EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992L0117

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 rigward miżuri ta' protezzjoni kontra żonosijiet speċifikati u l-aġenti żonotiċi speċifikati u l-prodotti ta' oriġini mill-annimali sabiex jipprevjenu pases ta' infezzjonijiet u intossikazzjonijiet miġrura bl-ikel

ĠU L 62, 15.3.1993, p. 38–48 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/06/2004; Imħassar b' 32003L0099

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/117/oj

31992L0117



Official Journal L 062 , 15/03/1993 P. 0038 - 0048
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0183
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0183


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE

tas-17 ta' Diċembru 1992

rigward miżuri ta' protezzjoni kontra żonosijiet speċifikati u l-aġenti żonotiċi speċifikati u l-prodotti ta' oriġini mill-annimali sabiex jipprevjenu pases ta' infezzjonijiet u intossikazzjonijiet miġrura bl-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-annimali ħajjin u l-prodotti ta' oriġini mill-annimali jidhru fil-lista fl-Anness II tat-Trattat; billi t-trobbija ta' l-annimali ħajjin u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw mill-animali jikkostitwixxu għajn importanti ta' qligħ ta' flus għall-popolazzjoni tar-raba’;

Billi l-iżvilupp razzjonali ta' dan is-settur u titjib fil-produttività tiegħu jistgħu jinkisbu bl-implimentazzjoni ta' miżuri veterinarji mmirati sabiex jipproteġu u jgħollu l-livell tas-saħħa pubblika u tas-saħħa ta' l-annimali fil-Komunità;

Billi huwa meħtieġ li tiġi prevenuta u mnaqqsa, b'miżuri xierqa, id-dehra ta' żonosijiet li jippreżentaw partikolarment theddida għas-saħħa tal-bniedem, permezz ta' ikel li joriġina mill-annimali;

Billi l-Komunità diġà ndaħlet għal azzjoni tal-qerda ta' ċertu mard żonotiku u partikolarment it-tuberkolosi ta' l-ifrat, il-bruċellosi ta' l-ifrat, il-bruċellosi fin-nagħaġ u l-mogħoż, u r-rabja (fil-klieb); billi huwa prudenti li jinġabar tagħrif epidemoloġiku dwar dan il-mard;

Billi dawn il-miżuri għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/397/KEE ta’ l-14 ta' Ġunju 1989 dwar il-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel [4];

Billi, sabiex issir stima tal-prijoritajiet għal azzjoni preventiva, huwa meħtieġ li jinġabar tagħrif fl-Istati Membri dwar l-inċidenza ta' mard żonotiku fil-popolazzjoni umana, fost l-annimali domestiċi, fit-tgħam u l-għalf ta' l-annimali u fl-annimali u l-pjanti slavaġġ;

Billi l-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemoloġika sabiex tipproponi l-miżuri xierqa;

Billi s-sitwazzjoni rigward is-salmonella tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri immedijati ta' kontroll għal ċerti tipi ta' biedja fir-riskju;

Billi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġiet essenzjali rigward il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tippresupponi n-nomina minn qabel ta' laboratorji Komunitarji ta' kuntatt u ta' referenza u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tekniċi u xjentifiċi;

Billi regoli dettaljati li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal ċerti azzjonijiet preskritti f'din id-Direttiva ġew preskritti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fuq il-qasam veterinarju [5];

Billi huwa xieraq illi ssir disposizzjoni għal proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tippreskrivi l-ġbir ta' tagħrif fuq iż-żonosijiet u l-aġenti żonotiċi u l-miżuri relevanti li jridu jittieħdu mill-Istati Membri u fil-livell Komunitarju.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1. żonosi tfisser kull marda u/jew infezzjoni li x'aktarx tittieħed mill-bniedem b'mod naturali mill-annimali;

2. aġent żonotiku tfisser kull batterju, virus jew parassita li x'aktarx jikkawżaw żonosi;

3. laboratorju nazzjonali approvat ifisser laboratorju approvat jew konoxxut mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex iwettaq eżaminijiet ta' kampjuni uffiċjali għalbiex jikxef aġent żonotiku;

4. kampjun ifisser kampjun meħud mis-sid jew mill-persuna responsabbli mill-impriża jew mill-annimali, jew meħud fl-interess tiegħu, sabiex jiġi eżaminat għal aġent żonotiku;

5. kampjun uffiċjali jfisser kampjun meħud mill-awtorità kompetenti sabiex tagħmel testijiet għal aġent żonotiku. Il-kampjun uffiċjali jġorr referenza għall-ispeċi, it-tip, l-ammont u l-metodu tal-ġbir, u l-identifikazzjoni ta' l-oriġini ta' l-annimal jew tal-prodott li joriġina mill-annimal; dan il-kampjun għandu jittieħed mingħajr avviż minn qabel;

6. l-awtorità kompetenti tfisser l-awtorità ċentrali jew l-awtoritajiet ta' Stat Membru illi hija/huma responsabbli mid-disposizzjonijiet tal-monitorjar dwar is-saħħa pubblika, is-saħħa ta' l-annimali u materji veterinarji oħra li joħorġu minn din id-Direttiva, jew kull awtorità oħra li lilha tkun ġiet delegata din ir-responsabbiltà mill-awtorità ċentrali.

Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi l-miżuri mittieħda bi qbil ma' din id-Direttiva mill-awtorità kompetenti jiġu koordinati fuq il-livell nazzjonali u dak lokali, partikolarment fejn jidħlu stħarriġ epidemoloġiku.

2. L-awtorità kompetenti fil-livell lokali għanda tiġi megħjuna mil-laboratorji nazzjonali approvati.

3. Kull Stat Membru għandu jinnomina l-laboratorji nazzjonali ta' referenza approvati għaż-żonisijiet u l-aġenti żonotiċi mniżżla fil-lista fl-Anness I, punt 1, fejn tista' titwettaq l-identifikazzjoni ta' aġent żonotiku jew il-konferma finali tal-preżenza tiegħu.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

(a) l-operaturi jew id-diriġenti ta' l-impriżi approvati bi qbil mad-Direttivi 64/433/KEE [6], 71/118/KEE [7] u 77/99/KEE [8] ikunu obbligati illi jżommu għal perjodu minimu ta' żmien li jrid jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti u li jikkomunikaw lil ta' l-aħħar fuq it-talba tagħha, ir-riżultati ta' l-eżamijiet dwar il-preżenza taż-żonosijiet imniżżla fil-lista fl-Anness I, punt I;

(b) l-iżolament u l-identifikazzjoni ta' aġenti żonotiċi jew meta tiġi stabbilita kull xhieda oħra tal-preżenza tagħhom jiddependu mill-persuna responsabbli mil-laboratorju jew, fejn l-identifikazzjoni ssir xi mkien ieħor għajr f'laboratorju, mill-persuna responsabbli mill-eżami;

(ċ) id-dijanjożi u l-identifikazzjoni ta' aġent żonotiku jiġu rapportati lill-awtorità kompetenti;

(d) l-awtorità kompetenti tiġbor it-tagħrif fuq l-aġenti żonotiċi kollha li l-preżenza tagħhom tkun ġiet konfermata fil-korsa tat-testijiet jew eżamijiet imwettqa u dwar il-każi kliniċi kollha fin-nies jew fl-annimali taż-żonisijiet imniżżla fil-lista fl-Anness I, punt I;

(e) l-Istati Membri l-oħra jiġu mgħarrfa regolarment fil-Kumitat Veterinarju Permanenti mwaqqaf bid-Deċiżjoni 68/361/KEE [9] dwar il-każi kliniċi reġistrati bi qbil ma' (d).

2. Bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 16, id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu mwessgħa sabiex ikopru ż-żonosijiet u l-aġenti żonotiċi mniżżla fil-lista fl-Anness I, punti II u III.

Artikolu 5

1. L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta t-tagħrif miġbur bi qbil ma' l-Artikolu 4 (1) (d). Għandha tirrapporta lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, it-tendenzi u s-sorsi ta' l-infezzjonijiet żonotiċi rekordjati matul is-sena ta' qabel.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaqta' barra rappurtaġġ iktar frekwenti lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew talbiet mill-Kummissjoni għal tagħrif addizzjonali, meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu. Il-Kummissjoni għanda tivvaluta t-tagħrif fornit mill-Istati Membri u għandha tirrapporta lill-Kumitat Veterinarju Permanenti qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena.

3. Il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta' Jannar 1996, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba, akkumpanjata bil-proposti sabiex itejbu s-sistema ta' rappurtaġġ, li fuqhom l-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fejn għandhom x'jaqsmu ż-żonosijiet fil-Komunità, partikolarment fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 8, u:

(a) għandha tmexxi studji speċifiċi, partikolament li għandhom x'jaqsmu mal-valutazzjoni tar-riskji minn aġenti żonotiċi, proċeduri dijanjostiċi u miżuri ta' kontroll, b'kollaborazjoni mal-laboratorji nazzjonali kompetenti, il-laboratorji Komunitarji ta' referenza riferiti fl-Artikolu 13 u l-Kumitat Xjentifiku Veterinarju mwaqqaf bid-Deċiżjoni 81/651/KEE [10];

(b) għandha, bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 16, tistabbilixxi l-metodi tal-ġbir tal-kampjuni u tat-twettiq ta' eżamijiet fil-laboratorji nazzjonali riferiti fl-Artikolu 3 (2) u (3). Fil-każ tas-salmonella, dan għandu jsir qabel id-data preskritta fl-Artikolu 17;

(ċ) għandha tistabbilixxi linji-gwida għall-miżuri sabiex tikkumbatti ż-żonosijiet.

Artikolu 7

Is-sistemi għat-traċċjar taċ-ċaqliq ta' l-annimali fl-irziezet preskritt fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/153/KEE [11] għandhom jiġu rinfurzati fejn għandhom x'jaqsmu l-miżuri għaż-żonosijiet u l-aġenti żonotiċi preskritti f'din id-Direttiva.

Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Ottubru 1993 il-miżuri nazzjonali li jkun qegħdin jieħdu sabiex jiksbu l-għan ta' din id-Direttiva rigward iż-żonosijiet imniżżlin fil-lista fl-Anness I, punti j u II, minbarra dawk diġà mittieħda għall-bruċellożi u t-tuberkulożi skond il-pjani diġà approvati fil-qafas tal-leġislazzjoni Komunitarja

Jistgħu jinkludu miżuri sabiex jikxfu l-aġenti żonotiċi mniżżla fl-Anness I, punt III

L-Istati Membri illi għandhom pjani nazzjonali għall-kxif taż-żonosijiet imniżżla fil-lista fl-Anness I, punt II, jistgħu jissottomettuhom lill-Kummissjoni bħala t-tagħrif meħtieġ bi qbil ma' l-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, kull sena, rapport dwar is-sitwazzjoni epidemoloġika għat-trikinosi.

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-miżuri komunikati lilha mill-Istati Membri sabiex tistabbilixxi jekk humiex kompatibbli ma’ l-għanijiet ta' din id-Direttiva. Għandha tgħarraf lill-Istati Membri, waqt il-laqgħat tal-Kumitat Veterinarju Permanenti, bil-konklużjonijiet tagħha.

2. Fil-każ tas-salmonella fit-tjur, l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1994 il-pjani mfassla bi qbil mal-kriterji preskritti fil-Annessi II u III. Dawn il-pjani jridu:

(a) jispeċifikaw fejn jirrigwarda s-salmonella l-miżuri mittieħda sabiex jikkonformaw mal-ħtiġiet minimi preskritti fl-Anness III;

(b) iqisu s-sitwazzjoni speċifika f'kull Stat Membru;

(ċ) jindikaw in-numru ta' laboratorji nazzjonali approvati li fihom iridu jsiru l-eżami u l-identifikazzjoni tas-salmonella u l-proċeduri ta' approvazzjoni għal dawn il-laboratorji.

3. Bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 16:

- il-pjani riferiti fil-paragrafu 2, emendati jekk hekk meħtieġ, għandhom ikunu approvati mhux iktar tard minn sitt xhur wara s-sottomissjoni tagħhom,

- jistgħu jsiru emendi jew żidiet ma' pjan approvat qabel sabiex jitqiesu l-iżviluppi tas-sitwazzjoni fl-Istat Membru interessat jew f'wieħed mir-reġjuni tiegħu.

Artikolu 9

1. Bi qbil mad-Deċiżjoni 90/424/KEE għandhom jiġu preskritti regoli dettaljati li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-miżuri tal-qtil u l-qerda u għat-teħid uffiċjali tal-kampjuni imposti b'mod konformi ma' l-Anness III, Taqsima I, punt V u għall-operat tal-laboratorji mniżżla fil-lista ta' l-Anness IV.

Rigward il-miżuri provduti fl-Anness III, il-kontribuzzjoni finanzjarja provduta bid-Deċiżjoni 90/424/KEE ma tridx tkun ta' benefiċċju għal min irabbi l-annimali li jkunu kisru b'kontravvenzjoni l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

50 % tan-nefqa fuq l-applikazzjoni tal-miżuri tal-qtil u l-qerda msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitħallsu mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja msemmija iktar 'il fuq.

2. Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, minbarra r-raba' indent tal-paragrafu 2 u t-tieni indent tal-paragrafu 5, għandhom japplikaw meta jinstab żonosi mniżżel fil-lista fid-Direttiva 92/117/KEE, basta iżda illi din is-sejba tkun ta' riskju immedjat għall-ħajja tal-bniedem. Din il-kondizzjoni trid tiġi mwettqa meta tittieħed id-deċiżjoni provduta bl-Artikolu 3 (3)."

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri minimi preskritti għas-salmonella fl-Anness III, Taqsima I, mill-1 ta' Jannar 1994.

Qabel l-1 ta' Jannar 1994, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw il-miżuri li jridu jittieħdu sabiex jipprevjenu d-dħul tas-salmonella f'razzett, fil-waqt li jitqiesu l-prinċipji dikjarati fl-Aness II mad-Direttiva 90/539/KEE.

Wara li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata qabel l-1 ta' Jannar 1995 fuq proposta mill-Kummissjoni mfassla fid-dawl ta' l-opinjoni mill-Kumitat Veterinarju Permanenti u fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba fiż-żmien li din id-Direttiva tiġi implimentata, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa għall-kontroll tas-salmonella fil-ġemgħat tat-tiġieġ tal-bajd.

Sakemm dawn il-miżuri jiġu adottati, l-Istati Membri jistgħu, fil-waqt li jqisu kif jixraq ir-regoli tat-Trattat, iżommu r-regoli nazzjonali tagħhom rigward it-tiġieġ tal-bajd.

2. Huwa u jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mfassla mill-Kummissjoni dwar il-bażi tat-tagħrif miġbur bi qbil ma' l-Artikoli 5 u 6 u l-Artikolu 8 (1), il-Kunsill għandu jiddeċiedi jekk humiex meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex jikkontrollaw żonosijiet oħra ta' gravità komparabbli.

Artikolu 11

1. Esperti mill-Kummissjoni jistgħu, sa fejn hu meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva u b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, jagħmlu spezzjonijiet u testijiet fuq il-post. Biex jagħmlu dan, jistgħu jivverifikaw billi jittestjaw presentaġġ rappreżentattiv ta' impriżi dwar jekk l-Istati Membri humiex jiżguraw konformità ma' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti bir-riżultati tat-testijiet magħmula.

L-Istati Membri interessati għandhom jieħdu kull miżura li tista' tiġi pruvata li hija meħtieġa sabiex jitqiesu r-riżultati ta' dawn it-testijiet. Jekk l-Istat Membru ma jieħux dawn il-miżuri, wara li s-sitwazzjoni tiġi eżaminata mill-Kumitat Veterinarju Permanenti, jistgħu jiġu deċiżi miżuri xierqa skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 16.

2. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, speċjalment rigward il-frekwenza u l-metodu tat-twettiq tat-testijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura dikjarata fl-Artikolu 16.

Artikolu 12

Il-miżuri ta' salvagward provduti bid-Direttiva 90/425/KEE [12] rigward it-testijiet veterinarji li jridu jsiru fil-kummerċ bil-ħsieb li jkopru s-suq intern għandhom japplikaw għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 13

Il-laboratorji Komunitarji ta' referenza mniżżla fil-lista fl-Anness IV għandhom, bi qbil mal-biċċiet tax-xogħol u d-dmirijiet deskritti ġewwa fih (l-Anness), ikunu responsabbli għall-kuntatt u l-koordinament tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza msemmija fl-Artikolu 3 (3).

Artikolu 14

1. Id-dħul fi, jew iż-żamma fuq il-lista Komunitarja ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li minnhom l-importi jiġu awtorizzati f'termini ta' saħħa għandhom ikunu soġġetti għas-sottomissjoni, mill-pajjiż terz interessat, ta' pjan li jagħti dettalji tal-garanziji li jkunu jistgħu jingħataw minn dan il-pajjiż rigward l-ispezzjonijiet għaż-żonosijiet u l-aġenti żonotiċi.

L-effett ta' dawn il-garanziji jrid ikun mhux inqas minn dak li jirriżulta mill-garanziji provduti minn din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-pjani fil-kwistjoni bi qbil mal-proċedura provduta fl-Artikolu 16. Jistgħu jiġu permessi garanziji alternattivi għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bi qil ma' din il-proċedura, sakemm iżda illi ma jkunux iktar favorevoli minn dawk applikabbli għall-kummerċ.

2. Billi għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni b'mod konformi mal-paragrafu 1 rigward pajjiż terz speċifikat sal-31 ta' Diċembru 1995, id-dħul ta' dan il-pajjiż fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sospiża bi qbil mal-proċedura provduta fl-Artikolu 16.

3. Il-konformità mill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi mat-twettiq tal-pjani għandha tiġi verifikata meta l-esperti tal-Komunità jwettqu t-testijiet provduti fir-regoli tal-Komunità.

Artikolu 15

L-Annessi jistgħu jiġu emendati jew supplimentati mill-Kunsill, huwa u jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Partikolarment, l-Anness III għandu jiġi rivedut skond din il-proċedura qabel l-1 ta' Jannar 1996.

Artikolu 16

1. Billi l-proċedura preskritta f'dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-materji għandhom jiġu msemmija lill-Kumitat mill-President tiegħu mingħajr dewmien, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

2. Fil-Kumitat il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu mwieżna kif provdut fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jkunu sejrin jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri f'limitu taż-żmien li l-President tal-Kumitat jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja sottomessa. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' 54 vot.

4. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u timplimentahom immedjatament fejn ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Fejn ma jkunux bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti fil-pront lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, tliet xhur wara li l-proposti jkunu ġew sottomessi lilu, il-Kunsill ma jkun għadu adotta l-ebda miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u timplimentahom immedjatament għajr jekk il-Kunsill ikun irrifjuta dawn il-miżuri b'maġġoranza sempliċi.

Artikolu 17

1. L-Istati Membru għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1994.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membru għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gummer

[1] ĠU Nru C 253, tas-27. 9. 1991, p. 2.

[2] ĠU Nru C 326, tas-16. 2. 1991, p. 223.

[3] ĠU Nru C 79, tat-30. 3. 1992, p. 6.

[4] ĠU Nru L 186, tat-30. 6. 1989, p. 23.

[5] ĠU Nru L 224, tat-18. 8. 1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 91/133/KEE (ĠU Nru L 66, tat-13. 3. 1991, p. 18).

[6] ĠU Nru 121, tad-29. 7. 1964, p. 2012/64. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/497/KEE (ĠU Nru L 268, ta' l-24. 9. 1991, p. 69).

[7] ĠU Nru L 55, tat-8. 3. 1971, p. 23. Direttiva kif l-aħħar emendata w aġġornata bid-Direttiva 92/116/KEE (are l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

[8] ĠU Nru L 26, tal-31. 1. 1977, p. 85. Direttiva aġġornata bid-Direttiva 92/5/KEE (ĠU Nru L 57, tat-2. 3. 1992, p. 1), u l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/45/KEE (ĠU Nru L 268, ta' l-14. 9. 1992, p. 35).

[9] ĠU Nru L 255, tat-18. 10. 1968, p. 23.

[10] ĠU Nru L 233, tad-19. 8. 1981, p. 32. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 86/105/KEE (ĠU Nru L 93, tat-8. 4. 1986, p. 14).

[11] ĠU Nru L 59, tat-2. 3. 1989, p. 33.

[12] ĠU Nru L 224, tat-18. 8. 1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU Nru L 268, ta' l-24. 9. 1991, p. 56).

--------------------------------------------------

ANNESS I

IL-LISTA TAŻ-ŻONOSIJIET KOPERTI BL-ARTIKOLU 4

I. - It-Tuberkulożi minħabba l-Mycobacterium bovis

- Il-Bruċellożi u l-aġenti li ġejjin minnha

- Is-Salmonellożi u l-aġenti li ġejjin minnha

- It-Trikinożi.

II. - Il-campylobaċteriosis

- L-Echinococcosis

- Il-Listeriosis

- ir-Rabja

- It-Toxoplasmosis

- Il-Yersiniosis

- Żonosijiet oħra u l-aġenti li ġejjin minnhom.

III. Kull żonosi oħra mhix misjuba fil-Komunità u l-aġenti ta' din iż-żonosi

--------------------------------------------------

ANNESS II

IL-KRITERJI GĦAT-TFASSIL TAL-PJANI GĦALL-MONITORJAR TAS-SALMONELLA FIL-ĠEMGĦAT TAT-TJUR

I. Il-pjani jridu jindikaw:

- in-numru u t-tip ta' kampjun li jrid jittieħed,

- in-numru u t-tip ta' kampjuni uffiċjali li jridu jittieħdu,

- il-metodi ta’ l-għażla tal-kampjuni,

- il-metodi ta' l-eżamijiet tal-kampjuni u l-identifikazzjoni ta' l-aġenti żonotiċi.

II. Il-pjani jridu jqisu l-kriterji li ġejjin sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-għażla tal-kampjuni:

(a) il-fatturi li x'aktarx jinkoraġġixu l-imxija ta' żonosi wieħed jew iktar;

(b) l-istorja ta' qabel taż-żonosi msemmija f'pajjiż jew f'reġjun, fl-annimali domestiċi jew selvaġġi;

(ċ) il-popolazzjoni ta' l-annimali interessati rigward:

- il-kobor totali tal-popolazzjoni,

- l-omoġenità tal-grupp tal-popolazzjoni,

- l-età ta' l-annimali,

- il-produzzjoni ta' l-annimali;

(d) l-ambjent ta' l-irziezet rigward:

- differenzi reġjonali,

- id-densità tal-ġemgħat,

- ir-relazzjonijiet ma' arji urbani,

- ir-relazzjonijiet ma' arji popolati bl-annimali u l-pjanti slavaġġ;

(e) is-sistemi tal-produzzoni ta' l-irżieżet inklużi:

- unitajiet ta' biedja intensiva,

- unitajiet ta' biedja estensiva,

- sistemi tat-trobbija, partikolarment ir-reġimi ta’ l-għalf u l-miżuri għas-saħħa ta' l-annimali;

(f) il-problemi li x'aktarx jinħolqu fid-dawl ta' preċedenti magħrufa u tagħrif ieħor;

(g) il-grad ta' protezzjoni meħtieġ skond in-natura u l-gravità taż-żonosi msemmija.

--------------------------------------------------

ANNESS III

L-ISPEZZJON GĦAS-SALMONELLA

Taqsima I MONITORJAR U KONTROLL - IL-PREŻENZA TAS-SALMONELLA FIT-TJUR GĦALL-BAJD

I. Tjur għall-bajd

Ġemgħa tjur għat-tnissil ikun fih mill-inqas 250 tajra (Gallus gallus), miżmuma jew imrobbija fuq impriża waħda għall-produzzjoni jew it-tfaqqis tal-bajd.

II. Il-monitorjar għas-salmonella fit-tjur għall-bajd

Is-sid jew il-persuna responsabbli mill-imfaqes jew għal ġemgħa tjur tal-bajd irid, bi spejjeż tiegħu, li jittieħdu kampjuni għall-analiżi sabiex jikxfu s-salmonella jew f'laboratorju nazzjonali approvat jew f'labortaorju konoxxut mill-awtorità kompetenti, b'rispett għall-livelli minimi għat-teħid tal-kampjuni kif muri hawn taħt.

A. It-trobbija tal-ġemgħat

1. Iridu jittieħdu kampjuni minn tjur imkabbra għall-bajd mill-inqas meta l-flieles ikollhom jum wieħed, meta t-tjur ikollhom erba' ġimgħat u ħmistax-il ġurnata qabel ma l-għewietaq jidħlu fil-fażi tal-bajd.

2. Il-kampjuni mittieħda jrid ikollhom:

(a) fil-każ ta' flieles ta' ġurnata, kampjuni mill-kisi ta' ġewwa tal-kaxex li fihom ikunu nagħtaw il-flieles lill-impriża u mill-iġsma tal-flieles misjuba mejta mal-wasla; u

(b) fil-każ ta' l-għewietaq ta' erba' ġimgħat jew ta' ħmistax il-ġurnata qabel ma jibdew ibidu, kampjuni miġbura flimkien tal-feċi magħmula minn kampjuni separati ta' feċi frisk li jiżen mhux inqas minn 1 g meħuda kif ġie ġie minn numru ta' postijiet fil-bini fejn ikunu miżmuma t-tjur, jew, fejn it-tjur ikollhom aċċess liberu għal iktar minn binja waħda f'impriża partikolari, minn kull grupp ta' postijiet ġewwa l-impriża fejn jinżammu t-tjur;

(ċ) in-numru tal-postijiet li minnhom ikunu ttieħdu l-kampjuni separati tal-feċi sabiex jagħmlu kampjun miġbur flimkien għandu jkun kif ġej:

Numru ta' għasafar miżmuma fil-bini grupp | Numru ta' kampjuni ta' feċi li għandhom jittieħdu fil-bini jewta' bini fir-razzett |

1 – 24 | (numru ugwali għan-numru ta' agħsafar sa massimu ta' 20) |

25 – 29 | 20 |

30 – 39 | 25 |

40 – 49 | 30 |

50 – 59 | 35 |

60 – 89 | 40 |

90 – 199 | 50 |

200 – 499 | 55 |

500 jew iżjed | 60 |

B. Ġemgħat adulti għall-bajd

1. Iridu jittieħdu kampjuni mill-ġemgħat kollha tat-tjur adulti għall-bajd kull ġimgħatejn matul iż-żmien tal-bajd.

2. Il-kampjuni minn ġemgħat ta' tjur tal-bajd illi l-bajd tagħhom jofqos f'mafqas b'kapaċità totali ta' inkubazzjoni ta' inqas minn 1000 bajda iridu jintgħażlu minn kampjuni minn fuq l-impriża u l-kampjuni li jiġu magħżula għandhom jikkonsistu fil-kampjuni tal-feċi miġbur flimkien magħmul minn kampjuni separati ta' feċi, li kull waħda minnhom tiżen mhux inqas minn 1 g, miġbura bi qbil mal-punt A (2) (b).

3. Il-ġemgħat tat-tjur tal-bajd illi l-bajd tagħhom ifaqqas f'mafqas b'kapaċità totali ta' inkubazzjoni ta' 1000 bajda jew iżjed iridu jintgħażlu minn gewwa l-mafqas u l-kampjuni li jridu jittieħdu għandhom jikkonsistu fi:

(a) kampjuni miġbura flimkien tal-mekonju meħud minn 250 fellus mfaqqsa minn bajd fornit lill-mafqas minn kull waħda mill-ġemgħat tat-tjur tal-bajd; jew

(b) kampjuni tal-karkassi ta' 50 fellus li jkunu mietu ġewwa l-qoxra tal-bajda tagħhom jew li jkunu faqqsu minn bajd mogħti lill-mafqas minn kull ġemgħa tjur tal-bajd.

4. Dawn il-kampjuni jridu jittieħdu wkoll minn ġemgħat ta' tjur li jbidu li jkun fihom mhux inqas minn 250 tajra li l-bajd tagħhom ikun faqqas f’mfaqes b'kapaċità totali ta' inkubazzjoni ta' 1000 bejda jew iktar.

5. Kull tmien ġimgħat, l-għażla tal-kampjuni provduta fil-punt B trid tinbidel b'għażla uffiċjali tal-kampjuni, li trid issir bi qbil mal-punt 4.

C. L-eżami tal-kampjuni għas-salmonella

In-numru totali ta' kampjuni meħuda minn kull binja jistgħu jinġabru flimkien għall-analiżi.

L-analiżijiet u t-testijiet għas-salmonella għandhom jitwettqu skond il-metodi magħrufa bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku Veterinarju, jew, sakemm dawn jiġu konoxxuti, skond metodi nazzjonali pruvati u testjati li jfornu l-garanziji preskritti fid-Deċiżjoni 89/610/KEE [1].

III. In-notifika tar-riżultati

Fejn, bħala riżultat tal-monitorjar imwettaq bi qbil mal-punt II, tiġi mikxufa l-preżenza tas-Salmonella enteritidis jew tas-Salmonella typhimurium f'ġemgħa tjur, il-persuna responsabbli mil-laboratorju li jagħmel l-eżami, il-persuna li teżamina jew is-sid tal-ġemgħa tjur għandhom jinnotifikaw ir-riżultati lill-awtoritajiet kompetenti.

IV. L-investigazzjoni tal-ġemgħat tat-tjur dikjarata pożittivi wara l-monitorjar

Fejn tiġi notifikata l-preżenza ta' Salmonella enteritidis jew ta' Salmonella typhimurium bi qbil mal-punt III, għandu jittieħed kampjun uffiċjalment mill-ġemgħa sabiex jiġi konfermat ir-riżultat ta' l-ewwel. Kampjun tat-tjur irid jittieħed każwalment minn ġewwa kull binja tat-tjur fuq ir-razzett, bil-kobor tal-kampjun magħżul bi qbil mat-tabella fil-punt II (A) (2) (ċ). Għall-għanijiet ta' l-eżami, it-tjur minn kull binja jridu jiġu mqiegħda fi gruppi ta' ħamsa u l-kampjuni mill-kliewi, l-ovarju u l-ġewwieni meħuda minn kull tajra fil-grupp iridu jiġu eżaminati għas-salmonella bl-użu ta' analiżijiet u testijiet konoxxuti bi qbil mal-proċeduri preskritti fl-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva jew, sakemm jiġu hekk konoxxuti, b'metodi nazzjonali provati u testjati.

V. Il-miżuri li jridu jittieħdu rigward il-ġemgħat tat-tjur fejn tiġi konfermata infezzjoni

Il-miżuri jridu jikkonformaw mal-livelli minimi stabbiliti li ġejjin.

1. Fejn, bħala riżultat ta' investigazzjoni mwettqa bi qbil mal-punt IV, il-preżenza ta' Salmonella enteritidis jew ta' Salmonella typhimurium jiġu konfermati fit-tjur f'binja, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a) l-ebda tajra ma tista' tħalli l-binja interessata għajr jekk l-awtorità kompetenti tkun awtorizzat il-qtil u l-qerda taħt sorveljanza jew qtil f'biċċerija nominata mill-awtorità kompetenti bi qbil ma' (ċ);

(b) il-bajd li ma jkunx tqiegħed fit-teqgħida prodott mit-tjur tal-binja fil-kwistjoni jrid jinqered fuq il-post jew, wara li jiġi markat kif xieraq, jittieħed taħt sorveljanza lejn stabbiliment approvat li jipproċessa l-bajd sabiex jiġi trattat bis-sħana bi qbil mal-ħtiġiet tad-Direttiva 89/437/KEE [2];

(ċ) it-tjur kollha fil-binja jridu jinqatlu bi qbil ma' l-Anness I, Kapitolu VI, punt 31 (ċ) tad-Direttiva 71/118/KEE, wara li l-uffiċjal veterninarju tal-biċċerija jiġi mgħarraf bid-deċiżjoni tal-qatla, bi qbil ma' l-Anness I, Kapitolu VI, punt 15 (a) ta' din id-Direttiva, jew jiġu maqtula u meqruda sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tal-firxa tas-salmonella.

2. Ġaladarba binja okkupata minn ġemgħa tjur infettati bis-Salmonella enteritidis jew is-Salmonella typhimurium tiġi żvujtata mit-tjur, għandhom jitwettqu tindif u diżinfettazzjoni effettivi, inklużi l-qerda tad-demel jew iż-żibel, bi qbil mal-proċeduri preskritti mill-awtorità veterinarja lokali. It-tkabbir mill-ġdid tal-ġemgħa trid issir bi flieles li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-punt II (A) (1).

3. Fejn il-bajd għat-tifsiq minn ġemgħat ta' tjur li fihom tkun ġiet konfermata l-eżistenza tas-Salmonella enteriditis jew tas-Salmonella typhimurium ikun għadu preżenti fil-mafqas, irid jiġi meqrud jew trattat bħala materjal ta' riskju kbir bi qbil mad-Direttiva 90/667/KEE [3].

VI. Skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 16 u bis-segwiment ta' l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku Veterinarju, sabiex jiġi aċċertat qabel l-1 ta' Ottubru 1993,

(a) is-sistemi ta' sorveljanza bażati fuq test seroloġiku fl-impriża jistgħu jiġu konoxxuti jekk joffru garanziji ekwivalenti għas-sistema ta' spezzjoni fil-mafqas provdut fil-punt II (A) (1), (B) (3)u (4) u (ċ);

(b) soluzzjonijiet alternattivi għall-qtil obbligatorju provdut fil-punt IV (ċ), bħalma hija kura antibiotika, jistgħu jiġu approvati għal ġemgħat ta' tjur tal-bajd;

(ċ) jistgħu jiġu stabbiliti regoli speċifiċi bil-ħsieb li jissalvagwardjaw materjal ġenetiku ta' valur.

It-testijiet provduti f'dan il-Kapitolu jistgħu, bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 16, jiġu riveduti fid-dawl ta' l-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku.

Taqsima II L-ISPEZZJONI GĦAS-SALMONELLA FL-AĦĦAR STADJU TAL-PRODUZZJONI TA' GĦALF KOMPOST GĦAT-TJUR

Meta jkunu qegħdin jittieħdu kampjuni uffiċjali minn impriża jew fil-każi ta' suspett ġustfikat, l-għażla tal-kampjuni tista' titwettaq minn fost l-għalf kompost użat għall-għalf tat-tjur.

Fejn kampjun jirriżulta pożittiv għas-salmonella, l-awtorità kompetenti għandha twettaq investigazzjoni sabiex:

(a) tidentifika s-sors tal-kontaminazzjoni, partikolarment permezz ta' kampjuni uffiċjali meħuda fi stadji differenti tal-produzzjoni;

(b) teżamina l-applikazzjoni tar-regoli u l-kontrolli rigward il-qerda u l-ipproċessar tal-fdalijiet għar-rimi mill-annimali u partikolarment dawk preskritti fid-Direttiva 90/667/KEE;

(ċ) tistabbilixxi proċeduri għal prattiċi tajba ta' fabbrikazzjoni u tiżgura konformità mal-proċeduri magħrufa.

[1] ĠU Nru L 351, tat-2. 12. 1989, p. 34.

[2] ĠU Nru L 212, tat-22. 7. 1989, p. 87. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/684/KEE (ĠU Nru L 376, tal-31. 12. 1991, p. 38).

[3] Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta' Novembru 1990 li tippreskrivi r-regoli veterinarji għall-qerda u l-ipproċessar tal-fdalijiet għar-rimi mill-annimali, għat-tqegħid tagħhom fis-suq u sabiex jipprevjienu l-patoġeni fil-għalf għall-annimali jew il-ħut u li jemenda d-Direttiva 90/425/KEE (ĠU Nru L 363, tas-27. 12. 1990, p. 51).

--------------------------------------------------

ANNESS IV

KAPITOLU I IL-LISTA TA' LABORATORJI FIL-KOMUNITÀ TA' REFERENZA GĦAŻ-ŻONOSIJIET [1]

I. L-Epidemoloġia taż-żonosijiet

Institut fuer Veterinaermedizin(Robert von Ostertag-Institut)Postfaċh 33 00 13

Thielallee 88/92

D-1000

Berlin (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja)

II. Is-Salmonella

Rijksinstituut vor de Volksgezondheid

Kaxxa Postali 1

NL-3720

BA Bilthoven (L-Olanda)

KAPITOLU II DMIRIJIET U BIĊĊIET TAX-XOGĦOL TAL-LABORATORJU KOMUNITARJU TA' REFERENZA

1. Il-laboratorji Komunitarji ta' referenza mniżżla fil-lista fil-Kapitolu I għandhom ikunu responsabbli illi:

- jipprovdu lill-laboratorji nazzjonali ta' referenza bid-dettalji tal-metodi analitiċi u t-testjar komparattiv,

- jikkoordinaw l-applikazzjoni mil-laboratorji nazzjonali ta' referenza tal-metodi msemmija fl-ewwel indent, partikolarment billi jorganizzaw testijiet komparattivi,

- jikkoordinaw ir-riċerka f'metodi analitiċi ġodda u jgħarrfu lil-laboratorji nazzjonali ta' referenza bl-avvanzi f'dan il-qasam,

- imexxu korsijiet ta' taħriġ inizjali u ta' kontinwazzjoni għall-benefiċċju tal-personal tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza,

- jipprovdu assistenza xjentifika u teknika lill-Kummissjoni, speċjalment fil-każi fejn ir-riżultati ta' l-analiżijiet jiġu kontestati bejn l-Istati Membri.

2. Il-laboratorji Komunitarji ta' referenza għandhom jiżguraw illi jinżammu l-kondizzjonijiet operattivi li ġejjin:

Iridu li:

- jkollhom personal kwalifikat kif jixraq b'taħriġ adekwat fil-metodi tat-teknika applikati għall-kxif ta' żonosijiet,

- jippossjedu t-tagħmir u s-sustanzi meħtieġa sabiex jitwettqu l-biċċiet tax-xogħol provduti f'1,

- ikollhom infrastruttura amministrattiva kif meħtieġa,

- jiżguraw illi l-personal tagħhom jirrispetta n-natura kunfidenzjali ta' ċerti suġġetti, riżultati jew komunikazzjonijiet,

- ikollhom tagħrif suffiċjenti dwar il-livelli stabbiliti u prattiċi internazzjonali.

[1] Mingħajr preġudizzju għal-laboratorji ta' referenza għall-bruċellosi, it-tuberkulosi u r-rabja.

--------------------------------------------------

Top