EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31982L0884

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1982 dwar valur ta' limitu rigward iċ-ċomb fl-arja

ĠU L 378, 31.12.1982, p. 15–18 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2005; Imħassar b' 31999L0030 Art. 9.2

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1982/884/oj

31982L0884



Official Journal L 378 , 31/12/1982 P. 0015 - 0018
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0017
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 4 P. 0017
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0056
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0056


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-3 ta' Diċembru 1982

dwar valur ta' limitu rigward iċ-ċomb fl-arja

(82/884/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi wieħed mill-kompiti essenzjali tal-Komunità Ekonomika Ewropea huwa li tippromwovi fil-Komunità kollha żvilupp armonjuż ta' l-attivitajiet ekonomiċi u espansjoni kontinwa u bilanċjata, li ma jistgħux jiġu immaġinati fin-nuqqas ta' kampanja sabiex tikkumbatti t-tniġġis u l-irritazzjonijiet jew ta' titjib fil-kwalità tal-ħajja u tal-ħarsien ta' l-ambjent;

Billi l-użu taċ-ċomb qiegħed korrentement jikkawża l-kontaminazzjoni ta' ħafna żoni fl-ambjent;

Billi ċ-ċomb meħud man-nifs jikkontribwixxi sinifikament għat-toqol kollu taċ-ċomb fil-ġisem;

Billi l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem mir-riskji taċ-ċomb jeħtieġ li tiġi mmonitorjata l-espożizzjoni ta' l-individwu għaċ-ċomb fl-arja;

Billi l-ewwel [4] u t-tieni [5] programmi ta' azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent jiddikjaraw illi dan l-inkwinant għandu jirċievi l-prijorità fil-konsiderazzjoni; billi l-programmi msemmija jipprovdu għall-kordinament tal-programmi nazzjonali f'dan il-qasam u għall-armonizzazzjoni tal-politiki nazzjonali ġewwa l-Komunità fuq il-bażi ta' pjanifikazzjoni komuni fuq skond fit-tul li timmira li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja; billi ġaladarba l-poteri speċifiċi ta' l-azzjoni meħtieġa għal dan il-għan ma ġewx imdaħħla fit-Trattat, huwa meħtieġ illi jissejjaħ l-Artiklu 235 tiegħu;

Billi mhux disponibbli tagħrif xjentifiku u tekniku biżżejjed sabiex jgħin lill-Kunsill jistabbilixxi standards speċifiċi għall-ambjent b'mod ġenerali; billi l-adozzjoni tal-valuri tal-limiti għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem trid tikkontribwixxi għall-ħarsien ta' l-ambjent ukoll;

Billi huwa mixtieq li jiġi ffissat valur ta' limitu għaċ-ċomb fl-arja;

Billi l-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jridu jkunu ekonomikament possibbli u kompatibbli ma' l-iżvilupp ibbilanċjat; billi, bħala konsegwenza ta' dan, għandu jiġi stabbilit limitu taż-żmien biżżejjed sabiex tiġi implimentata; billi jridu jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 78/611/KEE tad-29 ta' Ġunju 1978 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-kontenut taċ-ċomb fil-petrol [6];

Billi huwa mixtieq li tiġi mmonitorjata l-kwalità ta' l-arja f'postijiet fejn in-nies jistgħu jkunu esposti kontinwament u għal-tul taż-żmien u fejn ikun hemm ir-riskju li l-valur ta' limitu jista' ma jiġix osservat;

Billi huwa importanti illi l-Kummissjoni għandha tikseb it-tagħrif rigward il-postijiet użati sabiex jittieħdu l-kampjuni, rigward il-proċeduri tal-għażla u l-analiżi tal-kampjuni wżati sabiex jistabbilixxu l-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja, rigward il-postijiet fejn il-valur ta' limitu stabbilit f'din id-Direttiva jkun ġie maqbuż u rigward il-konċentrazzjonijiet imkejla f'dawn il-postijiet kif ukoll rigward il-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata tennija ta' din l-okkorrenza;

Billi f'kull sena mit-tieni sena wara l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport fil- qosor dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva;

Billi l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma għandhomx iwasslu għal deterjorazzjoni li wieħed jinduna biha fil-kwalità ta' l-arja fejn il-livell tat-tniġġiż miċ-ċomb osservat meta d-Direttiva tiġi implimentata ikun iktar baxx mill-valur ta' limitu ffissat;

Billi, sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva, huwa mixtieq li jitħarsu l-karatteristiċi adottati f'dan l-Anness sabiex jingħażel il-metodu dwar kif jittieħdu l-kampjuni; billi sabiex jiġu analizzati l-kampjuni meħuda, huwa mixtiq li jintuża l-metodu ta' referenza adottat fl-Anness jew kull metodu ieħor li dwaru l-Kummissjoni kellha prova minn qabel li jipprovdi riżultati ekwivalenti;

Billi jista' jkun mixtieq iktar żvilupp tal-karatteristiċi li jridu jiġu mħarsa fil-għażla tal-metodu tat-teħid tal-kampjuni u tal-metodu ta' referenza għall-analiżi, iddikjarati fl-Anness ma' din id-Direttiva, fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku miksub f'dan il-qasam; billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tax-xogħol meħtieġ, huwa mixtieq li tiġi pprovvduta proċedura li ddaħħal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'Kumitat responsabbli milli jaddatta din id-Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tiffissa l-valur ta' limitu għaċ-ċomb fl-arja speċifikament sabiex tipproteġi lill-bnedmin mill-effetti taċ-ċomb fl-ambjent.

2. Din id-Direttiva ma għandiex tapplika għall-espożizzjoni minħabba x-xogħol.

Artikolu 2

1. Għall-għan ta' din id-Direttiva, "valur ta' limitu" ifisser il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja li, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti minn issa 'l quddiem, ma tridx tinqabeż.

2. Il-valur ta' limitu għandu jkun ta' 2 mikro-grammi Pb/m3 espressi bħala l-konċentrazzjoni medja ta' kull sena.

3. L-Istati Membri jistgħu, f'kull waqt, jiffissaw valur iktar strett minn dak stabbilit f'din id-Direttiva.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi sa ħames snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva, il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja, imkejla skond l-Artikolu 4, ma tkunx ogħla mill-valur ta' limitu mogħti fl-Artikolu 2.

2. Meta Stat Membru jikkunsidra illi l-valur ta' limitu ffissat fl-Artikolu 2(2) jista' jinqabeż f'ċerti postijiet erba' snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dan.

3. L-Istati Membri interessati għandhom, fi żmien sentejn mill-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jibagħtu lill-Kummissjoni pjani dwar it-titjib progressiv fil-kwalità ta' l-arja f'dawn il-postijiet. Dawn il-pjani, imfassla fuq il-bażi tat-tagħrif rilevanti dwar in-natura, l-oriġini u l-iżvilupp tat-tniġġis, għandhom jiddeskrivu b'mod partikolari l-miżuri diġà mittieħda jew previsti u l-proċeduri implimentati jew ippjanati mill-Istati Membri interessati. Il-mira ta' dawn il-miżuri u proċeduri trid tkun li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja f'dawn il-postijiet titniżżel għal taħt il-valur ta' limitu ffissat fl-Artikolu 2(2) jew sa dan il-livell, malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard minn seba' snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva. Dawn il-miżuri u proċeduri jridu jqisu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/611/KEE u r-riżultati mill-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni jkunu stallati u mħaddma f'postijiet fejn individwi jistgħu jkunu esposti kontinwament u għal perjodu twil taż-żmien u fejn jikkunsidraw illi x'aktarx ma jiġux osservati l-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 5

1. Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fuq it-talba tagħha tagħrif dwar:

- il-lokazzjonijiet użati għat-teħid tal-kampjuni,

- il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni u ta' l-analiżi wżati sabiex tiġi stabbilita l-konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-arja.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju ta' kull sena, bil-bidu jkun fis-sena kalendarja ta' wara l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, bil-postijiet li fihom il-valur ta' limitu ffissat fl-Artikolu 2(2) ikun inqabeż fis-sena kalendarja ta' qabel u bil-konċentrazzjonijiet irreġistrati.

3. Għandhom ukoll jinnotifikaw lil-Kummissjoni, mhux iktar tard minn matul is-sena kalendarja ta' wara dik li fiha l-valuri tal-limiti jkunu ġew maqbuża, dwar il-miżuri li jkunu ħadu sabiex jevitaw l-okkorrenza mill-ġdid.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena rapport fil-qosor dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, mill-bidu tat-tieni sena wara l-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 7

L-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma jridux iwasslu għal deterjorament sinifikanti fil-kwalità ta' l-arja meta l-livell tat-tniġġiż miċ-ċomb, fil-waqt ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, ikun baxx relatat mal-valur ta' limitu fissat fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 8

Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Anness fil-għażla tal-metodu tat-teħid tal-kampjuni; sabiex janalizzaw il-kampjuni meħuda, l-Istati Membri għandhom jużaw il-metodu ta' referenza msemmi fl-Anness jew kull metodu ieħor li huma jagħtu prova tiegħu lill-Kummissjoni minn qabel illi jipproduċi riżultati ekwivalenti.

Artikolu 9

Il-proċedura fl-Artikoli 10 u 11 dwar l-addattament ta' din id-Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku għandu jkollha x'taqsam mal-karatteristiċi li jridu jitħarsu fil-għażla tal-metodi tat-teħid tal-kampjuni u tal-metodu ta' referenza riferiti fl-Anness.

Dan l-addattament ma jridx ikollu l-effett dirett jew indirett li jimmodifika l-applikazzjoni tal-valur attwali tal-konċentrazzjoni ffissat fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 10

1. Huwa hawnhekk imwaqqaf Kumitat sabiex jaddatta din id-Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku, minn issa l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"; għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u bir-rappreżentant tal-Kummissjoni bħala l-President.

2. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

1. Meta trid tiġi segwita l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu, il-materja għandha tiġi riferita lill-Kumitat mill-President tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu, filwaqt li jqis l-urġenza tal-materja. L-opinjonijiet għandhom jiġu mogħtija bil-maġġoranza ta' 45 vot, bil-voti ta' l-Istati Membri ppeżati kif ipprovvdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. Meta l-miżuri previsti jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadottahom.

Meta l-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew fejn ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill mingħajr dewmien proposta dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk fi żmien tliet xhur minn meta l-proposta tkun ġiet issottomessa lilu, il-Kumitat ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummisjoni.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien 24 xahar min-notifika tagħha u għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet li huma jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta' Diċembru 1982.

Għall-Kunsill

Il-President

Ch. Christensen

[1] ĠU C 154, tas-7.7.1975, p. 29.

[2] ĠU C 28, tad-9.2.1976, p. 31.

[3] ĠU C 50, ta' l-4.3.1976, p. 9.

[4] ĠU C 112, tal-20.12.1973, p. 1.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.

[6] ĠU L 197, tat-22.7.1978, p. 19.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-KARATTERISTIĊI LI JRIDU JITĦARSU FL-GĦAŻLA TA’ METODU GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI U TA’ METODU TA’ REFERENZA GĦALL-ANALIŻI DWAR IL-KONĊENTRAZZJONI TAĊ-ĊOMB FL-ARJA

Għandhom jinġabru l-partikoli fl-arja fuq filtru ta’ kampjun sabiex jiġi sossegwentement stabbilit il-kontenut taċ-ċomb.

A. Il-karatteristiċi li jridu jitħarsu fil-għażla tal-metodu tat-teħid tal-kampjuni 1 Il-Filtru

1. Filtru

Il-filtru jrid ikollu effiċjenza ta’ ġbir skond il-veloċità fuq il-wiċċ tiegħu wżata fit-teħid ta’ kampjuni ta’ mhux inqas minn 99 % tal-partikoli kollha ta’ dijametru medju erjodinamiku ta’ 0 73 μm.

2. Effiċjenza tal-mezz li bih jittieħdu l-kampjuni

L-effiċjenza tal-mezz li bih jittieħdu l-kampjuni hija ddefinita bħala l-proporzjon tal-konċentrazzjoni tal-massa tal-partikoli fl-arja, kif miġbura fuq il-filtru, għall-konċentrazzjoni fl-atmosfera. L-effiċjenza tal-mezz li bih jittieħdu l-kampjuni ma tridx tkun inqas mill-valuri mogħtija fit-tabella li ġejja u trid tkun indipendenti mid-direzzjoni tar-riħ.

L-effiċjenżi minimi (%) aċċettabbli ta’ mezz li bih jittieħed il-kampjun

Il-Qawwa tar-riħ (il-velocità): | Id-Daqs tal-partikola (id-dijametru erjodinamiku) |

| |

5 μm | 10 μm |

2ms-1 | 95 | 65 |

4ms-1 | 95 | 60 |

6ms-1 | 85 | 40 |

3. Rata tal-kurrent ta’ l-aspirazzjoni fit-teħid tal-kampjun

Ir-rata tal-kurrent ta’ l-aspirazzjoni fit-teħid tal-kampjun trid tibqa kostanti sa ± 5 % tal-valur nominali matul il-perjodu kollu taż-żmien tat-teħid tal-kampjun.

4. Lokazzjoni

Safejn ikun possibbli, l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni (jew tal-mezz li bih jittieħed il-kampjun) iridu jkunu lokati hekk li jkunu rappreżentattivi taż-żoni fejn irid isir il-kejl.

5. Xogħol

It-teħid tal-kampjuni jrid ikun kontinwu għalkemm huma permessi waqfiet ta’ ftit minuti kuljum jew kull ġimgħa sabiex il-filtri jkunu jistgħu jinbidlu. Valur medju annwali ma għandux jiġi kkunsidrat validu għajr jekk it-teħid tal-kampjuni jkun sar fuq minimu ta’ 10 ġranet tax-xogħol kull xahar, matul l-ewwel ħames snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva u fuq minimu ta’ 15-il jum tax-xogħol wara dan, safejn ikun possibbli, mifruxa b’mod egwali matul il-perjodu taż-żmien taħt kunsiderazzjoni Il-valur medju annwali jiġi kkalkolat billi s-somma tal-valuri validi ta’ kuljum tiġi diviża bin-numru tal-ġranet li fihom ikunu nkisbu valuri validi.

B. Metodu tar-referenza ta’ l-analiżi

Il-metodu tar-referenza ta’ l-analiżi għandu jkun l-ispettrometrija ta’ l-assorbiment atomiku li fiha d-differenza analitika sabiex jiġi stabbilit iċ-ċomb fil-partikoli miġbura trid tkun inqas minn valur li jikkorrespondi ma’ konċentrazzjoni fl-arja ta’ 0 71 μg m-3 ta’ ċomb (5 % tal-valur ta’ limitu ta’ 2 μg m-3). Din id-differenza analitika għandha tinżamm ġewwa l-firxa speċifikata bi frekwenza ta’ kalibrazzjoni xierqa.

--------------------------------------------------

Top