EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0253

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-253/07

Canterbury Hockey Club

u

Canterbury Ladies Hockey Club

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Provvista ta’ servizzi marbuta mal-prattika ta’ sport — Servizzi pprovduti lil persuni li jieħdu parti fl-isport — Servizzi pprovduti lil assoċjazzjonijiet mhux reġistrati u lil persuni ġuridiċi — Inklużjoni — Kundizzjonijiet”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2008   I ‐ 7824

Sommarju tas-sentenza

  1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13 A(1)(m))

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(A(1)(m))

  1.  L-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll, fil-kuntest ta’ persuni li jieħdu parti fl-isport, is-servizzi pprovduti lil persuni ġuridiċi u lil assoċjazzjonijiet mhux reġistrati sakemm — u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — dawn is-servizzi jkunu marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport u jkunu indispensabbli għat-twettiq tagħha, li jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet bla skop ta’ lukru u li l-benefiċjarji effettivi tal-imsemmija servizzi jkunu persuni li jieħdu parti fl-isport.

    Fil-fatt, l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva mhuwiex intiż li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ċerti tipi ta’ sport biss, iżda jkopri l-prattika tal-isport b’mod ġenerali, hekk li jinkludi wkoll l-isport li jrid bil-fors jiġi ppratikat minn individwi fi gruppi ta’ persuni jew ipprattikat fi ħdan strutturi organizzattivi u amministrattivi stabbiliti minn assoċjazzjonijiet mhux reġistrati jew persuni ġuridiċi, bħalma huma l-klabbs tal-isport, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti deskritti fl-Artikoli 13A(1)(m) u 2(b) jkunu ssodisfatti. Li jintalab li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti direttament lill-persuni naturali li jieħdu parti fl-isport fi ħdan struttura organizzattiva stabbilita minn klabb tal-isport jkollu l-konsegwenza li numru kbir ta’ servizzi indispensabbli għall-prattika tal-isport jkunu awtomatikament u inevitabbilment esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn is-servizzi humiex direttament marbuta mal-persuni li jieħdu parti fl-isport jew mal-klabbs tal-isport u min huwa l-benefiċjarju effettiv ta’ dawn is-servizzi. Dan ir-riżultat imur kontra l-għan imfittex mill-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni li huwa li minn din l-eżenzjoni jibbenefikaw effettivament is-servizzi pprovduti lill-individwi li jieħdu parti fl-isport.

    Barra minn hekk, il-prinċipju tan-newtralità fiskali, li b’osservanza tiegħu għandhom jiġu applikati l-eżenzjonijiet previsti mill-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, jinkiser jekk il-possibbiltà li jiġi invokat il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva tiddependi mill-istruttura organizzattiva partikolari għall-attività sportiva pprattikata.

    Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li servizzi pprovduti fil-kuntest, b’mod partikolari, ta’ sport ipprattikat fi gruppi ta’ persuni jew ipprattikat fi ħdan strutturi organizzattivi stabbiliti minn klabbs tal-isport jibbenefikaw, fil-prinċipju, mill-eżenzjoni li hemm fl-imsemmija dispożizzjoni. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi humiex eżentati, l-identità tad-destinatarju formali ta’ servizzi u l-forma ġuridika li taħtha dan jibbenefika mis-servizz huma irrilevanti.

    (ara l-punti 27, 29-31, 35 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-espressjoni “ċerti servizzi li [huma] marbuta mill-qrib ma’ sport”, użata fl-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill bejgħ, ma tawtorizzax lill-Istati Membri jillimitaw l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-destinatarji tas-servizzi inkwistjoni.

    Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet possibbli għall-benefiċċju tal-eżenzjonijiet previsti mill-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva jistgħu jiġu imposti biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13A(2) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, meta Stat Membru jagħti eżenzjoni għall-provvista ta’ ċerti servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, mogħtija minn orgnanizzazzjonijiet bla skop ta’ lukru, ma jistax jissuġġetta din l-eżenzjoni għal kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti fl-Artikolu 13A(2) tas-Sitt Direttiva. Peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix restrizzjonijiet fir-rigward tad-destinatarji tas-servizzi inkwistjoni, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa jeskludu xi grupp ta’ destinatarji ta’ dawn is-servizzi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni.

    (ara l-punti 39, 40 u d-dispożittiv 2)

Top