EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014R0515-20200328
Regulation (EU) No 515/2014 of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 establishing, as part of the Internal Security Fund, the instrument for financial support for external borders and visa and repealing Decision No 574/2007/EC
Consolidated text: Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE
Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE
02014R0515 — MT — 28.03.2020 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) Nru 515/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 150 20.5.2014, p. 143) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2018/1240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta’ Settembru 2018 |
L 236 |
1 |
19.9.2018 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/446 tal-15 ta’ Ottubru 2019 |
L 94 |
3 |
27.3.2020 |
REGOLAMENT (UE) Nru 515/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ April 2014
li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Skop u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument għall-appoġġ finanzjajru għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża (“l-Istrument”) bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”).
Flimkien mar-Regolament 513/2014, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 Diċembru 2020.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
l-objettivi tal-appoġġ finanzjarju u l-azzjonijiet eliġibbli;
il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli;
ir-riżorsi disponibbli taħt l-Istrument mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u d-distribuzzjoni tagħhom;
l-ambitu u l-għan tal-mezzi speċifiċi differenti li permezz tagħhom l-infiq għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tal-politika komuni dwar il-viża jiġi ffinanzjat.
3. Dan ir-Regolament jipprovdi għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri tal-baħar u l-ajruporti tagħhom, il-portijiet tax-xmajjar, il-portijiet tal-baħar u l-portijiet tal-lagi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, kemm jekk il-fruntieri jkunux temporanji u kemm jekk le;
“standards komuni tal-Unjoni” tfisser l-applikazzjoni ta’ miżuri operazzjonali b’mod komuni u mhux frammentat sabiex jinkiseb livell għoli u uniformi ta’ sigurtà fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u l-viża f’konformita’ marl-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), il-katalgu ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-Manwal Prattiku għall-gwardjani tal-fruntieri, il-Manwal dwar il-viżi, il-Manwal ta’ EUROSUR u kull Regolament u linji gwida oħrajn li għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna l-kontroll tal-fruntieri u l-viża.
“fruntieri esterni temporanji” tfisser:
il-fruntiera komuni bejn Stat Membru li jkun qed jimplimenta b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen u Stat Membru marbut li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Att tal-Adeżjoni tiegħu, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzah japplika b’mod sħiħ dak l-acquis ma tkunx daħlet fis-seħħ;
il-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri marbuta li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Atti tal-Adeżjoni rispettivi tagħom, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzahom biex japplikaw b’mod sħiħ dak l-acquis tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ;
“punt tal-qsim tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe punt tal-qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim tal-fruntieri esterni kif notifikat skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006;
“mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen” tfisser il-verifika tal-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1053/2012;
“sitwazzjoni ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjoni li tirriżulta minn pressjoni urġenti u eċċezzjonali meta numru kbir ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi qed jaqsmu jew ikunu mistennija li jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza oħra ġustifikata kif xieraq li tkun teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni;
“sezzjoni ta’ fruntieri esterni” tfisser il-fruntiera esterna ta’ Stat Membru fuq l-art jew fil-baħar kollha jew parti minnha kif stabbilit mil-liġi nazzjonali jew kif determinat miċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe awtorità nazzjonali responsabbli għall-iskop tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013.
Artikolu 3
Objettivi
1. L-objettiv ġenerali tal-Istrument għandu jkun li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, permezz ta’ livell uniformi u għoli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen, b’konformità mal-impenn tal-Unjoni għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.
2. Fi ħdan l-objettiv ġenerali stabbilit fl-ewwel paragrafu, l-Istrument għandu jikkontribwixxi - f’ konformita’ mal-prijoritajiet definiti fl-istrateġiji, programmi, valutazzjonijiet tat-theddid u valutazzjonijiet tar-riskju relevanti tal-Unjoni - għal kisba ta’l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
l-appoġġ għal politika komuni dwar il-viża għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-għoti ta’ servizz ta’ kwalità għolja għall-applikanti għall-viża, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali;
l-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri integrati, inkluża l-promozzjoni ta’ aktar armonizzazzjoni ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards komuni tal-Unjoni u permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell uniformi u għoli ta’ kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż permezz tal-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen, filwaqt li jiġi garantit l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha, skont l-obbligi kkuntrattati mill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement.
Il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-Istrument għandha tiġi vvalutata skont it-termini tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 514/2014 bl-użu ta’ indikaturi komuni kif stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u indikaturi speċifiċi għall-programmi inklużi fil-programmi nazzjonali.
3. Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istrument għandu jikkontribbwixxi għall-objettivi operattivi li ġejjin:
il-promozzjoni tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki bl-għan li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni u li jitwettqu kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;
l-istabbiliment b’mod gradwali ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni, abbażi tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, b’mod partikolari permezz ta’:
ir-rinfurzar tal-kotrolli fuq il-fruntieri esterni u s-sistemi ta’ sorveljanza u tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bejn awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri, id-dwana, tal-migrazzjoni, tal-asil u tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni, inkluż fiż-żona tal-fruntiera tal-baħar;
miżuri fit-territorju relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-miżuri neċessarji ta’ akkumpanjament dwar is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-identità u l-interoperabilità tat-tagħmir tekniku miksub;
kwalunkwe miżura li tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni relatata mal-moviment ta’ persuni, inkluż it-traffikar tal-persuni u l-kuntrabandu tal-bnedmin;
il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza, u ta’ forom differenti ta’ kooperazzjoni konsulari sabiex ikunu żgurati kopertura konsulari aħjar u prattiki armonizzati dwar il-ħruġ tal-viżi;
it-twaqqif u t-tħaddim ta’ sistemi tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir li jappoġġa fil-l-politika komuni dwar il-viżi, il-kontrolli fuq il-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u b’rispett sħiħ tal-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali;
it-tisħiħ ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri;
l-iżgurar tal-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-acquis tal-UE dwar il-fruntieri u l-viża, inkluż il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ Schengen;
it-tisħiħ tal-azzjonijiet mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-flussi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’dak ir-rigward b’koerenza sħiħa mal-objettivi u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-politika umanitarja.
4. L-azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument għandhom jiġu implimentati b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. B’mod partikolari, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-prinċipju tat-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-dritt għall-asil u l-protezzjoni nazzjonali, il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri li jirriżulataw mill-istrumenti internazzjonali li huma firmatarji tagħhom, bħall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.
B’mod partikolari, kull meta jkun possibbli, għandha tingħata attenzjoni speċjali mill-Istati Membri meta jimplimentaw azzjonijiet għall-identifikazzjoni, l-assistenza immedjata u r-riferiment lis-servizzi ta’ protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari tfal u minuri mhux akkumpanjati.
5. Meta jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument li huma relatati mas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-obbligi tagħhom skont id-dritt marittimu internazzjonali sabiex jassistu lill-persuni f’diffikultà. F’dak ir-rigward, it-tagħmir u s-sistemi appoġġati taħt l-Istrument jistgħu jintużaw biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jinqalgħu waqt operazzjoni ta’ sorveljanza tal-fruntiera fil-baħar, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-protezzjoni u biex isalvaw il-ħajjiet tal-migranti.
6. Dan l-istrument għandu jikkontribwixxi wkoll għall-iffinanzjar ta’ assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Artikolu 4
Azzjonijiet eliġibbli
1. Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u skont mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri jew minnhom, u b’mod partikolari dawn li ġejjin:
l-infrastrutturi, il-bini u s-sistemi meħtieġa f’punti tal-qsim tal-fruntieri u għas-sorveljanza bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri biex jiġu evitati u indirizzati l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera kif ukoll jiġu ggarantiti flussi tal-ivvjaġġar mingħajr xkiel;
it-tagħmir operattiv, il-mezzi tat-trasport u s-sistemi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-kontroll effettiv u sikur tal-fruntieri u t-tisjib ta’ persuni;
sistemi tal-IT u tal-komunikazzjoni għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri, inklużi investimenti f’sistemi eżistenti u futuri;
l-infrastrutturi, il-bini, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u tal-IT u t-tagħmir operattiv meħtieġa għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viżi u l-kooperazzjoni konsulari, kif ukoll azzjonijiet oħra mmirati biex itejbu l-kwalità tas-servizz lill-applikanti għall-viżi;
taħriġ fl-użu tat-tagħmir u s-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) u l-promozzjoni ta’ standards għall-ġestjoni tal-kwalità u t-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri, inkluż fejn xieraq f’pajjiżi terzi, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom ta’ sorveljanza, konsulenza u kontroll f’konformità -mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ traffikar tal-bniedem u t-traffikar ta’ persuni;
sekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament responsabbli mis-settur tal-immigrazzjoni u konsulenti dwar dokumenti f’pajjiżi terzi u l-iskambju u s-sekondar ta’ gwardjani tal-fruntieri bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz;
studji, taħriġ, proġetti pilota u azzjonijiet oħrajn li gradwalment jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni kif imsemmi fl-Artikolu 3(3), inklużi azzjonijiet immirati biex iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jew fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom u azzjonijiet marbutin mal-interoperabilità u l-armonizzazzjoni ta’ sistemi għall-ġestjoni tal-fruntieri;
studji, proġetti pilota u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni.
2. Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif jiddisponi l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’ konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, dan l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi u b’mod partikolari dawn li ġejjin:
sistemi tal-informazzjoni, għodod jew tagħmir għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;
azzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, inklużi operazzjonijiet konġunti;
proġetti f’pajjiżi terzi bil-għan tat-titjib tas-sistemi ta’ sorveljanza biex tkun żgurata l-kooperazzjoni ma’ EUROSUR;
studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jipprovdu kompetenza teknika u operattiva lill-pajjiżi terzi;
studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki, li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet f’pajjiżi terzi u dawk relatati magħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
3. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) m’għandhomx ikunu eliġibbli fil-fruntieri esterni temporanji.
4. L-azzjonijiet marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja u eċċezzjonali ta’ kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni kif imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen m’għandhomx ikunu eliġibbli.
5. L-azzjonijiet li l-għan esklużiv jew l-effett tagħhom huwa l-kontroll tal-prodotti m’ għandhomx ikunu eliġibbli.
KAPITOLU II
QAFAS FINANZJARJU U TA’ IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 5
Riżorsi globali u implimentazzjoni
1. Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Istrument għandhom jammontaw għal EUR 2 760 miljun f’prezzijiet attwali.
2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.
3. Ir-riżorsi globali għandhom jiġu implimentati bil-mezzi li ġejjin:
programmi nazzjonali, skont l-Artikoli 9 u 12;
appoġġ operattiv, fil-qafas tal-programmi nazzjonali u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10;
l-Iskema ta’ Transitu Speċjali, skont l-Artikolu 11;
azzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 13;
assistenza ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 14;
l-implimentazzjoni ta’ programm għat-twaqqif ta’ sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15;
assistenza teknika skont l-Artikolu 16.
4. Il-baġit allokat taħt dan l-Istrument lill-azzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, lill-assistenza ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament u lill-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta b’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u; fejn adatt, taħt ġestjoni indiretta b’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Il-baġit allokat lill-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9, lill-appoġġ operattiv imsemmi fl-Artikolu 10 u lill-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali msemmija fl-Artikolu 11, għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża b’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Il-baġit allokat lil pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta skont il-punt (c)(i) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Il-metodu(i) ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandhom jiġu stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni soġġett għall-adozzjoni tagħhom.
5. Ir-riżorsi globali għandhom jintużaw kif ġej:
EUR 1 551 miljun għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri;
EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni, prevja l-adozzjoni tal-atti isleġislattivi rilevanti tal-Unjoni;
Fejn dak l-ammontma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att delegat b’konformità mal-Artikolu 17, tallokah mill-ġdid lil attività waħda jew aktar imsemmija fil-punti (b) u (c) fl-Artikolu 6(1) u l-punt (d) ta’ dan il-paragrafu. Dak l-att delegat għandu jinkludi valutazzjoni tal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-IT rilevanti inklużi l-implimentazzjoni tal-baġit u l-ammonti mhux minfuqa previsti. Dik l-allokazzjoni mill-ġdid tista’ sseħħ wara l-adozzjoni tal-atti leġislattivi rilevanti jew fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu imsemmija fl-Artikolu 8.
EUR 154 miljun għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali;
EUR 264 miljun għall-azzjonijiet tal-Unjoni, l-assistenza ta’ emerġenza u l-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li minnhom tal-anqas 30 % għandhom jintużaw għall-azzjonijiet tal-Unjoni.
6. Flimkien mar-riżorsi globali stabbiliti għar-Regolament (UE) Nru 513/2014 ir-riżorsi globali disponibbli għal dan l-Istrument kif stabbiliti fil-paragrafu 1, jikkostitwixxu l-pakkett finanzjarju għall-Fond u jservu bħala r-referenza ewlenija fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja ( 6 ), għall-Parlament Ewropew u il-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali..
7. Il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Istrument skont dan ir-Regolament.
Għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għal l-Istrument u r-regoli supplimentari meħtieġa għat-tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u s-setgħa tal-verifika tal-Qorti tal-Awdituri.
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għandhom jiżdiedu mar-riżorsi globali disponibbli mill-baġit tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 6
Riżorsi għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri
1. EUR 1 551 miljun għandhom jiġu allokati għall-Istati Membri b’mod indikattiv kif ġej:
EUR 1 276 miljun, kif indikat fl-Anness I;
EUR 147 miljun, ibbażati fuq ir-riżultati tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7;
fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 8 u għall-perjodu mis-sena baġitarja 2018, EUR 128 miljun, il-bqija tal-approprjazzjonijiet disponibbli taħt dan l-Artikolu jew ammont ieħor, kif determinat skont il-paragrafu 2, ibbażati fuq ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju u r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu.
2. Kull Stat Membru għandu jalloka l-ammonti bażiċi għall-programmi nazzjonali indikati fl-Anness I kif ġej:
tal-anqas 10 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (a) tal-Artikolu 9(2);
tal-anqas 25 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (b) tal-Artikolu 9(2)(b);
tal-anqas 5 % għall-azzjonijiet relatati mal-punti (c), (d), (e) u (f)tal-Artikolu 9(2).
L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dawn il-perċentwali minimi jekk tiġi inkluża spjegazzjoni fil-programm nazzjonali dwar kif l-allokazzjoni ta’ riżorsi taħt dawk il-perċentwali minimi ma tippreġudikax l-ksib tal-objettiv rilevanti. Din l-ispjegazzjoni tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tagħha tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(2).
3. L-Istati Membri għandhom jallokaw il-finanzjament meħtieġ lil EUROSUR biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tagħha.
3a. Matul il-fażi ta’ żvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), l-Istati Membri għandhom jirċievu allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 96,5 miljun mal-allokazzjoni bażika tagħhom u għandhom jallokaw dawn il-fondi kompletament lill-ETIAS biex ikun żgurat l-iżvilupp rapidu u effettiv tagħha konsistenti mal-implimentazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).
4. Biex tindirizza b’mod xieraq l-objettivi tal-Istrument fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew ġodda u/jew biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament disponibbli taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex taġġusta l-ammont indikattiv stabbilit fil-punt(c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu..
5. L-Istati Membri li jidħlu fl-Unjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2020 m’għandhomx jibbenefikaw mill-allokazzjonijiet għall-programmi nazzjonali taħt l-Istrument sakemm dawn jibbenefikaw minn strument temporanju tal-Unjoni li jappoġġa lill-Istati Membri benefiċjarji biex jiffinanzjaw azzjonijiet fi fruntieri esterni ġodda għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri u l-viża u l-kontroll tal-fruntieri esterni.
Artikolu 7
Riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi
1. L-Istati Membri jistgħu, minbarra l-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata skont il-paragrafu 6(1)(a), jirċievu ammont addizzjonali, sakemm ikun allokat bħala tali fil-programm nazzjonali u għandu jintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 għar-reviżjoni tal-Anness II, jekk jitqies xieraq, anki fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Fuq il-bażi tal-azzjonijiet speċifiċi ġodda, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont ir-riżorsi disponibbli.
3. L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.
Artikolu 8
Riżorsi fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu
1. Sabiex jiġi allokat l-ammont indikat fl-Artikolu 6(1)(c), sal-1 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni għandha tqis il-piż tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jseħħu matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri fil-baħar u rapport ta’ evalwazzjoni mfassla bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ ta’ Schengen, u l-livelli ta’ theddid fil-fruntieri esterni għall-perjodu 2017-2020 kif ukoll fatturi li affettwaw is-sigurtà fil-fruntieri esterni fl-2014-2016. Dak l–ammont għandu jinqasam bejn l-Istati Membri abbażi tal-piż tal-kategoriji ta’ fruntieri li ġejjin, b’kont meħud tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu:
45 % għall-fruntieri marittimi esterni;
38 % għall-fruntieri fuq l-art esterni;
17 % għall-ajruporti.
2. Għall-fruntieri esterni fuq il-baħar u fuq l-art, il-kalkolu tal-ammont għandu jkun ibbażat fuq it-tul tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna mmultiplikat minn livell ta’ theddid (minimu, normali, medju, għoli) għal kull sezzjoni tal-fruntiera, kif ġej:
koeffiċjent 0,5 għal livell ta’ theddid minimu;
koeffiċjent 1 għal livell ta’ theddid normali;
koeffiċjent 3 għal livell ta’ theddid medju;
koeffiċjent 5 għal livell ta’ theddid għoli.
3. Għall-ajruporti, l-allokazzjoni għandha tiġi kkalkolata għal kull Stat Membru kif ġej:
50 % abbażi tan-numru ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;
50 % abbażi tan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna;
4. B’konformità mar-rapport ta’ analiżi tar-riskju tal-Aġenzija Frontex u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, u, fejn rilevanti, ma’ aġenziji tal-Unjoni oħrajn, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livelli ta’ theddid għal kull sezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2017 sal-2020. Il-livelli ta’ theddid għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturi li ġejjin:
il-piż tal-ġestjoni tal-fruntiera fil-fruntieri esterni;
il-fatturi li affettwaw is-sigrutà fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri fil-perjodu mill-2014 sal-2016;
bidliet fil-politiki tal-Unjoni, pereżempju politiki dwar il-viżi;
tendenzi futuri possibbli fi flussi migratorji u riskji ta’ attivitajiet illegali relatati mal-qsim irregolari ta’ persuni fil-fruntieri esterni; u
l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali probabbli f’pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien.
Qabel toħroġ ir-rapport tagħha li jiddetermina l-livelli ta’ theddid, il-Kummissjoni għandu jkollha skambju ta’ fehmiet mal-Istati Membri.
5. Għall-fini tad-distribuzzjoni tar-riżorsi taħt il-paragrafu 1:
il-linja bejn iż-żoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 ( 8 ), iżda mhux it-tul tal-fruntiera marittima fit-Tramuntana ta’ dik il-linja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għalkemm ma tikkostitwixxix fruntiera esterna fuq l-art, sakemm jibqa’ applikabbli l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru mal-Att ta’ Adeżjoni 2003;
l-espressjoni “fruntieri marittimi esterni” tfisser il-limitu estern tal-baħar territorjali tal-Istati Membri kif definit skont l-Artikoli 4 sa 16 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Madankollu, f’każijiet fejn huma meħtieġa operazzjonijiet fuq distanza twila fuq bażi regolari sabiex jiġi impedit il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, dik l-espressjoni għandha tfisser il-limitu estern ta’ żoni b’livell għoli ta’ theddid. Dawk il-limiti esterni għandhom ikunu determinati billi jittieħed kont tad-data relevanti dwar dawn l-operazzjonijiet fl-2014-2016 kif ipprovdut mill-Istati Membri inkwistjoni.
6. Barra minn hekk, wara stedina mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri jistgħu jirċievu allokazzjoni addizzjonali, sakemm tkun allokata bħala tali fil-programm nazzjonali, u tintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni f’dak iż-żmien.
7. L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati f’deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.
Artikolu 9
Programmi nazzjonali
1. Il-programm nazzjonali li għandu jiġi ppreparat, filwaqt li jitqies l-eżitu tad-djalogu politiku msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, taħt l-Istrument u dak li għandu jiġi ppreparat taħt ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni bħala programm nazzjonali wieħed għall-Fond u skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514./2014.
2. Taħt il-programmi nazzjonali, li għandhom jiġu eżaminati u approvati skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Istati Membri għandhom, fil-limiti tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u b’kont meħud tal-eżitu tad-djalogu dwar il-politika msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru514/2014, isegwu b’mod partikolari objettivi minn dan li ġej:
l-iżvilupp ta’ EUROSUR skont il-liġi u l-linji gwida tal-Unjoni;
l-appoġġ u l-espansjoni tal-kapaċità eżistenti fil-livell nazzjonali fil-politika dwar il-viża u fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, kif ukoll appoġġ u espansjoni ta’ miżuri fi ħdan il-qasam tal-moviment liberu relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari, it-teknoloġija ġdida, żviluppi u/jew standards fir-rigward tal-ġestjoni tal-flussi migratorji;
l-appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-ġestjoni tal-flussi migratorji minn servizzi konsulari u oħrajn tal-Istat Membru f’pajjiżi terzi, inkluż it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bil-ħsieb li jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali fl-Unjoni;
it-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri bl-ittestjar u l-introduzzjoni ta’ għodod ġodda, sistemi interoperabbli u metodi ta’ ħidma li jimmiraw li jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni fl-Istat Membru jew li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji;
l-iżvilupp ta’ proġetti bil-għan li jiżguraw livell uniformi u għoli ta’ kontroll tal-fruntiera esterna b’konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni u bl-għan li jżidu l-interoperabilità ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri;
l-appoġġ ta’ azzjonijiet, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, immirati għall-promozzjoni ulterjuri tal-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri u b’mod partikolari l-kapaċitajiet teknoloġiċi, b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni;
l-iżgurar tal-applikazzjoni korretta u uniformi tal-acquis tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri u l-viża b’reazzjoni għan-nuqqasijiet identifikati fil-livell tal-Unjoni, kif muri fir-riżultati stabbiliti fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u tal-monitoraġġ ta’ Schengen;
il-bini tal-kapaċità biex ikunu ffaċċjati l-isfidi li ġejjin inkluż theddid preżenti u futur u l-pressjonijiet fil-fruntieri esterni, filwaqt li b’mod partikolari jittieħed kont tal-analiżi mwettqa mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.
3. B’segwitu għall-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw azzjonijiet f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom taħt il-programmi nazzjonali tagħhom, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Aġenzija Frontex dwar l-abbozzi ta’ programmi nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri, u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-appoġġ operatttiv sabiex tiġi żviluppata l-komplementarjetà bejn il-missjoni tal-Aġenzija Frontex u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi evitat in-nuqqas ta’ effiċjenza.
Artikolu 10
Appoġġ operattiv taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri
1. Stat Membru jista’ juża sa 40 % tal-ammont allokat taħt dan l-istrument għall-programm nazzjonali tiegħu biex jiffinanzja l-appoġġ operattiv lill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-twettiq tal-karigi u s-servizzi li jikkostitwixxu servizz pubbliku għall-Unjoni.
2. L-appoġġ operattiv għandu jiġi pprovdut meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati mill-Istat Membru kkonċernat:
konformità mal-acquis tal-Unjoni dwar il-fruntieri u l-viżi;
konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali;
konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jiġu evitati d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza fl-ispejjeż fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri.
3. Għal dak il-għan, qabel l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni tal-linja bażi fl-Istati Membri li jkunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu appoġġ operattiv, filwaqt li jittieħed kont, fejn rilevanti, tar-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ Schengen.
Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ skambju ta’ fehmiet mal-Istat Membru kkonċernat.
Wara dan l-iskambju ta’ fehmiet, l-aċċettazzjoni ta’ appoġġ baġitarju fi ħdan il-programm nazzjonali ta’ Stat Membru tista’ ssir kondizzjonali wara l-ipprogrammar u t-tlestija ta’ numru ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jintlaħqu bis-sħiħ saż-żmien meta l-appoġġ baġitarju jiġi pprovdut.
4. L-appoġġ operattiv għandu jkun iffokat fuq karigi speċifiċi u/jew servizzi u għandu jkun iffokat fuq l-għanijiet stabbiliti fl-Anness III. Dan għandu jinkludi rimborż sħiħ tal-infiq li jirriżulta mit-twettiq tad-dmirijiet u/jew servizzi definiti fil-programm nazzjonali, fi ħdan il-limiti finanzjarji stabbilit mill-programm u l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1.
5. L-appoġġ operattiv għandu jkun is-suġġett ta’ monitoraġġ u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ referenza f’dak l-Istat Membru, l-objettivi u l-miri li għandhom jintlaħqu u l-indikaturi li jkejlu l-progress.
6. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġamenti prattiċi oħra li għandhom isiru bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 11
Appoġġ operattiv għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali
1. Dan l-istrument għandu jipprovdi appoġġ biex jikkumpensa għall-ħlasijiet mitlufa mill-viżi maħruġa għall-fini tal-ispejjeż tat-transitu u addizzjonali li jkunu saru fl-implimentazzjoni tal-iskema tad-Dokument ta’ Transitu Faċilitat (FTD) u d-Dokument ta’ Transitu Ferrovjarju Faċilitat (FRTD) skont ir-Regolament (KE) Nru 693/2003 u Regolament (KE) Nru 694/2003.
2. Ir-riżorsi allokati lil-Litwanja skont il-paragrafu 1 m’għandhomx jaqbżu EUR 154 miljun għall-perjodu 2014-2020 u għandhom isiru disponibbli bħala appoġġ operattiv speċifiku addizzjonali għal-Litwanja.
3. Għall-fini tal-paragrafu 1, spejjeż addizzjonali tfisser spejjeż li jirriżultaw direttament mir-rekwiżiti speċifiċi tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni tal-iskema ta’ transitu speċjali u li ma jkunux iġġenerati minħabba l-ħruġ ta’ viżi għall-fini ta’ transitu jew skopijiet oħra.
It-tipi li ġejjin ta’ spejjeż addizzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:
investiment f’infrastrutturi;
taħriġ ta’ persunal li jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali;
spejjeż operattivi addizzjonali, inklużi s-salarji tal-persunal li speċifikament jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali.
4. Il-ħlasijiet mitlufa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-livell tal-ħlasijiet tal-viża u r-rinunzji tal-ħlas tal-viża stabbiliti bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa ( 9 ), fil-qafas finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
5. Il-Kummissjoni u l-Litwanja għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fl-eventwalità ta’ bidliet li jkollhom impatt fuq l-eżistenza u/jew il-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali.
6. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġament prattiku finanzjarju u oħrajn li jsiru bejn il-Litwanja u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).
7. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali l-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti speċifiċi ta’ ħlas interim li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.
Artikolu 12
Programmazzjoni konformi mar-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen
Wara rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, kif adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina, flimkien mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, kif jiġu indirizzati s-sejbiet, inklużi kwalunkwe nuqqasijiet, u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-programm nazzjonali tiegħu.
Fejn meħtieġ, Stat Membru għandu jirrevedi l-programm nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 14(9) tar-Regolament (KE) Nru 514/2014 biex iqis il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.
Il–finanzjament tal-azzjonijiet korrettivi għandu jkun prijorità. Fi djalogu mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, l-Istat Membru kkonċernat għandu jalloka mill-ġdid ir-riżorsi taħt il-programm tiegħu, inklużi dawk programmati għall-appoġġ operattiv, u/jew jintroduċi jew jemenda azzjonijiet li għandhom l-għan li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet skont is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen.
Artikolu 13
Azzjonijiet tal-Unjoni
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, dan l-istrument jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess partikolari għall-Unjoni (“azzjonijiet tal-Unjoni”) rigward l-objettivi ġenerali u operazzjonali speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.
2. Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari jsegwu l-objettivi li ġejjin:
jappoġġaw l-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, amministrattivi u tekniċi, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-fruntieri esterni u dwar il-viżi, inkluż biex isaħħu l-governanza taż-żona Schengen billi jiżviluppaw u jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari n-nefqa tal-missjoni għall-esperti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li jipparteċipaw fi żjarat fuq il-post;
itejbu l-għarfien u l-fehim tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi permezz tal-analiżi, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ mill-qrib tal-politiki;
jappoġġaw l-iżvilupp ta’ għodod statistiċi, inklużi għodod statistiċi komuni, metodi u indikaturi komuni;
jappoġġaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fl-Istati Membri, u jevalwaw l-effikaċja u l-impatt tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, sa fejn huwa kkonċernat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrument;
jippromwovu n-networking, it-tagħlim reċiproku, l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki u ta’ approċċi innovattivi fost partijiet interessati differenti fil-livell Ewropew;
jippromwovu proġetti mmirati lejn l-armonizzazzjoni u l-interoperabilità ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni bl-għan li tiġi żviluppata sistema Ewropea għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri;
iżidu l-għarfien dwar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fost il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali, inkluża komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni;
iqawwu l-kapaċità tan-netwerks Ewropej biex jivvalutaw, jippromwovu, jappoġġaw u jiżviluppaw aktar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni;
jappoġġaw proġetti partikolarment innovattivi li jiżviluppaw metodi u/jew teknoloġiji ġodda b’potenzjal ta’ trasferibbiltà lejn Stati Membri oħra, speċjalment proġetti li għandhom l-għan li jittestjaw u jivvalidaw proġetti ta’ riċerka;
jappoġġaw azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 4(2).
3. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru. 514/2014.
Artikolu 14
Assistenza ta’ emerġenza
1. L-Istrument għandu jipprovdi assistenza finanzjarja biex ikunu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2.
2. L-assistenza ta’ emerġenza għandha tiġi implimentata skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 15
L-istabbiliment ta’ programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT
Il-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, abbażi ta’ sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandu jiġi implimentat prevja l-adozzjoni tal-atti leġislattivi tal-Unjoni li jiddefinixxu dawk is-sistemi tal-IT u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li tittejjeb il-ġestjoni u l-kontroll ta’ flussi ta’ ivvjaġġar fil-fruntieri esterni billi jissaħħu l-kontrolli filwaqt li jsir aktar mgħaġġel il-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi regolari. Fejn xieraq, għandhom jinstabu sinerġiji mas-sistemi eżistenti ta’ IT sabiex jiġi evitat l-infiq doppju.
It-tqassim tal-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) għandu jiġi definit jew fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni jew, insegwitu tal-adozzjoni ta’ dawk l-atti leġislattivi, permezz ta’ att delegat b’mod konformi mal-Artikolu 17.
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi ta’ IT mill-anqas darba fis-sena u kull meta jkun xieraq.
Artikolu 16
Assistenza teknika
1. Fuq inizjattiva u/jew f’isem il-Kummissjoni, l-istrument jista’ annwalment jikkontribwixxi sa EUR 1,7 miljun għall-assistenza teknika għall-Fond skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
2. Fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, il-Fond jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ assistenza teknika skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. L-ammont riżervat għall-assistenza teknika m’għandux ikun iżjed, għall-perjodu mill-2014 sal-2020, minn 5 % tal-ammont totali allokat lil Stat Membru li miegħu jiżdiedu EUR 500 000 .
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandha tkun mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu tal-21 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodu ta’ tliet snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin.
3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 18
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat tal-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna” stabbilit mill-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 19
L-applikabbiltà tar-Regolament (UE) Nru 514/2014
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandhom japplikaw għall-Istrument.
Artikolu 20
Revoka
Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha tiġi revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.
Artikolu 21
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti u l-programmi annwali sal-għeluq tagħhom jew l-assistenza finanzjarja approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013.
2. Meta jiġu adottati deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tqis il-miżuri adottati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE qabel l-20 ta' Mejju 2014 li jkollhom riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dak il-kofinanzjament.
3. Is-somom impenjati għall-kofinanzjament approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2014 li għalihom id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-azzjonijiet ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport finali għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li jagħtu lok għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsin indebitament.
4. L-ammonti relatati mal-azzjonijiet li jkunu ġew sospiżi minħabba l-proċedimenti legali jew l-appelli amministrattivi b’effett sospensiv m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.
5. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2015 rapport ta’ valutazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatti tal-azzjonijiet kofinanzjati taħt id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE fir-rigward tal-perjodu mill-2011 sal-2013.
6. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport ta’ valutazzjoni ex-post skont id-DeċiżjoniNru 574/2007/KE dwar il-perjodu mill-2011 sal-2013.
Artikolu 22
Reviżjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jirrevedu dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2020.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
ANNESS I
Ammonti li jikkostitwixxu l-bażi għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri (f’EUR)
Stat Membru/Stat assoċjat |
Ammont minimu |
Ammont fiss distribwit abbażi tal-medja 2010-2012 |
% 2010-2012 mal-Kroazja |
TOTAL |
AT |
5 000 000 |
9 162 727 |
0,828 % |
14 162 727 |
BE |
5 000 000 |
12 519 321 |
1,131 % |
17 519 321 |
BG |
5 000 000 |
35 366 130 |
3,196 % |
40 366 130 |
CH |
5 000 000 |
13 920 284 |
1,258 % |
18 920 284 |
CY |
15 000 000 |
19 507 030 |
1,763 % |
34 507 030 |
CZ |
5 000 000 |
9 381 484 |
0,848 % |
14 381 484 |
DE |
5 000 000 |
46 753 437 |
4,225 % |
51 753 437 |
DK |
5 000 000 |
5 322 133 |
0,481 % |
10 322 133 |
EE |
5 000 000 |
16 781 752 |
1,516 % |
21 781 752 |
ES |
5 000 000 |
190 366 875 |
17,201 % |
195 366 875 |
FI |
5 000 000 |
31 934 528 |
2,886 % |
36 934 528 |
FR |
5 000 000 |
79 999 342 |
7,229 % |
84 999 342 |
GR |
5 000 000 |
161 814 388 |
14,621 % |
166 814 388 |
HR |
4 285 714 |
31 324 057 |
2,830 % |
35 609 771 |
HU |
5 000 000 |
35 829 197 |
3,237 % |
40 829 197 |
IE |
|
|
|
|
IS |
5 000 000 |
326 980 |
0,030 % |
5 326 980 |
IT |
5 000 000 |
151 306 897 |
13,672 % |
156 306 897 |
LI |
5 000 000 |
0 |
0,000 % |
5 000 000 |
LT |
5 000 000 |
19 704 873 |
1,780 % |
24 704 873 |
LU |
5 000 000 |
400 129 |
0,036 % |
5 400 129 |
LV |
5 000 000 |
10 521 704 |
0,951 % |
15 521 704 |
MT |
15 000 000 |
38 098 597 |
3,442 % |
53 098 597 |
NL |
5 000 000 |
25 609 543 |
2,314 % |
30 609 543 |
NO |
5 000 000 |
9 317 819 |
0,842 % |
14 317 819 |
PL |
5 000 000 |
44 113 133 |
3,986 % |
49 113 133 |
PT |
5 000 000 |
13 900 023 |
1,256 % |
18 900 023 |
RO |
5 000 000 |
56 151 568 |
5,074 % |
61 151 568 |
SE |
5 000 000 |
6 518 706 |
0,589 % |
11 518 706 |
SI |
5 000 000 |
25 669 103 |
2,319 % |
30 669 103 |
SK |
5 000 000 |
5 092 525 |
0,460 % |
10 092 525 |
UK |
|
|
|
|
TOTAL |
169 285 714 |
1 106 714 286 |
100,00 % |
1 276 000 000 |
ANNESS II
Lista ta’ azzjonijiet speċifiċi
It-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bejn tal-inqas żewġ Stati Membri li jirriżultaw f’ekonomiji ta’ skala fir-rigward tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u l-ħruġ ta’ viżi fil-konsolati skont il-prinċipji dwar il-kooperazzjoni stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż iċ-ċentri ta’ applikazzjoni għall-viża komuni.
Ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport u tagħmir operattiv li huma meqjusa neċessarji għall-iskjerament waqt operazzjonijiet konġunti mill-Aġenzija Frontex u li għandhom ikunu disponibbli għall-Aġenzija Frontexb’konformità mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5), tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.
Attivitajiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri bħal kontrolli fil-fruntieri u miżuri ta’ sorveljanza tal-fruntieri f’żoni li attwalment jew potenzjalment qed jaffaċċjaw pressjoni migratorja għolja jew sproporzjonata, jew it-tnejn, inklużi attivitajiet relatati mal-istabbiliment, l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ żoni hotspot, kif definiti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ), kif ukoll, fejn meħtieġ, appoġġ għal attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi.
ANNESS III
Objettivi għall-appoġġ operattiv fi ħdan il-programmi nazzjonali
Objettiv 1: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, it-twettiq ta’ kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni
Objettiv 2: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza b’permanenza qasira, inkluża kooperazzjoni konsulari
Objettiv 3: it-twaqqif u t-tmexxija ta’ sistemi sikuri tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi migratorji, inkluża s-sorveljanza, bejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni
ANNESS IV
Lista ta’ indikaturi komuni għall-kejl tal-objettivi speċifiċi
L-appoġġ għal politika komuni dwar il-viżi għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali
L-għadd ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni konsulari żviluppati bl-għajnuna tal-Istrument
Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:
L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet f’aspetti relatati mal-politika komuni tal-viża bl-għajnuna tal-Istrument
L-għadd ta’ pożizzjonijiet speċjalizzati f’pajjiżi terzi appoġġati mill-Istrument
Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:
Il-perċentwali u n-numru ta’ konsolati żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument min-numru totali ta’ konsolati
L-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri, permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell għoli ta’ protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż billi tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen.
L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ dwar aspetti relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri bl-għajnuna tal-Istrument
L-għadd ta’ infrastruttura għall-kontroll tal-fruntieri (kontrolli u sorveljanza) u mezzi żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument
Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:
In-numru ta’ qsim ta’ fruntieri fil-fruntieri esterni permezz tal-gates ta’ Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (ABC) appoġġati mill-Istrument mill-għadd total ta’ qsim ta’ fruntieri
In-numru ta’ infrastrutturi għas-sorveljanza tal-fruntieri nazzjonali stabbilit/żviluppat ulterjorment fil-qafas ta’ EUROSUR
Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:
In-numru ta’ inċidenti rrapportati mill-Istati Membri lill-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea
Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:
( 1 ) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).
( 2 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
( 3 ) Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).
( 4 ) Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).
( 5 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
( 6 ) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
( 7 ) Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).
( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).
( 9 ) ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.
( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).