EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009R0663-20181224

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/663/2018-12-24

02009R0663 — MT — 24.12.2018 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 663/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

(ĠU L 200 31.7.2009, p. 31)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 1233/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Diċembru 2010

  L 346

5

30.12.2010

►M2

REGOLAMENT (UE) 2018/1999 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2018

  L 328

1

21.12.2018




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 663/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument finanzjarju, intitolat il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), għall-iżvilupp ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-Komunità li jikkontribwixxu, billi jagħtu stimolu finanzjarju, għall-irkupru tal-ekonomija, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sub-programmi sabiex imexxu ‘l quddiem dawk l-objettivi fl-oqsma ta’:

(a) l-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku;

(b) l-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta; u

(c) il-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

Dan ir-Regolament jidentifika proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati taħt kull sub-programm u jistabbilixxi kriterji sabiex ikunu identifikati u implimentati azzjonijiet li jwettqu dawn il-proġetti.

▼M1

Dan ir-Regolament jipprevedi l-ħolqien ta' faċilità finanzjarja (“il-faċilità”) li tappoġġa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u inizjattivi tal-enerġija rinnovabbli.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “il-qbid u l-ħżin tal-karbonju” tfisser il-qbid tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) minn installazzjonijiet industrijali, il-ġarr tiegħu għal post fejn jinħażen u l-mod kif jiġi injettat f’formazzjoni ġeoloġika taħt l-art adatta għall-finijiet ta’ ħżin permanenti;

(b) “spejjeż eliġibbli” għandha l-istess tifsira kif hemm fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002;

(c) “infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku” tfisser:

(i) il-linji kollha ta’ vultaġġ għoli, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, u tal-konnessjonijiet ta’ taħt il-baħar, kemm-il darba din l-infrastruttura tintuża għal trasmissjoni jew konnessjoni interreġjonali jew internazzjonali;

(ii) pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni;

(iii) faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art li huma konnessi mal-pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja imsemmijin fil-punt (ii);

(iv) faċilitajiet li jirċievu, jaħżnu u jiggassifikaw mill-ġdid il-gass naturali likwefatt (LNG); u

(v) kull tagħmir jew installazzjoni meħtieġa biex l-infrastruttura imsemmija fil-punti (i), (ii), (iii) jew (iv) taħdem kif suppost, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll;

(d) “parti minn proġett” tfisser kwalunkwe attività li hija indipendenti finanzjarjament, teknikament jew fuq perijodu ta’ żmien u li tikkontribwixxi għat-tlestija tal-proġett;

(e) “fażi ta’ investiment” tfisser il-fażi ta’ proġett li fiha ssir il-kostruzzjoni u jsiru l-ispejjeż kapitali;

(f) “enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta” tfisser l-enerġija elettrika ġġenerata minn magni turbini li jaħdmu bir-riħ u li jinsabu fil-baħar, sew jekk qrib jew ‘il bogħod mix-xtajta;

(g) “fażi ta’ ppjanar” tfisser il-fażi ta’ proġett li tiġi qabel il-fażi tal-investiment, li fiha jsiru t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-proġett, u tinkludi, jekk ikun il-każ, il-valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, l-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u t-twettiq ta’ spejjeż kapitali.

Artikolu 3

Baġit

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-EEPR għall-2009 u l-2010 għandu jkun ta’ EUR 3 980 000 000 , allokati kif ġej:

(a) proġetti għall-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku: EUR 2 365 000 000 ;

(b) proġetti għall-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta: EUR 565 000 000 ;

(c) proġetti għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju: EUR 1 050 000 000 .

▼M1

2.  L-impenji legali individwali fl-ambitu tal-Kapitolu II li jimplimentaw l-impenji baġitarji li saru fl-2009 u l-2010 għandhom isiru sal-31 ta' Diċembru 2010. L-impenji legali individwali skont il-Kapitolu IIa għandhom isiru sal-31 ta' Marzu 2011.

▼M1

3.  L-intermedjarji finanzjarji deskritti fl-Anness II għandhom jagħmlu ħilithom biex jallokaw il-fondi kollha mill-kontribut tal-Unjoni li jkunu disponibbli fil-faċilità lil proġetti ta' investiment u lil għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli sal-31 ta' Marzu 2014. L-ebda finanzjament mill-kontribut tal-Unjoni m’għandu jiġi allokat wara dik id-data. Il-finanzjament kollu mill-kontribut tal-Unjoni li l-intermedjarji finanzjarji ma jkunux allokaw sal-31 ta' Marzu 2014 għandu jerġa’ jiddaħħal lura fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-finanzjament mill-kontribut tal-Unjoni allokat lil proġetti ta' investiment għandu jibqa’ investit għal perjodu ta' żmien speċifiku li ma jistax imur lil hinn mill-31 ta' Marzu 2034. L-Unjoni għandha tkun intitolata għal dħul mill-investiment tagħha fil-faċilità matul ħajjet il-faċilità, bi proporzjon għall-kontribut tagħha lill-faċilità u skont id-drittijiet tagħha bħala azzjonist.

▼B



KAPITOLU II

SUB-PROGRAMMI



TAQSIMA 1

Proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

Artikolu 4

Objettivi

Il-Komunità għandha tippromwovi proġetti għall-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku li għandhom l-ogħla valur miżjud min-naħa tal-Komunità u li jikkontribwixxu għall-objettivi li ġejjin:

(a) sigurtà u diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, ir-rotot u l-provvisti;

(b) l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk u l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, b’mod partikolari, fir-rigward tal-partijiet transkonfinali;

(c) l-iżvilupp tan-netwerk biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitnaqqas l-iżolament tar-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti fil-Komunità;

(d) il-konnessjoni u integrazzjoni ta’ riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli; u

(e) is-sikurezza, affidabiltà u interoperabiltà tan-netwerks interkonnessi ta’ enerġija, inkluża l-ħila li jitużaw flussi multidirezzjonali tal-gass, fejn ikun meħtieġ.

Artikolu 5

Prijoritajiet

L-EEPR għandu jservi sabiex jadatta u jiżviluppa b’urġenza n-netwerks tal-enerġija ta’ importanza partikolari għall-Komunità li jappoġġjaw il-ħidma tas-suq intern tal-enerġija u, b’mod partikolari, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-interkonnessjoni, is-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista u sabiex jingħelbu d-diffikultajiet ambjentali, tekniċi u finanzjarji. Jeħtieġ appoġġ speċjali min-naħa tal-Komunità sabiex ikunu żviluppati netwerks ta’ enerġija b’mod aktar intensiv u sabiex tkun aċċellerata l-kostruzzjoni tagħhom, speċjalment fejn id-diversità tar-rotot u s-sorsi tal-provvista tkun baxxa.

Artikolu 6

Għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja

1.  L-għajnuna finanzjarja taħt l-EEPR (l-għajnuna EEPR) għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku għandha tingħata għal azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti A tal-Anness jew partijiet minn tali proġetti, u li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti sabiex tidentifika l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandha tivvaluta l-konformità ta’ dawk il-proposti mal-kriterji ta’ eliġibbiltà mniżżla fl-Artikolu 7 u l-kriterji tal-għażla u tal-għotjiet imniżżla fl-Artikolu 8.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 7

Eliġibbiltà

1.  Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss jekk jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti A tal-Anness, ma jaqbżux l-ammonti massimi f’għajnuna EEPR stabbiliti fih u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 8.

2.  Il-proposti jistgħu jitressqu:

(a) minn Stat Membru wieħed jew aktar, li jaġixxu b’mod konġunt;

(b) bi qbil bejn l-Istati Membri kollha li għandhom x’jaqsmu b’mod dirett mal-proġett ikkonċernat:

(i) minn impriża waħda jew iktar, kemm pubbliċi jew privati, jew korpi li jaġixxu b’mod konġunt;

(ii) minn organizzazzjoni internazzjonali waħda jew iktar li jaġixxu b’mod konġunt; jew

(iii) minn impriza konġunta.

3.  Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 8

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.  Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a) is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b) is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-azzjoni.

2.  Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a) il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, u li tirriżulta f’infiq kapitali sostanzjali sal-aħħar tal-2010;

(b) il-miżura li biha n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi qiegħed idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(c) il-miżura li biha l-għajnuna EEPR ser tistimola l-finanzi pubbliċi u privati;

(d) l-impatti soċjo-ekonomiċi;

(e) l-impatti ambjentali;

(f) il-kontribut għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tan-netwerk tal-enerġija, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu;

(g) il-kontribut għat-titjib fil-kwalità tas-servizz, is-sikurezza u s-sigurtà;

(h) il-kontribut għall-ħolqien ta’ suq integrat tajjeb tal-enerġija.

Artikolu 9

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.  L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi għal infiq relatat mal-proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett, magħmul mill-benefiċjarji jew minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett.

2.  L-għajnuna EEPR m’għandhiex teċċedi l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 10

Strumenti

1.  Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li ser jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna li għandu jingħatalhom mill-EEPR. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tal-proposti.

2.  L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni.

Artikolu 11

Responsabbiltajiet finanzjarji tal-Istati Membri

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu l-monitoraġġ tekniku u l-kontroll finanzjarju tal-proġetti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u għandhom jiċċertifikaw l-ammont u l-konformità tan-nefqa mġarrba fir-rigward ta’ proġetti jew partijiet ta’ proġetti ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni waqt il-kontrolli fuq il-post.

2.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 u, b’mod partikolari, għandhom jagħtu deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontroll, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ stabbiliti biex jiżguraw li l-proġetti jitlestew b’suċċess.



TAQSIMA 2

Proġetti ta’ enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta

Artikolu 12

L-għoti ta’ għajnuna EEPR

1.  L-għajnuna EEPR għall-proġetti tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta għandha tingħata wara li ssir sejħa għal proposti limitata għall-azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti B tal-Anness.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti biex jiġu identifikati l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandha tivvaluta l-konformità ta’ dawn il-proposti mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13 u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fl-Artikolu 14.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 13

Eliġibbiltà

1.  Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss f’każ li dawn jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti B tal-Anness, ma jaqbżux l-ammont massimu f’għajnuna EEPR hemm stabbiliti u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 14. Dawk il-proġetti għandhom jitmexxew minn impriża kummerċjali.

2.  Il-proposti jistgħu jitressqu minn impriża waħda jew iktar, li jaġixxu b’mod konġunt.

3.  Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 14

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.  Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a) is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b) is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-proġett.

2.  Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a) il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, u li tirriżulta f’infiq kapitali sostanzjali sa tmiem l-2010;

(b) il-miżura ta’ kemm in-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi qiegħed idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(c) il-miżura li biha l-proġett itejjeb jew iżid l-iskala ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi li diġà bdew jinbnew, jew li jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar;

(d) il-miżura il biha l-proġett jinkludi l-bini ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi ta’ daqs sħiħ u ta’ skala industrijali, u jindirizza, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li ġejjin:

(i) l-ibbilanċjar tal-varjabbiltà tal-elettriku ġġenerat mill-enerġija tar-riħ permezz ta’ sistemi integrattivi;

(ii) l-eżistenza ta’ sistemi ta’ ħżin fuq skala kbira;

(iii) il-ġestjoni ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ bħala impjanti virtwali li jipproduċu l-enerġija (iktar minn 1 GW);

(iv) l-eżistenza ta’ turbini li jinsabu aktar lil hinn mix-xtajta jew f’ ilmijiet iktar fondi (minn 20 sa 50 m) milli hu standard bħalissa;

(v) disinji ġodda tas-sub-strutturi; jew

(vi) proċessi ta’ mmuntar, installazzjoni, tħaddim u żarmar u ttestjar ta’ dawn il-proċessi fi proġetti ta’ daqs reali;

(e) il-fatturi innovattivi tal-proġett u l-miżura li biha tintwera l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fatturi;

(f) l-impatt tal-proġett u l-kontribut tiegħu lis-sistema Komunitarja ta’ distribuzzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, inkluż il-potenzjal ta’ replikazzjoni tiegħu;

(g) l-impenn muri mill-benefiċjarji li jqassmu r-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu saru mill-proġett lil operaturi oħrajn Ewropej b’mod kompatibbli mal-liġi Komunitarja u b’mod partikolari mal-objettivi u l-istrutturi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

Artikolu 15

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.  L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi għal infiq relatat mal-proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett.

2.  L-għajnuna EEPR m’għandhiex teċċedi l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 16

Strumenti

1.  Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl- Artikolu 12(1), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna li għandu jingħatalhom. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tal-proposti.

2.  L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet ta’ għoti.



TAQSIMA 3

Proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju

Artikolu 17

L-għoti ta’ għajnuna EEPR

1.  L-għajnuna EEPR għall-proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju għandha tingħata lill-azzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti C tal-Anness.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħa għal proposti biex jiġu identifikatil-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tivvaluta l-konformità tal-proposti mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fl-Artikolu 19.

3.  F’każ li diversi proposti li joħroġu minn proġetti mwettqa fl-istess Stat Membru huma konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 19(1), il-Kummissjoni għandha tagħżel għall-għajnuna EEPR, abbażi tal-kriterji tal-għoti fl-Artikolu 19(2), mhux iktar minn proposta waħda għal kull Stat Membru fost dawk il-proposti.

4.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna EEPR.

Artikolu 18

Eliġibbiltà

1.  Il-proposti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna EEPR biss jekk dawn jimplimentaw il-proġetti elenkati fil-Parti C tal-Anness u jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti taħt l-Artikolu 19 u l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proġetti juru li huma għandhom il-ħila li jaqbdu tal-anqas 80 % tas-CO2 f’installazzjonijiet industrijali u li jittrasportaw u li jaħżnu b’mod ġeoloġiku dan is-CO2 b’mod sikur taħt l-art;

(b) f’installazzjonijiet tal-enerġija, il-qbid tas-CO2 jintwera f’installazzjoni b’kapaċità elettrika ta’ mill-anqas 250 MW jew l-ekwivalenti;

(c) il-promoturi tal-proġett jagħmlu dikjarazzjoni li torbot li tgħid li l-għarfien ġeneriku li joħroġ mill-impjant virtwali jsir disponibbli għas-settur industrijali iktar wiesa’ u għall-Kummissjoni sabiex jikkontribwixxi għall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

2.  Il-proposti jistgħu jitressqu minn impriża waħda jew iktar, li jaġixxu b’mod konġunt.

3.  Il-proposti mressqa minn persuni fiżiċi m’għandhomx ikunu eliġibbli.

Artikolu 19

Kriterji tal-għażla u tal-għoti

1.  Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a) is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b) il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, li jinkludi l-esplorazzjoni u l-iżvilupp ta’ għażliet ta’ ħżin, u li tirriżulta f’infiq sostanzjali relatat mal-investiment għall-proġett sa tmiem l-2010;

(c) is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-proġett;

(d) l-identifikazzjoni tal-permessi kollha neċessarji għall-ħolqien u l-tħaddim tal-proġett fis-sit(i) propost(i) u l-eżistenza ta’ strateġija li tassigura dawk il-permessi.

2.  Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:

(a) il-miżura li biha n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(b) il-finanzjament mitlub għal kull tunnellata ta’ CO2 li għandu jkun imnaqqas fl-ewwel ħames snin tal-proġett;

(c) il-kumplessità tal-proġett u l-livell ta’ innovazzjoni tal-installazzjoni ġenerali li tinkludi attivitajiet ta’ riċerka oħra li huma relatati u l-impenn li jintwera mill-benefiċjarji sabiex iqassmu r-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu saru mill-proġett lil operaturi Ewropej oħra b’mod kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u b’mod partikolari mal-miri u l-istrutturi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija;

(d) is-solidità u l-adegwatezza tal-pjan ta’ ġestjoni li jinkludi, fir-rigward tal-informazzjoni u d-data xjentifika, tal-informazzjoni u d-data tal-inġinerija, u tal-informazzjoni u d-data teknika, turija li l-kunċett propost ikun lest biex jinkiseb it-tħaddim tal-proġett sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 20

Kondizzjonijiet għall-finanzjament

1.  L-għajnuna EEPR għandha tikkontribwixxi biss għal dak l-infiq relatat ma’ proġett għall-implimentazzjoni tal-proġett li jkun attribwibbli għall-qbid, it-trasport u l-ħżin tal-karbonju, waqt li tqis il-benefiċċji tat-tħaddim possibbli.

2.  L-għajnuna EEPR m’għandhiex taqbeż it-80 % tal-ispejjeż totali eliġibbli għall-investiment.

Artikolu 21

Strumenti

1.  Wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), għandha tagħżel il-proposti li ser jibbenefikaw mill-għajnuna EEPR u għandha tiddetermina l-ammont f’għajnuna EEPR li għandu jingħatalhom. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tagħhom.

2.  L-għajnuna EEPR għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet ta’ għoti.

▼M1



KAPITOLU IIa

FAĊILITÀ FINANZJARJA

Artikolu 21a

Fondi li ma jistgħux ikunu impenjati taħt il-Kapitolu II

1.  Fondi li skont l-Artikolu 3(2) ma jistgħux ikunu soġġetti għal impenji legali individwali taħt il-Kapitolu II għal ammont ta' EUR 146 344 644,50 għandhom ikunu allokati għall-faċilità msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1, għall-finijiet tal-iżvilupp ta' strumenti adegwati ta' finanzjament f’kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji, b’tali mod li proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u proġetti għall-isfruttament tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija jingħataw stimolu maġġuri.

2.  Il-faċilità għandha tkun implimentata skont l-Anness II. L-Artikolu 23(1) ma għandux japplika għall-faċilità.

3.  L-espożizzjoni tal-Unjoni għall-faċilità, inklużi ħlasijiet ta' ġestjoni u spejjeż eliġibbli oħra, għandha tkun limitata għall-ammont tal-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità speċifikat fil-paragrafu 1, u ma għandu jkun hemm l-ebda responsabbiltà ulterjuri fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.

▼B



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

▼M1 —————

▼B

Artikolu 23

Arranġamenti ta’ programmazzjoni u implimentazzjoni

1.  Is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu mnedija direttament mill-Kummissjoni abbażi tad-disponibbiltajiet baġitarji msemmijin fl-Artikolu 3(1) u tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, għażla u għoti stabbiliti fil-Kapitolu II.

▼M1

2.  L-għajnuna EEPR għandha tkopri biss infiq relatat ma' proġetti li saru mill-benefiċjarji u, f’dawk li huma proġetti taħt l-Artikolu 9, ukoll minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta' proġett. L-infiq magħmul skont il-Kapitolu II jista’ jkun eliġibbli mit-13 ta' Lulju 2009.

▼M1

2a.  L-għajnuna finanzjarja mogħtija skont il-Kapitolu IIa għandha tkopri l-infiq relatat mal-proġetti ta' investiment u mal-għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli magħmul mill-benefiċjarji deskritti fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II. Tali infiq jista’ jkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2011.

▼B

3.  Il-VAT m’għandiex tkun spiża eliġibbli, ħlief il-VAT mhux rimborsabbli.

4.  Proġetti u azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jitwettqu f’konformità mal-liġi Komunitarja u għandhom iqisu l-politika Komunitarja rilevanti, b’mod partikolari dawk dwar il-kompetizzjoni inkluż ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-istat, il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u l-akkwist pubbliku.

Artikolu 24

Responsabbiltajiet ġenerali tal-Istati Membri

Fl-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentaw il-proġetti li jirċievu l-għajnuna EEPR, partikolarment permezz ta’ proċeduri effiċjenti ta’ amministrazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ħruġ ta’ liċenzji u ta’ ċertifikazzjoni.

Artikolu 25

Ħarsien tal-interessi finanzjari tal-Komunitajiet Ewropej

1.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jkunu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, b’kontrolli effettivi u bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu mingħajr jedd u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, b’pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.  Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati minn dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe nuqqas fil-qadi ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur eknomiku li għandhom jew ikollhom l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha, permezz ta’ element ta’ spiża mingħajr ġustifikazzjoni.

3.  Il-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, għandhom jipprevedu, b’mod partikolari, is-sorveljanza u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha u l-verifiki mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inkluż, jekk ikunu meħtieġa, verifiki fuq il-post.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 26

Kumitati

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitati li ġejjin:

(a) għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija ( 1 );

(b) għall-proġetti tal-enerġija ġġenerata mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad- 19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) ( 2 );

(c) għall-proġetti dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2006/971/KE.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

Artikolu 27

Evalwazzjoni

▼M2 —————

▼M1

1a.  Sat-30 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar il-miżuri meħuda skont il-Kapitolu IIa b’attenzjoni partikolari għal:

(a) il-kosteffikaċja, l-effett ta' lieva u ta' addizzjonalità murija mill-faċilità;

(b) evidenza ta' ġestjoni finanzjarja soda;

(c) sa liema punt il-faċilità tkun laħqet il-miri stipulati f’dan ir-Regolament;

(d) sa liema punt ikun jeħtieġ li jissokta l-appoġġ taħt il-faċilità għal proġetti relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Ir-rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, u b’mod partikolari jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont il-Kapitolu IIa tkun pożittiva, minn proposta leġislattiva għall-issuktar tal-faċilità.

▼B

2.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru benefiċjarju biex jipprovdi evalwazzjoni speċifika tal-proġetti ffinanzjati taħt it-Taqsima I tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jew, fejn xieraq, li jagħtiha l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa biex twettaq evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




►M1  ANNESS I ◄

PROĠETTI ELIĠIBBLI

A.    Proġetti ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku



1.  Interkonnetturi tal-gass

Proġett

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Kuritur tan-Nofsinhar tal-Gass

NABUCCO

l-Awstrija, l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Ġermanja, ir-Rumanija

200

ITGI – Poseidon

l-Italja, il-Greċja

100

Interkonnessjoni Baltika

Pajp Skanled/Baltiku

Il-Polonja, id-Danimarka, l-Iżvezja

150

Netwerk LNG

Terminal tal-Gass Naturali Likwefatt fuq ix-xtajta Pollakka fil-port ta’ Świnoujście

il-Polonja

80

Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

Interkonnettur Slovakkja-Ungerija (Vel’ký Krtíš – Vecsés)

is-Slovakkja, l-Ungerija

30

Sistema tat-trażmissjoni tal-gass fis-Slovenja bejn il-fruntiera Awstrijaka u Ljubljana (eskluża l-medda Rogatec-Kidričevo)

is-Slovenja

40

Interkonnessjoni Bulgarija-Greċja (Stara Zagora - Dimitrovgrad-Komotini)

il-Bulgarija, il-Greċja

45

Interkonnettur tal-gass Rumanija-Ungerija

ir-Rumanija, l-Ungerija

30

Espansjoni tal-Kapaċità tal-Ħżin tal-Gass fiċ-ċentru Ċek

ir-Repubblika Ċeka

35

Infrastruttura u tagħmir biex jippermetti l-fluss tal-gass fid-direzzjoni opposta f’każ ta’ taqlib fil-provvista fit-terminu qasir ta’ żmien

l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja

80

Interkonnessjoni Slovakkja - Polonja

is-Slovakkja, il-Polonja

20

Interkonnessjoni Ungerija - Kroazja

l-Ungerija

20

Interkonnessjoni Bulgarija - Rumanija

il-Bulgarija, ir-Rumanija

10

Il-Mediterran

Tisħiħ tan-netwerk tal-gass FR fuq l-assi Afrika- Spanja-Franza

Franza

200

GALSI (Gazoduc Algérie-Italie)

l-Italja

120

Interkonnessjoni tal-Gass Western Axis Larrau Branch

Spanja

45

Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Pajp Ġermanja-Belġju-Renju Unit

Il-Belġju

35

Il-konnessjoni Franza-Belġju

Franza, il-Belġju

200

TOTAL

 

1 440



2.  Interkonnetturi tal-elettriku

Proġett

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Interkonnessjoni Baltika

Estlink-2

l-Estonja, il-Finlandja

100

Interkonnessjoni Svezja-Stati Baltiċi, u t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni fl-Istati Baltiċi

L-Iżvezja, il-Latvja, il-Litwanja

175

Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

Halle/Saale – Schweinfurt

Il-Ġermanja

100

Wien-Győr

l-Awstrija, l-Ungerija

20

Mediterran

It-tisħiħ tal-interkonnessjoni Portugall-Spanja

Il-Portugall

50

Interkonnessjoni Franza-Spanja (Baixas - Sta Llogaia)

Franza, Spanja

225

Kejbil sottomarin 380 kV AC ġdid bejn Sqallija u l-Italja kontinentali (Sorgente - Rizziconi)

l-Italja

110

Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Interkonnettur (Meath-Deeside) ta’ 500 MV Irlanda-Wales

l-Irlanda, ir-Renju Unit

110

Interkonnettur tal-elettriku Malta-Italja

Malta/l-Italja

20

TOTAL

 

910



3.  Proġetti għall-gżejjer iż-żgħar

Inizjattivi għal gżejjer żgħar iżolati

Ċipru

10

Malta

5

TOTAL

 

15

B.    Proġetti ta’ enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta



Proġett

Kapaċità

Post tal-proġetti appoġġati

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

1.  Integrazzjoni tal-grilja tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta

1.1.  Baltiku - Kriegers Flak I, II, III

Bini fuq proġetti li qed jiġu żviluppati. Finanzjament immirat biex tiġi ggarantita l-ispiża żejda biex tiżgura soluzzjoni konġunta ta’ interkonnessjoni.

1,5 GW

Id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Ġermanja, il-Polonja

150

1.2.  Żona tal-Baħar tat-Tramuntana

Żvilupp modulari taż-żona ‘il barra mix-xtajta, il-wiri ta’ impjant virtwali tal-enerġija ‘il barra mix-xtajta u l-integrazzjoni fis-sistem tal-grilja fuq l-art.

1 GW

Ir-Renju Unit, Olanda, il-Ġermanja, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu

165

2.  Turbini ġodda, strutturi u komponenti, ottimizzazzjoni tal-kapaċijiet tal-produzzjoni

2.1.  Borkum West II- Bard 1 - Nordsee Ost - Global Tech I

Ġenerazzjoni ġdida ta’ turbini ta’ daqs multi-megawatt (5-7 MW) u strutturi innovattivi, li jinstabu ‘il bogħod mix-xtut (sa 100 km) fl-ilmijiet fondi (sa 40 m)

1,6 GW

Il-Ġermanja

200

2.2.  Farm tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta ta’ Aberdeen (Ċentru Ewropew tal-ittestjar)

Bini fuq proġett li bħalissa qed jiġi żviluppat - Ittestjar ta’ turbini multi-MW. Żvilupp ta’ strutturi innovattivi u sottostrutturi inkluż l-ottimizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ ‘il barra mix-xtajta. Żieda fil-qies ta’ 100 MW tista’ tiġi ppjanata.

0,25 GW

Ir-Renju Unit

40

2.3.  Thornton Bank

Bini fuq proġett li bħalissa qed jiġi żviluppat. Tagħlim mill-proġett Downvind (ikkofinanzjat permezz tal-FP6). Tkabbir tal-installazzjonijiet tat-turbini Downvind (qies ta’ 5 MW) fl-ilmijiet fondi (sa 30 m) b’impatt viżiv baxx (sa 30 km).

90 MW

Il-Belġju

10

TOTAL

 

 

565

C.    Proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju



Isem il-proġett/Post

Kontribuzzjoni Komunitarja ppjanata

(EUR miljuni)

Karburant

Kapaċità

Teknika tal-qbid

Kunċett tal-ħżin

Huerth

Ġermanja

180

Faħam

450 MW

IGCC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Jaenschwalde

 

 

Faħam

500 MW

Ossikarburanti

Meded taż-żejt/gass

Eemshaven

Olanda

180

Faħam

1 200 MW

IGCC

Meded taż-żejt/gass

Rotterdam

Faħam

1 080 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Rotterdam

Faħam

800 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Belchatów

Polonja

180

Faħam

858 MW

PC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Compostella

Spanja

180

Faħam

500 MW

Ossikarburanti

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Kingsnorth

Renju Unit

180

Faħam

800 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Longannet

Faħam

3 390 MW

PC

Saffi ta’ blat b’ilma mielaħ

Tilbury

Faħam

1 600 MW

PC

Meded taż-żejt/gass

Hatfield

(Yorkshire)

Faħam

900 MW

IGCC

Meded taż-żejt/gass

Porto Tolle

Italja

100

Faħam

660 MW

PC

 

Proġett ta’ qbid tal-karbonju industrijali

Florange

Franza

50

Trasport ta’ CO2 mill-impjant industrijali (impjant tal-azzar) għal faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art (ilma ta’ ġol-blat mielaħ)

TOTAL

1 050

▼M1




ANNESS II

FAĊILITÀ FINANZJARJA

A.    Implimentazzjoni ta' faċilità finanzjarja għal proġetti ta' enerġija sostenibbli

1.    Ambitu tal-faċilità

Il-faċilità finanzjarja (“il-faċilità”) għandha tintuża għall-iżvilupp ta' proġetti ta' ffrankar ta' enerġija, ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandha tiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawk l-oqsma minn awtoritajiet pubbliċi, lokali, reġjonali u, f’każijiet debitament ġustifikati, nazzjonali. Il-faċilità għandha tkun implimentata skont id-dispożizzjonijiet dwar id-delega ta' kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu.

Il-faċilità għandha tintuża għal proġetti ta' enerġija sostenibbli, b’mod partikolari f’kuntest urban. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, proġetti rigward:

(a) proġetti għall-binjiet pubbliċi u privati li jinkorporaw soluzzjonijiet għall-enerġija rinnovabbli u/jew għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija inklużi dawk ibbażati fuq l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT);

(b) investimenti fil-produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP), inkluża l-mikrokoġenerazzjoni, u netwerks ta' sħana/tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(c) sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal u l-integrazzjoni tagħhom fi grids tal-elettriku;

(d) mikroġenerazzjoni minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(e) trasport urban nadif bħala appoġġ għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b’enfasi fuq it-trasport pubbliku, vetturi elettrifikati u tal-idroġenu u tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra;

(f) infrastruttura lokali, inkluż dawl effiċjenti fuq barra tal-infrastruttura pubblika bħal dawl fit-toroq, soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku, meters intelliġenti u grids intelliġenti, li jagħmlu użu sħiħ mill-ICT;

(g) teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli b’potenzjal mil-lat tal-innovazzjoni u minn dak ekonomiku bl-użu tal-aqwa proċeduri disponibbli.

Il-faċilità tista’ wkoll tintuża biex tipprovdi inċentivi u għajnuna teknika kif ukoll tqajjem għarfien fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex tiżgura li l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni jintużaw bl-aqwa mod, b’mod partikolari, fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-titjib tal-enerġija rinnovabbli fid-djar u f’tipi ta' binjiet oħra. Il-faċilità għandha ssostni proġetti ta' vijabbiltà ekonomika u finanzjarja ppruvata, biex iroddu lura l-investimenti allokati mill-faċilità u biex jattiraw l-investimenti pubbliċi u privati. B’hekk, il-faċilità tista’, inter alia, tinkludi l-provvista u l-allokazzjonijiet kapitali għal self, garanziji, ekwità u prodotti finanzjarji oħra. Barra minn hekk, sa 15 % mill-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 21a jista’ jintuża għall-għoti ta' għajnuna teknika lil awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar l-istabbiliment ta' proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta' teknoloġiji relatati magħhom.

2.    Sinerġiji

Fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja jew teknika, għandha tingħata attenzjoni ukoll lis-sinerġiji ma' riżorsi finanzjarji oħrajn disponibbli fl-Istati Membri, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u l-faċilità ELENA, sabiex jiġi evitat it-tirkib fuq strumenti finanzjarji oħrajn.

3.    Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tal-faċilità għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi, preferibbilment fil-livell lokali u reġjonali, u entitajiet pubbliċi jew privati li jaġixxu f’isem dawk l-awtoritajiet pubbliċi.

B.    Kooperazzjoni mal-intermedjarji finanzjarji

1.    Għażla u rekwiżiti ġenerali, inkluż l-ispejjeż

Il-faċilità għandha tiġi stabbilita b’kooperazzjoni ma' intermedjarju finanzjarju wieħed jew aktar, u għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn investituri xierqa. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi tal-kapaċità ppruvata tagħhom fl-użu tal-finanzjament bl-iktar mod effiċjenti u effikaċi, skont ir-regoli u l-kriterji stipulati f’dan l-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali relatati mal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' din il-faċilità, inklużi l-ħlasijiet tal-ġestjoni u spejjeż oħra eliġibbli fatturati mill-intermedjarji finanzjarji, jibqa’ limitat kemm jista’ jkun, fi qbil mal-aqwa prattika għal strumenti simili u bis-salvagwardja tal-kwalità rekwiżita għall-faċilità.

Il-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità għandha tkun implimentata mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Finanzjarju.

L-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar id-delega tal-kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta' regoli ta' akkwist, kontroll intern, kontabbiltà u verifika esterna. L-ebda finanzjament ieħor għajr għall-ħlasijiet ta' ġestjoni jew spejjeż marbuta mal-istabbiliment tal-faċilità ma għandu jkun disponibbli għal dawk l-intermedjarji finanzjarji.

It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati dwar l-istabbiliment u l-kondizzjonijiet ta' qafas tal-faċilità, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom ikunu stipulati fi ftehim(iet) bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarji finanzjarji.

2.    Disponibbiltà tal-informazzjoni

Il-faċilità għandha tagħmel disponibbli online l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi li tkun rilevanti għall-partijiet interessati. Dan għandu jinkludi, notevolment, proċeduri ta' applikazzjoni, informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti u r-rapporti.

C.    Kondizzjonijiet ta' finanzjament u kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla

1.    Ambitu tal-finanzjament

Skont dan l-Anness, il-faċilità għandha tkun limitata għall-finanzjament ta’:

(a) proġetti ta' investiment li għandhom impatt rapidu, miżurabbli u sostanzjali, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-UE, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra; u

(b) għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli.

2.    Fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom

F’dak li jirrigwarda l-għażla tal-proġetti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bilanċ ġeografiku.

F’dak li jirrigwarda l-finanzjament ta' proġetti ta' investiment, għandha tingħata attenzjoni xierqa sabiex jinkiseb fattur sinifikanti ta' lieva bejn l-investiment totali u l-finanzjament tal-UE sabiex jinġemgħu investimenti sinifikanti fl-Unjoni. Madankollu, l-effett ta' lieva għal proġetti individwali tal-investiment jista’ jvarja, skont għadd ta' fatturi bħad-daqs u t-tip reali ta' proġett u skont kondizzjonijiet lokali inklużi d-daqs u l-kapaċitajiet finanzjarji tal-benefiċjarju.

3.    Kondizzjonijiet għall-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finanzjament taħt il-faċilità

L-awtoritajiet pubbliċi li japplikaw għal finanzjament għal proġetti ta' investiment jew ta' għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) li jkunu impenjaw irwieħhom, jew ikunu fil-proċess li jimpenjaw irwieħhom, fuq livell politiku sabiex itaffu t-tibdil fil-klima, inklużi, fejn adatt, miri konkreti, pereżempju rigward żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b) li jkunu jew qed jaħdmu biex jiżviluppaw strateġiji multiannwali sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u, fejn adatt, sabiex jilħqu l-miri tagħhom, jew inkella jkunu qed jieħdu sehem fi strateġija multiannwali fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex itaffu t-tibdil fil-klima;

(c) li jaċċettaw li jkunu pubblikament responsabbli għall-progress fl-istrateġija ġenerali tagħhom.

4.    Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' investiment iffinanzjati taħt il-faċilità

Proġetti ta' investiment finanzjati skont il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla li ġejjin:

(a) l-istabbiltà u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b) l-istabbiltà u l-kosteffikaċja tal-finanzjament għall-fażi kollha tal-investiment tal-azzjoni;

(c) il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti kollha koperti b’dan ir-Rgolament;

(d) il-maturità, definita bħala l-ilħiq tal-istadju ta' investiment, u t-tiġrib ta' nefqa kapitali sostanzjali mill-iktar fis possibbli;

(e) sa liema punt in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(f) sa liema punt il-finanzjament mill-faċilità se jistimula l-finanzi pubbliċi u privati;

(g) l-impatti soċjo-ekonomiċi kkwantifikati;

(h) l-impatti ambjentali kkwantifikati.

5.    Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità

Il-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla msemmija fil-punt 4 (a), (c), (e), (f) u (g).

▼B




DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tissottolinja li l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huma prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll għal raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista. F'dan ir-rigward, ir-Regolament ser jikkontribwixxi għal dawn il-prijoritajiet billi jagħti appoġġ sostanzjali għal proġetti ta' enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mill-kosta.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar id-diversi inizjattivi ġodda l-oħra li jappoġġaw l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, issuġġeriti mill-Kummissjoni partikolarment fil-Pjan ta' Rkupru Ewropew tagħha, li kien endorsjat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008. Dawn jinkludu:

Modifika tar-Regolament tal-FEŻR sabiex ikunu permessi sa EUR 8 biljun f'investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli fis-settur tad-djar fl-Istati Membri kollha.

Sħubija pubblika-privata dwar l-inizjattiva “Bini Ewropej b'effiċjenza fl-enerġija” sabiex ikunu promossi teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta' sistemi u materjali b'effiċjenza fl-enerġija f'bini ġodda jew restawrati. Għal din l-azzjoni huma stmati EUR 1 biljun: EUR 500 miljun mill-baġit EC FP7 matul is-snin mill-2010 sal-2013 u EUR 500 miljun mill-industrija.

L-inizjattiva KE-BEI “Inizjattiva tal-UE għall-Finanzjament ta' Enerġija Sostenibbli”. Hija mmirata sabiex tippermetti investimenti għal proġetti ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli f'ambjenti urbani. Il-Kummissjoni tiffinanzja faċilità għall-assistenza teknika mill-programm Ewropew tal-Enerġija Intelliġenti (allokazzjoni annwali ta' 15-il miljun EUR għall-2009). Din il-faċilità, amministrata mill-BEI, ser tiffaċilita l-aċċess għal self tal-BEI b'effetti ta' lieva sostanzjali.

Il-ħolqien minn investituri istituzzjonali tal-UE - immexxija mill-BEI - ta' fond ta' ishma orjentat lejn is-suq, imsejjaħ Marguerite: il-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura. Dan il-Fond jinvesti fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima (TEN-E, il-produzzjoni ta' enerġija sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji l-ġodda, l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, kif ukoll infrastruttura ambjentali). Il-Kummissjoni tappoġġa dan l-approċċ.

Barra dan, qabel it-tmiem ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni ser tippreżenta r-reviżjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija kif mitluba mill-Kunsill (Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2009) u mill-Parlament (Riżoluzzjoni tal-PE P6_TA(2009)0064).

Hemm qbil fost l-esperti li l-effiċjenza fl-enerġija hija l-aktar għażla rħisa disponibbli sabiex jitnaqqsu l-emmissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Sa Novembru 2009, il-Kummissjoni ser tipprovdi analiżi dettaljata tal-ostakli għal żieda fl-investimenti tal-effiċjenza fl-enerġija. B'mod partikolari hija ser teżamina jekk hemmx ħtieġa għal inċentivi finanazjarji aktar fil-forma ta' self b'interessi baxxi u/jew għotjiet, kif jista' jintuża l-baġit Ewropew għal dan il-għan, u, jekk addatt, il-Kummissjoni ser tinkludi, fost l-oħrajn, fondi addizzjonali għal finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija fl-istrument il-ġdid tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE, li ser ikun ippreżentat fl-2010.

Matul l-eżami tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari lid-dimensjoni tal-viċinat tal-effiċjenza fl-enerġija. Ser tanalizza kif tista' tagħti inċentivi finanzjarji u regolatorji lil pajjiżi tal-viċinat sabiex iħaffu l-investimenti tagħhom fl-effiċjenza fl-enerġija.

Jekk il-Kummissjoni, meta fl-2010 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament konformement mal-Artikolu 28 tiegħu, tiskopri li ma jkunx possibbli li sa tmiem l-2010 tiġi allokata parti mill-fondi previsti għall-proġetti elenkati fl-anness għar-Regolament, il-Kummissjoni ser tipproponi, jekk ikun adatt u b'mod ġeografikament bilanċjat, emenda għar-Regolament li tippermetti l-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, b'żieda mal-inizjattivi msemmija hawn fuq, inkluż kriterji ta' eliġibbiltà simili għal dawk applikabbli għall-proġetti elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Dikjarazzjoni mill-Portugall

Il-Portugall qed jivvota favur, għalkemm fil-fehma tiegħu, f'reviżjoni tal-programm taħt l-Artikolu 28, għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' proġetti dwar l-enerġija li tiġġedded u dwar l-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-mikroġenerazzjoni u tan-netwerks u l-arloġġi intelliġenti, li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Artikolu 4(a) u (b) tar-Regolament.



( 1 ) ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

( 2 ) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.

Top