EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992L0112

Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/112/KEE tal-15 ta’ Diċembru 1992 dwar proċeduri għall-armonizzar ta’ programmi għat-tnaqqis u eventwali eliminazzjoni ta’ tniġġis ikkawżat mill-iskart mill-industrija tat-titanium dioxide.

ĠU L 409, 31.12.1992, p. 11–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/01/2014; Imħassar b' 32010L0075

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/112/oj

31992L0112



Official Journal L 409 , 31/12/1992 P. 0011 - 0016
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0032
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0032


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/112/KEE

tal-15 ta' Diċembru 1992

dwar proċeduri għall-armonizzar ta' programmi għat-tnaqqis u eventwali eliminazzjoni ta' tniġġis ikkawżat mill-iskart mill-industrija tat-titaniumdioxide.

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ([1]),

B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew ([2]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([3]),

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/428/KEE tal-21 ta' Ġunju 1989 fuq proċeduri għall-armonizzar ta' programmi għat-tnaqqis u eventwali eliminazzjoni ta' tniġġis ikkawżat bl-iskart mill-industrija tat-titanium dioxide ([4]) kienet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta' Ġunju 1991 għar-raġuni li ma kelliex bażi legali xierqa ([5]);

Billi, jekk l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-imsemmija Direttiva, mhux meħtieġ għalihom li jadottaw miżuri ġodda biex ikonu konformi ma' din id-Direttiva, kemm-il darba l-miżuri ġa meħuda jikkonformaw ma' dawn ta' l-aħħar;

Billi l-vojt legali ikkawżat mill-annullament ta' l-imsemmija Direttiva jista' jkollu effetti ħżiena fuq l-ambjent u fuq il-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-settur tal-produzzjoni tat-titaniumdioxide; billi huwa meħtieġ li terġa' tiġi stabbilità s-sitwazzjoni materjali maħluqa mill-imsemmija Direttiva;

Billi l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jqarreb regoli nazzjonali relatati mal-kondizzjonijiet tal-produzzjoni tat-titaniumdioxide biex ikunu mneħħija d-distorzjonijiet eżistenti ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti varji fl-industrija u biex ikun assigurat livell għoli ta' protezzjoni għall-ambjent;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 78/176/KEE ta' l-20 ta' Frar 1978 fuq l-iskart mill-industrija tat-titaniumdioxide ([6]), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha, titlob li l-Istati Membri jfasslu programmi għat-tnaqqis progressiv u eliminazzjoni eventwali ta' tniġġis ikkawżat bl-iskart minn stabilimenti industrijali li kienu jeżistu fl-20 ta' Frar 1978;

Billi dawn il-programmi waqqfu miri ġenerali għat-tnaqqis ta' tniġġis ikkawżat minn skart likwidu, solidu u ta' gass li kellhom jintlaħqu sa l-1 ta' Lulju 1987; billi dawn il-programmi kellhom jiġu mogħtija lill-Kummissjoni biex tkun tista' tressaq proposti xierqa lill-Kunsill għall-armonizzazzjoni tagħhom fir-rigward tat-tnaqqis u eventwali eliminazzjoni ta' dan it-tniġġis u t-titjib tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fl-industrija tat-titanium dioxide;

Billi, biex ikun protett l-ambjent akkwatiku, rimi ta' skart u tfigħ ta' ċertu skart, b'mod partikolari skart ta' aċidu solidu u qawwi, għandu jkun ipprojbit u rimi ta' skart ieħor, b'mod partikolari ta' aċidu dgħajjef u skart newtralizzat għandu jkun bil-mod il-mod imnaqqas;

Billi stabilimenti industrijali eżistenti għandhom iħaddmu s-sistemi xierqa biex jittrattaw l-iskart biex jilħqu l-miri meħtieġa sad-dati ffissati;

Billi l-istallazzjoni ta' dawk is-sistemi jistgħu jqajjmu diffikultajiet kbar tekniko-ekonomiċi fil-każ ta' skart aċidu dgħajjef u skart newtralizzat minn ċerti stabiliment; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu kapaċi jiddifferixxu t-tħaddim ta' dawn id-disposizzjpnijiet, bil-kondizzjoni li l-programm ta' tnaqqis effettiv ta' tniġġis ikun imfassal u mogħti lill-Kummissjoni; billi fejn l-Istati Membri jġarrbu diffikultajiet simili, il-Kummissjoni għandha tkun tista' ttawwal il-limiti ta' żmien rilevanti;

Billi, fir-rigward tar-rimi ta' ċertu skart, l-Istati Membri jmisshom ikunu kapaċi jagħmlu użu minn għanijiet ta' kwalità b'tali mod li r-riżultati jkunu ekwivalenti f'kull rigward għal dawk miksuba permezz ta' valuri limiti; billi ekwivalenza simili għandha tintwera fi programm li għandu jkun mogħti lill-Kummissjoni; Billi, mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-Istati Membri huma marbutin bihom permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 80/779/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 fuq il-valuri limiti tal-kwalità ta' l-arja u l-valuri ta' gwida għas-sulphur dioxide u particulates sospiżi ([7]), u d-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE tat-28 ta' Ġunju 1984 fuq il-kumbattiment tat-tniġġis ta' l-arja minn impjanti industrijali ([8]), jaqbel li wieħed jipproteġi l-kwalità ta' l-arja billi jkunu ffissati standards xierqa ta' emissjonijiet fir-rigward ta' ħruġ ta' materjal bil-gass mill-industrija tat-titanium dioxide;

Billi, biex tkun verifikata l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri, l-Istati Membri imisshom jagħmlu monitorjar fir-relazzjoni tal-produzzjoni attwali ta' kull stabbiliment;

Billi l-iskart kollu mill-industrija tat-titanium dioxide jmissu jkun evitat jew użat mill-ġdid fejn teknikament u ekonomikament ikun vijabbli u billi skart bħal dan imissu jkun użat mill-ġdid jew mormi mingħajr ma' jipperikola s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent,

Billi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jaffetwawx il-possibilta ta' l-Istati Membri li jżommu jew jadottaw, fl-oqsma koperti mid-Direttiva, disposizzjonijet aktar stretti għall-protezzjoni ta' l-ambjent.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabilixxi, kif mitlub mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 78/176/KEE, proċeduri biex jarmonizzaw il-programmi għat-tnaqqis u eventwali eliminazzjoni ta' tniġġis minn stabbilimenti ta' industrija eżistenti u hija maħsuba biex ittejjeb il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industrija tat-titanium dioxide.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) fejn jintuża l-proċess tas-sulphate:

- skart solidu għandu jfisser:

- fdalijiet ta' metall mhux maħdum insolubbli mhux imkisser bis-sulphuric acid matul il-proċess ta' manifattura,

- copperas, i. e. sulphate tal-ħadid kristallin (FeSO47H2O),

- skart ta' aċidu qawwi għandu jfisser:

- il-likuri omm li jirriżultaw mill-fażi ta' filtrazzjoni wara l-hydrolysis tas-soluzzjoni tat-titanyl sulphate. Jekk dawn il-likuri omm jkunu assoċjati ta' skart aċidu dgħajjef li kollu f'salt ikun fih aktar minn 0,5 % sulphuric acid ħieles u diversi metalli tqal ([9]), il-likuri u l-iskart meħuda flimkien għandhom jittieħdu bħala skart aċidu qawwi,

- skart ta' trattament għandu jfisser:

- salts tal-filtrazzjoni, ħama u skart likwidu li jirriżulta mit-trattament (konċentrazzjoni jew newtralizzazzjoni) ta' skart aċidu qawwi u li jkun fih diversi metalli tqal, iżda ma jinkludix skart newtralizzat u iffiltrat jew imferra' bil-mod li jkun fih biss traċċi ta' metall tqil u li, qabel kull taħlit, ikollu valur ta' pH aktar minn 5,5,

- skart aċiduż ħafif ikun ifisser:

- ilma tal-ħasil, ilma li jkessaħ, kondensaturi u ħama ieħor u skart likwidi, barra minn dawk inklużi fid-definizzjonijiet ta' hawn fuq, li fihom 0,5 jew anqas ta' sulphuric acid ħieles,

-skart newtralizzat għandu jfisser:

- kull likwidu li għandu valur pH aktar minn 5,5, ikun fih biss traċċi ta' metall tqil, u jinkiseb direttament bil-filtrazzjoni jew billi jiġi mferra minn skart aċiduż qawwi jew ħafif wara t-trattament tiegħu biex titnaqqas l-aċidità tiegħu u l-kontenut ta' metall tqil,

- trab għandu jfisser:

- kull kwalità ta' trab minn impjanti ta' produzzjoni u b'mod partikolari trab tal-ħadid mhux maħdum u koloranti,

- SOx għandha tfisser:

- sulphur dioxide u trioxide f'forma ta' gass li joħroġ fi stadji varji tal-manifattura u proċessi ta' trattament ta' l-iskart intern, inklużi qtar żgħar ta' aċidu;

(b) fejn il-proċess tal-klorin huwa wżat:

- skart solidu għandu jfisser:

- fdalijiet ta' ħadid insolubbli mhux imfarrak bil-klorin matul il-proċess tal-manifattura,

- metal chlorides u metal hydroxides (sustanzi ta' filtrazzjoni), li jirriżultaw f'forma solida mill-manifattura tat-titanium tetrachloride,

- fdalijiet ta' coke li jirriżulta mill-manifattura tat-titanium tetrachloride,

- skart aċidu qawwi għandu jfisser:

- skart li jkun fih aktar minn 0,5 % hydrochloric acid ħieles u varji metalli tqal ([10]);

- skart ta' trattament għandu jfisser:

- salts tal-filtrazjoni, ħama u skart likwidu li jirriżulta mit-trattament (konċentrazzjoni jew newtralizzazzjoni) ta' skart aċidu qawwi u li jkun fih diversi metalli tqal, iżda ma jinkludix skart newtralizzat u filterjat jew imferra' bil-mod li jkun fih biss traċċi ta' metall tqil, qabel kull taħlit, ikollu valur ta' pH aktar minn 5,5,

- skart aċiduż ħafif għandu jfisser:

- ilma tal-ħasil, ilma li jkessaħ, kondensaturi u ħama ieħor u skart likwidi, barra minn dawk inklużi fid-definizzjonijiet ta' hawn fuq, li fihom 0,5 jew anqas ta' hydrochloric acid,

- skart newtraliżżat għandu jfisser:

- kull likwidu li għandu valur pH aktar minn 5,5, ikun fih biss traċċi ta' metall tqil, u jinkiseb direttament bil-filtrazzjoni jew billi jiġi mferra minn skart aċiduż qawwi għal wieħed ħafif wara t-trattament tiegħu biex titnaqqas l-aċidità tiegħu u l-kontenut ta' metall tqil,

- trab għandu jfisser:

- kull kwalità ta' trab minn impjanti ta' produzzjoni u b'mod partikolari trab tal-ħadid mhux maħdum koloranti u trab tal-coke,

- klorin għandu jfisser:

- klorin f'forma ta' gass li joħroġ fi stadji varji tal-proċess tal-manifattura;

(ċ) fejn il-proċess tas-sulphate jew il-proċess tal-klorin huwa wżat:

- dumping għandu jfisser:

- kull tfiħ barra apposta ġo ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet tax-xtut interni, ilmijiet territorjali jew fil-baħar 'l barra ta' sustanzi u materjali minn vapuri jew ajruplani ([11])

2. It-termini definiti fid-Direttiva 78/176/KEE għandu jkollhom l-istess tifsira għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-dumping ta' kull skart solidu, skart aċiduż qawwi, skart ta' trattament, skart aċiduż ħafif, jew skart newtralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jkun ipprojbit b'effett mill-15 ta' Ġunju 1993.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li rimi ta' skart ġo ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet tax-xtut interni, ilmijiet territorjali u 'l barra fil-baħar ikun ipprojbit:

(a) fir-rigward ta' skart solidu, skart aċidu qawwi u skart ta' trattament minn stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tas-sulphate:

- sal-15 ta' Ġunju 1993 fl-ilmijiet kollha msemmija hawn fuq;

(b) fir-rigward ta' skart solidu u skart aċiduż qawwi minn stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tal-klorin:

- sal-15 ta' Ġunju 1993 fl-ilmijiet kollha msemmija hawn fuq.

Artikolu 5

Fil-każ ta' Istati Membri li jkollhom diffikultajiet tekniċi u ekonimiċi serji biex jikkonformaw mad-dati ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni tista' tikkonċedi estensjoni, kemm-il darba programm għat-tnaqqis effetiv ta' rimi ta' skart simili jkun mibgħut lill-Kummissjoni sal-15 ta' Ġunju 1993. Dak il-programm għandu jwassal għal projbizzjoni definittiva ta' rimi simili sat-30 ta' Ġunju 1993.

Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar każijiet simili u għandha tkun ikkonsultata fuqhom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li r-rimi ta' skart ikun imnaqqas b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) minn stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tas-sulphate:

- skart aċiduż ħafif u skart newtralizzat għandhom ikunu mnaqqsa sal-31 ta' Diċembru 1993 fl-ilmijiet kollha sa valur ta' mhux aktar minn 800 kg ta' sulphate totali kull tonnellata ta' titaniumdioxide prodotta (i. e. li jikkorrispondi għal SO4 ions li jkunu jinsabu fis-sulphuric acid ħieles u fil-metallic sulphates);

(b) minn stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tal-kolorin:

- skart aċiduż ħafif, skart tat-trattament u skart newtralizzat għandhom ikunu mnaqqsa sal-15 ta' Ġunju 1993 fl-ilmijiet kollha għall-valuri li ġejjin ta' klorin totali għal kull tunellata ta' titanium dioxide prodotta (i.e. li jikkorrispondu għas-C1 ions li jkunu jinsabu fil-freehydrochloric acid u fil-metallic chlorides):

- 130 kg fejn jintuża r-rutile newtrali,

- 228 kg fejn jintuża r-rutile sintetiku,

- 450 kg fejn jintuża s-slag.

Fil-każ ta' stabbiliment li juża aktar minn tip wieħed jew mineral ta' ħadid, il-valuri għandhom japplikaw fi proporzjon tal-kwantità ta' dan il-mineral ta' ħadid użat

Artikolu 7

Minbarra fejn ilmijiet ta' wiċċ interni huma kkonċernati, l-Istati Membri jistgħu jiddifferixxu d-data tat-tħaddim imsemmija fil-punt (a) ta' l-Artikolu 6 sal-31 ta' Diċembru 1994 l-aktar tard jekk diffikultajiet serji tekniko-ekonomiċi hekk jirrikjiedu u kemm-il darba programm ta' tnaqqis effiċjenti ta' rimi ta' skart simili jkun mogħti lill-Kummissjoni sal-15 ta' Ġunju 1993. Programm simili għandu jagħmilha possibbli li l-valur limiti li ġej għal kull tunellata ta' titanium dioxide prodott jintlaħaq sad-data li tidher:

- skart aċiduż ħafif u skart newtralizzat: 1 200 kg - 15ta' Ġunju 1993,

- skart aċiduż ħafif u skart newtralizzat: 800 kg -31 ta' Diċembru 1994.

Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva l-Kummissjoni għandha tkun informata dwar każi simili, li għandhom ikunu suġġetti ta' konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 8

1. Dwar il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu użu mill-għanijiet ta' kwalità flimkien ma' valuri limiti xierqa applikati b'tali mod li l-effetti f'termini ta' protezzjoni ta' l-ambjent u l-evitar ta' distorzjonijiet tal-kompetizzjoni ikunu ekwivalenti għal dawk tal-valuri limiti stipulati f'din id-Direttiva.

2. Jekk Stat Membru jagħżel li jagħmel użu mill-għanijiet ta' kwalità, huwa għandu jressaq lill-Kummissjoni programm ([12]) li juri li l-miżuri jottjenu effett li, fit-termini ta' protezzjoni ta' l-ambjent u fl-evitar tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni, huma ekwivalenti għal dak tal-valuri limiti sad-dati meta dawn il-valuri limiti jiġu applikati skond l-Artikolu 6.

Dan il-programm għandu jkun mogħti lill-Kummissjoni ta' l-anqas sitt xhur qabel ma l-Istat Membru jipproponi li japplika l-għanijiet ta' kwalità.

Dan il-programm għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 78/176/KEE.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li t-tfigħ fl-atmosfera jkun imnaqqas b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) fil-każ ta' stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tas-sulphate:

(i) fir-rigward ta' trab, it-tfigħ għandu jitnaqqas sal-31 ta' Diċembru 1993 għal valur ta' mhux aktar minn 50 mg/nm3 ([13]) minn sorsi maġġuri u ta' mhux aktar minn 150 mg/nm3 (2) minn kull sors ieħor ([14]);

(ii) fir-rigward tas-S0x, rimi ġej minn stadji ta' digestion u calcination fil-manifattura tat-titanium dioxide għandu jitnaqqas sal-1 ta' Jannar 1995 għal valur ta' mhux aktar minn 10 kg ta' l-ekwivalenti ta' SO2 għal kull tunellata ta' titanium dioxide prodott;

(iii) L-Istati Membri jkunu jeħtieġu meżżi li jkunu nstallati għall-prevenzjoni ta' l-emissjoni ta' qtar aċiduż;

(iv) impjanti għall-konċentrazzjoni ta' aċidu skart m'għandhomx jarmu aktar minn 500 mg/nm3 SOx kalkulati bħala ekwivalenti għal SO2 ([15]);

(v) impjanti għall-ħruq tas-salts li jirriżultaw mit-trattament ta' skart għandhom ikunu attrezzati bl-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinħtieġx spejjeż eċċessivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-SOx;

(b) fil-każ ta' stabbilimenti industrijali eżistenti li jużaw il-proċess tal-klorin:

(i) fir-rigward ta' trab, it-tfigħ għandu jitnaqqas sal-15 ta' Ġunju 1993 għal valur ta' mhux aktar minn 50 mg/nm3 (2) minn sorsi maġġuri u ta' mhux aktar minn 150 mg/nm3 ([16]) minn kull sors ieħor ([17]);

(ii) fir-rigward tal-klorin, ir-rimi għandu jitnaqqas sal-15 ta' Ġunju 1993 għal medja ta' konċentrazzjoni ta' kuljum ta' mhux aktar minn 5 mg/nm3 ([18]) u mhux aktar minn 40 mg/ng3 fi kwalunkwe ħin.

2. Din id-Direttiva hija bla ħsara għad-Direttiva 80/779/KEE.

3. Il-proċedura għall-immonitorjar tal-miżuri riferenza għat-tfigħ ta' l-SOx fl-atmosfera hija stipulata fl-Anness.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-valuri u t-tnaqqis speċifikati fl-Artikoli 6, 8 u 9 fir-relazzjoni tal-produzzjoni attwali ta' kull stabbiliment.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-iskart kollu mill-industrija tat-titanium dioxide, u b'mod partikolari skart suġġett għall-projbizzjoni fuq rimi jew dumping fl-ilma jew fuq it-tfigħ fl-atmosfera huwa:

- evitat jew użat mill-ġdid fejn teknikament u ekonomikament vijabbli,

- użat mill-ġdid jew mormi mingħajr ma jippertikola s-saħħa tal-bniedem jew jagħmel ħsara lill-ambjent.

L-istess għandu jgħodd għall-iskart li jirriżulta mill-użu mill-ġdid jew trattament ta' l-iskart imsemmi hawn fuq.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri li għandom ma ħadux il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva għandhom iġibuhom fis-seħħ mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 1993. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva.

Meta l-Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom riferenza simili fl-okkazzjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza simili għandha tkun adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel,

fil-15 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HOWARD

L-ANNESS

Proċedura għall-immonitorjar tal-miżuri ta' riferenza għal emissjonijiet bil-gass tas-SOx

Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-kwantitajiet ta' SO2 u SO3 u qtar aċiduż espress bħala ekwivalenti għal SO2, mitfugħ minn stallazzjonijiet speċifiċi, għandu jittieħed f'konsiderazzjoni l-volum ta' gass mormi fuq iż-żmien li jieħdu operazzjonijiet skeċifiċi fil-kwistjoni u l-medja tal-kontenut ta' SO2/SO3 imkejjel matul l-istess perjodu. Ir-rata ta' ħruġ ta' SO2/SO3 u l-kontenut għandhom ikunu stabiliti skond l-istess kondizzjonijiet ta' temperatura u umdità.

____________________

[1] ĠU C 317, tas-7.12.1991, p. 5.

[2] ĠU C 94, tat-13.4.1992, p. 158, u ĠU C 305, tat-23.11.1992.

[3] ĠU C 98, tal-21.4.1992, p. 9.

[4] ĠU L 201, ta' l-14.7.1989, p. 56.

[5] Sentenza tal-11 ta' Ġunju 1991, Każ C-300/89, Il-Kummissjoni v. il-Kunsill (għadha mhix publikata).

[6] ĠU L 54, tal-25.2.1978, p. 19; Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 83/29(KEE (ĠU L 32, tat-3.2.1983, p. 28).

[7] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 30; Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 89/427(KEE (ĠU L 201, ta' l-14.7.1989, p. 53).

[8] ĠU L 188, tas-16.7.1989, p. 20.

[9] Skart aċiduż qawwi li ġie mħallat sakemm ikun fih 0,5 % jew anqas ta' sulphuric acid ħieles għandu wkoll ikun kopert b'din id-definizzjoni.

[10] Skart aċiduż qawwi li jkun ġie mħallat sakemm ikun fih 0,5 % jew anqas ta' sulphuric acid ħieles għandu wkoll ikun kopert b'din id-definizzjoni.

[11] Vapuri u ajruplani' għandha tfisser bastimenti li jżommu fil-wiċċ u ajruplani li jtiru ta' kull tip huma x'inhuma. Din l-espressjoni għandha tinkludi opra tal-baħar b'cushion ta' arja, sewwa jekk tmexxi lilha nfiha jew le, u pjattaformi fissi jew li jżommu fil-wiċċ.

[12] Informazzjoni simili għandha tkun provvduta skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 78/176/KEE jew separatament jekk iċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu.

[13] Metru kubu f'temperatura ta' 273 K u pressjoni ta' 101,3 kPa.

[14] L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dawk is-sorsi minuri mhux inklużi fil-qisien tagħhom.

[15] Għal proċess ta' konċentrazzjoni ġdid l-Kummissjoni tista' taqbel ma' valur differenti jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu juru n-nuqqas ta' disponibilità tat-teknika biex jikseb dan l-istandard.

[16] Metru kubu f'temperatura ta' 273 K u pressjoni ta' 101,3 kPa.

[17] L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dawk is-sorsi minuri mhux inklużi fil-qisien tagħhom.

[18] Huwa kkonsidrat li dawn il-valuri jikkorrispondu għal massimu ta' sitt grammi għal kull tunellata ta' titanium dioxide prodott.

Top