EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0004

Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 1999 li għandha x'taqsam ma' l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra

ĠU L 66, 13.3.1999, p. 26–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/11/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/4/oj

31999L0004



Official Journal L 066 , 13/03/1999 P. 0026 - 0029


Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Frar 1999

li għandha x'taqsam ma' l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li i jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-8 ta' Diċembru 1998,

Billi ċerti Direttivi vertikali li għandhom x'jaqsmu ma' l-ikel għandhom jiġu ssimplifikati sabiex jitqiesu biss il-ħtiġiet essenzjali li għandhom jintlaħqu mill-prodotti li jkopru sabiex dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Edinburgu fil-11 u t-12 ta' Diċembru 1992, u kkonfermati minn dawk tal-Kunsill Ewropew fi Brussel fl-10 u l-11 ta' Diċembru 1993;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 77/436/KEE tas-27 ta' Ġunju 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra [4] kienet iġġustifikata mill-fatt illi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra jistgħu jirriżultaw f'kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux ġusta li jistgħu iqarrqu bil-konsumaturi, u b'hekk ikollhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni;

Billi d-Direttiva msemmija hawn fuq ġiet konsegwentement iddisinjata sabiex tiddefinixxi l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra, sabiex tistabbilixxi liema sustanzi jistgħu jiġu miżjuda matul il-fabbrikazzjoni tagħhom, sabiex jiġu stabbiliti regoli komuni li jirrigwardaw l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' dawn l-estratti u sabiex jiġu speċifikati l-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jintużaw id-denominazzjonijiet partikolari użati għal uħud minn dawn il-prodotti, sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-moviment tagħhom ġewwa l-Komunità;

Billi d-Direttiva 77/436/KEE għandha tinġieb f'konformità mal-leġislazzjoni ġenerali Komunitarja dwar l-oġġetti ta' l-ikel, partikolarment il-leġislazzjoni dwar l-ittikkettjar u l-metodi ta' l-analiżi;

Billi l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi, kemm jista' jkun malajr u f'kull każ qabel l-1 ta' Lulju 2000, l-inklużjoni fid-Direttiva 80/232/KEE [5] ta' firxa ta' piżijiet nominali għall-prodotti ddefiniti b'din id-Direttiva;

Billi r-regoli ġenerali ta' l-ittikkettjar ta' l-ikel stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' l-oġġetti ta' l-ikel għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur [6] għandhom japplikaw bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet;

Billi, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3b tat-Trattat;

Billi, meta din id-Direttiva tiġi adattata fil-ġejjieni għad-dispożizzjonijiet ġenerali Komunitarji dwar l-oġġetti ta' l-ikel, il-Kummissjoni se tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel, stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [7];

Billi, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakoli ġodda għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandom iżommu lura milli jadottaw, għal prodotti inkwistjoni, dispożizzjonijiet nazzjonali li m'hemmx provvediment għalihom f'din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Diretiva tirrigwarda l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra kif iddefiniti fl-Anness.

Din id-Direttiva ma tapplikax għall- "café torrefacto soluble".

L-Artikolu 2

Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-ismijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness għandhom japplikaw biss għall-prodotti imsemmija fih u għandhom jintużaw fil-kummerċ sabiex jiġu ddenominati. Dawn l-ismijiet għandhom jiġu ssupplimentati bil-kliem:

- "paste" jew "fil-għamla ta' paste" jew

- "likwidu" jew "fil-għamla likwida" kif ikun xieraq.

Madankollu, l-ismijiet tal-prodotti jistgħu jiġu ssupplimentati bit-terminu "ikkonċentrat":

- fil-każ tal-prodott iddefinit fil-punt 1(ċ) ta' l-Anness, sakemm il-kontenut tas-sustanza niexfa ibbażat fuq il-kafè jkun aktar minn 25 % skond il-piż,

- fil-każ tal-prodott iddefinit fil-punt 2(ċ) ta' l-Anness, sakemm il-kontenut tas-sustanza niexfa ibbażat fuq iċ-ċikwejra ikun aktar minn 45 % skond il-piż;

(b) l-ittikkettjar għandu jinkludi t-terminu "iddekaffeinat" fil-każ tal-prodotti ddefiniti fil-punt 1 ta' l-Anness, sakemm il-kontenut tal-kaffeina anidra ma jaqbiżx iż-0,3 % skond tal-piż tas-sustanza niexfa bbażata fuq il-kafè. Dan it-tagħrif għandu jkun fl-istess firxa tal-vista bħad-deskrizzjoni tal-bejgħ;

(ċ) fil-każ tal-prodotti ddefiniti fil-punti 1(ċ) u 2(ċ) ta' l-Anness, it-tikketta għandha tinkludi t-termini "ma'…", "ippriservat bi…", "bi… miżjud/a" jew "inkaljat bi…" segwiti bl-isem/ismijiet tat-tipi taz-zokkor użat/i.

Dan it-tagħrif għandu ikun fl-istess firxa tal-vista bħad- deskrizzjoni tal-bejgħ;

(d) l-ittikkettjar għandu jindika, fil-każ tal-prodotti ddefiniti fil-punti 1(b) u (ċ) ta' l-Anness, il-kontenut minimu tas-sustanza niexfa bbażata fuq il-kafè u, fil-każ tal-prodotti ddefiniti fil-punti 2(b) u (ċ) ta' l-Anness, il-kontenut minimu tas-sustanza niexfa bbażata fuq iċ-ċikwejra. Dawn il-kontenuti għandhom jiġu espressi bħala perċentwal skond il-piż tal-prodott lest.

L-Artikolu 3

Għall-prodotti ddefiniti fl-Anness, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li m'hemmx provvediment għalihom f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Id-deċiżjoni sabiex din id-Direttiva tinġieb f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-oġġetti ta' l-ikel għandha ssir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5.

L-Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel, minn issa 'l quddiem riferit bħala "il-Kumitat", kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu ppeżati skond kif stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tiġi mogħtija, il-Kummissjoni għandha tissottometti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta li jkollha x'taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jiskadi l-perjodu taż-żmien ta' tliet xhur mid-data li fiha l-materja kienet ġiet riferita lilu, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 6

Id-Direttiva 77/436/KEE b'dan għandha tiġi mħassra b'effett mfit-13 ta' Settembru 2000.

Ir-referenzi għad-Direttiva li ġiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-13 ta' Settembru 2002. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati sabiex:

- jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-prodotti ddefiniti fl-Anness jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva, b'effett mit-13 ta' Settembru 2000,

- jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jonqsu li jikkonformaw ma' din id-Direttiva, b'effett mit-13 ta' Settembru 2001. Madankollu, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jonqsu milli jikkonformaw ma' din id-Direttiva imma ttikkettjati qabel it-13 ta' Settembru 2001 skond id-Direttiva 77/436/KEE għandhom jissoktaw jiġu permessi sakemm jiġu eżawriti l-ħażniet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn ta' l-aħħar għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġijiet domestiċi li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikażzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Frar 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. Funke

[1] ĠU C 231, tad-9.8.1996, p. 24.

[2] ĠU C 56, ta' l-24.2.1997, p. 20.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 1997 (ĠU C 339, ta' l-10.11.1997, p. 129), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-30 ta' April 1998 (ĠU C 204, tat-30.6.1998, p. 25) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 1998 (ĠU C 313, tat-12.10.1998, p. 90). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999. Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 1999.

[4] ĠU L 172, tat-12. 7.1977, p. 20. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985.

[5] ĠU L 51, tal-25.2.1980, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 87/356/KEE (ĠU L 192, tal-11.7.1987, p. 48).

[6] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/4/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 21).

[7] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ID-DESKRIZZJONIJIET, ID-DEFINIZZJONIJIET U L-KARATTERISTIĊI TAL-PRODOTTI

1. "L-Estratt tal-kafè", "l-estratt tal-kafè li jinħall", "il-kafè li jinħall" jew "il-kafè instantanju"

Dan ifisser il-prodott ikkonċentrat miksub b'estrazzjoni mill-kafena inkaljata bl-użu ta' l-ilma biss bħala l-mezz ta' l-estrazzjoni u jeskludi kull proċess ta' idrolisi li jinvolvi ż-żieda ta' aċidu jew ta' bażi. Minbarra dawn is-sustanzi li ma jinħallux li huma teknikament impossibbli li jiġu eliminati, u ż-żjut li ma jinħallux li jiġu mill-kafè, l-estratt tal-kafè għandu jkun fih biss il-kostitwenti li jinħallu u aromatiċi tal-kafè. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta' karboidrat liberu u totali tat-tipi tal-kafè li jinħall huma skond il-paragrafi 1 u 2 ta' l-Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 85/591/KEE tal-20 ta' Diċembru 1985 rigward l-introduzzjoni tal-metodi Komunitarji tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-monitoraġġ ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem [1] u li jkunu ikkonvalidati jew standardizzati, jew diġà jew kemm jista' jkun malajr.

Il-kontenut tas-sustanza niexfa ibbażata fuq il-kafè għandu jkun:

(a) mhux inqas minn 95 % skond il-piż fil-każ ta' l-estratt niexef tal-kafè;

(b) minn 70 % sa 85 % skond il-piż fil-każ tal-paste ta' l-estratt tal-kafè;

(ċ) minn 15 % sa 55 % skond il-piż fil-każ ta' l-estratt likwidu tal-kafè;

L-estratt tal-kafè fil-għamla solida jew paste ma għandu jkun fih l-ebda sustanza oħra għajr dawk idderivati mill-estrazzjoni tal-kafè. L-estratt likwidu tal-kafè jista' jkun fih tipi ta' zokkor li jittiekel, sewwa nklajat u sewwa le, fi proporzjon li ma jaqbiżx it-12 % tal-piż.

2. "L-Estratt taċ-ċikwejra", "iċ-ċikwejra li tinħall" jew "iċ-ċikwejra instantanja"

Dan ifisser il-prodott ikkonċentrat miksub mill-estrazzjoni taċ-ċikwejra inkaljata bl-użu ta' l-ilma biss bħala l-mezz ta' l-estrazzjoni u jeskludi kull proċess ta' idrolisi li jinvolvi ż-żieda ta' aċidu jew ta' bażi.

"Iċ-Ċikwejra" tfisser l-għeruq taċ-Cichorium Intybus L., mhux użati għall-produzzjoni taċ-ċikwejra witloof, is-soltu użata għat-tħejjija tax-xorb, imnaddfa kif jixraq sabiex tiġi mnixxfa jew inkaljata.

Il-kontenut tas-sustanza niexfa bbażata fuq iċ-ċikwejra għandu jkun:

(a) mhux inqas minn 95 % skond il-piż fil-każ ta' l-estratt niexef taċ-ċikwejra;

(b) minn 70 % sa 85 % skond il-piż fil-każ ta' paste ta' l-estratt taċ-ċikwejra;

(ċ) minn 25 % sa 55 % skond il-piż fil-każ ta' l-estratt likwidu taċ-ċikwejra;

L-estratt taċ-ċikwejra fil-għamla solida jew paste ma jistax ikun fih aktar minn 1 % skond il-piż tas-sustanzi li ma jiġux miċ-ċikwejra.

L-estratt likwidu taċ-ċikwejra jista' jkun fih tipi ta' zokkor li jittiekel, sewwa jekk inkaljat u sewwa jekk le, għal proporzjon li ma jaqbiżx il-35 % tal-piż.

[1] ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 50.

--------------------------------------------------

Top