EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1565

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 tat-18 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni ta' programm ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 8–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/04/2013; Imħassar b' 32012R0872

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1565/oj

32000R1565



Official Journal L 180 , 19/07/2000 P. 0008 - 0016


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000

tat-18 ta' Lulju 2000

li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni ta' programm ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 1996 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja għas-sustanzi tat-taħwir użati jew maħsuba sabiex jintużaw fl-oġġetti ta' l-ikel [1] u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE [2] adottat reġistru tas-sustanzi tat-taħwir użati ġewwa jew fuq l-oġġetti ta' l-ikel imfassla għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2232/96.

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 jistabbilixxi fl-Anness tiegħu l-kriterji ġenerali għall-użu tas-sustanzi tat-taħwir. Ikopri, b'mod partikolari, illi dawn ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa tal-konsumaturi u li l-użu tagħhom ma jqarraqx bil-konsumatur.

(3) Sabiex jiġi ċċekkjat illi s-sustanzi tat-taħwir li jinsabu fir-reġistru jaqblu mal-kriterji għall-użu ġenerali, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 jipprovdi illi jitwettaq programm għall-evalwazzjoni ta' dawn is-sustanzi tat-taħwir. Skond l-Artikolu 4(3) is-sustanzi għandhom jitneħħew mir-reġistru, fejn, wara evalwazzjoni, ikun ċar illi ma jaqblux mal-kriterji għall-użu ġenerali.

(4) Bħala l-ewwel pass għall-evalwazzjoni tal-programm is-sustanzi fir-reġistru għandhom jirċievu n-numri FL skond il-karatteristiċi kimiċi tagħhom u għandhom jiġu mqassma fi gruppi ta' komposti strutturalment relatati ma' komponenti li jkunu mistennija li juru xi mġieba metabolika u bijoloġika komuni.

(5) Fid-dawl tan-numru kbir tas-sustanzi tat-taħwir fir-reġistru u d-data ta' l-iskadenza ffissata bir-Regolament li bih għandha tiġi adottata l-lista tas-sustanzi tat-taħwir awtorizzati, il-programm ta' evalwazzjoni m'għandux jaħli r-riżorsi xjentifiċi u, għalhekk, għandu jagħmel użu mill-istimi tas-sigurtà diġà mwettqa mill-Kumitat ta' l-Esperti tas-Sustanzi tat-Taħwir tal-Kunsill ta' l-Ewropa (CEFS), il-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel tal-Kummissjoni Ewropea (SCF) u l-Kumitat Konġunt tal-FAO/WHO ta' l-Esperti ta' l-Addittivi ta' l-Ikel (JECFA).

(6) Il-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel ġie kkonsultat, fejn indirizza b'mod speċjali l-kwistjoni dwar jekk ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet tal-kumitati xjentifiċi l-oħra jistgħux jiġu aċċettati. Fil-konklużjoni tiegħu espressa fit-2 ta' Diċembru 1999, l-SCF kien ta' l-opinjoni illi, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, it-taħwir ikkunsidrat aċċettabbli fid-tidħil korrenti stmat mill-JECFA jaqbel mal-kriterji għall-użu ġenerali u jista' jiġi inkluż fil-lista tas-sustanzi awtorizzati mingħajr ma jgħaddi minn evalwazzjoni ta' l-SCF għalissa. Bl-istess mod, l-SCF kkonkluda illi sustanzi tat-taħwir evalwati qabel mill-SCF u mill-CEFS bħala mhux perikoluż, m'għandhomx jiġu evalwati mill-ġdid billi l-kriterji użati qabel kienu strinġenti biżżejjed sabiex jikkunsidraw is-sustanzi bħala bla perikolu fl-użu korrenti.

(7) Il-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel ikkunsidra wkoll illi għas-sustanzi tat-taħwir li jifdal, għandha tiġi evitata t-tennija mhux meħtieġa tax-xogħol billi l-gruppi differenti tas-sustanzi jinqasmu bejn il-JECFA u l-SCF għall-evalwazzjoni.

(8) L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 jipprovdi illi l-persuna responsabbli mit-tqegħid tas-sustanzi fis-suq għandha tibgħat l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni lill-Kummissjoni. It-tagħrif dwar is-sustanzi rigward is-safa, l-ispeċifikazzjoni kimika, l-okkorrenza naturali fl-ikel, l-ammont totali miżjud ma' l-ikel u r-riżultati ta' l-istudji tossikoloġiċi u metaboliċi huma kkunsidrati essenzjali għall-evalwazzjoni. Sabiex jgħin l-evalwazzjoni kostanti fuq il-perjodu kollu taż-żmien it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat mill-aktar fis possibbli u jkun disponibbli minn ħafna qabel l-evalwazzjoni tas-sustanza partikolari. It-tagħrif għandu jiġi aġġornat hekk kif tkun disponibbli informazzjoni ġdida.

(9) Jekk l-informazzjoni pprovduta dwar l-identità kimika ta' sustanza u l-ammont miżjud ma' l-ikel jew l-istudji tossikoloġiċi u metaboliċi dwar sustanza jew dwar sustanzi relatati mill-qrib jidhru li mhumiex biżżejjed, tista' tiġi mitluba iktar informazzjoni. Wara l-istima ta' l-espożizzjoni inizjali li għandha tkun imsejsa fuq l-ammonti totali miżjuda ma' l-ikel tista' tinħtieġ informazzjoni aktar irraffinata dwar l-użu għall-evalwazzjoni ta' ċerti sustanzi.

(10) Sabiex jgħinu t-tkomplija tal-programm ta' evalwazzjoni fi żmien ħames snin, iridu jiġu stabbiliti t-temmiet taż-żmien għas-sottomissjoni tat-tagħrif kif ukoll in-numri minimi tas-sustanzi li jridu jiġu evalwati f'perjodu mogħti taż-żmien.

(11) Fejn ma jiġix ipprovdut it-tagħrif meħtieġ, hekk illi ma tistax issir l-evalwazzjoni ta' sustanza tat-taħwir, din is-sustanza ma tistax tiġi inkluża fil-lista definittiva tas-sustanzi tat-taħwir riferita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2232/96.

(12) Ir-reġistru fih madwar 2800 sustanza. Wara l-opinjoni ta' l-SCF, jista' jkun konkluż illi m'hemmx għalfejn jiġu evalwati mill-ġdid madwar 800 sustanza għalissa. Imsejsa fuq is-supposizzjoni illi l-JECFA jevalwa ammont sostanzjali tas-sustanzi fil-ħames snin li ġejjin, bejn madwar 1000 u 1250 jibqgħu għall-evalwazzjoni mill-SCF. Sabiex il-proċess ta' l-evalwazzjoni jintgħamel effiċjenti daqs kemm hu possibbli għandu jiġi segwit avviċinament imsejjes fuq il-gruppi, jiġifieri għandhom jiġu evalwati flimkien is-sustanzi mistennija li juru ċerta mġieba metabolika u bijoloġika komuni.

(13) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/652/KE [3], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 1999/634/KE [4], il-kompitu 1.1 dwar "is-sustanzi tat-taħwir iddefiniti kimikament" ġie ddefinit sabiex jiġi midħul għalih ġewwa l-qafas tal-kooperazzjoni xjentifika mill-Istati Membri fl-eżami tal-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ikel (SCOOP). Dan il-kompitu bena fuq id-database Flavis li jiġbor it-tagħrif għall-evalwazzjoni xjentifika tas-sustanzi tat-taħwir. It-tagħrif ipprovdut mill-persuna responsabbli mit-tqegħid tas-sustanza fis-suq għandu jiġi miżjud mad-database u jkun rrivedut b'mod kritiku sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx komplut biżżejjed għall-evalwazzjoni.

(14) Skond l-opinjoni ta' l-SCF, l-evalwazzjoni tas-sustanzi mill-SCF għandha issegwi l-proċedura applikata mill-JECFA, li hija l-aktar proċedura aġġornata u sistematika applikata preżentement. Wara approvazzjoni ta' l-SCF, ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet futura tas-sustanzi tat-taħwir fir-reġistru mwettqa mill-JECFA għandhom ikunu aċċettati wkoll.

(15) Il-proċedura tal-JECFA hija avviċinament pass b'pass illi jintegra t-tagħrif dwar it-teħid' il ġewwa mill-użi korrenti, ir-relazzjonijiet bejn l-istruttura u l-attività, il-metaboliżmu u t-tossiċità. B'żieda ma' dan, jiġi stmat it-tagħrif dwar il-safa u l-ispeċifikazzjoni kemikali. Wieħed mill-elementi ċavetta fil-proċedura hija s-suddiviżjoni tas-sustanzi tat-taħwir fi tliet klassijiet strutturali li għalihom ġew speċifikati l-għetiebi għall-espożizzjoni mill-bniedem mhux ikkunsidrati li jippreżentaw tħassib dwar is-sigurtà. L-istudju tossikoloġiċi u metaboliċi mwettqa ġewwa grupp ta' sustanzi li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin kimikament jistgħu jiġu użati sabiex jinġabru konklużjonijiet dwar l-effetti tossikoloġiċi possibbli tas-sustanzi mhux studjati jew studjati imma mhux b'mod intensiv.

(16) Sustanza għandha tiġi evalwata mill-ġdid jekk, fid-dawl ta' informazzjoni ġdida fuq l-effetti tossikoloġiċi jew fuq it-teħid 'il ġewwa mill-bniedem, iqum dubju dwar il-validità ta' l-evalwazzjoni diġà mwettqa u aċċettata.

(17) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KEE ċerti sustanzi tat-taħwir irċevew l-ewwel prijorità fil-programm ta' l-evalwazzjoni ġaladarba ġie espress tħassib dwar is-sigurtà tas-saħħa tal-konsumaturi minn ċerti Stati Membri. Il-programm għandu mbagħad jipproċedi skond il-gruppi billi jagħti l-prijorità lil dawk il-gruppi tas-sustanzi li dwarhom ikun disponibbli l-iktar tagħrif. Madankollu, fil-ġejjieni jistgħu jiġu mitluba prijoritajiet ogħla għal ċerti sustanzi.

(18) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-ewwel pass għall-istabbiliment tal-programm ta' l-evalwazzjoni għandu jkun li jiġu attribwiti n-numri FL, kif iddefiniti fid-database Flavis, lil kull sustanza tat-taħwir fir-reġistru u lis-suddiviżjoni tas-sustanzi kollha fi gruppi ta' sustanzi li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin skond il-lista tal-gruppi kif stabbilita fl-Anness I ma' dan ir-Regolament. Dan l-istadju jrid jitlesta fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kompitu 1.1 ta' l-SCOOP, stabbilit bid-Deċiżjoni 94/652/KE.

L-Artikolu 2

1. Is-sustanzi li jkunu fir-reġistru u kienu diġà ġew ikklassifikati

- mill-SCF fil-Kategorija 1 (is-sustanzi kkunsidrati bla periklu fl-użu) [5], jew

- mis-CEFS fil-Kategorija A (is-sustanzi li jistgħu jiġu użati fl-oġġetti ta' l-ikel) [6], jew

- mill-JECFA hekk li ma jippreżentaw l-ebda tħassib dwar is-sigurtà skond il-livelli korrenti tat-teħid 'il ġewwa bl-eċċezzjoni tas-sustanzi li ġew aċċettati fuq il-bażi waħdieni illi t-teħid' il ġewwa stmat tagħhom hu iktar baxx mill-għatba tat-tħassib ta' 1,5 μg għal kull persuna kuljum, kif stabbilit fir-rapporti tal-laqgħat Nri 46, 49, 51 u 53 tal-JECFA [7],

m'għandhomx għalfejn jiġu evalwati mill-ġdid fil-programm ta' l-evalwazzjoni preżenti,

- jekk jiġi pprovdut it-tagħrif dwar is-safa u l-ispeċifikazzjoni kimika tas-sustanza kif imniżżel fl-Anness II, u

- għajr jekk l-SCF jirċievi tagħrif ġdid li tista' jibdel ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet.

2. Is-sustanzi li huma fir-reġistru u jridu jiġu kklassifikati fil-futur

- mill-JECFA hekk li ma jippreżentaw l-ebda tħassib dwar is-sigurtà fil-livelli korrenti tat-teħid 'il ġewwa

iridu jiġu kkunsidrati mill-SCF, li jista' mbagħad jiddeċiedi illi ma tkun meħtieġa l-ebda evalwazzjoni oħra.

3. Fil-każ illi l-SCF jiddeċiedi illi hija meħtieġa iktar evalwazzjoni dwar sustanza riferita fil-paragrafi 1 jew 2, il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tas-sustanza li tkun fir-reġistru għandha tipprovdi t-tagħrif stabbilit fl-Artikolu 3(1).

L-Artikolu 3

1. Il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tas-sustanza li tkun fir-reġistru li mhix koperta bl-Artikolu 2(1) għandha tipprovdi t-tagħrif li ġej fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex tagħmel possibbli l-evalwazzjoni ta' sustanza:

- is-safa u l-ispeċifikazzjoni kimika tas-sustanza kif miġjuba fil-punti prinċipali tagħha fl-Anness II,

- l-okkorrenza naturali fl-oġġetti ta' l-ikel,

- l-ammont totali tas-sustanza li jiġi miżjud ma' l-ikel fil-Komunità,

- il-livelli normali u massimi ta' l-użu tas-sustanza fil-kategoriji ta' l-ikel kif miġjuba fil-punti prinċipali tagħhom fl-Anness III, jekk disponibbli,

- l-istudji tossikoloġiċi u metaboliċi rilevanti kollha dwar is-sustanza jew is-sustanzi li għandhom x'jaqsmu magħhom mill-qrib.

Dan it-tagħrif għandu jiġi trasmess fil-format standardizzat, kif miġjub fil-punti prinċipali tiegħu fl-Anness IV.

2. Jekk it-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 ma jsirx disponibbli għal sustanza partikolari fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-persuna responsabbli mit-tqegħid tagħha fis-suq għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, matul dan il-perjodu taż-żmien, f'liema data tista tissodisfa l-obbligi tagħha skond il-paragrafu 1 jew għas-sustanzi individwali jew għall-gruppi tas-sustanzi kif stabbilit fl-Anness I.

3. Fid-dawl tat-tagħrif irċevut skond il-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi temmiet taż-żmien differenti minn dawk proposti fil-paragrafu 2, għal sustanzi individwali jew għal gruppi ta' sustanzi kif stabbiliti fl-Anness I, sabiex tippermetti l-kontinwazzjoni bla tfixkil tal-proċess ta' l-evalwazzjoni.

4. Il-Kummissjoni tista' titlob tagħrif addizzjonali meqjus rilevanti għall-evalwazzjoni ta' sustanza partikolari mill-persuna responsabbli mit-tqegħid tagħha fis-suq fit-termini taż-żmien li jkunu konsistenti mat-temmiet taż-żmien ġenerali tal-programm. B'mod partikolari, għal ċertu sustanzi jista' jsir meħtieġ illi jiġi sottomess tagħrif dwar il-livelli normali u massimi ta' l-użu fil-kategoriji ta' ikel kif stabbiliti fl-Anness III.

5. Fejn ma jiġix ipprovdut it-tagħrif speċifikat fil-paragrafu 1, jew it-tagħrif addizzjonali speċifikat fil-paragrafu 4, is-sustanza ma' tistax tiġi evalwata.

6. It-tagħrif speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jiġi aġġornat, inkluż ta' dawk is-sustanzi diġà evalwati, mill-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tas-sustanzi rispettivi hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida.

7. It-tagħrif li jkun diġà ġie pprovdut għandu jintgħamel disponibbli lill-Istati Membri.

L-Artikolu 4

1. Għandhom jiġu evalwati mill-inqas 200 sustanza fis-sena sakemm jiġu forniti t-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 3(1), jew it-tagħrif addizzjonali speċifikat fl-Artikolu3(4), fi żmien it-termini taż-żmien speċifikati.

2. Fil-kompitu 1.1. ta' l-SCOOP, stabbilit bid-Deċiżjoni 94/652/KE, l-Istati Membri li jipparteċipaw għandhom:

- jinkorporaw it-tagħrif dwar kull sustanza mogħtija skond l-Artikolu 3(1) u (4) fid-database Flavis,

- jiċċekkjaw jekk it-tagħrif huwiex komplut biżżejjed għall-evalwazzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk dan ma jkunx il-każ,

- iħejju l-folji ta' l-informazzjoni li jgħaqqdu flimkien u jqassru t-tagħrif u li jkun fih pre-evalwazzjoni, u

- jippreżentaw dawn il-folji ta' informazzjoni lill-SCF.

Il-kompitu ta' l-SCOOP għandu jiġi organizzat sabiex jilħaq il-ħtiġiet tal-paragrafu 1.

3. Fuq il-bażi tal-folji ta' l-informazzjoni riferiti fil-paragrafu 2 l-SCF trid tevalwa s-sustanzi rigward il-konformità tagħhom mal-kriterji ġenerali ta' l-użu. L-SCF għandu jiċċekkja jekk it-tagħrif ikunx komplet u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni jekk dan ma jkunx il-każ, Jekk meħtieġ, jistgħu jiġu proposti miżuri sabiex jirrestrinġu l-livelli ta' l-użu. Il-proċedura ta' l-evalwazzjoni applikata għandha ssegwi l-proċedura applikata mill-JECFA, safejn u sakemm ikkunsidrata approprjata mill-SCF.

4. Il-Kummissjoni jew Stat Membru jistgħu jitolbu għal evalwazzjoni mill-ġdid tas-sustanza diġà aċċettata bħala li tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-użu, jekk issir disponibbli informazzjoni ġdida li tista' twassal għal riżultat differenti.

L-Artikolu 5

1. Is-sustanzi fir-reġistru li jġorru r-rimarki "2" jew "3" fil-kolonna tal-"Kummenti" fid-Deċiżjoni 1999/217/KE, għandhom jiġu evalwati l-ewwel.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, dawk il-gruppi tas-sustanzi stabbiliti fl-Anness I, li t-tagħrif dwarhom riferit fl-Artikolu 3(1) hu l-aktar komplet, għandu jirċievu l-prijorità fl-evalwazzjoni.

3. Bħala deroga mill-paragrafu 2, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru jistgħu jitolbu l-prijorità għall-evalwazzjoni ta' sustanza/i partikolari jew ta' grupp/i ta' sustanzi.

L-Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta' Lulju 2000.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 299, tat-23.11.1996, p. 1.

[2] ĠU L 84, tas-27.3.1999, p. 1.

[3] ĠU L 253, tad-29.9.1994, p. 29.

[4] ĠU L 249, tat-22.9.1999, p. 32.

[5] L-Anness 6 għall-minuti tal-laqgħa 98 tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-ikel, tal-21 u t-22 ta' Settembru 1995.

[6] Is-Sustanzi tat-taħwir u s-Sorsi naturali tal-ħwawar, il-Volum I, Is-Sustanzi tat-taħwir iddefiniti kimikament, ir-Raba Edizzjoni. Il-Kunsill ta' l-Ewropa, Ftehim parzjali fil-qasam tas-saħħa soċjali u pubblika, Strasburgu, 1992, kif ukoll il-modifiki sossegwenti f'folji xolti sas-sena 1999.

[7] L-evalwazzjoni ta' ċerti addittivi u kontaminati fl-ikel. Is-46 Rapport tal-Kumitat Konġunt ta' l-FAO/WHO ta' l-Esperti ta' l-Addittivi ta' l-Ikel, Rapport Tekniku tad-WHO, serje 868, Ġinevra 1997.Il-51 Rapport tal-Kumitat Konġunt ta' l-FAO/WHO ta' l-Esperti ta' l-Addittivi ta' l-Ikel, Rapport Tekniku tad-WHO, serje li trid tiġi ppubblikata.It-53 Rapport tal-Kumitat Konġunt ta' l-FAO/WHO ta' l-Esperti ta' l-Addittivi ta' l-Ikel, Rapport Tekniku tad-WHO, serje li trid tiġi ppubblikata.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IL-GRUPPI KIMIĊI GĦAS SUSTANZI TAT-TAĦWIR [1]

1. L-alkoħol/aldeidi/aċidi tal-katina dritta primarji alifatiċi, l-aċetali u l-esteri ma' esteri li fihom l-alkoħol saturat u l-aċetali li fihom l-aldeidi saturati. L-ebda mojetà aromatika jew etero-aromatika bħala komponent ta' ester jew ta' aċetal.

2. L-alkoħol/aldeidi/aċetali tal-katina bil-friegħi primarji alifatiċi, l-aċetali u l-esteri ma' l-esteri li fihom l-alkoħol u l-aċetali li fihom l-aldeidi tal-katina bil-friegħi. L-ebda mojetà aromatika jew etero-aromarika bħala komponent ta' ester jew aċetal.

3. Il-α, β-mhux saturat (alkene jew elkine) l-alkoħol/aldeidi/aċidi tal-katina dritta u tal-katina bil-friegħi, primarji alifatiċi. l-aċetali u l-esteri ma' esteri li fihom il- α, β-alkoħol mhux saturat u l-aċetal li fih il- α, β-alkoħol mhux saturati jew l-aldeidi. L-ebda mojetà aromatika u etero-aromatika bħala komponent ta' ester jew aċetal.

4. L-alkoħol/aldeidi/aċidi mhux ikkonjugati u akkumulati mhux saturati tal-katina dritta u tal-katina bil-friegħi alifatiċi primarji, l-aċetali u l-esteri ma' esteri li fihom l-alkoħol mhux saturat u l-aċetali li fihom l-alkoħol mhux saturati jew l-aldeidi. L-ebda mojetà aromatika jew etero-aromatika bħala komponent ta' ester jew ta' aċetal.

5. L-alkoħol/ketoni/ketali/esteri saturati u mhux saturati alifatiċi sekondarji ma' esteri li fihom l-alkoħol sekondarju. L-ebda mojetà aromatika jew etero-aromatika bħala komponent ta' ester jew ta' ketal.

6. L-alkoħol alifatiku, aliċikliċilku u aromatiku saturatat jew mhux saturat terzjarju u l-esteri ma' l- esteri li jkun fihom l-alkoħol terzjarji. L-esteri jista' jkun fihom kull komponent aċidu.

7. L-alkoħol/aldeidi/aċidi/aċetali/esteri primarji aliċikliċi saturati u mhux saturati ma' l-esteri li jkun fihom l-alkoħol aliċikliku. L-esteri/aċetali jista' jkun fihom komponent ta' aċidi alifatiċi jew ta' aċidi aliċikliċi jew ta' l-alkoħol.

8. L-alkoħol/ketoni/ketali/esteri sekondarji aċikliċi saturati jew mhux saturati mal-ketali li jkun fihom l-alkoħol aliċkliku jew il-ketoni u l-esteri aliċikliki li jkun fihom l-alkoħol sekondarju aliċikliku. L-esteri jista' jkun fihom komponent ta' aċidu alifatiku aliċiliku jew aliċikliku.

9. L-alkoħol/aldeidi/aċidi/aċeali/esteri primarji alifatiċi saturati jew mhux saturati ma' grupp primarju, sekondarju jew terzjarju ossiġenat funzjonali li jinkludi l-lattoni alifatiċi.

10. L-alkoħol/ketoni/ketali/esteri sekondarji alifatiċi saturati jew mhux saturati ma' tieni grupp sekondarju jew terzjarju ossiġenat funzjonali.

11. Il-lattoni aliċikliċi u aromatiċi.

12. Id-derivati tal-maltol u d-derivati tal-ketodiossan.

13. Id-derivati tal-furanoni u t-tetraidrofurfuril.

14. Id-derivati tal-furfiril u l-furan bi jew mingħajr sostitwenti u etero-atomi addizzjonali tal-katina mal-ġenb.

15. L-alkoħol fenil etil, l-aċidi fenilaċetiċi, l-esteri relatati, l-aċidi fenossiaċetiċi u l-esteri relatati.

16. L-esteri alifatiċi u aliċikliċi.

17. Il-propenilidrossibenżeni.

18. L-allilidrossiobenżeni.

19. Is-sustanzi relatati mal-kapsajċin u l-amidi relatati.

20. Il-mono-tjoli u d-di-tjoli u l-mono-sulfidi, id-di-sulfidi, it-tri-sulfidi, u l-poli-sulfidi alifatiċi u aromatiċi bi gruppi addizzjonali addizzjonali ossiġenati funzjonali jew mingħajrhom.

21. Il-ketoni aromatiċi, l-alkoħol sekondarju u l-esteri relatati.

22. Id-derivati ta' l-alkoħol/aldeid/aċidu/ester/aċetal issostituti bl-Aril primarji, inklużi dawk mhux saturati.

23. L-alkoħol/aldeidi/aċidi/esteri/aċetali benżil. L-esteri benżil u benżoat inklużi. Jistgħu wkoll ikun fihom komponent ester jew aċetal alifatiċi aċiliċi jew aliċikliċi.

24. Id-derivati tal-Pirażin.

25. Id-derivati tal-fenol li jkun fihom l-alkil taċ-ċirku, l-alkossi taċ-ċirku u ktajjen tal-ġenb ma' grupp ossiġenat funzjonali.

26. L-etere aromatiku inklużi d-derivati ta' l-anisol.

27. Id-derivati ta' l-antranilat

28. Id-derivati tal-piridin, il-pirrol u l-kwinolin.

29. Id-derivati tat-tijażoli, it-tijofene, it-tijażolin u t-tijenil.

30. Sustanzi mixxellanji.

31. L-idrokarboni alifatiċi u aromatiċi.

32. L-epossidi.

33. L-amini alifatiċi u aromatiċi.

34. L-amino aċidi.

[1] Dawn il-gruppi bbażati kimikament huma mistennija li juru wħud mill-imġibiet metabolikament u bijoliġikament komuni.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET KIMIĊI LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI GĦAS-SUSTANZI TAT-TAĦWIR.

- l-isem kimiku kif użat fir-reġistru tad-Deċiżjoni 1999/217/KE,

- l-isem ta' l-IUPAC, jekk differenti mill-isem kimiku kif użat fir-reġistru,

- is-sinonimi,

- in-numri tal-CAS, l-E, l-EINECS, l-FL, il-CoE u l-FEMA jekk disponibbli,

- il-formola kimika u strutturali, il-piż molekolari,

- il-għamla fiżika/riħa,

- is-solubbiltà,

- is-solubbiltà fl-etanol,

- it-test ta' l-identità (infra red, ir-reżonanza nuklea manjetika u/jew l-ispectrum tal-massa),

- il-valur minimu ta' l-assaġġ,

- l-impuritajiet,

- il-parametri fiżiċi li għandhom x' jaqsmu mas-safa (hija meħieġa ġustifikazzjoni jekk ma jiġix ipprovdut it-tagħrif):

- il-punt tat-togħlija (għall-likwidi),

- il-punt ta' meta jinħall (għall-oġġetti solidi),

- l-indiċi refrattiv (għall-likwidi),

- il-gravità speċifika (għall-likwidi),

- il-prodotti ta' l-istabbiltà u tad-dekompożizzjoni, jekk rilevanti,

- l-interazzjoni mal-komponenti ta' l-ikel, jekk rilevanti,

- kull tagħrif ieħor rilevanti.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

IL-KATEGORIJI TA' L-IKEL

1. Il-prodotti ta' l-irziezet tal-ħalib, bl-esklużjoni tal-prodotti tal-kategorija 2.

2. Ix-xaħmijiet u ż-żjut, u l-emulsjonijiet tax-xaħam (tat-tip ta' l-ilma fiż-żejt).

3. Is-silġ li jittiekel, kif ukoll ix-xerbett u s-sorbett.

4. Il-frott u l-ħaxix ta' l-ikel ipproċessati (inklużi l-faqqiegħ u l-fungi, l-għeruq u t-tuberi, il-pjanti tal-miżwed u tal-legumi) u l-ġewż u ż-żrieragħ.

4.1. Il-frott.

4.2. Il-ħaxix ta' l-ikel (inklużi l-faqqiegħ u l-fungi, l-għeruq u t-tuberi, il-pjanti tal-miżwed u tal-legumi) u l-ġewż u ż-żrieragħ.

5. Il-ħelu.

6. Iċ-ċereali u l-prodotti miċ-ċereali, inklużi d-dqiq u l-lamti mill-għeruq u mit-tuberi, il-pjanti tal-miżwed u tal-legumi, bl-esklużjoni ta' l-oġġetti tal-furnar.

7. L-oġġetti tal-bejgħ tal-furnar.

8. Il-laħam u l-prodotti mil-laħam, inklużi t-tiġieġ u l-kaċċa.

9. Il-ħut u l-prodotti mill-ħut, inklużi l-molluski, il-krustaċji u l-ekinodermi (MCE).

10. Il-bajd u l-prodotti mill-bajd.

11. Il-ħlewwiet, inkluż il-għasel.

12. L-imluħ, l-ispeċi, is-sopop, iz-zlazi, l-insalati, il-prodotti tal-proteini, eċċ.

13. L-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użi nutrijenti partikolari.

14. Ix-xorb, għajr il-prodotti ta' l-irziezet tal-ħalib.

14.1. Ix-xorb mhux alkoħoliku ("ħafif").

14.2. Ix-xorb alkoħoliku, inklużi l-kontrapartijiet ħielsa mill-alkoħol jew ta' kontenut alkoħoliku baxx.

15. L-ikel li jingħata għall-aptit lest biex jittiekel.

16. L-ikel kompost (p.e. it-tisjir fil-kazzola, it-torti tal-laħam, il-kapuljat), l-ikel li ma setax jitqiegħed fil-kategoriji 1 sa 15.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

IL-FORMAT GĦAT-TRASMISSJONI TAT-TAGĦRIF DWAR IS-SUSTANZI TAT-TAĦWIR

1. It-tagħrif kif speċifikat fl-ewwel sar-raba' inċiżi ta' l-Artikolu 3(1) kif ukoll is-sommarji tat-tagħrif mitlub mill-ħames inċiż ikollhom jiġu pprovduti f'format elettroniku standard, il-"Formola tad-dħul fid-database Flavis" (IF-FL). Is-sommarji tat-tagħrif mitlub mill-ħames inċiż għandu jkun fihom is-sejbiet ewliena ta' l-istudju rriferit sabiex jippermetti konklużjonijiet dwar l-effetti metaboliċi u tossikoloġiċi tas-sustanzi. L-IF-FL jista' jiġi rkuprat mis-sit ta' l-internet li ġej jew ordnat minn għand l-istitut tal-kordinament għall-kompitu 1.1. ta' l-SCOOP li l-indirizz tiegħu huwa mogħti hawn taħt.

http://www.flavis.net

2. It-tagħrif ikollu jiġi pprovdut bl-Ingliż. Biex tiġi identifikata sustanza jrid jintuża l-isem fil-kolonna intitolata "Isem" fil-verżjoni Ingliża tar-reġistru tad-Deċiżjoni 1999/217/KE. Jekk diġà disponibbli, in-numru tal-FL irid jiġi mogħti bħala żieda.

3. (a) L-IF-FL ikkompletat irid jintbagħat lill istitut tal-koordinament għall-kompitu 1.1. ta' l-iSCOOP

permezz ta' e-mail bl-indirizz (input@flavis.net) mogħti fuq is-sit ta' l-internet imsemmi hawn fuq jew

bil-posta fl-indirizz ta' hawn taħt (irrakkommandat għas-sustanzi fil-parti 4 tar-reġistru);

(b) tliet kopji legati separatament tat-tagħrif speċifikat fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu 3(1), iridu jiġu pprovduti fuq il-karta. Kull kopja teħtieġ li tiġi identifikata biċ-ċar bl-isem bl-Ingliż tas-sustanza u tal-grupp kimiku (kif elenkat fl-Anness I) li jkollu x'jaqsam miegħu. Jekk diġà disponibbli, in-numru tal-FL irid jiġi mogħti b'żieda ma' dawn. Il-kopji jridu jintbagħtu lill-istitut tal-kordinament għall-kompitu 1.1. ta' l-SCOOP:

Veterinarjat u Amministrazzjoni ta' l-Ikel Daniża

L-Istitut tas-Sigurtà ta' l-Ikel u tat-Tossikoloġija.

Flavis

Mørkhøi Bygade 19

DK—2860 Søborg

--------------------------------------------------

Top