EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21997A1122(01)

Il-ftehim dwar l-akkwist ta’ telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

ĠU L 321, 22.11.1997, p. 32–41 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1997/784/oj

Related Council decision

21997A1122(01)



Official Journal L 321 , 22/11/1997 P. 0032 - 0041


Il-Ftehim

dwar l-akkwist ta’ telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

(minn hawn ’l quddiem "il-KE"),

min-naħa l-waħda, u

IL-GVERN TAR- REPUBBLIKA TAL-KOREA,

(minn hawn ’l quddiem "il-Korea"),

min-naħa l-oħra,

(minn hawn ’l quddiem imsejjħin il-"Partijiet" u weħidhom bħala "Il-Parti"),

WARA LI KKUNSIDRAW l-isforzi u l-impennji tal-Partijiet biex jilliberalizzaw is-swieq pubbliċi ta’ akkwist rispettivi tagħhom, speċjalment permezz tal-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (1994 GPA);

XEWQANA li jissokktaw fl-isforzi ta’ liberalizzazzjoni tagħhom bejniethom billi jagħtu aċċess reċiproku għall-akkwist mill-operaturi rispettivi tat-telekomunikazzjonijiet tagħhom, bla ħsara għall-kondizzjonijiet provduti f’dan il-Ftehim;

KONSAPEVOLI tal-ħtieġa li jiżguraw eżitu b’suċċess għan-negozjati taħt l-awspiċji ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet,

FTIEHMU kif ġej:

L-Artikolu 1

Skop, definizzjonijiet u skop ta’ kopertura

1. L-iskop ta’ dan il-Ftehim huwa li jiġi żgurat aċċess reċiproku, trasparenti u mhux diskriminatorju għall-fornituri tal-partijiet u tal-fornituri ta’ servizzi għall-akkwist ta’ prodotti u għal servizzi inċidentali minn operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet nominati elenkati fl-Anness I ("TO").

2. Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim:

(a) TO għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness I. Il-Partijiet għandhom jaġġornaw dik il-lista b’kunsens reċiproku fejn xieraq;

(b) "prodotti" jinkludu kull apparat, provisti u materjali li jintużaw biex jinstallaw, joperaw, jimmantjenu, isewwu jew immexxu sistemi interkonnessi ta’ trasmissjoni kif ukoll apparat ta’ riċerka u ta’ żvilupp, apparat ta’ testijiet u ta’ kejl, apparat ta’ taħriġ u apparat terminali;

(ċ) "servizzi inċidentali" huma s-servizzi li jagħtu t-TO, li huma inċidentali għall-akkwist ta’ prodott.

3. Dan il-Ftehim japplika għal kull liġi, regolament jew prattika li taffettwa l-akkwist ta’ prodotti u servizzi inċidentali mit-TO tal-partijiet u għall-għoti tal-kuntratti kollha għall-akkwist ta’ prodotti jew servizzi inċidentali mit-TO tal-Partijiet..

4. Fil-każ ta’ kuntratti, jew ta’ serje ta’ kuntratti, mogħtija minn operaturi TO Koreani għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi inċidentali, dan il-Ftehim għandu japplika biss għal dawk b’valur stmat li, mingħajr VAT jew xi taxxa paragunabbli fuq id-dħul, m’hijiex inqas minn SDR 450000, ħlief jekk ikun hemm ftehim kuntrarju bejn il-Partijiet.

Fil-każ ta’ kuntratti, jew serje ta’ kuntratti, mogħtija mit-TO tal-KE għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi inċidentali, dan il-Ftehim għandu jgħodd biss għal dawk b’valur stmat li, mingħajr VAT jew xi taxxa paragunabbli fuq id-dħul, m’hijiex inqas minn ECU 600000 ħlief jekk ikun hemm ftehim kuntrarju bejn il-Partijiet.

Il-valur ta’ SDR f’Won Korean għandu jiġi iffissat skond il-proċeduri stipulati fil-Ftehim WTO ta’ l-1994 dwar Akkwist tal-Gvern (GPA).

5. Dan il-Ftehim ma japplikax għall-kuntratti li ġejjin:

(a) akkwist ta’ prodotti u ta’ servizzi bl-iskop li jkun hemm bejgħ mill-ġdid jew użu kummerċjali fil-produzzjoni ta’ oġġetti għal bejgħ kummerċjali;

(b) għall-KE:

- kuntratti ta’ akkwist iffirmati mit-TO li huma soġġetti għal kompetizzjoni kompleta u effettiva fuq is-suq, skond ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-KE dwar utilitajiet,

- l-għoti ta’ kuntratti għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi inċidentali iffirmati qabel l-1 ta’ Jannar 1998 mit-TO stabbiliti fil-Portugall u fil-Greċja;

(ċ) għall-Korea:

- akkwist ta’ tenders singolari li jinvolvi twarrib għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju stipulati taħt il-Liġi dwar it-Tmexxija ta’ Impriżi li fihom Jinvesti l-Gvern tal-Korea u r-Regolamenti dwar iż- Żamma ta’ Kontijiet fir-Rigward ta’ Impriżi li fihom Jinvesti l-Gvern, u

- akkwist ta’ satelliti taħt il-liġi tal-Korea dwar Promozzjoni ta’ Żvilupp fl-Avjazzjoni u fl-Industrija ta’ l-ispazju għal perjodu ta’ ħames snin li jibda fid-data ta’ meta l-isħubija tal-Korea sseħħ fil-GPA.

L-Artikolu 2

Trattament nazzjonali u nuqqas ta’ diskriminazzjoni

1. Kull parti tiżgura li fil-proċeduri u fil-prattiċi kollha ta’ akkwist u fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist, t-TO stabbiliti fit-territorju tagħha jipprovdu trattament lill-(i) prodotti u servizzi inċidentali, u (ii) lill-fornituri tal-parti [1] l-oħra li mhuwiex inqas favorevoli minn dak mogħti lil:

(a) (i) prodotti u servizzi inċidentali domestiċi, u/jew (ii) fornituri domestiċi; u

(b) (i) prodotti u servizzi inċidentali, u/jew (ii) fornituri ta’ kull pajjiż terz.

2. Il-partijiet għandhom jiżguraw li t-TO stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom, ma jagħmlux dan li huwa msemmi hawn isfel fir-rigward ta’ kuntratti ta’ akkwist li jaqgħu taħt dan il-Ftehim:

(a) jittrattaw fornitur stabbilit lokalment b’mod inqas favorevoli minn fornitur stabbilit lokalment ieħor fuq il-bażi ta’ grad ta’ affiljazzjoni, jew drittiiet ta’ proprjetà jew kontroll minn persuni naturali jew ġuridiċi mill-parti l-oħra;

(b) jiddiskriminaw kontra fornitur stabbilit lokalment fuq il-bażi tal-fatt li l-prodott jew is-servizz fornit joriġina mill-parti l-oħra.

3. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-TO, fl-applikazzjoni jew għażla ta’ fornituri, prodotti jew servizzi inċidentali, jew fil-valutazzjoni ta’ tenders u fl-għoti ta’ kuntratti, ma jimponux jew ifittxu xi forma ta’ kumpens [2].

4. Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ sfida u l-isvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda dawn il-proċeduri, Parti u t-TO tagħha m’għandhomx jittrattaw lill-Parti l-oħra u lill-fornituri tagħha b’mod inqas favorevoli mill-fornituri domestiċi tagħhom jew minn dawk ta’ pajjiżi terzi oħra.

5. Safejn dan ikun applikabbli, il-Ftehim WTO dwar ostakoli tekniċi għall-kummerċ għandu japplika għal-liġijiet, għar-regolamenti u għall-politika tal-partijiet, skond kif dawn jirrelataw mal-akkwist ta’ prodotti u servizzi inċidentali mit-TO rispettivi tagħhom.

6. Il-partijiet għandhom jiżguraw ukoll, fejn xieraq, li t-TO tagħhom jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom imsemmija fid-dokumentazzjoni tat-tender fir-rigward ta’ esekuzzjoni iktar milli fir-rigward ta’ disinn jew karatteristiċi deskrittivi.. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu ibbażati fuq standards internazzjonali, fejn dawn ikunu jeżistu, jew inkella fuq regolamenti tekniċi nazzjonali jew standards nazzjonali rikonoxxuti. Kull speċifikazzjoni teknika adottata jew applikata bil-għan li, jew bl-effett li toħloq xkiel bla bżonn għall-akkwist ta’ prodotti jew servizzi mit-TO ta’ Parti mingħand il-Parti l-oħra u għall-kummerċ relatat bejn il-Partijiet, għandha tkun projbita.

L-Artikolu 3

Proċeduri ta’ akkwist

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-prattiċi ta’ akkwist segwiti mit-TO tagħhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, trasparenza u imparzjalità. Dawn il-proċeduri għandhom ta’ mill-inqas ikunu jikkonsistu fl-elementi li ġejjin:

(a) is-sejħa għal kompetizzjoni għandha ssir permezz ta’ avviż ta’ tender li jistieden is-sottomissjoni ta’ tenders, avviż indikattiv jew avviż dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni. Dawn l-avviżi, jew sommarju ta’ l-elementi importanti tagħhom, għandhom jiġu ppubblikati ta’ mill-inqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-GPA fuq livell nazzjonali jew, fir-rigward tal-KE, fuq livell Komunitarju. Għandu jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar l-akkwist intenzjonat, inkluż fejn applikabbli t-tip ta’ proċedura ta’ għoti li trid tiġi segwita;

(b) il-limiti ta’ ħin għandhom ikunu adegwati biex jippermettu lill-fornituri jew lill-fornituri ta’ servizzi biex jippreparaw u jissottomettu tenders;

(ċ) dokumentazzjoni dwar tenders għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa. Partikolament speċifikazzjonijiet tekniċi u kriterji ta’ għażla u għoti, biex dawk li jitfgħu t-tenders ikunu jistgħu jissottomettu tenders eliġibbli. Dokumentazzjoni dwar tenders għandha tintbagħat lill-fornituri jew lill-fornituri ta’ servizzi malli din tintalab;

(d) il-kriterji ta’ għażla għandhom ikunu oġġettivi. Jekk TO ikun jopera sistema ta’ kwalifikazzjoni, din is-sistema għandha topera fuq il-bażi ta’ kriterji definiti minn qabel u oġġettivi u l-proċedura u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni għandhom ikunu disponibbli malli ssir talba;

(e) kriterji ta’ għoti jistgħu jkunu jew l-iktar vantaġġużi ekonomikament, li jinvolvu kriterji ta’ valutazzjoni speċifiċi bħad-data ta’ konsenja jew ta’ tlestija, effikaċja bi proporzjon mal-prezz, kwalità, mertu tekniku, servizz ta’ wara il-bejgħ, impenn fir-rigward ta’ partijiet li jinbidlu, prezz, eċċ, jew l-orħos prezz biss.

L-Artikolu 4

Proċeduri ta’ rikuża

1. Fir-rigward ta’ akkwisti mit-TO tagħhom, il-Partijiet għandhom jipprovdu proċeduri mhux diskriminatorji, fil-ħin, trasparenti u effettivi li jippermettu lill-fornituri u lill-fornituri ta’ servizzi li jisfidaw ksur allegat ta’ dan il-Ftehim li jinqala’ fil-kuntest ta’ akkwisti li fihom huma għandhom, jew kellhom, interess. Proċeduri ta’ sfida li huma kumpatibbli ma’ dawk stipulati fl-Artikolu XX tal-GPA għandhom japplikaw.

2. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-TO tagħhom iżommu dokumentazzjoni relevanti li għandha x’taqsam ma’ l-aspetti kollha tal-proċess li jirrigwarda akkwisti li jaqgħu taħt dan il-Ftehim għal mill-inqas tliet snin.

3. Il-partijiet għandhom jiżguraw ukoll li deċiżjonijiet meħuda minn organi responsabbli fir-rigward ta’ proċeduri ta’ sfida jiġu inforzati b’mod effettiv.

L-Artikolu 5

Bdil ta’ informazzjoni

Safejn dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, il-partijiet għandhom, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jibdlu informazzjoni dwar leġislazzjoni, miżuri oħrajn jew bidliet imminenti li jaffettwaw jew li aktarx jistgħu jaffettwaw il-politika jew prattika ta’ akkwist tat-TO.

L-Artikolu 6

Konsultazzjoni u soluzzjoni ta’ tilwim

1. Il-partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment u, f’kull każ, ta’ mill-inqas darba fis-sena biex jiżguraw li l-Ftehim jitħaddem b’mod adegwat.

2. Meta xi Parti titlob konsultazzjonijiet dwar xi kwistjoni li taffettwa l-ħidma tal-Ftehim, dawn il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux iktar tard minn 30 jum wara d-data ta’ meta tasal it-talba, sakemm ma jkunx hemm ftehim reċiproku kuntrarju bejn il-Partijiet.

3. Jekk xi Parti jidhrilha li xi benefiċċju li jmiss lilha, direttament jew indirettament, taħt dan il-Ftehim ikun qiegħed jiġi nullifikat jew imfixkel minħabba nuqqas min-naħa tal-Parti l-oħra fil-qadi tad-dmrijiet li jirriżultaw minn dan il-Ftehim, hija tista’ titlob konsultazzjonijiet taħt il-paragrafu 2.

4. Fil-każ ta’ tilwima ta’ din ix-xorta, il-partijiet għandhom jaħdmu biex jirrisolvu t-tilwima permezz ta’ konsultazzjonijiet fi żmien tliet xhur mid-data tat-talba inizzjali għall-konsultazzjonijiet. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jista’ jiġi estiż, iżda dan huwa soġġett għal ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

5. Jekk tilwima ma tiġix solvuta permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, kull waħda mill-Partijiet tista’ tirreferi t-tilwima għal arbitraġġ li joħloq rabta, u għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-arbitraġġ. L-elementi essenzjali tal-proċedura ta’ arbitraġġ jinsabu fl-Anness II.

L-Artikolu 7

Aċċess għall-informazzjoni dwar akkwist

1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jikkooperaw bil-għan li jiżguraw li t-tip ta’ informazzjoni ta’ akkwist, partikolarment fir-rigward ta’ avviżi u dokumentazzjoni ta’ tenders, tinżamm fuq id-databases rispettivi tagħhom, tkun paragunabbli fir-rigward ta’ kwalità u aċċessibilità. Bl-istess mod, huma għandhom ukoll jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jikkooperaw bil-għan li jiżguraw li t-tip ta’ informazzjoni mibdula permezz tal-mezzi elettroniċi rispettivi bejn partijiet interessati bl-iskop ta’ akkwist pubbliku tkun paragunabbli fir-rigward ta’ kwalità u aċċessibilità.

2. Waqt li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-kwistjonijiet ta’ interoperabilità u interkonnettività, u wara li jkunu qablu li t-tip ta’ informazzjoni ta’ akkwist imsemmija fil-paragrafu 1 hija paragunabbli, il-Partijiet għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li jkun hemm aċċess reċiproku għal fornituri u fornituri ta’ servizzi tal-parti l-oħra għal informazzjoni relevanti dwar akkwist, bħal avviżi ta’ tenders, miżmuma fuq id-databases rispettivi tagħhom. Għandhom ukoll jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li jkun hemm aċċess reċiproku għal fornituri u fornituri ta’ servizzi tal-parti l-oħra għas-sistemi rispettivi tagħhom ta’ akkwist elettronika, bħal sistema elettronika ta’ sottomissjoni ta’ tenders. Il-partijiet għandhom jikkunsidraw ukoll l-Artikolu XXIV(8) tal-GPA ta’ l-1996.

L-Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1. Dan il-Ftehim qiegħed isir f’dupplikat fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Griega, Ġermaniża, Taljana, Portugiża, Spanjola, Svediża u Koreana, u kull test huwa awtentiku indaqs.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data ta’ meta l-Partijiet jinnTOifikaw lil xulxin li l-proċess ta’ ratifikazzjoni jew konklużjoni jew adozzjoni, skond ir-regoli applikabbli għal kull Parti, ikun tlesta.

3. Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt l-WTO u strumenti multilaterali oħrajn negozjati taħt l-awspiċji tal-WTO.

4. Il-partijiet għandhom jirrevedu l-funzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim bil-għan li jtejbu l-ħidma tiegħu meta dan ikun meħtieġ.

5. Jekk xi Parti tkun tixtieq tirtira mill-Ftehim, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar din l-intenzjoni u l-irtirar għandu jseħħ fi żmien sitt xhur wara d-data ta’ meta tasal in-notifikazzjoni.

6. L-Anness mehmuż mal-Ftehim għandu jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim.

Għall-Komunità Ewropea

+++++ TIFF +++++

Għar-Repubblika tal-Korea

+++++ TIFF +++++

[1] "Fornituri" għandha tiġi interpretata li tfisser fornituri ta’ prodotti u servizzi inċidentali.

[2] Forom ta’ kumpens f’akkwist tal-gvern huma miżuri użati biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp lokali jew biex itejbu l-kontijiet tal-bilanċ ta’ ħlasijiet permezz ta’ kontenut domestiku, liċenzjar ta’ teknoloġija, ħtiġiet ta’ investiment, kontro-kummerċ jew rekwiżiti simili.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Komunità Ewropea

- Belgacom (Belġju)

- Tele Danmark A/S and subsidiaries (id-Danimarka)

- Deutsche Telekom (il-Ġermanja)

- OTE/Hellenic Telecom Organization (Greċja)

- Telefónica de España SA (Spanja)

- Franza Telecom (Franza)

- Telecom Eireann (l-Irlanda)

- Telecom Italia (l-Italja)

- Administration des postes et télécommunications (il-Lussemburgu)

- Koninklijke PTT Nederland NV and subsidiaries [1] (l-Olanda)

- Portugal Telecom and Companhia Portuguesa Rádio Marconi (Portugal)

- British Telecommunications (BT) (ir-Renju Unit)

- City of Kingston upon Hull (ir-Renju Unit)

- Österreichische Post und Telekommunikation (PTT) (l-Awstrija)

- Telecom Finland (Finland)

- Telia (l-Isvezja)

Korea [2]

- Korea Telecom

[1] Ħlief għal PTT Post BV.

[2] Din il-lista għandha tinkludi fil-futur korporazzjonijiet li fihom investa l-gvern, kif definiti mil-liġijiet u mir-regolamenti relevanti Koreani, fir-rigward tax-xiri tagħhom ta' apparat ta' telekomunikazzjonijiet, meta (1) dawn il-korporazzjonijiet huma liċenzjati li jipprovdu servizzi bażiċi ta' telekomunikazzjoni bis-saħħa tas-sustanza u l-kontenut ta' l-Artikolu 5 ta' l-Att dwar Kummerċ fit-Telekomunikazzjonijiet; (2) wieħed mill-iskopiiet ewlenin tal-korporazzjonijiet hu li jipprovdu servizzi ta' telekomunikazzjoni, u (3) l-akkwist mill-korporazzjonijiet hija soġġetta għal-liġijiet u għar-regolamenti tar-Repubblika tal-Korea.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

1. Bord ta' Arbitraġġ għandu jikkonsisti minn tliet membri. Il-parti li tibda proċedimenti ta' arbitraġġ għandha tappunta arbitru u għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar din il-ħatra. Fi żmien 15-il jum minn dan l-avviż, il-Parti l-oħra għandha tappunta t-tieni arbitru.

2. Iż-żewġ arbitri maħtura mill-Partijiet għandhom jaħtru lit-tielet arbitru, magħżul minn lista ta' arbitri potenzjali kompilata mill-Korea u mill-KE, jew għażla każwali minn dik il-lista jekk ikun meħtieġ, fi żmien 15-il jum wara l-ħatra tat-tieni arbitru. It-tielet arbitru m'għandux ikun persuna tan-nazzjonalità ta' xi waħda mill-Partijiet, u għandu jaħdem bħala president tal-bord ta' arbitraġġ.

3. Ebda arbitru m'għandu jkollu interess finanzjarju jew jieħu struzzjonijiet mingħand xi waħda mill-Partijiet.

4. Ir-regoli tal-proċedura ta' arbitraġġ għandhom jiġu stabbiliti flimkien mill-arbitri. Apparti dan, il-proċedura għandha tiżgura li jkun hemm dritt għal ta' mill-inqas smigħ wieħed u għandu jkun hemm ukoll l-opportunità għall-partijiet li jissottomettu argumenti u rifjuti. Sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor, dawn il-laqgħat għandhom iseħħu jew fi Brussel jew f'Seoul.

5. Kull Parti għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-arbitru u tal-preżentazzjoni tagħha, inklużi d-drittijiet legali, fil-proċediment. Il-kumplament ta' l-ispejjeż tal-proċedimenti għandu jinqasam ugwalment bejn il-Partijiet.

6. Il-bord għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' vot b'maġġoranza. Il-Partijiet dejjem iżommu id-dritt li jtemmu l-proċedimenti ta' arbitraġġ f'kull stadju jekk huma jiftehmu hekk billi jinnotifikaw lill-president dwar dan il-ftehim.

7. Fi żmien tliet xhur wara l-ħatra tal-president, il-bord għandu jippubblika rapport li jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta' jekk il-benefiċċji taħt dan il-Ftehim ġewx nullifikati jew imfixkla. Ir-rapport għandu jindika wkoll ir-rimedji xierqa. F'ċirkostanzi straordinarji li jipprevienu lill-bord milli jlesti sat-terminu ta' żmien stipulat, il-partijiet jistgħu jiftehmu li jestendu t-terminu ta' żmien, imma biss safejn dan ikun meħtieġ u, f'kull każ, ma jistax jaqbeż il-180 jum.

8. Il-Partijiet għandhom jimplimentaw ir-rapport tal-bord. Jekk xi waħda mill-Partijiet ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rimedji indikati mill-bord, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien xahar minn meta joħroġ ir-rapport tal-bord. Il-Parti li ma tikkonformax tista’ tipproponi kumpens jew xi azzjoni ta' rimedju oħra lill-Parti l-oħra. Jekk il-Parti l-oħra ma tkunx tista’ taqbel mal-kumpens propost jew ma’ l-azzjoni ta' rimedju oħra fi żmien xahrejn minn meta joħroġ ir-rapport tal-bord, hija tista’ tipproponi lill-bord li jiġu sospiżi jew irtirati benefiċċji ekwivalenti taħt dan il-Ftehim. Din is-sospensjoni jew l-irtirar għandha sseħħ 30 jum wara li tiġi proposta lill-bord, ħlief jekk il-bord ma japprovax din l-azzjoni.

--------------------------------------------------

Ittra inċidentali dwar proċeduri ta' kwalifikazzjoni

Sinjur,

Nirreferi għad-diskussjonijiet riċenti f'Brussel bejn ir-Repubblika tal-Korea ("RoK") u l-Komunità Ewropea (il-"KE") dwar is-suġġett ta' akkwist ta' telekomunikazzjonijiet.

Fir-rigward tal-proċess ta' kwalifikazzjoni tal-bejjiegħa, għandi l-pjaċir li ninfurmak li t-Telekom tal-Korea ("KT") sejra taċċetta l-proposti preliminari għall-kwalifikazzjoni sottomessi mill-fornituri ta' apparat ta' telekomunikazzjoni stabbiliti fil-KE jew fis-sussidjarji Koreani tagħhom ("fornituri KE") mid-data ta' meta il-KE u l-Korea jagħtu bidu għal ftehim bilaterali li jirrigwarda l-akkwist ta' telekomunikazzjonijiet (il-"Ftehim"). Jiena ġejt assikurat mil-KT li hija sejra tuża l-aħjar ħila tagħha biex tillimita l-perjodu ta' żmien meħtieġ biex titwettaq il-proċedura ta' kwalifikazzjoni.

Wara li tirrevedi proposta preliminari ta' kwalifikazzjoni sottomessa minn fornitur tal-KE, jekk il-KT tiddetermina li l-proposta hija aċċettabbli, kemm teknikament kif ukoll ekonomikament il-KT għandha tidħol f'diskussjonijiet mal-fornitur li jkun qiegħed jagħmel il-proposta u għandha titolbu li jippreżenta applikazzjoni formali ta' kwalifikazzjoni. Jekk il-KT issib li l-proposta preliminari hija inaċċettabbli, il-KT għandha tispjega lill-fornitur bil-miktub ir-raġunijiet għar-rifjut.

Addizzjonalment, il-KT tista’ taħt il-proċeduri ta' kwalifikazzjoni tagħha tillimita n-numru ta' fornituri għall-kuntratt ta' akkwist jekk numru eċċessiv ta' fornituri jista’ jirriżulta f'nuqqas ta' kumpatibbilità, diffikultajiet tekniċi jew spejjeż mhux proporzjonati fl-operat tal-KT u fil-manutenzjoni tas-sistema interkonnessa. Din il-limitazzjoni ta' fornituri, madanakollu, ma tistax issir bil-għan li tiġi evitata kompetizzjoni massima possibbli, jew f'manjiera li tista’ tikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni kontra fornituri tal-KE, jew ħarsien għall-produtturi jew fornituri domestiċi.

--------------------------------------------------

Minuti li dwarhom hemm qbil ta’ l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-akkwist ta’ telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

Il-plenipotenzjarji taż-żewġ Partijiet illum iffirmaw il-Ftehim dwar akkwist ta’ telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea u ftiehmu dwar dan li ġej:

1. Dwar proċeduri ta’ akkwist, kwalifikazzjoni u rikuża

Fir-rigward tal-Ftehim dwar akkwist minn operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet, iż-żewġ partijiet jaqblu li l-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Ftehim jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist, kwalifika u sfida kumpatibbli mal-GPA ta’ l-1996. Fir-rigward tal-KE, il-proċeduri ta’ kwalifika u ta’ akkwist stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, enerġija, trasport u telekomunikazzjonijiet (ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84) jaderixxu ma’ dan ir-rekwiżit. Il-KE tikkonferma li l-proċeduri ta’ akkwist ta’ t-TO tal-KE huma soġġetti għal din id-Direttiva [1].

Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ kwalifikazzjoni, iż- żewġ Partijiet jaqblu li t-TO jistgħu jillimitaw in-numru ta’ fornituri li jikkwalifikaw meta dan jista’ jwassal għan-nuqqas ta’ kumpatibbiltà, diffikultà teknika jew spejjeż mhux proporzjonati fit-tħaddim u fil-manutenzjoni tas-sistemi interkonnessi tagħhom. Din il-limitazzjoni ta’ fornituri, madankollu, ma tistax issir bil-għan li tiġi evitata kompetizzjoni massima possibbli, jew f’manjiera li tista’ tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni kontra fornituri tal-Parti l-oħra, jew ħarsien għal fornituri domestiċi.

Apparti dan, fir-rigward tal-KE, il-proċeduri ta’ sfida stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni ta’ regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 76, tat-23.3.1992, p. 14) huma kumpatibbli ma’ l-Artikolu 4 tal-Ftehim.

Iż- żewġ Partijiet jaqblu wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(6) dwar speċifikazzjonijiet tekniċi huma kumpatibbli ma’l-Artikolu VI tal-GPA.

2. Dwar trattament nazzjonali

Iż-żewġ Partijiet jikkonfermaw li l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet tal-KE u tar-Repubblika tal-Korea, kif annessi ma’ dan il-Ftehim, ma jitrattawx lill-fornituri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni tal-Parti b’mod inqas favorevoli minn fornituri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni domestiċi għal kuntratti, jew serje ta’ kuntratti, l fuq minn limitu minimu ta’ SDR 130000.

Dan il-limitu minimu jista’ jiġi rivedut fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

3. Waqt l-istatus ta’ fornituri Koreani taħt l-Artikolu 36 tad-Direttiva ta’ Akkwist ta’ Utilitajiet

Il-Komunità Ewropea (KE) tinforma li, b’riżultat tal-konklużjoni riċenti tal-ftehim bilaterali Korea-KE dwar l-akkwist minn operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet, fornituri Koreani mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar Akkwist ta’ Utilitajiet fir-rigward ta’ l-akkwist mill-operaturi Ewropej ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva malli l-ftehim bilaterali Korea-KE jidħol fis-seħħ.

Ir-Repubblika tal-Korea

+++++ TIFF +++++

Il-Komunità Ewropea,

+++++ TIFF +++++

[1] L-arranġamenti transitorji għall-Portugall u għall-Greċja japplikaw, kif imsemmi fl-Artikolu 1(5) tal-Ftehim.

--------------------------------------------------

MEMORANDUM

1. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-GATT 1994, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Komunit Ewropea ("KE") jikkonfermaw li akkwist minn operaturi ta' telekomunikazzjonijiet privati għandhom isiru indipendentement u għandhom isiru skond il-kunsiderazzjonijiet kummerċjali ta' kull operatur, minkejja l-oriġini ta' l-oġġetti u tal-fornituri.

2. Jekk tqum xi problema f'dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Korea u l-KE jaqblu li jikkonsultaw lil xulxin regolarment fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet. Jekk problema ta' din ix- xorta ma tiġix riżolta permezz ta' konsultazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Korea u l-KE jaqblu li jirrikorru għas-soluzzjoni ta' tilwim provduta mill-WTO.

3. Jekk ir-Repubblika tal-Korea jew il-Komunità Ewropea jagħtu benefiċċji addizzjonali li jirrigwardaw l-akkwist minn operaturi privati lil parti terza oħra, dawk il-benefiċċji għandhom jiġu estiżi lill-Komunità Ewropea jew lir-Repubblika tal-Korea, sakemm il-Komunità Ewropea jew ir-Repubblika tal-Korea jagħtu l-istess trattament fuq bażi reċiproka.

Ir-Repubblika tal-Korea

+++++ TIFF +++++

il-Komunitajiet Ewropej

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top