EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0599

Jetair u BTWE Travel4you

Kawża C‑599/12

Jetair NV u BTW-eenheid BTWE Travel4you

vs

FOD Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-rechtbank van eerste aanleg te Brugge)

“VAT — Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar — Tranżazzjonijiet magħmula barra mill-Unjoni Ewropea — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Artikolu 28(3) — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 370 — Klawżoli ta’ ‘standstill’ — Emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali matul it-terminu ta’ traspożizzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Dritt għall-Istati Membri li jżommu ċerti tassazzjonijiet b’mod tranżitorju – Obbligi tal-Istati Membri matul it-terminu ta’ traspożizzjoni – Obbligu li ma jadottawx dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq mid-Direttiva – Tassazzjoni ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar relatati mal-vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni – Ammissibbiltà

    (Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikolu 15, 26(3) u 28(3) u (4), u Anness E, u 2006/112, Artikolu 370)

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar – Provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tassimilax dawn il-provvisti ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji eżenti – Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 309 u 370)

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Dritt għall-Istati Membri li jżommu ċerti taxxi b’mod tranżitorju – Portata – Tassazzjoni ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni – Ksur tad-dritt tal-Unjoni – Assenza

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 309 u 370 u Anness X, Parti A, punt 4)

  4. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittratta l-aġenziji tal-ivjaġġar b’mod differenti mill-intermedjarji – Tassazzjoni biss ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni – Ammissibbiltà

    (Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikolu 26(1), u 2006/112, Artikolu 306)

  1.  L-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ, u l-Artikolu 370 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ma jipprekludux l-introduzzjoni minn Stat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 1978, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva, ta’ dispożizzjoni li temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħha billi tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud VAT it-tranżazzjonijiet ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni Ewropea.

    Ċertament, matul it‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l‑Istati Membri destinatarji tagħha ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu l‑kisba tar‑riżultat li jrid jintlaħaq minn din id‑direttiva.

    Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3) u (4) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15 u l-Anness E tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta l-fakultà ta’ deroga mill-obbligu li jkunu eżentati l-provvisti msemmija fl-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva lill-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprevedi t-tassazzjoni ta’ dawn il-provvisti qabel l-1 ta’ Jannar 1978.

    Għaldaqstant, jekk l-Istati Membri jintaxxaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fl-1 ta’ Jannar 1978, jistgħu jkomplu jagħmlu hekk wara dik id-data. Peress li s-Sitt Direttiva speċifikament tistabbilixxi d-data tal-1 ta’ Jannar 1978 bħala l-punt tat-tluq għaż-żamma eventwali ta’ miżura fiskali, ma jistax jiġi kkunsidrat li liġi li tipprovdi għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni adottata qabel dik id-data, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kienet tali li serjament tikkomprometti r-riżultat li jrid jintlaħaq mill-imsemmija direttiva.

    (ara l-punti 31, 35, 37, 38, u d-dispożittiv 1) )

  2.  Stat Membru ma jiksirx l-Artikolu 309 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, billi ma jassimilax il-provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji eżenti meta dawn il-provvisti jirrigwardaw vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni Ewopea u jissuġġetta l-imsemmija provvisti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta jissuġġetta dawn il-provvisti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-1 ta’ Jannar 1978.

    Fil-fatt l-Artikolu 370 tal-imsemmija direttiva jippermetti li jkun hemm deroga għall-Artikolu 309 billi jingħata d-dritt lill-Istati Membri li jintaxxaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni jekk kienu jintaxxawhom fl-1 ta’ Jannar 1978.

    Għaldaqstant jekk Stat Membru jissodisfa din il-kundizzjoni, ma huwiex obbligat li japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 309 tal-imsemmija direttiva.

    (ara l-punti 41-43 u d-dispożittiv 3) )

  3.  L-Artikolu 370 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tal-imsemmija direttiva ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni meta jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jibqgħu jintaxxaw il-provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar marbuta mal-vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni Ewropea.

    Ċertament, fl-għoti ta’ tali fakultà lill-Istati Membri, dan l-artikolu jintroduċi skema differenti bejn l-Istati Membri li jagħmlu użu minnha billi abbażi ta’ dan l-artikolu jintaxxaw il-provvisti inkwistjoni u dawk li japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 309 tal-imsemmija direttiva billi jeżentaw l-istess provvisti.

    Madankollu, dan huwa dritt mogħti b’deroga, b’riżerva li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-imsemmi artikolu.

    F’dan ir-rigward, iż-żamma ta’ din l-iskema ta’ deroga tirrifletti n-natura progressiva u wkoll parzjali tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud.

    Issa, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex din l-iskema definittiva u l-Istati Membri jistgħu jżommu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom, hemm lok li jiġi ammess jistgħu jeżistu differenzi bejn dawn tal-aħħar mingħajr ma dawn id-differenzi jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 46-48, 50, 51, u d-dispożittiv 3)

  4.  Stat Membru ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali, meta jittratta l-aġenziji tal-ivvjaġġar b’mod differenti mill-intermedjarji u billi jipprevedi regola li skontha l-provvisti ta’ servizzi ta’ dawn l-aġenziji tal-ivvjaġġar biss, u mhux dawk tal-intermedjarji, jiġu ntaxxati meta dawn jirrigwardaw vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni Ewropea. Il-kunċett ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar huwa estiż hawnhekk fis-sens tal-Artikolu 26(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ, u tal-Artikolu 306 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jikkostitwixxi l-espressjoni tiegħu fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

    Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. F’dan ir-rigward, dak li jikkaratterizza l-attività ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar koperti mis-Sitt Direttiva huwa l-fatt li huma jikkostitwixxu operaturi ekonomiċi li jorganizzaw f’isimhom proprju vjaġġi jew ġiti turistiċi u li, sabiex jipprovdu l-provvisti ta’ servizzi ġeneralment assoċjati ma’ dan it-tip ta’ attività, jirrikorru għal terzi li huma taxxabbli.

    (ara l-punti 53, 55, 58 u d-dispożittiv 4)

Top