EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tnaqqis tal-interferenza bejn apparat elettriku u elettroniku

It-tnaqqis tal-interferenza bejn apparat elettriku u elettroniku

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/30/KE li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri tal-UE dwar il-kompatibilità elettromanjetika

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tiżgura li t-tagħmir elettriku u elettroniku jikkonforma ma’ livell adegwat ta’ kompatibbiltà elettromanjetika fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Hija tistabbilixxi regoli uniformi biex tiżgura li t-tagħmir ma jintroduċix interferenza elettromanjetika intollerabbli u li dan it-tagħmir huwa kapaċi wkoll jaħdem kif intenzjonat mingħajr id-degradazzjoni fil-preżenza ta’ interferenza elettromanjetika.
  • Hija tistabbilixxi wkoll, fir-rigward tal-kompatibilità elettromanjetika, il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku u elettroniku fi ħdan is-suq intern tal-UE.
  • Id-Direttiva 2014/30/UE tirrevedi u tirrevoka d-Direttiva 2004/108/KE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • It-tagħmir kopert minn din id-direttiva jinkludi kemm installazzjonijiet fissi kif ukoll apparat ieħor.
  • Dan ma japplikax għal:
    • tagħmir tar-radju fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/53/KE (ara s-sommarju);
    • kitts ta’ evalwazzjoni mibnija skont l-ordni għall-użu professjonali f’faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp;
    • tagħmir tar-radju użat minn dilettanti tar-radju sakemm it-tagħmir ma jsirx disponibbli fis-suq;
    • tagħmir intrinsikament beninni;
    • ċertu tipi ta’ tagħmir fl-ajru, minħabba emendi tar-Regolament (UE) 2018/1139 (ara l-Artikolu 137 ta’ dan ir-Regolament).
  • Id-direttiva ma tapplikax, jew ma tieqafx tapplika, fir-rigward ta’ rekwiżiti essenzjali fir-rigward tal-kompatibilità elettromanjetika, għal tagħmir li jaqa’ fi ħdan l-ambitu tad-direttiva, fejn tali rekwiżiti huma kompletament jew parzjalment stabbiliti iktar speċifikament minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

Apparat

Id-direttiva tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri fir-rigward tal-bejgħ ta’ tagħmir elettromanjetiku.

  • L-apparat kollu (li jaqa’ taħt id-direttiva) għall-bejgħ fl-UE jrid ikollu l-marka ta’ konformità KE biex juri li jissodisfa r-rekwiżiti kollha essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
  • Il-manifattur għandu l-ewwel iwettaq valutazzjoni tal-konformità u jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika għall-apparat. Dawn huma obbligatorji għall-apparat li jitqiegħed fis-suq, iżda mhux biex l-apparat jiġi inkorporat f’installazzjoni fissa speċifika.
  • Fejn il-konformità tal-apparat mar-rekwiżiti applikabbli intweriet, il-manufatturi mbagħad se jfasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.
  • L-Importaturi jridu jivverifikaw jekk il-manifatturi wettqux il-valutazzjonijiet ta’ konformità b’mod korrett u jinfurmaw lill-korp nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tas-suq jekk iqisu li t-tagħmir ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali. Huma jistgħu wkoll jiżguraw li l-manifattur fassal id-dokumentazzjoni teknika, li l-apparat għandu l-marka CE u li huwa akkumpanjat mid-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa.
  • Id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-apparat għandu l-marka CE u huwa akkumpanjat bid-dokumentazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa.
  • Id-dokumentazzjoni meħtieġa kollha għandha tinżamm għal 10 snin.
  • Il-manifatturi, importaturi u distributuri għandhom jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni biex juru konformità b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
  • Il-Manifatturi u l-importaturi jeħtieġ li jindikaw l-indirizz postali fuq it-tagħmir jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq il-pakkett jew f’dokument li jakkumpanja t-tagħmir.

Barra minn hekk, id-direttiva tispeċifika kif l-awtoritajiet nazzjonali jridu jidentifikaw apparat li mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tiegħu u ma jħallux li dan ikun disponibbli.

Installazzjonijiet fissi

L-Istati Membri tal-UE se jistabbilixxu r-regoli meħtieġa biex jidentifikaw il-persuna jew persuni responsabbli biex jistabbilixxu l-konformità ta’ installazzjoni fissa.

Gwida għad-direttiva tal-kompatibilità elettromanjetika

L-għan tal-gwida għad-direttiva tal-kompatibilità elettromanjetika hija li tgħin bl-applikazzjoni komuni tad-Direttiva 2014/30/UE. Il-gwida ma għandhiex piż legali imma titratta għadd ta’ kwistjonijiet prattiki li huma ta’ interess għall-manifatturi u partijiet interessati oħra.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sad-19 ta’ April 2016. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mill-20 ta’ April 2016.

SFOND

Id-direttiva taġġorna r-regoli tal-UE bl-għan li jitqiegħed fis-suq tagħmir elettromanjetiku. Dan huwa parti mill-isforz biex tiġi modernizzata l-liġi tal-UE f’varjetà wiesgħa ta’ setturi industrijali sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġu stabbiliti regoli iktar ċari u iktar konsistenti.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 79-106).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/30/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1-44).

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82-128).

l-aħħar aġġornament 26.07.2022

Top