EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0305

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017.
Avon Cosmetics Ltd vs The Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Punt 1(a) tal-Artikolu 11A – Valur taxxabbli – Artikolu 17 – Dritt għal tnaqqis – Artikolu 27 – Miżuri partikolari ta’ deroga – Deċiżjoni 89/534/KEE – Sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni bbażata fuq il-kunsinna ta’ oġġetti permezz ta’ persuni mhux taxxabbli – Impożizzjoni fuq il-valur normali tal-oġġett determinat fl-aħħar stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni – Inklużjoni tal-ispejjeż imħallsa mill-persuni msemmija.
Kawża C-305/16.

Kawża C-305/16

Avon Cosmetics Ltd

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Punt 1(a) tal-Artikolu 11A – Valur taxxabbli – Artikolu 17 – Dritt għal tnaqqis – Artikolu 27 – Miżuri partikolari ta’ deroga – Deċiżjoni 89/534/KEE – Sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni bbażata fuq il-kunsinna ta’ oġġetti permezz ta’ persuni mhux taxxabbli – Impożizzjoni fuq il-valur normali tal-oġġett determinat fl-aħħar stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni – Inklużjoni tal-ispejjeż imħallsa mill-persuni msemmija”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Valur taxxabbli-Miżuri nazzjonali derogatorji-Deċiżjoni 89/534 li tawtorizza lir-Renju Unit jidderoga mill-Punt 1(a) tal-Artikolu 11A tas-Sitt Direttiva-Sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni bbażata fuq il-kunsinna ta’ oġġetti permezz ta’ persuni mhux taxxabbli-Valur taxxabbli ta’ kumpannija ta’ bejgħ dirett ikkalkolat fuq il-valur fis-suq miftuħ tal-beni mibjugħa fl-istadju tal-konsum finali-Ammissibbiltà-Miżura ta’ deroga li ma tiħux inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa mill-imsemmija bejjiegħa bl-imnut-Assenza ta’ impatt

    [Direttiva tal-Kunsill 1977/388, kif emendata bid-Direttiva 2004/7, Punt 1(a) tal-Artikolu 11A, Artikoli 17 u 27; deċiżjoni tal-Kunsill 89/534]

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Valur taxxabbli-Miżuri nazzjonali derogatorji-Deċiżjoni 89/534 li tawtorizza lir-Renju Unit jidderoga mill-Punt 1(a) tal-Artikolu 11A tas-Sitt Direttiva-Validità-Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali-Assenza

    [Direttiva tal-Kunsill 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2004/7, Punt 1(a) tal-Artikolu 11A, Artikolu 27(1); deċiżjoni tal-Kunsill 89/534]

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Valur taxxabbli-Miżuri nazzjonali derogatorji-Obbligi tal-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għal deroga-Portata

    [Direttiva tal-Kunsill 1977/388, kif emendata bid-Direttiva 2004/7, Punt 1(a) tal-Artikolu 11A, Artikolu 27; deċiżjoni tal-Kunsill 89/534]

  1.  L-Artikoli 17 u 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/7/KE, tal-20 ta’ Jannar 2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura ta’ deroga, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/534/KEE tal-24 ta’ Mejju 1989 li tawtorizza lir-Renju Unit japplika, fir-rigward ta’ ċerti kunsinni mwettqa lil bejjiegħa mhux taxxabbli, miżura ta’ deroga għall-punt 1(a) tal-Artikolu 11A tas-Sitt Direttiva, abbażi tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, fil-punt 1(a) tal-Artikolu 11A tad-direttiva msemmija, li tgħid li l-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ kumpannija ta’ bejgħ dirett huwa l-valur normali tal-oġġetti mibjugħa fl-istadju tal-konsum finali, meta l-oġġetti msemmija jiġu kkummerċjalizzati permezz ta’ bejjiegħa mhux taxxabbli għall-VAT, anki jekk din il-miżura ta’ deroga ma tiħux inkunsiderazzjoni, b’mod jew ieħor, il-VAT imħallsa f’ras il-għajn relattiva għall-artikli ta’ dimostrazzjoni mixtrija minn dawn il-bejjiegħa mingħand il-kumpannija msemmija.

    (ara l-punt 43, dispożittiv 1)

  2.  Fir-rigward tal-validità tad-Deċiżjoni 89/534, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, sabiex att tal-Unjoni relattiv għas-sistema tal-VAT ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fih għandhom jitqiesu bħala xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu, u li jkunu tali li jaffettwaw l-inqas possibbli l-għanijiet u l-prinċipji tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Ampafrance u Sanofi, C-177/99 u C-181/99, EU:C:2000:470, punt 60, u tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C-17/01, EU:C:2004:242, punt 46).

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “evażjoni fiskali”, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva, jikkorrispondi għal fenomenu purament oġġettiv u li din id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ miżura ta’ deroga għar-regola bażi msemmija fil-punt 1(a) tal-Artikolu 11A ta’ din id-direttiva, anki meta l-attivitajiet tal-persuna suġġetta jiġu eżerċitati mingħajr ebda intenzjoni li tikseb vantaġġ fiskali, iżda għal raġunijiet ta’ natura kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1988, Direct Cosmetics u Laughtons Photographs, 138/86 u 139/86, EU:C:1988:383, punti 2124).

    Ċertament, id-Deċiżjoni 89/534 ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod jew ieħor, il-VAT imħallsa f’ras il-għajn relatata mal-artikli ta’ dimostrazzjoni mixtrija minn bejjiegħa mhux taxxabbli mingħand kumpannija ta’ bejgħ dirett.

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-VAT imħallsa f’ras il-għajn fil-bażi ta’ taxxa tal-provvisti msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/534 jikkostitwixxi deroga mhux awtorizzata mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva.

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi b’mod partikolari li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu trattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group, C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mid-Deċiżjoni 89/534, tal-VAT imħallsa f’ras il-għajn relatata mal-artikli ta’ dimostrazzjoni mixtrija mill-bejjiegħa mhux taxxabbli mingħand kumpannija ta’ bejgħ dirett, bħal Avon fil-kawża prinċipali, iwassal biex il-katina ta’ distribuzzjoni tal-prodotti ta’ din il-kumpannija jkollha oneru ta’ VAT ikbar minn dak li jolqot lill-prodotti tal-kompetituri tagħha. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali ċirkustanza hija biss il-konsegwenza tal-għażla minn tali kumpannija tas-sistema ta’ bejgħ dirett biex tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha.

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-eżami tal-ewwel domanda ma rrileva ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 89/534.

    (ara l-punti 44, 46, 48, 49, 52, 53, 56, dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2004/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix mill-Istat Membru li jitlob l-awtorizzazzjoni biex jidderoga mill-punt 1(a) tal-Artikolu 11A ta’ din id-direttiva, li jinforma lill-Kummissjoni Ewropea li bejjiegħa mhux taxxabbli jħallsu l-VAT fuq xiri ta’ artikli ta’ dimostrazzjoni mixtrija mingħand kumpannija ta’ bejgħ dirett, użati għall-finijiet tal-attività ekonomika tagħhom, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod jew ieħor, din it-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fil-metodi tal-miżura ta’ deroga.

    (ara l-punt 69, dispożittiv 3)

Top