EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 31997L0067

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz

ĠU L 15, 21.1.1998, str. 14—25 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Kapitolu 06 Volum 003 P. 71 - 82

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (CS, ET, LV, LT, HU, MT, SK, SL, BG, RO, HR)

Status prawny dokumentu Obowiązujące: Ten akt został zmieniony. Aktualna wersja skonsolidowana: 27/02/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/67/oj

31997L0067



Official Journal L 015 , 21/01/1998 P. 0014 - 0025


Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-15 ta’ Diċembru 1997

dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2), 66 u 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Wara li kkunsidraw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Jannar 1993 dwar il-Karta l-Ħadra dwar l-iżvilupp ta’ suq wieħed għas-servizzi postali [4],

Wara li kkunsidraw ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 1994 dwar l-iżvilupp tas-servizzi postali fil-Komunità [5],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fis-7 ta’ Novembru 1997 [6],

(1) Billi għandhom jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit suq intern skond l-Artikolu 7a tat-Trattat; billi dan is-suq jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat;

(2) Billi l-istabbiliment tas-suq intern fis-settur postali huwa ta’ importanza ppruvata għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità, billi s-servizzi postali huma strumenti essenzjali għall-komunikazzjoni u għall-kummerċ;

(3) Billi fil-11 ta’ Ġunju 1992 il-Kummissjoni ppreżentat Karta Ħadra dwar l-iżvilupp ta’ suq wieħed għas-servizzi postali u, fit-2 ta’ Ġunju 1993, Komunikazzjoni dwar il-linji ta’ gwida għall-iżvilupp tas-servizzi postali fil-Komunità;

(4) Billi l-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika f’firxa wiesgħa dwar dawk l-aspetti tas-servizzi postali li huma ta’ interess għall-Komunità u l-partijiet interessati fis-settur postali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni;

(5) Billi l-firxa preżenti tas-servizzi postali universali u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tagħhom ivarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor; billi, b’mod partikolari, il-prestazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kwalità tas-servizz huwa inugwali fl-Istati Membri;

(6) Billi l-konnessjonijiet postali bejn fruntiera u oħra mhux dejjem jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, u l-prestazzjoni, għar-rigward ta’ kwalità tas-servizz tas-servizzi postali bejn fruntiera u oħra tal-Komunità, fil-mument m’humiex sodisfaċenti;

(7) Billi d-diskrepanzi osservati fis-servizz postali għandhom implikazzjonijiet konsiderevoli għal dawk is-setturi li l-attività tagħhom tiddependi fuq is-servizzi postali u effettivament jimpedixxu l-progress lejn koeżjoni interna tal-Komunità; billi r-reġjuni li huma miċħuda minn servizzi postali ta’ kwalità għolja biżżejjed isibu ruħhom fi żvantaġġ fir-rigward kemm tas-servizz ta’ l-ittri u t-tqassim ta’ l-oġġetti;

(8) Billi miżuri li jfittxu li jiżguraw il-liberalizzazzjoni bil-mod u kkontrollata tas-suq u li jiżguraw bilanċ adattat fl-applikazzjoni tiegħu huma meħtieġa sabiex jiggarantixxu, mal-Komunità kollha, u bla ħsara għall-obbligi u drittijiet tal-fornituri tas-servizz universali l-forniment ħieles ta’ servizzi fis-settur postali nnifsu;

(9) Billi azzjoni fuq livell Komunitarju sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni akbar tal-kondizzjonijiet li jirregolaw is-settur postali hija għalhekk meħtieġa u għaldaqstant għandhom jittieħdu passi sabiex jiġu stabbiliti regoli komuni;

(10) Billi, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà, sett ta’ prinċipji ġenerali għandu jiġi adottat fuq livell Komunitarju, waqt li l-għażla tal-proċeduri eżatti għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, li għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu s-sistema l-aktar adattata għaċ-ċirkostanzi tagħhom;

(11) Billi huwa essenzjali li jiġi garantit fuq livell Komunitarju servizz postali universali li jħaddan firxa minima ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għandhom jigu pprovduti fl-Istati Membri kollha bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd għall-benefiċċju tal-konsumaturi kollha irrispettivament mill-lokazzjoni ġeografika tagħhom fil-Komunità;

(12) Billi l-iskop ta’ servizzi universali huwa li joffri lill-konsumaturi kollha aċċess faċili għal network postali permezz tal-provvista, b’mod partikolari, ta’ numru suffiċjenti ta’ punti ta’ aċċess u li jiżgura kondizzjonijiet sodisfaċenti fir-rigward tal-frekwenza tal-ġbir u t-tqassim; billi l-provvista ta’ servizz universali għandha tilħaq il-ħtieġa fundamentali li tiżgura kontinwità ta’ operazzjoni, waqt li fl-istess ħin tibqa’ adattabbli għall-rekwiżiti tal-konsumaturi kif ukoll tiggarantilhom trattament ġust u mhux diskriminatorju;

(13) Billi servizz universali għandu jkopri s-servizzi nazzjonali kif ukoll s-servizzi bejn fruntiera u oħra;

(14) Billi l-konsumaturi ta’ servizzi universali għandhom jingħataw tagħrif adegwat dwar il-firxa ta’ servizzi offruti, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista u l-użu tagħhom, il-kwalità tas-servizzi provduti, u t-tariffi;

(15) Billi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-provvista ta’ servizz universali huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-operaturi universali li jinnegozjaw kuntratti mal-klijenti individwalment;

(16) Billi ż-żamma ta’ firxa ta’ dawk is-servizzi li tista’ tiġi riżervata, b’konformità mar-regoli tat-Trattat u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, tidher ġustifikata fuq il-bażi li jiġi żgurat it-tħaddim ta’ servizz universali taħt kondizzjonijiet finanzjarjament bilanċjati; billi l-proċess ta’ liberalizzazzjoni m’għandux inaqqas il-provvista kontinwa ta’ ċerti servizzi b’xejn għall-persuni għomja u b’vista mnaqqsa introdotti mill-Istati Membri;

(17) Billi oġġetti ta’ korrispondenza li jiżnu 350 gramma jew aktar jirrappreżentaw anqas minn 2 % tal-volum ta’ l-ittri u anqas minn 3 % tad-dħul ta’ l-operaturi pubbliċi; billi l-kriterji tal-prezz (it-tariffa bażika għal ħames darbiet) jippermetti aħjar id-distinzjoni bejn is-servizz riżervat u s-servizz express, li huwa liberalizzat;

(18) Billi, minħabba l-fatt li d-differenza essenzjali bejn il-posta express u s-servizz postali universali tinsab fil-valur miżjud (tkun xi tkun il-forma tiegħu) provdut mis-servizzi express u li jifhmu l-konsumaturi, l-aktar mod effettiv sabiex jiġi stabbilit il-valur żejjed previst huwa li wieħed iqis il-prezz żejjed li l-konsumaturi huma lesti li jħallsu, mingħajr preġudizzju, madankollu, għall-limitu tal-prezz taż-żona riżervata li għandha tiġi rispettata;

(19) Billi huwa raġonevoli li wieħed jippermetti, fuq bażi temporanja, li l-posta diretta u l-posta bejn fruntiera u oħrajkomplu jistgħu jiġu riżervati fil-limiti tal-prezz u l-piż provduti; billi, bħala pass ieħor lejn it-tlestija ta’ suq intern tas-servizzi postali, deċiżjoni dwar liberalizzazzjoni aktar bil-mod u kontrollata tas-suq postali, b’mod partikolari bl-iskop tal-liberalizzazzjoni tal-posta bejn fruntiera u oħrau diretta kif ukoll ta’ aktar revizjoni tal-limiti tal-prezz u l-piż, għandha tittieħed mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2000, dwar proposta mill-Kummissjoni wara r-revizjoni tas-settur;

(20) Billi, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, l-Istati Membri jista’ jkollhom interess leġittimu li jikkonferixxu fuq entità waħda jew aktar nominati minnhom id-dritt li jqiegħdu fuq l-awtostrada pubblika kaxxi ta’ l-ittri intenzjonati biex jirċievu oġġetti postali; billi, għall-istess raġunijiet, għandhom ikunu intitolati li jaħtru entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ bolli postali li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini u dawk responsabbli li jipprovdu s-servizz tal-posta reġistrat użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom; billi jistgħu wkoll jindikaw l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea billi jintegraw is-simbolu ta’ 12-il stilla;

(21) Billi servizzi ġodda (servizzi pjuttost distinti mis-servizzi konvenzjonali) u skambju ta’ dokumenti ma jagħmlux sehem mis-servizz universali u għaldaqstant m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għalihom li jkunu riżervati għall-fornituri ta’ servizz universali; billi dan japplika ugwalment għas-self-provision (provvista ta’ servizzi postali minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun l-oriġinatur tal-posta, jew ġbir u routing ta’ dawk l-oġġetti minn parti terza li taġixxi unikament għan-nom ta’ dik il-persuna) li ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ servizzi;

(22) Billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirregolaw bi proċeduri ta’ awtorizzazzjoni approprjati, fuq it-territorju tagħhom, il-provvista ta’ servizzi postali li m’humiex riżervati għall-fornituri ta’ servizz universali; billi dawn il-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, proporzjonati u bbazati fuq kriterji oġġettivi;

(23) Billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jagħmlu l-għoti tal-liċenzji suġġetti għall-obbligzzjoni ta’ servizz universali jew kontribuzzjonijiet lejn fond ta’ kumpens intenzjonat biex jikkumpensa lill-fornitur ta’ servizz universali għall-provvista ta’ servizzi li jirrappreżentaw piż finanzjarju mhux ġust; billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinkludu fl-awtorizzazzjonijiet obbligu li l-attivitajiet awtorizzati ma jiksrux id-drittijiet speċjali jew esklussivi mogħtija lill-fornituri ta’ servizz universali għal servizzi riżervati; billi sistema ta’ identifikazzjoni għall-posta diretta tista’ tiġi introdotta għall-iskopijiet ta’ superviżjoni meta fejn il-posta diretta hija liberalizzata;

(24) Billi l-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri awtorizzati stabbiliti mill-Istati Membri li jirregolaw il-provvista kummerċjali tas-servizzi pubbliċi mhux riżervati għandhom jiġu adottati;

(25) Billi, jekk dan ikun meħtieġ, għandhom jiġu adottati miżuri biex jiżguraw it-trasparenza u n-natura mhux diskriminatorja tal-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal network pubbliku postali fl-Istati Membri;

(26) Billi, sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni soda tas-servizz universali u sabiex jiġi evitat xkiel fil-kompetizzjoni, it-tariffi applikati għas-servizz universali għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u konsistenti man-nefqa;

(27) Billi r-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizz tal-posta intra-Komunitarju bejn fruntiera u oħra, mingħajr preġudizzju għas-sett minimu ta’ obbligi li joħroġ mill-atti ta’ l-Unjoni Postali Universali, għandu jkun b’tali mod li jkopri l-ispejjeż tal-kunsinna magħmula minn fornitur ta’ servizz universali fil-pajjiż tad-destinazzjoni; billi din ir-remunerazzjoni għandha tipprovdi wkoll inċentiv sabiex tiġi mtejba jew miżmuma l-kwalità ta’ servizz bejn fruntiera u oħrapermezz ta’ l-użu ta’ objettivi ta’ kwalità tas-servizz; billi dan jiġġustifika sistemi adattati li jistabbilixxu kopertura xierqa tan-nefqiet u l-kwalità tas-servizz speċifikament relatati miksuba;

(28) Billi huma meħtieġa kontijiet separati għas-servizzi differenti riżervati u mhux riżervati sabiex ikun hemm trasparenza fin-nefqiet attwali tad-diversi servizzi u sabiex jiġi żgurat li s-sussidji li jgħaddu mis-settur riżervat għas-settur mhux riżervat ma jolqtux ħażin il-kondizzjonijiet tal-kompettitività ta’ dan ta’ l-aħħar;

(29) Billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fit-tliet dikjarazzjonijiet ta’ qabel, il-fornituri ta’ servizz universali għandhom jimplimentaw, f’limitu ta’ żmien raġonevoli, sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, li jkunu jistgħu jiġu verifikati indipendentement, li bihom l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu allokati għas-servizzi kemm jista’ jkun preċiżi fuq il-bażi ta’ proċeduri ta’ trasparenza; billi dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu mwettqa, per eżempju, bl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ kostjar distribwit għal kollox; billi dawk is-sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeżm’għandhomx ikunu meħtieġa meta jkunu jeżistu kondizzjonijiet ġenwini ta’ kompetizzjoni miftuħa;

(30) Billi għandhom jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi, li huma intitolati għal servizz ta’ kwalità għolja; billi, għalhekk, kull sforz għandu jsir biex tittejjeb u titkabbar il-kwalità tas-servizzi provduti fuq livell Komunitarju; billi dak it-titjib fil-kwalità jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu standards, li għandhom jintlaħqu jew jinqabżu mill-fornituri ta’ servizz universali, dwar is-servizzi li jagħmlu sehem mis-servizz universali;

(31) Billi l-kwalità tas-servizz mistenni mill-konsumaturi jikkostitwixxi aspett essenzjali tas-servizzi provduti; billi l-istandards evalwattivi għal din il-kwalità tas-servizz u l-livelli ta’ kwalità miksuba għandhom jiġu ppublikati fl-interess tal-konsumaturi; billi huwa meħtieġ li jkun hemm disponibbli standards armonizzati ta’ kwalità tas-servizz u metotdoloġija komuni ta’ kejl biex tkun tista’ tiġi evalwata l-konverġenza tal-kwalità tas-servizz mal-Komunità kollha;

(32) Billi l-istandards nazzjonali ta’ kwalità konsistenti ma’ l-istandards tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri; billi fil-każ ta’ servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħrali jeħtieġu l-isforzi magħquda ta’ mill-anqas żewġ fornituri ta’ servizz universali minn żewġ Stati Membri differenti, għandhom jiġu definiti standards ta’ kwalità fuq livell Komunitarju;

(33) Billi l-konformità ma’ dawn l-istandards għandha tiġi vverifikata b’mod indipendenti f’intervalli regolari u fuq bażi armonizzati; billi l-konsumaturi għandhom id-dritt li jiġu mgħarrfa bir-riżultati ta’ dik il-verifika u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li azzjoni korretta tittieħed meta dawk ir-riżultati juru li l-istandards ma jkunux intlaħqu;

(34) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar termini inġusti f’kuntratti tal-konsumatur [7] japplikaw għall-operaturi postali;

(35) Billi l-ħtieġa ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz tfisser li l-kwistjonijiet għandhom jissolvew malajr u b’mod effiċjenti; billi, minbarra l-forom ta’ rimedju legali disponibbli taħt il-liġi nazzjonali u tal-Komunità, għandha tiġi pprovduta proċedura għall-ilmenti, li għandha tkun trasparenti, sempliċi u ma tiswiex ħafna u għandha tkun tippermetti lill-partijiet relevanti li jipparteċipaw;

(36) Billi l-progress fl-interkonnessjoni ta’ networks postali u l-interessi tal-konsumaturi jeħtieġu li tiġi mħeġġa l-istandardizzazzjoni teknika; billi l-istandardizzazzjoni teknika hija indispensabbli għall-promozzjoni ta’ interoperabilità bejn networks nazzjonali u għal servizz universali effiċjenti fil-Komunità;

(37) Billi l-linji ta’ gwida dwar l-armonizzazzjoni Ewropea jistabbilixxu attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċjalizzati li għandhom jiġu fdati lill-Kumitat Ewropew ta’ L-Istandardizzazzjoni;

(38) Billi għandu jiġi stabbilit kumitat biex jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħol futur dwar l-iżvilupp ta’ miżuri dwar il-kwalità ta’ servizz bejn fruntiera u oħratal-Komunità u l-istandardizzazzjoni teknika;

(39) Billi sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tas-servizz universali u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr xkiel fis-settur mhux riżervat, huwa importanti li l-funzjonijiet tar-regolatur jiġu separati, minn naħa l-waħda, u l-operatur, minn naħa l-oħra; billi ebda operatur postali ma jista’ jkun kemm l-imħallef kif ukoll il-parti interessata; billi huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi l-istatut ta’ awtorità nazzjonali regolatorja waħda jew aktar, li tista’ tintagħżel minn awtoritajiet pubbliċi jew entitajiet indipendenti maħtura għal dak l-iskop;

(40) Billi l-effetti ta’ kondizzjonijiet armonizzati fuq l-iffunzjonar tas-suq intern fis-servizzi postali jeħtieġu li jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni; billi, għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li jkun jinkludi t-tagħrif xieraq dwar l-iżviluppi fis-settur, b’mod partikolari dwar l-aspetti ekonomiċi, soċjali, ta’ impiegi u teknoloġiċi, kif ukoll il-kwalità tas-servizz, tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ, u f’kull każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000;

(41) Billi din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari r-regoli tiegħu dwar il-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu provduti servizzi;

(42) Billi xejn m’għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu miżuri għas-settur postali li jkunu aktar liberali minn dawk stabbiliti minn din id-Direttiva, u lanqas, f’każ li din id-Direttiva tiskadi, milli jżommu fis-seħħ miżuri li jkun ġew introdotti biex jimplimentawha, sakemm f’kull każ dawk il-miżuri jkunu kumpatibbli mat-Trattat;

(43) Billi huwa xieraq li din id-Direttiva għandha tapplika sal-31 ta Diċembru 2004 kemm-il darba ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni;

(44) Billi din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-attivitajiet li jaqgħu barra mill-iskop tal-liġi tal-Komunità, bħal dawk stabbiliti mit-Titolu V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għall-attivitajiet dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta’ l-Istat (inkluż il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jkollhom x’jaqsmu ma’ kwisjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.

(45) Billi din id-Direttiva ma tipprevienix, fil-każ ta’ intrapriżi li m’humiex stabbiliti fil-Komunità, l-addozzjoni ta’ miżuri skond kemm il-liġi tal-Komunità u obbligi eżistenti internazzjonali maħsuba biex jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri jgawdu l-istess trattament f’pajjiżi terzi; billi l-intrapriżi tal-Komunità għandhom jibbenefikaw f’pajjiżi terzi minn trattament u aċċess effettiv li huwa komparabbli mat-trattament u l-aċċess għas-suq li huwa mogħti liċ-ċittadini tal-pajjiżi konċernati fil-kuntest tal-Komunità;

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU 1

L-Għanijiet u kamp

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:

- il-provvista ta’ servizz universali postali fil-Komunità,

- il-kriterji li jiddefinixxu s-servizz li jista’ jiġi riżervat għall-fornituri ta’ servizz universali u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi mhux riżervati,

- prinċipji ta’ tariffi u trasparenza tal-kontijiet għall-provvista ta’ servizz universali,

- l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità għall-provvista ta’ servizz universali u l-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura l-konformità ma’ dawk l-istandards,

- l-armonizzazzjoni ta’ standards tekniċi,

- il-ħolqien ta’ awtoritajiet indipendenti nazzjonali regolatorji.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

1. servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali;

2. network pubbliku postali: is-sistema ta’ organizzazzjoni u riżorsi ta’ kull xorta użati mill-fornitur/i ta’ servizz universali għall-iskopijiet b’mod partikolari ta’:

- l-ikklerjar ta’ oġġetti postali koperti b’obbligazzjoni ta’ servizz universali minn punti ta’ aċċess mat-territorju kollu,

- ir-routing u l-ġarr ta’ dawk l-oġġetti mill-punt ta’ aċċess tan-network postali għaċ-ċentru ta’ tqassim,

- it-tqassim lill-indirizzi murija fuq l-oġġetti;

3. punti ta’ aċċess: faċilitajiet fiżiċi, inklużi kaxxi ta’ l-ittri provduti għall-pubbliku jew fuq awtostrada pubblika jew fil-post tal-fornitur ta’ servizz universali, fejn l-oġġetti postali jistgħu jiġu depożitati man-network pubbliku postali mill-klijenti;

4. ikklerjar: l-operazzjoni tal-ġbir ta’ l-oġġetti postali depożitati fil-punti ta’ aċċess;

5. tqassim: il-proċess mill-issortjar fiċ-ċentru tat-tqassim sal-kunsinna ta’ l-oġġetti postali lid-destinatarji tagħhom;

6. oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha għandu jinġarr mill-fornitur ta’ servizz universali. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll per eżempju kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru;

7. oġġett ta’ korrispondenza: komunikazzjoni bil-miktub dwar kull xorta ta’ mezz fiżiku li għandha tinġarr u titwassal fl-indirizz indikat mill-mittenti fuq l-oġġett innifsu jew fuq it-tgeżwir tiegħu. Il-kotba, katalogi, gazzetti u perjodiċi m’għandhomx jitqiesu bħala oġġetti ta’ korrispondenza;

8. posta diretta: komunikazzjoni li tkun tikkonsisti unikament f’reklamar, tqegħid fis-suq jew materjal ta’ pubbliċità li tkun tikkonsisti f’messaġġ identiku, ħlief għall-isem ta’ l-indirizzat, l-indirizz u n-numru ta’ identifikazzjoni kif ukoll modifikazzjonijiet oħrajn li ma jbiddlux in-natura tal-messaġġ, li tintbagħat lil numru sinifikanti ta’ indirizzati biex tinġarr u titwassal fl-indirrizz indikat minn min jibgħatha fuq l-oġġett innifsu jew fuq it-tgeżwir tiegħu. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tinterpreta t-terminu "numru sinifikanti ta’ ndirizzati" f’kull Stat Membru u għandha tippublika tifsira addattata. Kontijiet, fatturi, rendikonti finanzjarji u messaġġi oħra li ma jkunux identiċi m’għandhomx jitqiesu bħala posta diretta. Komunikazzjoni li tgħaqqad posta diretta ma’ oġġetti oħra fl-istess tgeżwir m’għandhiex titqies bħala posta diretta. Posta diretta għandha tinkludi posta diretta bejn fruntiera u oħrakif ukoll domestika;

9. oġġett reġistrat: servizz li jipprovdi garanzija b’rata fissa kontra riskji ta’ telf, serq jew ħsara u li tagħti lill-mittenti, meta approprjat fuq talba, b’xiehda ta’ l-għoti ta’ l-oġġett postali u/jew tal-kunsinna tiegħu lill-indirizzat;

10. oġġett assigurat: servizz li jassigura oġġett postali sal-valur dikjarat mill-mittenti fil-każ ta’ telf, serq jew ħsara;

11. posta bejn fruntiera u oħra: posta lil jew minn Stat Membru ieħor jew minn jew għal pajjiż terz;

12. skambju ta’ dokumenti: il-provvista ta’ mezzi, inkluża l-provvista ad hoc fond kif ukoll it-trasport minn parti terza, li tippermetti is-self delivery bl-iskambju reċiproku ta’ oġġetti postali bejn konsumaturi sottoskritti għal dan is-servizz;

13. fornitur ta’ servizz universali: l-entità pubblika jew privata li tipprovdi servizz universali postali jew partijiet minnhom fi Stat Membru, li l-identità tagħha tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4;

14. awtorizzazzjonijiet: tfisser kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermettu lill-intrapriżi li jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jiġu stabbiliti u/jew jitħaddmu networks postali għall-provvista ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ "awtorizzazzjoni ġenerali" jew "liċenzja individwali" kif imfisser hawn taħt:

- "awtorizzazzjoni ġenerali" tfisser awtorizzazzjoni, irrispettivament jekk tkunx regolata minn "klassi ta’ liċenzji" jew taħt liġi ġenerali u irrispettivament jekk dik ir-regolamentazzjoni teħtieġx reġistrazzjoni jew proċeduri ta’ dikjarazzjoni, li ma teħtieġx li l-intrapriża involuta tikseb deċizjoni espliċita mill-awtorità nazzjonali regolatorja qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni,

- "liċenzja individwali" tfisser awtorizzazzjoni li tingħata mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li tagħti lill-intrapriża drittijiet speċifiċi jew li tissuġġetta t-tħaddim ta’ l-intrapriża għall-obbligi speċifiċi li jissupplimentaw l-awtorizzazzjoni ġenerali meta din tkun applikabbli, meta l-intrapriża ma tkunx intitolata teżerċita d-drittijiet konċernati sakemm ma tkunx irċeviet id-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja;

15. tariffi terminali: il-ħlas lill-fornituri ta’ servizzi universali għat-tqassim ta’ posta li tidħol bejn fruntiera u oħrali tikkonsisti f’oġġetti postali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz;

16. mittenti: persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-oriġini ta’ oġġetti postali;

17. konsumaturi: kull persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn provvista ta’ servizz universali bħala l-mittenti jew id-destinatarju;

18. awtorità nazzjonali regolatorja: il-korp jew korpi, f’kull Stat Membru, li lilu l-Istat Membru jafda, inter alia, il-funzjonijiet regolatorji li jaqgħu taħt l-iskop ta’ din id-Direttiva;

19. rekwiżiti essenzjali: raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru li jimponi kondizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-network fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi u, fejn ġustifikat, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ippjanar reġjonali.

Il-protezzjoni tad-data tista’ tinkludi l-protezzjoni ta’ data personali, il-konfidenzjalità ta’ data mibgħuta jew maħżuna u l-protezzjoni tal-privatezza.

IL-KAPITOLU 2

Servizz universali

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

2. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jagħmlu ċert li d-densità tal-punti ta’ kuntatt u l-punti ta’ aċċess jkunu jqisu l-ħtiġiet tal-konsumaturi.

3. Għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-fornitur/i ta’ servizz universali jiggarantixxi/u kull jum tax-xogħol u mhux anqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief f’ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, bħala minimu:

- ikklerjar wieħed,

- kunsinna waħda lid-dar jew fond ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika jew, permezz ta’ deroga taħt kondizzjonijiet fid-dikrezzjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja, kunsinna waħda lill-istallazzjonijiet adattati.

Kull eċċezzjoni jew deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond dan il-paragrafu għandha tiġi komunikata lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kollha.

4. Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

- l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

- l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

- servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.

5. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistgħu jżidu l-limitu tal-piż ta’ servizz universali li jkopri pakketti postali sa piż li ma jeċċedix l-20 kilogramma u jistgħu jniżżlu arranġamenti speċjali għat-twassim bieb b’bieb ta’ dawk il-pakketti.

Minkejja l-kopertura tal-limitu tal-piż ta’ servizz universali għall-pakketti postali stabbilit f’xi Stat Membru partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti postali li jirċievu minn Stati Membri oħra u li jiżnu sa 20 kilogramma jitwasslu fit-territorji tagħhom.

6. Id-dimensjonijiet minimi u massimi għall-oġġetti inkwistjoni għandhom ikunu dawk imniżżla fil-Konvenzjoni u l-Ftehim li jirrigwarda Pakketti Postali addottata mill-Unjoni Postali Universali.

7. Is-servizz universali kif deskritt f’dan l-Artikolu għandu jkopri kemm servizzi nazzjonali u dawk bejn fruntiera u oħra.

L-Artikolu 4

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-forniment ta’ servizz universali jkun garantit u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu u, b’mod partikolari, l-identità tal-fornitur/i tiegħu tas-servizz universali. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skond il-liġi tal-Komunità l-obbligi u d-drittijiet assenjati lill-fornitur/i ta’ servizz universali u għandu jippublikhom.

L-Artikolu 5

1. Kull Stat Membru għandu jieħu passi sabiex jiżgura li l-provvista ta’ servizz universali tilħaq il-rekwiżiti li ġejjin:

- għandu joffri servizz li jiggarantixxi konformità mar-rekwiżiti essenzjali,

- għandu joffri servizz identiku lill-konsumaturi taħt kondizzjonijiet kumparabbli,

- dan għandu jkun disponibbli mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni tkun xi tkun, speċjalment mingħajr diskriminazzjoni li għandha dwar konsiderazzjonijiet politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi,

- m’għandux ikun interrot jew imwaqqaf ħlief f’każi ta’ forza maġġuri,

- għandu jevolvi bi tweġiba għall-ambjent tekniku, ekonomiku u soċjali u l-ħtiġiet tal-konsumaturi.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx jipprekludu miżuri li l-Istati Membri jieħdu skond ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku rikonoxxut mit-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 56 tiegħu, li jirrigwardaw, inter alia, il-moralità pubblika, is-sigurtà pubblika, inklużi investigazzjonijiet kriminali, u l-politika pubblika.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw tagħrif dettaljat regolari u aġġornat mill-fornitur/i ta’ servizz universali dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizzi universali offruti, b’referenza speċjali għall-kondizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għal dawk is-servizzi kif ukoll il-prezzijiet u l-livelli ta’ l-istandard ta’ kwalità. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppubblikat b’mod approprjat.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, dwar kif it-tagħrif li għandu jiġi ppubblikat skond l-ewwel subparagrafu qiegħed jitpoġġa għad-dispożizzjoni. Kull bidla sussegwenti għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni mill-aktar fis.

IL-KAPITOLU 3

Armonizzazzjoni tas-servizzi li jistgħu jiġu riżervati

L-Artikolu 7

1. Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, is-servizzi li jistgħu jiġu riżervati minn kull Stat Membru għall-fornitur/i ta’ servizz universali għandhom ikunu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika, kemm b’kunsinna mgħaġġla u kemm jekk le, li l-prezz tagħhom ikun anqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standardl-aktar mgħaġġla fejn teżisti dik il-kategorija, kemm-il darba jkunu jiżnu anqas minn 350 gramma. Fil-każ tas-servizz postali b’xejn għall-persuni għomja u neqsin mid-dawl, eċċezzjonijiet għall-piż u restrizzjonijiet fil-prezz jistgħu jkunu permessi.

2. Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, posta bejn fruntiera u oħrau posta diretta tista’ tkompli tiġi riżervata fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti fil-paragrafu 1.

3. Bħala pass ieħor lejn il-prestazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2000 u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni, dwar aktar liberalizzazzjoni bil-mod u kontrollata tas-suq postali, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-liberalizzazzjoni tal-posta bejn fruntiera u oħrau dik diretta, kif ukoll dwar aktar revizjoni tal-limiti tal-prezz u tal-piż, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003, waqt li jiġu meqjusa l-iżviluppi, b’mod partikolari l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi, li jkun ġraw sa dik id-data, u waqt li jitqies ukoll l-ekwilibriuju finanzjarju tal-fornitur/i ta’ servizz universali, bil-għan li jintlaħqu aktar l-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq proposta mill-Kummissjoni intavolata qabel l-aħħar ta’ l-1998, wara reviżjoni ta’ dak is-settur. Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ għat-tlestija ta’ dik ir-reviżjoni.

4. L-iskambju tad-dokumenti ma jistax ikun riżervat.

L-Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta’ l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

IL-KAPITOLU 4

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi mhux riżervati u aċċess għan-network

L-Artikolu 9

1. Għas-servizzi mhux riżervati li huma barra l-iskop ta’ servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2. Għas-servizzi mhux riżervati li jaqgħu taħt is-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċedura ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji addizzjonali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi salvagwardat is-servizz universali.

L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista:

- fejn xieraq, jiġi soġġett għall-obbligi ta’ servizz universali,

- jekk meħtieġ, jimponi rekwiżiti rigward il-kwalità, id-disponibbiltà u prestazzjoni tas-servizzi relevanti,

- ikun bla ħsara għall-obbligu li ma jinkisrux id-drittijiet esklussivi jew speċjali mogħtija lill-fornitur/i ta’ servizz universali għas-servizzi postali riżervati taħt l-Artikolu 7(1) u (2).

3. Il-proċeduri deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, proporzjonati u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu komunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.

4. Sabiex jiġi żgurat li servizz universali jkun salvagwardat, meta Stat Membru jistabbilixxi li l-obbligi tas-servizz universali, kif stabbiliti minn din id-Direttiva, jirrapreżentaw finanzjarju inġust għall-fornitur ta’ servizz universali, dan jista’ jistabbilixxi fond ta’ kumpens amministrat għal dan il-għan minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew benefiċjarji. F’dan il-każ, jista’ jagħmel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni soġġetta għall-obbligu li jingħata kontribut finanzjarju għal dak il-fond. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-prinċipji ta’ trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità jiġu rrispettati fit-twaqqif tal-fond ta’ kumpens u meta jiffissa l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji. Dawk is-servizzi biss imniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.

5. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni għall-posta diretta, li tkun tippermetti s-sorveljanza ta’ dawk is-servizzi meta jiġu liberalizzati.

L-Artikolu 10

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jagixxu fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 57(2), 66 u 100a tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri li għalihom issir referenza fl-Artikolu 9 li jirregolaw il-provvista kummerċjali lill-publiku ta’ servizzi postali mhux riżervati.

2. Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kriterji li għandhom jiġu osservati u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-operatur postali, il-mod ta’ pubblikazzjoni ta’ dawk il-kriterji u proċeduri, kif ukoll il-proċeduri ta’ appell li għandhom jiġu segwiti.

L-Artikolu 11

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jagixxu fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 57(2), 66 u 100a tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri ta’ armonizzazzjoni li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumaturi u l-fornitur/i ta’ servizz universali jkollhom aċċess għan-network pubbliku postali taħt kondizzjonijiet li huma trasparenti u mhux diskriminatorji.

IL-KAPITOLU 5

Prinċipji tat-tariffi u trasparenza tal-kontabilità

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-provvista ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

- il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu u għandhom ikunu tali li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti,

- il-prezzijiet għandhom ikunu jirriflettu l-ispejjeż; l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi tiġi applikata mat-territorju kollu tagħhom,

- l-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi ma teskludix id-dritt ta’ fornitur/i ta’ servizz universali li jikkonkludi kuntratti individwali dwar prezzijiet mal-konsumaturi,

- it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u mhux diskriminatorji.

L-Artikolu 13

1. Sabiex tiġi żgurata l-provvista bejn fruntiera u oħra ta’ servizz universali, l-Istati Membri għandhom iħajru lill-fornituri ta’ servizz universali li jirranġaw li fl-arranġamenti tagħhom dwar ħlasijiet terminali għall-posta intra-Komunitarja bejn fruntiera u oħra , il-prinċipji li ġejjin jiġu rrispettati:

- il-ħlasijiet terminali għandhom jigu ffissati b’relazzjoni man-nefqa ta’ l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ posta li tidħol bejn fruntiera u oħra,

- il-livelli ta’ ħlas għandhom ikunu relatati mal-kwalità ta’ servizz miksub,

- il-ħlasijiet terminali għandhom ikunu trasparenti u mhux diskriminatorji.

2. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tinkludi arranġamenti trasitorji maħsuba biex jevitaw xkiel żejjed fis-swieq postali jew implikazzjonijiet sfavorevoli għall-operaturi ekonomiċi b’dan illi jkun hemm ftehim bejn l-operaturi ta’ oriġini u dawk li jirċievu.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw, fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, li l-kontabilità tal-fornituri ta’ servizz universali issir skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-fornituri ta’ servizz universali għandhom iżommu kontijiet separati fis-sistemi interni tagħhom ta’ kontabilità ta’ l-anqas għal kull wieħed mis-servizzi fis-settur riżervat minn naħa l-waħda u għal servizzi mhux riżervati minn naħa l-oħra. Il-kontijiet għas-servizzi mhux riżervati għandhom jiddistingwu b’mod ċar bejn servizzi li huma parti minn servizz universali u servizzi li m’humiex. Dawk is-sistemi interni ta’ kontabilità għandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż u oġġettivament ġustifikati.

3. Is-sistemi ta’ kontabilità li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw nefqiet għal kull wieħed mis-servizzi riżervati u għal dawk mhux riżervati rispettivament bil-mod li ġej:

(a) nefqiet li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz partikolari għandhom jiġu assenjati b’dan il-mod;

(b) l-ispejjeż komuni, jiġifieri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu direttament assenjati lil servizz partikolari, għandhom jiġi allokati kif ġej:

(i) kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta ta’ l-oriġini tan-nefqiet infushom;

(ii) meta l-analiżi diretta ma tkunx possibbli, il-kategoriji komuni ta’ l-ispejjeż għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ rbit dirett ma’ kategorija oħra ta’ spejjeż jew grupp ta’ kategoriji ta’ spejjeż li għalihom assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta hija possibbli; l-irbit indirett għandu jkun ibbażat fuq il-bażi ta’ strutturi ta’ spejjeż kumparabbli;

(iii) meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta’ allokazzjoni ta’ l-ispejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta’ l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta’ allokatur ġenerali komputat bl-użu tal-proporzjon ta’ l-ispejjeż kollha direttament jew indirettament assenjati jew allokati, minn naħa l-waħda, lil kull wieħed mis-servizzi riżervati u, minn naħa l-oħra, għas-servizzi l-oħra.

4. Sistemi oħra ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-paragrafu 2 u jkunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minn qabel bl-applikazzjoni tagħhom.

5. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-konformità ma’ waħda mis-sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeżdeskritti fil-paragrafi 3 jew 4 tiġi vverifikata minn korp kompetenti li jkun indipendenti mill-fornitur ta’ servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dikjarazzjoni dwar il-konformità tiġi ppubblikata perjodikament.

6. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha żżomm disponibbli, sa livell adegwat ta’ dettal, tagħrif dwar is-sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeżapplikati minn fornitur ta’ servizz universali, u għandha tibgħat dak it-tagħrif lill-Kummissjoni fuq talba.

7. Fuq talba, it-tagħrif dettaljat tal-kontabilità li jirriżulta minn dawn is-sistemi għandu jsir disponibbli b’mod kunfidenzjali lill-awtorità nazzjonali regolatorja u lill-Kummissjoni.

8. Meta Stat Membru ma jkunx irriżerva xi wieħed mis-servizzi riżervabbli taħt l-Artikolu 7 u ma jkunx waqqaf fond ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizz universali, kif permess taħt l-Artikolu 9(4), u meta l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun sodisfatta li l-ebda wieħed mill-fornituri nominati ta’ servizz universali f’dak l-Istat Membru ma jkun irċieva sussidju mill-Istat, moħbi jew xort’oħra, l-awtorità nazzjonali regolatorja tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax ir-rekwiżiti tal-paragrafi 2, 3, 4, 5, 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b’kull deċiżjoni bħal dik.

L-Artikolu 15

Il-kontijiet finanzjarji ta’ fornituri ta’ servizz universali għandhom jitħejjew, jintbagħtu għall-verifika minn awditur indipendenti u jiġu ppubblikati skond il-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità u dik nazzjonali ta’ intrapriżi kummerċjali.

IL-KAPITOLU 6

Kwalità tas-servizzi

L-Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istandards tal-kwalità tas-servizzi jiġu ffissati u ppubblikati b’relazzjoni mas-servizz universali biex jiġi garantit servizz postali ta’ kwalità tajba.

L-istandards ta’ kwalità għandhom jiffokaw, b’mod partikolari, fuq il-ħinjiet tar-routing u fuq ir-regolarità u l-affidabbiltà tas-servizzi.

Dawn l-istandards jistgħu jiġu stabbiliti minn:

- l-Istati Membri fil-każ ta’ servizzi nazzjonali,

- il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-każ ta’ servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħra (ara l-Anness). Aġġustamenti futuri ta’ dawn l-istandards għall-progress tekniku jew żviluppi tas-suq għandhom isiru skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

Sorveljanza indipendenti tal-prestazzjoni għandha ssir ta’ l-anqas darba fis-sena minn korpi esterni li ma jkollhom ebda rabta mal-fornituri ta’ servizz universali taħt kondizzjonijiet standardizzati li għandhom jiġu speċifikati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21 u għandhom ikunu suġġetti għal rapporti pubblikati ta’ l-anqas darba fis-sena.

L-Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu standards ta’ kwalità għall-posta nazzjonali u għandhom jiżguraw li jkunu kompatibbli ma’ dawk stabbiliti għas-servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħra.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-istandards ta’ kwalità tagħhom ta’ servizzi nazzjonali lill-Kummissjoni, li għandha tippublikahom bl-istess mod bħall-istandards għas-servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħra li għalihom issir referenza fl-Artikolu 18.

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li sorveljanza indipendenti tal-prestazzjoni ssir skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 16, li r-riżultati jkunu ġġustifikati, u li azzjoni korrettiva tittieħed fejn meħtieġ.

L-Artikolu 18

1. Skond l-Artikolu 16, l-istandards ta’ kwalità għas-servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħrajinsabu fl-Anness.

2. Meta sitwazzjonijiet eċċezzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-infrastruttura jew mal-ġeografija jkunu hekk jeħtieġu, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistgħu jistabbilixxu eżenzjonijiet mill-istandards ta’ kwalità stabbiliti mill-Anness. Meta l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistabbilixxu eżenzjonijiet b’dan il-mod, dawn għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport annwali tan-notifiki li tirċievi matul it-12-il xaħar ta’ qabel lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 21 għall-informazzjoni tiegħu.

3. Il-Kummissjoni għandha tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kull aġġustamenti magħmula fl-istandards ta’ kwalità għas-servizzi intra-Komunitarji bejn fruntiera u oħrau għandha tieħu passi sabiex tiżgura li jkun hemm sorveljanza regolari indipendenti u l-pubblikazzjoni ta’ livelli ta’ prestazzjoni li jiċċertifikaw konformità ma’ dawk l-istandards u l-progress miksub. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li azzjoni korrettiva tittieħed fejn meħtieġ.

L-Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas jiġu stabbiliti sabiex jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi, b’mod partikolari fil-każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew nuqqas ta’ konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz.

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li dawk il-proċeduri li jippermettu li l-kwistjonijiet jiġu solvuti b’mod ġust u malajr u li jipprovdu, fejn meħtieġ, għal sistema ta’ rifużjoni u/jew kumpens.

Mingħajr preġudizzju għall-possibiltajiet l-oħra ta’ appell taħt leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi, waqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mill-liġi nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti u/jew konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti tal-konsumatur lill-fornitur ta’ servizz universali ma jkunux ġew riżolti b’mod sodisfaċenti.

Skond l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew trattati.

IL-KAPITOLU 7

Armonizzazzjoni ta’ standards tekniċi,

L-Artikolu 20

L-armonizzazzjoni ta’ l-istandards tekniċi għandha titkompla, waqt li jiġu meqjusa b’mod partikolari l-interessi tal-konsumatur.

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni għandu jiġi fdat bit-tħejjija ta’ standards tekniċi applikabbli għas-settur postali fuq il-bażi ta’ mandati mogħtija lilu skond il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-forniment ta’ tagħrif fil-kamp ta’ l-istandards tekniċi u regolamenti [8].

Dan ix-xogħol għandu jqis il-miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati fuq livell internazzjonali u b’mod partikolari dawk deċiżi fi ħdan l-Unjoni Postali Universali.

L-istandards applikabbli għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej darba fis-sena.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizz universali jirreferu għall-istandards ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali meta meħtieġ fl-interessi tal-konsumaturi b’mod partikolari meta jipprovdu t-tagħrif li għalih jirreferi l-Artikolu 6.

Il-Kumitat imsemmmi fl-Artikolu 21 għandu jinżamm infurmat bid-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni u l-progress miksub f’dan il-qasam minn dak il-korp.

IL-KAPITOLU 8

Il-kumitat

L-Artikolu 21

Il-Kummissjoni għandha tkum megħjuna minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kumitat għandu jistabbilixxi ir-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu mwieżna bil-mod imniżżel f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk wara li jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data tar-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

IL-KAPITOLU 9

L-awtorità nazzjonali regolatorja:

L-Artikolu 22

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali regolatorja waħda jew aktar għas-settur postali li tkun legalment separata minn topera b’mod indipendenti mill-operaturi postali.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li jkunu nnominaw biex iwettqu x-xogħol li jirriżulta minn din id-Direttiva.

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandu jkollhom bħala xogħol partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw l-konformità mar-regoli ta’ kompetizzjoni fis-settur postali.

IL-KAPITOLU 10

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 23

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u f’kull każ sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż it-tagħrif li japplika dwar żviluppi fis-settur, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-aspetti ekonomiċi, soċjali, ta’ mpiegi u teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità tas-servizz.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat fejn xieraq bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-Artikolu 24

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tad-dħul tagħha fis-seħħ. Għandhom javżaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni Uffiċjali tagħhom.

L-Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara dak li fih tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 26

1. Din id-Direttiva m’għandhix tipprevjeni lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri li huma aktar liberali minn dawk stabbiliti minn din id-Direttiva. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kumpatibbli mat-Trattat.

2. Jekk din id-Direttiva tiskadi, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jimplimentawha jistgħu jinżammu, sal-limitu li jkun kumpatibbli mat-Trattat.

L-Artikolu 27

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 26, għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2004 kemm-il darba ma titteħidx deċiżjoni xort’oħra skond l-Artikolu 7(3).

L-Artikolu 28

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-15 ta’ Diċembru 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

J.-C. Juncker

[1] ĠU C 322, tat-2.12.1995, p. 22, uĠU C 300, ta’ l-10.10.1996, p. 22.

[2] ĠU C 174, tas-17.6.1996, p. 41.

[3] ĠU C 337, tal-11.11.1996, p. 28.

[4] ĠU C 42, tal-15.2.1993, p. 240.

[5] ĠU C 48, tas-16.2.1994, p. 3.

[6] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Mejju 1996 (ĠU C 152, tas-27.5.1996, p. 20), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 1997 (ĠU C 188, tad-19.6.1997, p. 9) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Settembru 1997 (ĠU C 304, tas-6.10.1997, p. 34); d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Novembru 1997 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Diċembru 1997

[7] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[8] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/139/KE (ĠU L 32, ta’ l-10.2.1996, p. 31).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Standards ta' kwalità għall-posta intra-Komunitarja bejn fruntiera u oħra

L-istandards ta' kwalità għall-posta intra-Komunitarja bejn fruntiera u oħraf'kull pajjiż għandhom ikunu stabbiliti b'relazzjoni mal-limitu ta' żmien għar-routing imkejjel minn tarf sa tarf [1] għall-oġġetti postali tal-kategorija standard l-aktar mgħaġġla skond il-formula D + n, fejn D tirrappreżenta d-data tad-depożitu [2] u n-numru ta' jiem tax-xogħol li jgħaddu bejn dik id-data u l-kunsinna lill-indirizzat.

Standards ta' kwalità għall-posta intra-Komunitarja bejn fruntiera u oħra |

Limitu ta' żmien | Objettiv |

D + 3 | 85 % ta' l-oġġetti |

D + 5 | 97 % ta' l-oġġetti |

L-istandards għandhom jintlaħqu mhux biss għat-traffiku intra-Komunitarju kollu iżda wkoll għal kull wieħed mill-kurrenti bilaterali bejn żewġ Stati Membri.

[1] Routing minn tarf sa tarf huwa mkejjel mill-punt ta' aċċess tan-network sal-punt ta' kunsinna lid-destinatarju.

[2] Id-data tad-depożitu li għandha tiġi meqjusa għandha tkun dik ta' l-istess jum li fih l-oġġett ġie ddepożitat, kemm-il darba d-depożitu jseħħ bejn il-ħin notifikat għall-aħħar ġabra u l-punt ta' aċċess tan-network inkwistjoni. Meta d-depożitu jseħħ wara dan il-limitu ta' żmien, id-data tad-depożitu li għandha tiġi meqjusa inkonsiderazzjoni għandha tkun dik tal-jum li jmiss tal-ġbir.

--------------------------------------------------

Góra