsuba sabiex ineħħu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ f'vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward ta' l-ibbrejkjar u sabiex jiġi assigurat livell għoli ta' sigurtà u protezzjoni ambjentali.

(2) Ir-Regolament Nru 13-H ġie notifikat lill-Partijiet Kontraenti u daħal fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha li ma tawx notifika tan-nuqqas ta' qbil tagħhom sad-data jew sad-dati speċifikati fir-Regolament anness mal-Ftehim Rivedut ta' l-1958.

(3) Sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi barra l-Komunità, jidher xieraq li tiġi stabbilita ekwivalenza tal-ħtiġiet tar-Regolament Nru 13-H ma' dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 71/320/KEE tas-26 ta' Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-mezzi ta' l-ibbrejkjar ta' ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5].

(4) Dan ir-Regolament għandu jiġi inkorporat fis-sistema ta' approvazzjoni għal vetturi bil-mutur u għandu għalhekk jiżdied mal-leġislazzjoni fis-seħħ fil-Komunità,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Komunità Ewropea għandha taderixxi mar-Regolament Nru 13-H tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni ta' komponent ta' karrozzi tal-passiġġieri fir-rigward ta' l-ibbrejkjar tagħhom.

It-test tar-Regolament huwa anness ma' din id-Deċiżjoni [6].

Artikolu 2

Bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-ekwivalenza tal-ħtiġiet tar-Regolament Nru 13-H tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 71/320/KEE, għandhom jiġu rikonoxxuti.

Magħmula fi Brussel, fl-14 ta' Mejju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Rekke

[1] ĠU L 346, tas-17.12.1997, p. 78.

[2] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u bid-Direttiva tal-Kunsill 98/91/KE (ĠU L 11, tas-16.1.1999, p. 25).

[3] ĠU C 215 E, tal-25.7.2000, p. 46.

[4] Il-Kunsens mogħti fit-3 ta' April 2001 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 37. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/12/KE (ĠU L 81, tat-18.3.1998, p. 1).

[6] Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f'Ġurnal Uffiċjali fil-ġejjieni.

--------------------------------------------------

Top